Dokument ta' sessjoni

 

A7-0203/2012

25.6.2012

***I

RAPPORT

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-reġim tal-iskema ta’ pagament uniku u ta’ appoġġ għal min ikabbar id-dwieli

( COM(2011)0631 – C7‑0338/2011 – 2011/0285(COD) )

Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

Rapporteur: Herbert Dorfmann

 

PR_COD_1amCom

 

 

Tifsira tas-simboli użati

  *  Proċedura ta’ konsultazzjoni

  ***  Proċedura ta’ approvazzjoni

  ***I  Proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-ewwel qari)

  ***II  Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tieni qari)

  ***III  Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tielet qari)

 

(It-tip ta’ proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta’ att.)

 

 

 

 

 

Emendi għal abbozz ta’ att

Fl-emendi li jsiru mill-Parlament, it-test emendat huwa indikat b’tipa grassa u korsiva. Test korsiv normali huwa indikazzjoni għas-servizzi tekniċi li turi partijiet tal-abbozz ta’ att li għalihom qed tkun proposta korrezzjoni bl-iskop li tgħin fil-preparazzjoni tat-test finali (pereżempju, żbalji ovvji jew nuqqasijiet f’verżjoni lingwistika partikolari). Il-korrezzjonijiet proposti huma soġġetti għall-qbil tas-servizzi tekniċi involuti.

 

L-intestatura ta’ kwalunkwe emenda għal att eżistenti, li l-abbozz ta’ att ikollu l-ħsieb li jemenda, ikun fiha t-tielet u r-raba’ linji li jidentifikaw rispettivament l-att eżistenti u d-dispożizzjoni kkonċernata f’dak l-att. Il-partijiet li jittieħdu kif inhuma minn dispożizzjoni eżistenti li l-Parlament jixtieq jemenda, imma li l-abbozz ta’ att ma jkunx emenda, huma indikati b’tipa grassa. It-tħassir eventwali li jikkonċerna dawn il-partijiet jiġi indikat kif ġej: [...].

 

 

 

 

 

 

WERREJ

Paġna

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW  5

NOTA SPJEGATTIVA  10

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI DWAR IL-BAŻI LEGALI  12

PROĊEDURA  15

 

 

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-reġim tal-iskema ta’ pagament uniku u ta’ appoġġ għal min ikabbar id-dwieli

( COM(2011)0631 – C7‑0338/2011 – 2011/0285(COD) )

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ( COM(2011)0631 ),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7‑0338/2011),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-25 ta' April 2012[1],

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-4 ta' Mejju 2012[2],

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tal-14 ta' Diċembru 2011[3],

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 55 u 37 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali ( A7‑0203/2012 ),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda    1

Proposta għal regolament

Kunsiderazzjoni 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42, l-ewwel subparagrafu, u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

 

Emenda    2

Proposta għal regolament

Premessa 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(1) L-Artikolu 103o tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) jipprovdi għal possibbiltà biex l-Istati Membri jagħtu għajnuna diżakkoppjata taħt l-Iskema ta’ Pagament Uniku lil min ikabbar id-dwieli. Diversi Stati Membri użaw din il-possibbiltà, li juri l-utilità ta’ dik il-miżura.

(1) L-Artikolu 103o tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) jipprovdi għal possibbiltà biex l-Istati Membri jagħtu għajnuna diżakkoppjata taħt l-Iskema ta’ Pagament Uniku lil min ikabbar id-dwieli. Diversi Stati Membri użaw din il-possibbiltà.

 

 

Emenda    3

Proposta għal regolament

Premessa 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2) Madankollu, il-fatt li l-Istati Membri jistgħu jimmodifikaw il-programmi ta’ appoġġ darba fis-sena, inkluża l-parti tal-baġit tal-Unjoni allokata lill-Iskema ta’ Pagament Uniku, u l-fatt li l-programmi ta’ appoġġ jdumu għal ħames snin filwaqt li d-drittijiet għall-pagament taħt l-Iskema ta’ Pagament Uniku jingħataw għal perjodu indefinit ta’ żmien, iġġeneraw piżijiet amministrattivi u baġitarji, b’mod partikolari fir-rigward tal-monitoraġġ tal-fondi allokati lill-Iskema ta’ Pagament Uniku.

