Dokument ta' sessjoni
16.7.2012
RAPPORT
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2011/008 DK/Odense Steel Shipyard mid-Danimarka)
( COM(2012)0272 – C7‑0131/2012 – 2012/2110(BUD) )
Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Bendt Bendtsen
PR_BUD_Funds
WERREJ
Paġna
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW...................................3
ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL...........................8
NOTA SPJEGATTIVA.............................................................................................................10
ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI.............14
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT......................................................17
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda
( COM(2012)0272 – C7‑0131/2012 – 2012/2110(BUD) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ( COM(2012)0272 – C7-0131/2012),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba[1] (Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006), u b'mod partikolari l-punt 28 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2] (Ir-Regolament FEG),
– wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu stipulata fil-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits ( A7-0232/2012 ),
A. billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex jiġi pprovdut appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija u biex jiġu megħjuna jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol;
B. billi l-ambitu tal-FEG twessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 ’l quddiem biex jinkludi appoġġ għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja b'riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali;
C. billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u disponibbli b’mod kemm jista’ jkun malajr u effiċjenti, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa tal-Ftehim Interistituzzjonali (FII) tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-FEG;
D. billi d-Danimarka talbet assistenza għal 981 sensja, li minnhom 550 huma fil-mira tal-għajnuna, fl-intrapriża primarja Odense Steel Shipyard u f'erba' fornituri u produtturi fi stadji sussegwenti tal-produzzjoni fid-Danimarka fi żmien perjodu ta' referenza ta' erba' xhur;
E. billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament FEG;
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament FEG huma ssodisfati u li, għalhekk, id-Danimarka hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;
2. Jinnota li l-awtoritajiet Daniżi ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fit-28 ta' Ottubru 2011 u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli min-naħa tal-Kummissjoni fis-6 ta' Ġunju 2012; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef il-proċess ta’ valutazzjoni, b’mod partikolari fil-każ ta’ applikazzjonijiet li jimmiraw lejn is-setturi fejn diġà sar użu mill-FEĠ f'diversi okkażjonijiet;
3. Jinnota li t-telf dirett fl-Odense Steel Shipyard kopert minn żewġ applikazzjonijiet FEG (din u FEG/2010/025 DK/Odense Steel Shipyard[3]) jammonta għal madwar 2 % tal-forza tax-xogħol lokali, u flimkien ma' telf ta' impjiegi indirett, l-għeluq tat-tarzna jitqies bħala kriżi ewlenija fl-ekonomija reġjonali;
4. Jinnota li l-awtoritajiet Daniżi indikaw li, fil-fehma tagħhom, kienu se jkunu 550 biss mid-981 ħaddiem mogħti s-sensja li jagħżlu li jieħdu sehem fil-miżuri filwaqt li oħrajn kienu se jiddeċiedu li jew jirtiraw jew isibu impjieg ġdid huma stess; jitlob lill-awtoritajiet Daniżi jinqdew bl-appoġġ tal-FEG fil-potenzjal sħiħ tiegħu;
5. Jinnota li skont ir-rapport annwali tal-Komunità ta' Assoċjazzjonijiet tat-Tarzni Ewropej (CESA) għall-2010-2011[4], il-forza tax-xogħol fil-bini tal-bastimenti fl-Ewropa naqset bi 23 % tul l-aħħar tliet snin, minn 148 792 ħaddiem fl-2007 għal 114 491 fl-2010; u li l-assistenza FEG tul l-aħħar tliet snin diġà ġiet mobilizzata fi tliet każijiet fis-settur tal-bini tal-bastimenti (EGF/2010/001 DK/Nordjylland[5], EGF/2010/006 PL/H.Cegielski-Poznan[6] u EGF/2010/025 DK/Odense Steel Shipyard);
