Dokument ta' sessjoni
12.7.2012
***I
RAPPORT
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 428/2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppju
( COM(2011)0704 – C7‑0395/2011 – 2011/0310(COD) )
Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Christofer Fjellner
PR_COD_1amCom
Tifsira tas-simboli użati |
* Proċedura ta’ konsultazzjoni *** Proċedura ta’ approvazzjoni ***I Proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-ewwel qari) ***II Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tieni qari) ***III Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tielet qari)
(It-tip ta’ proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta’ att.)
|
Emendi għal abbozz ta’ att |
Fl-emendi li jsiru mill-Parlament, it-test emendat huwa indikat b’tipa grassa u korsiva. Test korsiv normali huwa indikazzjoni għas-servizzi tekniċi li turi partijiet tal-abbozz ta’ att li għalihom qed tkun proposta korrezzjoni bl-iskop li tgħin fil-preparazzjoni tat-test finali (pereżempju, żbalji ovvji jew nuqqasijiet f’verżjoni lingwistika partikolari). Il-korrezzjonijiet proposti huma soġġetti għall-qbil tas-servizzi tekniċi involuti.
L-intestatura ta’ kwalunkwe emenda għal att eżistenti, li l-abbozz ta’ att ikollu l-ħsieb li jemenda, ikun fiha t-tielet u r-raba’ linji li jidentifikaw rispettivament l-att eżistenti u d-dispożizzjoni kkonċernata f’dak l-att. Il-partijiet li jittieħdu kif inhuma minn dispożizzjoni eżistenti li l-Parlament jixtieq jemenda, imma li l-abbozz ta’ att ma jkunx emenda, huma indikati b’tipa grassa. It-tħassir eventwali li jikkonċerna dawn il-partijiet jiġi indikat kif ġej: [...].
|
WERREJ
Paġna
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW 5
NOTA SPJEGATTIVA 8
PROĊEDURA 11
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 428/2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppju
( COM(2011)0704 – C7‑0395/2011 – 2011/0310(COD) )
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ( COM(2011)0704 ),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7‑0395/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali ( A7-0231/2012 ),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Emenda 1
Proposta għal regolament
Premessa 9
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
(9) Il-Kummissjoni, fil-preparazzjoni u t-tfassil tal-atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. | (9) Il-Kummissjoni, fil-preparazzjoni u t-tfassil tal-atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi kull tagħrif u dokumentazzjoni dwar il-laqgħat tagħha mal-esperti nazzjonali fil-qafas tal-ħidma tagħha għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ atti delegati. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Parlament ikun debitament involut, billi tibbaża ruħha fuq l-aħjar prattika miksuba minn esperjenza preċedenti f'oqsma ta' politiki oħra sabiex toħloq l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għall-iskrutinju futur tal-atti delegati mill-Parlament Ewropew. |
Emenda 2
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – punt 2
Regolament (KE) Nru 428/2009
Artikolu 15 – paragrafu 3
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
3. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23a fir-rigward tal-aġġornament tal-lista ta' oġġetti b’użu doppju stabbilita fl-Anness I. L-aġġornament tal-Anness I għandu jsir fil-kamp tal-applikazzjoni stabbilit fil-paragrafu 1. | 3. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23a fir-rigward tal-aġġornament tal-lista ta' oġġetti b’użu doppju stabbilita fl-Anness I. L-aġġornament tal-Anness I għandu jsir fil-kamp tal-applikazzjoni stabbilit fil-paragrafu 1. Fejn l-aġġornament tal-Anness I jikkonċerna oġġetti b’użu doppju li jkunu elenkati wkoll fl-Annessi IIa jew IV, dawk l-Annessi għandhom jiġu emendati skont dan. |
Emenda 3
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – punt 3
Regolament (KE) Nru 428/2009
Atikolu 23a – paragrafu 2
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
2. Id-delegazzjoni tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 9(1) u fl-Artikolu 15(3) għandha tingħata għal perjodu ta’ żmien indeterminat mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru../... [dan ir-Regolament]. | 2. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 9(1) u fl-Artikolu 15(3) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin minn ...*. Il-Kummissoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perjodi ta' tul identiku, dment li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu. |
| __________ |
| * ĠU: Jekk jogħġbok daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. |
NOTA SPJEGATTIVA
L-UE tikkontrolla l-esportazzjoni ta’ oġġetti li huma ta’ natura ċivili, imma li jistgħu jintużaw għal finijiet militari, skont ir-Regolament (KE) Nru 428/2009[1]. L-Anness I tiegħu fih lista tal-UE ta’ oġġetti kkontrollati, li tirrifletti deċiżjonijiet meħuda bi qbil komuni fir-reġimi internazzjonali tal-kontroll tal-esportazzjoni[2]. L-oġġetti kkontrollati ma jistgħux joħorġu mit-territorju doganali tal-UE mingħajr awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni[3]. L-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali tal-UE għall-Esportazzjoni elenkati fl-Anness II ikopru l-esportazzjoni ta’ ċerti oġġetti b'riskju aktar baxx lejn ċerti destinazzjonijiet.