(2) Madankollu, il-fatt li l-Istati Membri jistgħu jimmodifikaw it-trasferimenti lill-Iskema ta’ Pagament Uniku mill-programmi ta' appoġġ darba fis-sena, u l-fatt li l-programmi ta’ appoġġ jdumu għal ħames snin filwaqt li d-drittijiet għall-pagament li jagħtu lok għal pagamenti diretti jingħataw għal perjodu indefinit ta’ żmien, u jistgħu jiġġeneraw piżijiet amministrattivi u baġitarji.

 

Emenda    4

Proposta għal regolament

Premessa 3

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(3) Sabiex tkun issimplifikata l-ġestjoni ta’ din il-miżura, huwa xieraq li din tingħata natura definittiva, fejn jitqis li din għandha tkompli tapplika permezz tal-Iskema ta’ Pagament Uniku.

(3) Sabiex tkun issimplifikata l-ġestjoni tal-Iskema ta' Pagament Uniku u jkun żgurat li din tkun konsistenti mal-objettivi tar-regoli għall-iskemi ta' appoġġ dirett għall-bdiewa, huwa xieraq li din tiġi emendata sabiex tinkludi l-possibilità li l-Istati Membri jnaqqsu b'mod definittiv il-fondi allokati lill-programmi ta' approġġ fis-settur tal-inbid u b'hekk iżidu l-limiti massimi nazzjonali għall-pagamenti diretti.

 

Emenda    5

Proposta għal regolament

Premessa 3a (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(3a) Hu xieraq li l-Istati Membri jitħallew ikomplu japplikaw l-appoġġ previst fl-Artikolu 103o tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

 

Emenda    6

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu -1 (ġdid)

Regolament (KE) Nru 1234/2007

Article 103n - paragraph -1 (new)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(-1) Fl-Artikolu 103n tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 qed jiżdied il-paragrafu li ġej:

 

"-1. Sal-1 ta' Awwissu 2013 l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jnaqqsu, b'effett mill-2015, l-ammont disponibbli għall-programmi ta' appoġġ imsemmija fl-Anness Xb sabiex iżidu l-limiti massimi nazzjonali tagħhom għall-pagamenti diretti msemmija fl-Artikolu 40 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009.

 

L-ammont li jirriżulta mit-tnaqqis imsemmi fl-ewwel inċiż m'għandux jaqbez il-limiti massimi nazzjonali applikabbli għall-pagamenti diretti msemmija fl-Artikolu 40 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 b'mod permanenti u m'għandux jibqa' disponibbli għall-miżuri stipulati fl-Artikoli 103p sa 103y."

 

 

 

Emenda    7

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1

Regolament (KE) Nru 1234/2007

Artikolu 103o – paragrafu 1 – l-ewwel subparagrafu

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu sal-1 ta’ Diċembru 2012 li mis-sena 2014 jipprovdu appoġġ lil min ikabbar id-dwieli billi jallokaw drittijiet għal pagament fi ħdan it-tifsira tal-Kapitolu 1 tat-Titolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009.

1. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu sal-1 ta’ Diċembru 2012 li għas-sena2014 jipprovdu appoġġ lil min ikabbar id-dwieli billi jallokaw drittijiet għal pagament fi ħdan it-tifsira tal-Kapitolu 1 tat-Titolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009.

 

Emenda    8

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1

Regolament (KE) Nru 1234/2007

Artikolu 103o – paragrafu 3 – parti introduttorja

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3. Ladarba jsir effettiv, l-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 għandu:

3. L-appoġġ għall-2014 imsemmi fil-paragrafu 1 għandu:

 

Emenda    9

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1

Regolament (KE) Nru 1234/2007

Artikolu 103o – paragrafu 3 – punt a

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(a) jibqa’ definittivament fl-Iskema ta’ Pagament Uniku u ma jkunx iktar disponibbli taħt l-Artikolu 103k(3) għall-miżuri elenkati fl-Artikoli 103p sa 103y;

(a) jibqa’ fl-Iskema ta’ Pagament Uniku u ma jkunx iktar disponibbli taħt l-Artikolu 103k(3) għall-miżuri elenkati fl-Artikoli 103p sa 103y;

 