6. Jilqa’ l-fatt li l-muniċipalitajiet ta’ Odense u Kerteminde, li huma milqutin bil-goff mis-sensji fl-Odense Steel Shipyard, kienu mdaħħlin mill-qrib fl-applikazzjoni, li hija parti minn strateġija għal opportunitajiet ġodda ta’ tkabbir fir-reġjun ifformulati minn konsorzju ta’ partijiet interessati lokali, reġjonali u nazzjonali wara li tħabbar l-għeluq tat-tarzna fl-2009;
7. Jilqa’ l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jkunu pprovduti b’assistenza rapida, l-awtoritajiet Daniżi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tal-miżuri qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-appoġġ tal-FEG għall-pakkett koordinat propost;
8. Jinnota li l-awtoritajiet Daniżi qed jipproponu pakkett ikkoordinat relattivament għali ta' servizzi personalizzati (EUR 11 737 ta' appoġġ mill-FEG għal kull ħaddiem); jilqa’, b’danakollu, il-fatt li l-pakkett jikkonsisti f’miżuri li huma addizzjonali u innovattivi meta mqabblin ma' dawk offruti regolarment mill-aġenziji tal-impjiegi u li huma adattati biex jassistu ħaddiema kwalifikati ħafna f'suq diffiċli tax-xogħol;
9. Ifakkar fl-importanza tat-titjib fl-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema ssensjati imma wkoll għall-ambjent tan-negozju kif inhu bħalissa;
10. Jinnota li l-grupp ta' ħaddiema fil-mira diġà huwa kkwalifikat ħafna, iżda f'qasam fejn il-prospettivi futuri għax-xogħol huma inċerti; għalhekk, il-miżuri proposti għalihom mill-ambitu finanzjarju se jkunu jiswew aktar milli fil-każ ta' għadd kbir ta' ħaddiema ssensjati f'daqqa, sensji li spiss ikunu jolqtu persuni li relattivament għandhom ftit kwalifiki;
11. Jilqa’ l-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati joffri wkoll inċentivi u korsijiet biex wieħed jibda negozju ġdid, u dawn huma kkontemplati għal għaxar ħaddiema (inkluż self ta’ EUR 26 000 għall-bidu tan-negozju);
12. Jilqa' l-fatt li konsorzju ta' partijiet interessati lokali, reġjonali u nazzjonali ddiskuta u fformula strateġija għal opportunitajiet ġodda ta' tkabbir fir-reġjun Odense, u li din l-istrateġija qed tiggwida l-għażla ta' miżuri ta' taħriġ mill-ġdid fl-applikazzjoni;
13. Jinnota, b’danakollu, l-allowance tas-sussistenza proposta ta’ EUR 103 għal kull ħaddiem għal kull ġurnata ta' involviment attiv u li l-ammont previst għal dawk l-allowances jirrappreżenta aktar minn terz mill-kost totali tal-pakkett; ifakkar li l-appoġġ mill-FEG għandu l-ewwel nett jingħata għat-tiftix ta' impjieg u għal programmi ta' taħriġ u mbagħad bħala kontribuzzjoni diretta għal allowances finanzjarji li jkunu r-responsabilità tal-Istati Membri bis-saħħa tad-Dritt nazzjonali;
14. Jilqa' l-enfasi fuq oqsma ġodda ta' tkabbir u żvilupp potenzjali fl-ekonomija reġjonali, bħat-teknoloġija tal-enerġija, ir-robotika u t-teknoloġija tal-benessri, li huma konformi kemm mal-miri ta' Lisbona fir-rigward ta' kompetittività Ewropea f'saħħitha, kif ukoll mal-miri tal-Ewropa 2020 dwar tkabbir intelliġenti, inklussiv u sostenibbli;
15. Jilqa’ l-fatt li s-support mill-FEG f’dan il-każ huwa kkoordinat minn Segretarjat FEG li twaqqaf dan l-aħħar fi ħdan il-Muniċipalità ta’ Odense u li tnediet websajt iddedikata u li huwa ppjanat li jsiru żewġ konferenzi għall-promozzjoni tal-eżitu taż-żewġ applikazzjonijiet FEG;
16. Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex itejbu l-arranġamenti proċedurali u baġitarji sabiex jaċċeleraw il-mobilizzazzjoni tal-FEG; japprezza l-proċedura mtejba li ddaħħlet fis-seħħ mill-Kummissjoni, wara t-talba tal-Parlament biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet, bl-għan li tiġi ppreżentata lill-awtorità baġitarja l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibilità ta' applikazzjoni għall-FEG flimkien mal-proposta biex jiġi mmobilizzat il-Fond; jittama li jiġi integrat aktar titjib proċedurali fir-Regolament dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) il-ġdid u li jinkisbu effiċjenza, trasparenza u viżibbiltà akbar tal-FEG;