Il-qafas tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġiji b’użu doppju jaqdi żewġ finijiet: li jillimita r-riskju tal-proliferazzjoni u tal-użu militari, bla ma jfixkel il-kummerċ leġittimu. Għaldaqstant, huwa essenzjali li jintlaħaq bilanċ ġust bejn dawn il-finijiet.
Aġġornamenti tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 li jiggverna s-sistema Ewropea ta’ kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġeti b’użu doppju, kif ukoll aġġornamenti tal-Annessi tiegħu li fihom listi ta’ oġġetti kkontrollati u destinazzjonijiet, isiru permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Din il-proposta għandha l-għan li tissimplifika l-proċeduri fir-reġim tal-UE għall-kontroll tal-esportazzjonijiet billi tintroduċi atti delegati għall-aġġornamenti regolari tal-Anness I u għal modifiki tal-Anness II.
Is-simplifikazzjoni tal-aġġornamenti tal-Anness I
Il-progress teknoloġiku rapidu jwassal għal rieżami kostanti tal-listi internazzjonali ta’ kontroll tal-oġġetti b’użu doppju. Minkejja li d-deċiżjonijiet tas-sistemi internazzjonali ta’ kontroll tal-esportazzjoni mhumiex vinkolanti, l-impenji internazzjonali meħuda mill-Istati Membri jfissru li jkun jeħtieġ li jsiru aġġornamenti frekwenti tal-lista ta’ kontroll tal-UE tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju.
Is-simplifikazzjoni u l-aċċelerazzjoni tal-proċeduri eżistenti huma meħtieġa għal żewġ raġunijiet ewlenin. Jistgħu jinqalgħu kwistjonijiet ta’ sigurtà minħabba dewmien fl-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet għal kontrolli aktar stretti. F’każijiet ta’ dekontroll internazzjonali, implimentazzjoni tard tagħmel ħsara lill-esportaturi Ewropej, meta pajjiżi terzi jneħħu l-kontrolli tal-esportazzjoni b’aktar ħeffa mill-UE[4].
Aġġornamenti tal-Anness I isiru għal raġunijiet ta’ konformità mal-impenji internazzjonali, ħaġa li twassal biex il-kontrolli tal-oġġetti b’użu doppju maqbula fil-livell internazzjonali jiġi trasposti, kważi awtomatikament, fil-liġi tal-UE. Bir-regoli eżistenti, kwalunkwe aġġornament tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 jsir bil-proċedura leġiżlattiva ordinarja.
Irriżulta li dan huwa proċess ta’ ċertu piż u li jieħu żmien twil, mentri l-ħtieġa hija għal aġġornamenti regolari u f’waqthom. Ir-reviżjoni kurrenti tal-Anness I, li tinkludi tibdiliet maqbula għal-2009 u l-2010, il-Parlament ivvota dwarha f’Marzu 2012. Barra minn hekk, fi proċedura leġiżlattiva tqila u kumplessa u ta’ natura teknika, fil-parti l-kbira tagħha, il-Parlament m’għandu l-ebda possibbiltà reali li jaġixxi bħala istituzzjoni emendatorja.
Ladarba l-proċedura leġiżlattiva ordinarja f’dan il-qasam ma rriżultax li hija l-aktar mezz effiċjenti għall-ilħiq tal-fini, ir-rapporteur jaqbel li s-setgħa li taġġorna l-Anness I għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni. Dan jippermetti li l-lista ta’ oġġetti kkontrollati tiġi riveduta bl-anqas dewmien possibbli, jekk ikun hemm bżonn darbtejn jew aktar fis-sena.
Modifikazzjonijiet aktar rapidi tal-Anness II
Sitt tipi eżistenti tal-l-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali tal-UE għall-Esportazzjoni[5] (GEAs elenkati fl-Anness II) ikopru esportazzjonijiet “mhux sensittivi” ta’ anqas riskju ta’ oġġetti definiti bi preċiżjoni lejn destinazzjonijiet speċifiċi, b’kundizzjonjiet ta’ użu konkreti. Din is-sistema tippermetti l-esportazzjoni ta’ oġġetti kkontrollati b’anqas dewmien, bla ma jkun hemm bżonn li jinkisbu liċenzji globali jew individwali.
L-UE għandha tkun tista’ tirreaġixxi bil-ħeffa għal ċirkustanzi internazzjonali li jkunu qed jinbidlu malajr billi tneħħi ċerti pajjiżi mill-ambitu tal-GEAs eżistenti. F’każijiet ta’ dan it-tip, huwa essenzjali li jkun hemm il-kapaċità li l-Anness II isirulu modifiki f’waqthom, b’tali mod li jkun żgurat li jsiru biss tranżazzjonijiet ta’ riskju baxx. L-esportazzjonijiet faċilitati għandhom jitwaqqfu b’urġenza meta s-sitwazzjoni tmur għall-agħar.