Emenda    10

Proposta għal regolament

Artikolu 1

Regolament (KE) Nru 1234/2007

Artikolu 103o – paragrafu 3 – punt a – subparagrafu 1a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Jekk Stat Membru jiddeċiedi li juża l-envelop nazzjonali tiegħu fil-forma ta' pagamenti għal kull ettaru għal min ikabbar id-dwieli, tali pagamenti għandhom ikunu eżenti minn kwalunkwe sistema ta' modulazzjoni bejn l-Istati Membri;

 

 

 

 

NOTA SPJEGATTIVA

Il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li temenda l-Artikolu 103o tar-Regolament dwar l-OKS Unika (1234/2007) li jipprevedi l-possibilità għall-Istati Membri li jagħtu għajnuna diżakkoppjata lil min ikabbar id-dwieli taħt l-Iskema ta’ Pagament Uniku (SPU) bħala parti mill-programmi nazzjonali tagħhom għal min ikabbar id-dwieli.

 

X'inhu ġdid f'paragun mar-reġim eżistenti ta' appoġġ fis-settur tal-inbid?

 

Fuq il-bażi tad-dispożizzjoni li diġà teżisti fir-Regolament kurrenti dwar l-OKS, l-Istati Membri jistgħu jimmodifikaw il-programmi ta' appoġġ tagħhom f'dak li jirrigwarda l-parti allokata għall-SPU darba fis-sena (il-programmi ta' appoġġ idumu ħames snin). Dan ifisser li l-Istati Membri jistgħu jibdew jittrasferixxu l-fondi fuq bażi annwali u l-Istati Membri li jużaw din il-possibilità għal parti biss mill-allokazzjoni tagħhom, bħal Spanja u l-Greċja, jistgħu jiddeċiedu darba fis-sena li jżidu din il-parti. Ukoll, fl-aħħar tal-perjodu ta' programmar ta' ħames snin, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jieqfu jittrasferixxu l-fondi mill-allokazzjonijiet tal-inbid tagħhom għall-SPU.

 

Skont il-proposta tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu darba għal dejjem (id-deċiżjoni 'ta' darba') sal-aħħar ta' din is-sena (l-1 ta' Diċembru 2012) li jittrasferixxu l-fondi mill-allokazzjoni tal-inbid għall-SPU. Id-deċiżjoni hija definittiva. Ir-raġunijiet għal din il-bidla proposta huma li l-drittijiet għall-pagament fl-SPU jingħataw għal perjodu mhux definit u l-fondi allokati fl-SPU għandhom ikunu mgħarrfa minn qabel biex tkun żgurata l-predevibilità għall-bdiewa. Imma aktar importanti, il-proposta għandha titqies fid-dawl tal-proposta l-ġdida tal-PAK għall-pagamenti diretti (l-Artikolu 25) li, minn naħa, tipprevedi li min ikabbar id-dwieli jikseb drittijiet għall-pagament għaż-żona tagħhom tal-inbid, filwaqt li xorta jitħallew jibbenefikaw mill-miżuri tal-programmi tal-inbid bħal fil-passat; u min-naħa l-oħra, ma tippermettix li l-ammonti trasferiti mill-allokazzjonijiet tal-inbid jiġu allokati biss lil min ikabbar id-dwieli, fid-dawl tal-objettiv ta' konverġenza tal-valur tad-drittijiet kollha. Fi kliem ieħor, l-Istati Membri jistgħu jirreaġixxu għal din il-proposta billi jiddeċiedu qabel l-1 ta' Diċembru 2012 li 'jaġġustjaw' l-appoġġ għal min ikabbar id-dwieli billi jittrasferixxu ammont x mill-allokazzjoni nazzjonali tal-inbid għall-baġit tal-pagamenti diretti.

 

Matul id-diskussjonijiet dwar din il-proposta tal-Kummissjoni tqajjem tħassib dwar it-teħid ta' deċiżjoni fundamentali dwar ir-reġim futur għas-settur tal-inbid diġà f'Diċembru ta' din is-sena meta r-riżultat tar-riforma tal-PAK (is-sistema l-ġdida ta' appoġġ dirett) x'aktarx li ma jkunx magħruf.