17. Ifakkar fl-impenn li għandhom l-istituzzjonijiet li jiżguraw proċedura rapida u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG, biex jiġi pprovdut appoġġ individwali ta’ darba u limitat fiż-żmien, immirat biex jgħin lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jenfasizza r-rwol li jista' jkollu l-FEG fir-reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja;
18. Jiddeplora l-fatt li, minkejja bosta mobilizzazzjonijiet Daniżi li kellhom suċċess tal-FEG skont il-kriterji marbutin mal-kummerċ u mal-kriżi, id-Danimarka hija wieħed mill-pajjiżi li qed jimminaw il-futur tal-FEG wara l-2013, bl-imblokkar tat-twessigħ tad-deroga tal-kriżi u t-tnaqqis fl-allokazzjoni finanzjarja għall-Kummissjoni għal assistenza teknika għall-FEG għall-2012;
19. Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEG, għandu jkun żgurat li l-FEG jappoġġa r-reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema individwali li jkunu ngħataw is-sensja; barra dan jenfasizza li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss miżuri għas-suq tax-xogħol attivi li jwasslu għal impjiegi fit-tul; itenni li l-għajnuna mill-FEG m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabilità tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas ma għandha tissostitwixxi miżuri għar-ristrutturar ta’ kumpaniji jew setturi; jiddeplora l-fatt li l-FEG jista’ jipprovdi inċentiv għall-kumpaniji sabiex jissostitwixxu l-forza tax-xogħol kuntrattwali tagħhom b’ħaddiema oħra aktar flessibbli u għal terminu ta' żmien qasir;
20. Jinnota li l-informazzjoni pprovduta dwar il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta’ dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex ikun żgurat ir-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx jista' jkun hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;
21. Jilqa' l-fatt li wara talbiet mill-Parlament, il-baġit tal-2012 juri approprjazzjonijiet ta' pagament ta' EUR 50 000 000 fil-linja baġitarja 04 05 01 tal-FEG; ifakkar li l-FEG inħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u bl-iskadenzi tiegħu stess u li għalhekk jistħoqqlu allokazzjoni speċifika għalih, li se tevita li jkun hemm trasferimenti minn linji baġitarji oħra, kif ġara fil-passat, fatt li jista' jkun ta' ħsara għall-ilħuq tal-objettivi tal-politika tal-FEG;
22. Jiddispjaċih bid-deċiżjoni tal-Kunsill li jibblokka l-estensjoni tad-"deroga marbuta mal-kriżi" li tippermetti l-għoti ta' assistenza finanzjarja lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali u mhux biss lil dawk li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba bidliet fix-xejriet kummerċjali fid-dinja, u li tippermetti żieda fir-rata tal-kofinanzjament tal-Unjoni għal 65 % tal-ispejjeż tal-programm, għall-applikazzjonijiet ippreżentati wara l-iskadenza tal-31 ta' Diċembru 2011, u jitlob lill-Kunsill jerġa jintroduċi mill-ġdid din il-miżura mingħajr dewmien;
23. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-XXXX
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2011/008 DK/Odense Steel Shipyard mid-Danimarka)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba[7], u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[8], u b'mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija b'riżultat tal-globalizzazzjoni u biex dawn jiġu megħjuna fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.
(2) L-ambitu tal-FEG twessa’ għal applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 sat-30 ta' Diċembru 2011 biex jinkludi appoġġ lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja b’riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.
(3) Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEG sal-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun.
(4) Id-Danimarka ressqet applikazzjoni fit-28 ta' Ottubru 2011 għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward tas-sensji fl-impriża Odense Steel Shipyard u ssupplimentatha b'informazzjoni addizzjonali sat-8 ta' Marzu 2012. Din l-applikazzjoni hi konformi mar-rekwiżiti biex jiġu determinati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stipulat fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk, tipproponi li jiġi mmobilizzat l-ammont ta' EUR 6 455 104.