Konklużjonijiet
L-objettiv tas-sistema ta’ kontroll tal-UE huwa li tiżgura n-nonproliferazzjoni bla ma tirrestrinġi l-kompetizzjoni u l-kompetittività. Il-proposta tal-Kummissjoni hija fi qbil mal-mira li niżguraw li l-listi ta’ kontoll tal-UE jiġu aġġornati bl-anqas dewmien possibbli, biex b’hekk intejbu l-ħeffa u l-flessibbiltà. Dan jippermetti adattament rapidu għal tibdiliet fiċ-ċirkostanzi esterni, b’tali mod li jintlaqa’ għal thediddiet emerġenti ta’ proliferazzjoni filwaqt li jkun żgurat li l-industrija Ewropea ma titħalliex fi żvantaġġ kompetittiv.
Il-proposta hija pass imprtanti lejn it-titjib tal-effikaċja, it-trasparenza u l-proporzjonalità li għandu jġib miegħu r-rieżami futur tas-sistema tal-kontroll tal-oġġetti b’użu doppju, bla ma tiddgħajjef l-effikaċja tal-kontrolli. Ir-rapporteur iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tintensifika l-isforzi tagħha ħalli tiżviluppa Sistema Elettronika u programm ta’ taħriġ rigward il-kontroll tal-esportazzjonijiet, biex b’hekk tiżgura li l-SMEs jibqgħu kompetittivi sew ġewwa kif ukoll barra s-suq uniku, Dan għandu jwassal għall-objettiv globali li nissimplifikaw is-sistema u nħaffu l-proċessi ħalli nnaqqsu l-piżijiet fuq l-esportaturi u l-awtoritajiet, intejbu s-sigurtà u nqawwu l-kompetittività. Fid-dawl tal-importanza tal-industrija tal-oġġetti b’użu doppju, huwa tassew essenzjali li niżguraw trattament ugwali tal-esportaturi.
Ir-rapporteur itenni l-appell tiegħu għal aktar konsistenza tal-politika tal-UE fi ħdan ir-reġimi internazzjonali ta’ kontroll tal-esportazzjonijiet ta’ natura intergovernattiva. Biex tinforza r-rwol tagħha ta’ koordinazzjoni u rappreżentanza u ttejjeb it-trapsarenza, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tissieħeb, jew tal-anqas tikseb status ta’ osservatur, f’reġimi ta' kontroll li fihom għadha mhijiex membru[6].
Ir-rappoteur jissottolinja li r-rwol tal-Parlament huwa li jwettaq is-superviżjoni ġenerali tal-politika tal-UE dwar il-kontoll tal-esportazzjoni, u mhux il-ġestjoni tagħha fif-dettall. Is-suċċess tas-sistema Ewropea kurrenti tal-kontroll tal-esportazzjoni jiddependi primarjament fuq l-isforzi tal-Istati Membri, li għandhom jiżguraw l-infurzar tajjeb tal-leġiżlazzjoni komuni u jibblukkaw l-esportazzjoni u t-tranżitu ta' oġġetti sensittivi. Ir-riskju ta’ esportazzjonijiet mhux awtorizzati mit-territorju tal-UE jista’ jitrażżan permezz tal-intensifikazzjoni tal-koordinament, sew fil-livell statali kif ukoll bejn l-aġenziji (kontrolli doganali mtejba, kooperazzjoni tas-servizzi tal-pulizija, l-intelliġenza u l-prosekuzzjoni) kif ukoll sanzjonijiet effikaċi għal vjolazzjonijiet tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-oġġetti b’użu doppju.
Biex niżguraw approċċ orizzontali għar-reġim ta' atti delegati stipulat fl-Artikolu 290 tat-Trattat ta' Lisbona, ir-rapporteur jissuġġerixxi emendi tat-test, b’tali mod li jinġieb fi qbil ma’ elementi sostanzjali tal-pożizzjoni tal-Parlament fl-hekk imsejħa "trade omnibuses".
PROĊEDURA
Titolu | Emenda tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppju | |||
Referenzi | COM(2011)0704 – C7-0395/2011 – 2011/0310(COD) | |||
Data meta ġiet ippreżentata lill-PE | 7.11.2011 |
|
|
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja | INTA 15.11.2011 |
|
|
|
Rapporteur(s) Data tal-ħatra | Christofer Fjellner 25.1.2012 |
|
|
|
Eżami fil-kumitat | 25.4.2012 | 20.6.2012 |
|
|
Data tal-adozzjoni | 12.7.2012 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 15 4 10 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | William (The Earl of) Dartmouth, John Attard-Montalto, Maria Badia i Cutchet, Nora Berra, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, María Auxiliadora Correa Zamora, Harlem Désir, Christofer Fjellner, Yannick Jadot, Metin Kazak, Franziska Keller, Bernd Lange, David Martin, Vital Moreira, Paul Murphy, Cristiana Muscardini, Franck Proust, Niccolò Rinaldi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Iuliu Winkler | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | George Sabin Cutaş, Béla Glattfelder, Małgorzata Handzlik, Ioannis Kasoulides, Jörg Leichtfried | |||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali | Martin Callanan | |||
Data tat-tressiq | 16.7.2012 | |||