 

Sabiex tiġi evitata deċiżjoni definittiva tat-trasferimenti tal-fond tal-inbid għall-SPU fi stadju bikri żżejjed, l-abbozz ta' rapport jipproponi soluzzjoni possibbli għal din il-problema.

 

Din il-proposta tissuġġerixxi li l-miżura eżistenti ta' ħames snin tinbidel f'miżura ta' sena applikabbli biss għall-2014, u li tkun prevista l-possibilità li jsir trasferiment 'ta' darba' (deċiżjoni finali u definittiva) mill-2015. Din il-proposta tissuġġerixxi wkoll li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu li sal-2015 jeskludu ż-żoni tal-inbid mill-żoni eliġibbli għall-pagamenti diretti.

 

 

Il-miżura ta' sena jkollha dawn il-vantaġġi:

1. li tiżgura l-kontinwità fid-deċiżjoni meħuda sal-2013 matul is-sena ta' tranżizzjoni għall-pagamenti diretti,

2. li tevita li l-Istati Membri jitħallew jippjanaw deċiżjonijiet ta' ħames snin li fir-realtà ma jkunux kompatibbli mal-proposta tal-Kummissjoni għal sistema ġdida ta' appoġġ dirett,

3. li torbot il-kalendarju għad-deċiżjoni finali ta' trasferiment mal-kalendarju tar-riforma.

Id-deċiżjoni għall-miżura ta' sena se teħtieġ tiġi notifikata mill-Istati Membri fl-1 ta' Diċembru 2012 b'konformità mad-data prevista bħalissa għan-notifika tal-miżura ta' ħames snin skont il-verżjoni kurrenti tal-Artikolu.

 

Id-deċiżjonijiet dwar trasferiment ta' darba u d-deċiżjoni li ż-żoni tal-inbid jiġu esklużi mill-pagament dirett se jkollhom jittieħdu mill-Istati Membri fl-2013 meta l-Istati Membri se jinnotifikaw ukoll id-deċiżjonijiet tagħhom f'termini ta' flessibilità bejn il-pilastri u l-implimentazzjoni tas-sistema ta' appoġġ dirett (l-1 ta' Awwissu 2013 fil-proposta).

 

Filwaqt li l-miżura ta' sena se twassal għad-distribuzzjoni tad-drittijiet lil min ikabbar id-dwieli biss, it-trasferiment ta' darba se jkun trasferiment tal-fondi mill-allokazzjonijiet tal-inbid għall-allokazzjonijiet tal-pagamenti diretti.

L-Istati Membri li jiddeċiedu jittrasferixxu għall-2014 xorta jkollhom il-possibilità li ma joperawx trasferimenti ta' darba għall-2015.

 

Barra s-suġġett tal-appoġġ għall-inbid, il-Parlament Ewropew jissottolinja l-pożizzjoni tiegħu kontra t-tneħħija tad-drittijiet għaż-żrigħ fis-settur.

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI DWAR IL-BAŻI LEGALI

Mr Paolo De Castro

President

Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

BRUSSELL

Suġġett:  Opinjoni dwar il-bażi legali għall-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-reġim tal-iskema ta' pagament uniku u l-appoġġ għal min ikabbar id-dwieli ( COM(2011)0631 – C7‑0338/2011 – 2011/0285(COD) )

Sur President,

B'ittra tas-7 ta' Marzu 2012, inti tlabt lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, skont l-Artikolu 37 tar-Regoli ta' Proċedura, biex jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-possibilità li mal-Artikolu 43(2) jiżdied ukoll l-Artikolu 42(1) tat-TFUE bħala l-bażi legali għall-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-reġim tal-iskema ta' pagament uniku u l-appoġġ għal min ikabbar id-dwieli.

Il-proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-reġim tal-iskema ta' pagament uniku u l-appoġġ għal min ikabbar id-dwieli ( COM(2011)0631 ) tressqet mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 43(2) TFUE.

 

Il-kuntest

I. Il-proposta

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti u, inter alia, jipprovdi għal possibbiltà biex l-Istati Membri jagħtu għajnuna diżakkoppjata taħt l-Iskema ta’ Pagament Uniku lil min ikabbar id-dwieli.