(5) Il-FEG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mid-Danimarka.
JIDDEĊIEDU:
Artikolu 1
Fil-qafas tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-sena finanzjarja 2012, għandha tiġi mobilizzata s-somma ta' EUR 6 455 104 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament taħt l-intestatura tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi,
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President
NOTA SPJEGATTIVA
I. L-isfond
Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija.
Skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba[9] u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006[10], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont massimu ta' EUR 500 miljun, meħud minn kwalunkwe marġni taħt il-limitu massimu tal-infiq globali mis-sena preċedenti, u/jew mill-approprjazzjonijiet ta' impenn li jkunu ġew ikkanċellati mis-sentejn preċedenti, esklużi dawk relatati mal-Intestatura 1b. L-ammonti xierqa jiddaħħlu fil-baġit bħala ammonti riżervati hekk kif ikunu ġew identifikati l-marġnijiet suffiċjenti u/jew l-impenji kkanċellati.
Fir-rigward tal-proċedura sabiex tattiva l-Fond, fil-każ ta’ valutazzjoni pożittiva ta’ applikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess ħin, talba korrispondenti għat-trasferiment. B’mod parallel, jista' jiġi organizzat trilogu bil-għan li jinstab qbil dwar l-użu tal-Fond u l-ammonti meħtieġa. It-trilogu jista' jsir f'forma ssimplifikata.
II. Is-sitwazzjoni attwali: Il-proposta tal-Kummissjoni
Fl-4 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni adottat proposta ġdida għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur id-Danimarka sabiex il-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali jiġu megħjuna fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.
Din hija r-raba' applikazzjoni li se tiġi eżaminata fil-baġit 2012 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont globali ta' EUR 6 455 104 mill-FEG għad-Danimarka. Din titratta 981 sensja, li minnhom 550 huma fil-mira tal-għajnuna, fl-intrapriża primarja Odense Steel Shipyard u f'erba' fornituri u produtturi fi stadji sussegwenti tal-produzzjoni fid-Danimarka fi żmien il-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur mill-1 ta' Mejju 2011 sal-31 ta' Awwissu 2011.
L-applikazzjoni tressqet quddiem il-Kummissjoni fit-28 ta’ Ottubru 2011 u ġiet issupplimentata b’informazzjoni addizzjonali sat-8 ta’ Marzu 2012. L-applikazzjoni ssemmi 509 sensji fl-Odense Steel Shipyard waqt il-perjodu ta' referenza mill-1 ta' Mejju 2011 sal-31 ta' Awwissu 2011, kif ukoll tmienja oħra mill-G4S, 67 mill-YIT u waħda mill-BM Steel Construction, li jammontaw għal 585 sensja mill-Odense Steel Shipyard u l-fornituri tagħha. Barra minn hekk, 396 ħaddiem minn dawn l-erba' kumpaniji kif ukoll mill-Persolit ingħataw is-sensja qabel u wara l-perjodu ta' referenza. Dawn is-sensji kollha ġew ikkalkolati skont l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.
Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-użu tal-FEG kif stipulati fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u li tressqet qabel l-iskadenza ta' 10 ġimgħat imsemmija fl-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament.
Wieħed mill-kriterji għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni kien l-evalwazzjoni tar-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali kbar li seħħew fix-xejriet kummerċjali dinjija jew il-kriżi finanzjarja.
Id-Danimarka tisħaq li t-tarzni fl-Ewropa tul dawn l-aħħar deċennji tilfu kwoti importanti tas-swieq lejn l-Asja. Il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali mbagħad kompliet taffettwa s-suq globali tal-bini tal-bastimenti b'tali mod li skont il-Komunità ta' Assoċjazzjonijiet tat-Tarzni Ewropej (CESA), l-ordnijiet Ewropej naqsu minn 13 692 miljun CGT[11] għal 9 470 miljun CGT bejn l-2008 u l-2009, u għal 6 394 miljun CGT fl-2010.