L-emenda proposta issa lil dak ir-Regolament tikkonċerna dan l-appoġġ għal min ikabbar id-dwieli u tipprovdi għat-trasferiment definit tal-miżura dwar l-appoġġ lil min ikabbar id-dwieli għall-Iskema ta’ Pagament Uniku (Artikolu 103o tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1234/2007). B'mod dettaljat, qed jiġi propost li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, sal-1 ta' Diċembru 2012, li jipprovdu appoġġ lil min ikabbar id-dwieli billi jagħtu għajnuna diżakkoppjata skont l-Iskema ta' Pagament Uniku għal min ikabbar id-dwieli, u l-proposta tinkludi wkoll iktar dettalji.

II. Il-bażijiet legali kkonċernati

1. Il-bażi legali għall-proposta tal-Kummissjoni

Il-proposta hija msejsa fiq l-Artikolu 43(2) TFUE, li jgħid hekk:

 

"2. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jistabbilixxu l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli prevista fl-Artikolu 40(1) kif ukoll id-dispożizzjonijiet l-oħra meħtieġa għall-kisba tal-objettivi tal-politika agrikola komuni u l-politika komuni tas-sajd.

 

2. Il-bidla proposta tal-bażi legali

Fit-talba tiegħek għal opinjoni lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali, inti tirreferi għall-possibilità li jiżdied l-Artikolu 42(1) tat-TFUE, li huwa kif ġej:

"Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu li jirriferi għar-regoli tal-kompetizzjoni għandhom japplikaw għall-produzzjoni u l-bejgħ ta' prodotti agrikoli biss safejn jista’ jiġi deċiż mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tad-dispożizzjonijiet u skond il-proċedura li hemm fl-Artikolu 43(2), u meħud kont xieraq ta' l-objettivi imsemmija fl-Artikolu 39."

III. Analiżi

Tfaċċaw ċerti prinċipji mill-każistika tal-Qorti fir-rigward tal-għażla tal-bażi legali. L-ewwel nett, fid-dawl tal-konsegwenzi tal-bażi legali f’termini ta’ kompetenza sustantiva u l-proċedura, l-għażla tal-bażi legali korretta hija ta’ importanza kostituzzjonali[4]. It-tieni, skont l-Artikolu 13(2) tat-Trattat UE, kull istituzzjoni għandha taġixxi fi ħdan il-limiti tal-poteri konferiti lilha mit-Trattat[5]. It-tielet, skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, "l-għażla tal-bażi legali ta’ att Komunitarju għandha tiġi bbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, fosthom, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-att"[6].

 

L-Artikolu 43(2) tat-TFUE jipprovdi l-bażi ġuridika ġenerali għall-politika agrikola komuni, li skontha l-Parlament u l-Kunsill għandhom jistabbilixxu l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, kif previst fl-Artikolu 40 tat-TFUE, permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42 tat-TFUE jistabbilixxi li l-punt safejn ir-regoli dwar il-kompetizzjoni għandhom japplikaw għall-produzzjoni u l-bejgħ ta' prodotti agrikoli jiġi deċiż mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-Artikolu 43(2).

Ir-Regolament attwali jipprevedi fl-Artikolu 180 tiegħu li l-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat KE (li issa huma l-Artikoli 107, 108 u 109 tat-TFUE), jiġifieri d-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna statali, japplikaw għall-produzzjoni u l-bejgħ ta' prodotti msemmija fl-ewwel Artikolu ta' dak ir-Regolament, jiġifieri l-prodotti li huwa jkopri. Dak l-istess Artikolu 180 madankollu jħalli barra ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament mill-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna statali, fosthom l-Artikolu 103o (li jappartjeni lit-"Taqsima IVb tal-Kapitolu IV tat-Titolu I tal-Parti II" kif imsemmi fil-katalgu tal-eżenzjonijiet).

L-emenda li qed tiġi proposta għall-Artikolu 103o tbiddel is-suġġett ta' dik l-eżenzjoni mir-regoli dwar l-għajnuna statali. Hi għalhekk tikkonċerna l-punt sa liema r-regoli dwar il-kompetizzjoni għandhom japplikaw għall-prodotti agrikoli u għandha tkun ibbażata wkoll fuq l-Artikolu 42(1) tat-TFUE. Peress li l-Artikolu 42(1) jirreferi għall-Artikolu 43(2) bħala l-bażi legali ġenerali f'dan il-kuntest, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom jintużaw flimkien bħala bażi legali.