Ir-rapport tas-CESA juri li l-forza tax-xogħol tal-bini tal-bastimenti fl-Ewropa naqset bi 23 % tul dawn l-aħħar tliet snin, minn 148 792 fl-2007 għal 114 491 fl-2010. Il-forza tax-xogħol fuq bini ġdid saħansitra naqset b'mod aktar drastiku, bi 33 %, minn 93 832 fl-2007 għal 62 854 fl-2010.
Id-deċiżjoni għall-għeluq tal-Odense Steel Shipyard ittieħdet fl-10 ta' Awwissu 2009, u ntlaħaq ftehim dwar programm mal-impjegati kollha dwar il-bastimenti li kellhom jitlestew fit-tarzna u b'hekk dwar iż-żmien tas-sensji neċessarji. L-ewwel applikazzjoni għall-finanzjament FEG b'appoġġ għall-1 356 ħaddiem ssensjat fl-ewwel mewġa ta' sensji saret mill-awtoritajiet Daniżi fis-6 ta' Ottubru 2010, u wara l-approvazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni[12] mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew, il-fondi tħallsu fit-2 ta' Awwissu 2011. Fi żmien l-ewwel applikazzjoni kien mifhum li din kienet se tiġi segwita b'oħra sabiex tkopri t-tieni u l-aħħar mewġa ta' sensji, fosthom ta' dawk il-ħaddiema ssensjati minn xi fornituri tat-tarzna.
Skont l-awtoritajiet Daniżi, is-sitwazzjoni ġenerali tal-impjiegi marret għall-agħar ħafna fid-Danimarka tul l-2009 u l-2010. Il-qgħad żdied minn punt baxx rekord ta' 3,4 % għas-sena 2008 għal rekord ġdid ta' 7,6 % fl-2010 (sors: Eurostat[13]).
L-istruttura industrijali tal-ekonomija lokali hija kkaratterizzata minn rata għolja ta' impjiegi fis-settur tal-manifattura, partikolarment il-metallurġija. Bosta impjiegi f'dan is-settur intilfu diġà u ġew trasferiti f'pajjiżi oħra b'pagi aktar baxxi. Il-ħaddiema tat-tarzna ssensjati għandhom għarfien espert tekniku għoli li huwa diffiċli li jiġi applikat f'industriji oħrajn ġewwa Funen jew saħansitra fid-Danimarka kollha. Ħafna minnhom ħadmu fit-tarzna ħajjithom kollha u l-ġenituri tagħhom setgħu ħadmu hemm ukoll.
Barra minn hekk, it-tarzna qiegħda tagħlaq ftit ftit fi stadji, bi gruppi ta' ħaddiema jitkeċċew hekk kif jitlestew l-aħħar ordnijiet tal-vapuri. Il-ħaddiema konċernati tal-mewġa ta' sensji preċedenti, li ngħataw is-sensja qabel il-grupp kopert b'din l-applikazzjoni, attwalment qed jaspiraw li jingħataw l-impjiegi l-ġodda potenzjalment adegwati li qed jinħolqu. Mingħajr taħriġ mill-ġdid sinifikanti, se jkun aktar diffiċli għal din it-tieni mewġa ta' ħaddiema ssensjati li jsibu impjieg ġdid.
Il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li jrid jiġi ffinanzjat, inkluż il-kompatibilità tiegħu mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, jinkludi miżuri għar-reintegrazzjoni tal-550 ħaddiem fil-mira fis-suq tax-xogħol, bħal kors bażiku u kjarifika tal-objettivi, taħriġ vokazzjonali fit-teknoloġija tal-enerġija, il-kostruzzjoni u l-pajsaġġ, ir-robotika, it-teknoloġija tal-benessri, l-edukazzjoni ġenerali, it-tagħlim fl-intrapriżi, l-istimolu tal-intraprenditorija, l-analiżi tal-ideat, korsijiet fl-intraprenditorija, l-iżvilupp tal-prodotti, ir-reklamar u l-branding, l-analiżi tas-suq u l-istudju dwar il-fattibilità, każijiet għall-ftuħ ta' negozju, mentoring, self għall-ftuħ ta' negozju u kumpens għas-sussistenza (per diem).
Skont l-awtoritajiet Daniżi, il-miżuri kollha msemmija flimkien jiffurmaw pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati mmirati biex jintegraw mill-ġdid lill-ħaddiema fis-suq tax-xogħol. Dawn is-servizzi personalizzati bdew fil-31 ta' Ottubru 2011.
Fir-rigward tal-kriterji inklużi fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Daniżi fl-applikazzjoni tagħhom:
· ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma tissostitwixxix miżuri li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi;
· urew li l-azzjonijiet jipprovdu appoġġ għal ħaddiema individwali u ma għandhomx jintużaw għar-ristrutturar ta’ kumpaniji jew setturi;
· ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli msemmija hawn fuq ma jirċievux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-UE.
Fir-rigward tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll, id-Danimarka nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tiġi ġestita u kkontrollata mill-istess korpi bħal dawk tal-Fond Soċjali Ewropew, li bħala Awtorità ta' Ġestjoni għandu wkoll l-Awtorità Daniża tal-Intrapriżi u l-Bini. L-Awtorità li Tiċċertifika se tkun tinsab f'dipartiment differenti tal-istess korp. L-Awtorità ta' Awditjar se tkun il-funzjoni ta' Kontroll tal-UE fl-Awtorità Daniża tal-Intrapriżi u l-Bini.
Skont il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti fir-Regolament dwar il-FEG u tirrakkomanda lill-Awtorità tal-Baġit tapprova l-applikazzjonijiet.
Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Awtorità Baġitarja talba ta’ trasferiment għal ammont globali ta' EUR 6 455 104 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) f’impenji għal-linja baġitarja (04 05 01) tal-FEG.
Il-FII jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond sal-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.
Din hija r-raba' proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond lill-Awtorità Baġitarja fl-2012. Għaldaqstant, wara li jitnaqqas mill-approprjazzjonijiet disponibbli l-ammont attwali mitlub (EUR 6 455 104), jibqa' disponibbli ammont ta' EUR 489 541 301 sa tmiem l-2012. Dan se jippermetti li aktar minn 25 % tal-ammont annwali massimu allokat għall-FEG jibqa' disponibbli għal allokazzjonijiet matul l-aħħar erba' xhur tas-sena 2012, kif meħtieġ fl-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-FEG.
III. Il-Proċedura
Il-Kummissjoni ppreżentat talba ta' trasferiment sabiex iddaħħal approprjazzjonijiet ta' impenn speċifiċi fil-baġit 2011, kif mitlub fil-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.
It-trilogu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG jista' jieħu forma ssimplifikata, kif previst fl-Artikolu 12(5) tal-bażi legali, sakemm ma jkunx hemm nuqqas ta' qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill.
Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) huwa assoċjat mal-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ u kontribut kostruttivi għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond. Apparti li jabbozza l-ittra ta' opinjoni tradizzjonali, l-EMPL għażel li jippreżenta emendi għar-rapport li juri l-pożizzjoni u l-kontribut tagħhom.
Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, ikkonfermat l-importanza li tiġi żgurata proċedura rapida, bir-rispett dovut għall-Ftehim Interistituzzjonali għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond.
ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
EK/jm
D(2012)32985
Is-Sur Alain Lamassoure
President tal-Kumitat għall-Baġits
ASP 13E158
Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) fil-każ EGF/2011/008 DK/Odense Steel Shipyard 2 ( COM(2012)0272 )
Għażiż Sur Lamassoure,
Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta’ Ħidma tiegħu dwar il-FEG eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG fil-każ EGF/2011/008 DK/Odense Steel Shipyard 2 u adottaw l-opinjoni li ġejja.
Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL jippreżenta xi rimarki mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubju dwar it-trasferiment tal-pagamenti.
Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:
A) Billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 2(a) tar-Regolament FEG u tiffoka fuq 550 mid-981 sensja li seħħew qabel, waqt u wara l-perjodu ta’ referenza bejn l-1 ta' Mejju u l-31 ta’ Awwissu 2011 b'rabta mat-tieni mewġa ta' sensji kkawżata mill-għeluq tal-Odense Steel Shipyard u f'erbgħa mill-fornituri tagħha;
B) Billi d-Danimarka tagħmel konnessjoni bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika li rriżultat f'ordnijiet ikkanċellati u tnaqqis konsiderevoli f'ordnijiet ġodda li jikkonċernaw is-setturi tal-bastimenti tal-merkanzija, bħat-tankers, il-bastimenti tal-kontejners u l-bastimenti li jġorru merkanzija mhux ippakkjata (bulk carriers);
C) Billi l-Komunità tal-Assoċjazzjoni tat-Tarzni Ewropej (CESA) tgħid ukoll li minħabba dawn l-iżviluppi, madwar 23 % tal-impjiegi fit-tarzni Ewropej ġew affettwati fl-aħħar tliet snin u li s-sentejn li jmiss se jibqgħu diffiċli ħafna għall-industrija peress li huma biss ftit l-ordnijiet il-ġodda li huma mistennija fl-2012;
D) Billi din l-applikazzjoni hija r-raba' każ tal-FEG[14] fis-settur tat-tarzni u hija t-tieni applikazzjoni li tiffoka fuq il-ħaddiema ssensjati mill-Odense Steel Shipyard;
E) Billi fi żmien l-ewwel applikazzjoni kien mifhum li din kienet se tiġi segwita b'oħra sabiex tkopri l-mewġa ta' sensji li ġiet wara u li kienet l-aħħar waħda;
F) Billi l-awtoritajiet Daniżi jgħidu li l-għeluq tal-Odense Steel Shipyards ma kienx previst peress li saru investimenti kbar sal-2009 u peress li kienet waħda mill-akbar u mill-aktar tarzni moderni fl-Ewropa li kienet magħrufa għad-disinn u l-kostruzzjoni ta' bastimenti innovattivi li japplikaw l-aħjar teknoloġiji fid-disinn u fit-tagħmir;
G) Billi 96.5 % tal-ħaddiema kkonċernati mill-miżuri huma rġiel; billi 17.1 % tal-ħaddiema għandhom iktar minn 55 sena u 4.5 % inqas minn 24 sena;
H) Billi 71.7 % tal-ħaddiema ssensjati huma teknixins u professjonisti assoċjati u 12.7 % jaqgħu fil-kategorija ta' okkupazzjonijiet elementari;
Għaldaqstant, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jintegra s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Daniża:
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament FEG (1927/2006) huma ssodisfati u li għalhekk id-Danimarka hija intitolata għal kontribut finanzjarju skont dan ir-regolament;
2. Jinnota li l-awtoritajiet Daniżi ppreżentaw l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fit-28 ta' Ottubru 2011 u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni Ewropea fis-6 ta' Ġunju 2012; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef il-proċess ta’ valutazzjoni, b’mod partikolari fil-każ ta’ applikazzjonijiet li jiffukaw fuq is-setturi fejn ġa sar użu mill-FEG f'diversi okkażjonijiet;
3. Jinnota li l-awtoritajiet Daniżi jindikaw li, fil-fehma tagħhom, kienu se jkunu 550 biss mid-981 ħaddiem mogħti s-sensja li jagħżlu li jieħdu sehem fil-miżuri filwaqt li oħrajn kienu se jiddeċiedu li jew jirtiraw jew isibu impjieg ġdid huma stess; jitlob lill-awtoritajiet Daniżi jinqdew bl-appoġġ tal-FEG fil-potenzjal sħiħ tiegħu;
4. Jilqa’ l-fatt li l-muniċipalitajiet ta’ Odense u Kerteminde, li huma milqutin bil-goff mis-sensji fl-Odense Steel Shipyard, kienu mdaħħlin mill-qrib fl-applikazzjoni, li hija parti minn strateġija għal opportunitajiet ġodda ta’ tkabbir fir-reġjun ifformulati minn konsorzju ta’ partijiet interessati lokali, reġjonali u nazzjonali wara li tħabbar l-għeluq tat-tarzna fl-2009;
5. Jinnota li l-awtoritajiet Daniżi qed jipproponu pakkett ikkoordinat relattivament għali ta' servizzi personalizzati (EUR 11 737 ta' appoġġ mill-FEG għal kull ħaddiem); jilqa’, b’danakollu, il-fatt li l-pakkett jikkonsisti f’miżuri li huma addizzjonali u innovattivi meta mqabblin ma' dawk offruti regolarment mill-aġenziji tal-impjiegi u li huma adattati biex jassistu ħaddiema kwalifikati ħafna f'suq diffiċli tax-xogħol;
6. Jilqa’ l-fatt li l-korsijiet għal taħriġ vokazzjonali jiffukaw fuq oqsma ġodda ta’ tkabbir qawwi jew fejn impenji pubbliċi qawwija għandhom jiġu implementati fis-snin li ġejjin, jiġifieri t-Teknoloġija Enerġetika, il-Kostruzzjoni u l-Pajsaġġar, ir-Robotika u t-Teknoloġija tal-Benessri;
7. Jilqa’ l-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati joffri wkoll inċentivi u korsijiet biex wieħed jibda negozju ġdid, u dawn huma kkontemplati għal għaxar ħaddiema (inkluż self ta’ EUR 26 000 għall-bidu ta' negozju), l-aktar fir-reġjun fejn l-imprenditorija hija dgħajfa;
8. Jinnota, b’danakollu, l-allowance tas-sussistenza proposta ta’ EUR 103 għal kull ħaddiem għal kull ġurnata ta' involviment attiv u li l-ammont previst għal dawk l-allowances jirrappreżenta aktar minn terz mill-kost globali tal-pakkett; ifakkar li l-appoġġ mill-FEG għandu l-ewwel nett jingħata għat-tiftix ta' impjieg u għal programmi ta' taħriġ u mbagħad bħala kontribuzzjoni diretta għal allowances finanzjarji li jkunu r-responsabilità tal-Istati Membri bis-saħħa tad-Dritt nazzjonali;
9. Jilqa’ l-fatt li s-support mill-FEG f’dan il-każ huwa kkoordinat minn Segretarjat FEG li twaqqaf dan l-aħħar fi ħdan il-Muniċipalità ta’ Odense u li tnediet websajt iddedikata u li huwa ppjanat li jsiru żewġ konferenzi għall-promozzjoni tal-eżitu taż-żewġ applikazzjonijiet FEG;
10. Jisħaq li l-awtoritajiet Daniżi jirrikonoxxu l-vantaġġi tal-FEG u l-kapaċità unika tiegħu li jgħin il-ħaddiema ssensjati b'mod immedjat b'miżuri mfasslin apposta; jinnota li fil-fehma tal-awtoritajiet Daniżi dawk il-miżuri ma setgħu ġew użati la fil-qafas tal-Fond Soċjali Ewropew u lanqas fil-qafas tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali;
11. Jiddeplora l-fatt li, minkejja bosta mobilizzazzjonijiet Daniżi li kellhom suċċess tal-FEG skont il-kriterji marbutin mal-kummerċ u mal-kriżi, id-Danimarka hija wieħed mill-pajjiżi li qed jimminaw il-futur tal-Fond wara l-2013, bl-imblokkar tat-twessigħ tad-deroga tal-kriżi u t-tnaqqis fl-allokazzjoni finanzjarja għall-Kummissjoni Ewropea għal assistenza teknika għall-FEG għall-2012.
Dejjem tiegħek,
Pervenche Berès
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni | 12.7.2012 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 28 4 0 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Marta Andreasen, Richard Ashworth, Jean Louis Cottigny, Jean-Luc Dehaene, Isabelle Durant, James Elles, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Lucas Hartong, Jutta Haug, Anne E. Jensen, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Giovanni La Via, Barbara Matera, Claudio Morganti, Juan Andrés Naranjo Escobar, Nadezhda Neynsky, Dominique Riquet, Alda Sousa, Helga Trüpel | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Alexander Alvaro, Bendt Bendtsen, Frédéric Daerden, Leonardo Domenici, Gerben-Jan Gerbrandy, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Jutta Steinruck, Theodor Dumitru Stolojan, Nils Torvalds | |||