Is-Servizz Legali, f'nota tal-15.3.2012, iddikjara li l-Artikoli 42 u 43(2) tat-TFUE għandhom ikunu l-bażi legali għall-proposta.

Il-kumitat eżamina l-kwistjoni msemmija hawn fuq waqt il-laqgħa tiegħu tas-27 ta' Marzu 2012. F'din il-laqgħa, huwa ddeċieda għalhekk, b'unanimità[7], li jirrakkomanda li l-bażi legali adegwata għall-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-reġim tal-iskema ta' pagament uniku u l-appoġġ għal min ikabbar id-dwieli għandha tkun l-Artikoli 43(2) u 42(1) tat-TFUE.

 

Dejjem tiegħek,

Klaus-Heiner Lehne

 

 

PROĊEDURA

Titolu

Emenda tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-reġim tal-iskema ta’ pagament uniku u ta’ appoġġ għal min ikabbar id-dwieli

Referenzi

COM(2011)0631 – C7-0338/2011 – 2011/0285(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

12.10.2011

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AGRI

25.10.2011

 

 

 

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

DEVE

25.10.2011

BUDG

25.10.2011

EMPL

25.10.2011

ENVI

25.10.2011

 

REGI

25.10.2011

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

DEVE

25.1.2012

BUDG

18.1.2012

EMPL

27.10.2011

ENVI

24.10.2011

 

REGI

25.1.2012

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Herbert Dorfmann

26.9.2011

 

 

 

Bażi legali kkontestata

       Data tal-opinjoni tal-JURI

JURI

27.3.2012

 

 

 

Eżami fil-kumitat

29.2.2012

30.5.2012

 

 

Data tal-adozzjoni

19.6.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Liam Aylward, José Bové, Luis Manuel Capoulas Santos, Vasilica Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Diane Dodds, Herbert Dorfmann, Hynek Fajmon, Iratxe García Pérez, Julie Girling, Béla Glattfelder, Sergio Gutiérrez Prieto, Martin Häusling, Esther Herranz García, Peter Jahr, Elisabeth Jeggle, Elisabeth Köstinger, George Lyon, Gabriel Mato Adrover, Mairead McGuinness, Mariya Nedelcheva, Rareş-Lucian Niculescu, Wojciech Michał Olejniczak, Georgios Papastamkos, Marit Paulsen, Britta Reimers, Ulrike Rodust, Alfreds Rubiks, Giancarlo Scottà, Czesław Adam Siekierski, Alyn Smith, Janusz Wojciechowski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Luís Paulo Alves, Salvatore Caronna, María Auxiliadora Correa Zamora, Spyros Danellis, Jill Evans, Sylvie Goulard, Christa Klaß, Giovanni La Via, Anthea McIntyre, Petri Sarvamaa, Milan Zver

Data tat-tressiq

25.6.2012

 

 

[1] Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
[2] Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
[3] ĠU C 35, 9.2.2012, p. 1.
[4] Opinjoni 2/00 Il-Protokoll ta’ Kartaġena [2001] E.C.R. I-9713, paragrafu 5; Kawża C-370/07, il-Kummissjoni vs il-Kunsill [2009] E.C.R. I-8917, paragrafi 46-49; Opinjoni 1/08, Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi [2009], ECR I-11129, paragrafu 110.
[5] Kawża C-403/07, il-Parlament vs il-Kummissjoni [2007] E.C.R. I-9045, paragrafu 49, u l-każistika ċċitata fih.
[6] Irreferi għall-Kawża l-iktar riċenti C-411/06, il-Kummissjoni vs il-Parlament u l-Kunsill [2009] ECR I-7585.
[7] Dawn li ġejjin kienu preżenti għall-votazzjoni finali: Luigi Berlinguer, Sebastian Valentin Bodu, Piotr Borys, Françoise Castex, Christian Engström, Marielle Gallo, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sajjad Karim, Klaus-Heiner Lehne, Eva Lichtenberger, Antonio Masip Hidalgo, Jiří Maštálka, Alajos Mészáros, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Dagmar Roth-Behrendt, Alexandra Thein, Francesco Enrico Speroni, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka.