Dokument ta' sessjoni

 

A7-0248/2012

19.7.2012

RAPPORT

dwar it-titjib tas-solidarjetà fl-UE fil-qasam tal-ażil

( 2012/2032(INI) )

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Rapporteur: Kyriacos Triantaphyllides

 

PR_INI

WERREJ

Paġna

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW...................................3

NOTA SPJEGATTIVA.............................................................................................................15

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT......................................................18

 

 

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-titjib tas-solidarjetà fl-UE fil-qasam tal-ażil

( 2012/2032(INI) )

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 67(2), 78 u 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tat-2 ta’ Diċembru 2011 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-titjib tas-solidarjetà fl-UE fil-qasam tal-ażil - Aġenda tal-UE għal kondiviżjoni tar-responsabbiltà aħjar u aktar fiduċja reċiproka ( COM(2011)0835 ),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar iż-Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini – il-Programm ta’ Stokkolma[1],

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tas-6 ta’ April 2005 mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew li tistabbilixxi programm ta’ qafas dwar is-solidarjetà u l-ġestjoni tal-flussi migratorji għall-perjodu 2007-2013 ( COM(2005)0123 ),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill "Ġustizzja u Intern" tat-8 ta’ Marzu 2012 dwar Qafas Komuni għal solidarjetà ġenwina u prattika lejn l-Istati Membri li qegħdin jaffaċċjaw pressjonijiet partikolari fuq is-sistemi tal-ażil tagħhom, inkluż minħabba flussi migratorji mħallta, waqt il-laqgħa numru 3151 tal-Kunsill "Ġustizzja u Intern",

–   wara li kkunsidra l-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u Ewropej inkluż b’mod partikolari l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Istatus tar-Rifuġjati, il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (il-KEDB), u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta),

–   wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ġunju 2007 dwar is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil futura ( COM(2007)0301 ),

–   wara li kkunsidra l-Programm ta’ Politika dwar l-Ażil tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Ġunju 2008: Approċċ integrat għall-protezzjoni fl-UE ( COM(2008)0360 ),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn[2],

–   wara li kkunsidra l-programm ta’ 18-il xahar tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2011, imħejji mill-Presidenzi tal-Polonja, tad-Danimarka u ta’ Ċipru,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-15 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi l-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil ( COM(2011)0751 ),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern ( A7-0248/2012 ),

A. billi l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha li tlesti t-twaqqif ta’ Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (SEKA) fl-2012;

B.  billi s-solidarjetà ġiet rikonoxxuta mill-bidu bħala komponent essenzjali u prinċipju ta’ gwida għas-SEKA, kif ukoll tikkostitwixxi prinċipju ewlieni fid-dritt tal-UE skont liema l-Istati Membri għandhom jaqsmu kemm il-vantaġġi kif ukoll il-piżijiet b’mod ugwali u ġust;

C. billi s-solidarjetà trid timxi id f'id mar-responsabbiltà, u l-Istati Membri jridu jiżguraw li s-sistemi tal-ażil tagħhom ikunu kapaċi jissodisfaw l-istandards stabbiliti fid-dritt internazzjonali u Ewropew, b'mod partikolari dawk tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar ir-Rifuġjati tal-1951 u l-protokoll addizzjonali tagħha tal-1967, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

D. billi l-għoti ta' appoġġ fit-twettiq tal-proċeduri tal-ażil fis-sens ta' solidarjetà effiċjenti u responsabbiltà kondiviża b'mod ġust għandhom jitqiesu bħala mezz biex l-Istati Membri jiġu megħjuna jikkonformaw mal-obbligu tagħhom li jipprovdu protezzjoni lil dawk li jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u assistenza lil pajjiżi terzi li jospitaw l-akbar numri ta' rifuġjati, bl-għan li tissaħħaħ iż-żona komuni ta' protezzjoni kollha kemm hi;

E. billi, minkejja l-obbligu li jiġu eżaminati t-talbiet individwali għal ażil fuq bażi ta' każ b'każ, jekk l-ipproċessar konġunt iwassal għal deċiżjonijiet komuni huwa neċessarju li jingħata r-rispett dovut lill-kunċetti komuni tal-UE tal-pajjiżi ta' oriġini bla periklu u pajjiżi terzi sikuri, filwaqt li jiġu rispettati l-kundizzjonijiet u s-salvagwardji inklużi fil-pożizzjoni fl-ewwel qari tal-Parlament tas-6 ta' April 2011 dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva riveduta dwar il-Proċeduri tal-Ażil;

Daħla

1.  Jilqa’ l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tas-solidarjetà fl-UE fil-qasam tal-ażil, li titlob li s-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà jiġu tradotti f’miżuri konkreti, u li l-Istati Membri jissodisfaw ir-responsabbiltà tagħhom biex jiżguraw li s-sistemi ta’ ażil tagħhom jilħqu kemm l-istandards nazzjonali kif ukoll dawk Ewropej;

2.  Jenfasizza r-rwol ċentrali u l-effett orizzontali tas-solidarjetà u tal-kondiviżjoni tar-responsabbiltà fl-istabbiliment tas-SEKA; itenni l-ħtieġa biex tkun żgurata l-applikazzjoni effiċjenti u uniformi tal-aquis tal-ażil tal-Unjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni sabiex ikunu żgurati livelli għolja ta’ protezzjoni;

3.  Ifakkar li d-dritt għal protezzjoni internazzjonali huwa dritt fundamentali li jinsab fid-dritt internazzjonali u tal-Unjoni li jiġi kkumplimentat b’serje ta’ drittijiet u prinċipji addizzjonali, bħall-prinċipju tan-non-refoulement, id-dritt għad-dinjità, il-projbizzjoni tat-tortura, it-trattament diżuman u degradanti, il-protezzjoni għan-nisa mill-vjolenza u mill-forom kollha tad-diskriminazzjoni, id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal ħajja privata u familjari;

4.  Jenfasizza li l-prinċipju tas-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà huwa stabbilit fit-Trattati, u li mill-inqas, qafas effettiv ta’ solidarjetà jinkludi d-dmir tal-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE u l-Istati Membri li jikkooperaw sabiex isibu modi biex jagħtu effett lil dan il-prinċipju; jiddikjara li s-solidarjetà mhijiex limitata għar-relazzjonijiet tal-Istati Membri ma’ xulxin, iżda hija mmirata wkoll lejn dawk li jfittxu l-ażil u l-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali;

5.  Jenfasizza l-fatt li filwaqt li n-numru ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil żdied matul l-2011, l-aħħar deċennju ra tnaqqis ġenerali sinifikanti fin-numru ta’ applikazzjonijiet għall-ażil fl-UE ; jenfasizza li ċerti Stati Membri, meta mqabbla ma' oħrajn, jaffaċċjaw numru sproporzjonat ta' talbiet għal ażil minħabba diversi fatturi inklużi l-karatteristiċi ġeografiċi tagħhom, u li l-applikazzjonijiet għal ażil huma mqassma b'mod mhux uniformi fl-UE; ifakkar li fl-2011, għaxar Stati Membri kienu responsabbli għal iktar minn 90 % tal-applikazzjonijiet tal-ażil, li sas-sajf tal-2011 ġew rilokati 227 benefiċjarju biss tal-protezzjoni internazzjoni fl-UE minn Malta, f’sitt Stati Membri oħra, u li fl-2011 fl-UE kollha, 4 125 rifuġjat biss ġie risistemat f’għaxar Stati Membri biss tal-UE, li jirrappreżentaw bejn wieħed u ieħor 6.6 % tal-persuni kollha risistemati tul dik is-sena; jenfasizza li huwa kruċjali li jiġu identifikati dawn id-disparitajiet billi, inter alia, jitqabblu n-numri assoluti ma' indikaturi tal-kapaċità, u li l-Istati Membri l-aktar affettwati mill-applikazzjonijiet tal-ażil jingħataw aktar assistenza mill-UE, kemm f'livell amministrattiv kif ukoll finanzjarju;

6.  Jenfasizza li ma jistax jintlaħaq livell għoli ta' protezzjoni għal dawk li japplikaw għal ażil u għall-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, u ma jistgħux jittieħdu deċiżjonijiet sodi fil-qasam tal-ażil, jekk id-diskrepanzi bejn il-proporzjon tal-applikazzjonijiet għal ażil u l-kapaċità ta' assorbiment ta' Stati Membri individwali f'termini tekniċi u amministrattivi ma jinstabx rimedju għalihom u jekk il-miżuri ta' appoġġ fis-seħħ fl-Istati Membri ma jkunux adattati sew biex jirreaġixxu għal flussi ta' ażil li jvarjaw;

7.  Itenni li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jibdew jitħaddmu sistemi ġusti u effiċjenti tal-ażil biex tingħata reazzjoni għal flussi ta' ażil li jvarjaw; huwa tal-fehma li għalkemm in-numru ta' applikazzjonijiet għal ażil mhuwiex kostanti, jeżistu provi ta' punti ta' dħul speċifiċi fil-fruntieri esterni tal-UE li huma "hot spots", u fejn jista' b'mod raġonevoli jitbassar li numru kbir ta' applikazzjonijiet għal ażil jistgħu jiġu depożitati; jitlob li jiddaħħlu miżuri biex tingħata spinta lill-istat ta' tħejjija tas-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri li jinsabu fil-punti ta' dħul ewlenin tal-UE, bħala sinjal ta' solidarjetà fil-prattika;

8.  Jenfasizza li l-Istati Membri kollha għandhom l-obbligu li jimplimentaw u japplikaw bis-sħiħ kemm id-dritt tal-UE kif ukoll l-obbligi internazzjonali tagħhom dwar l-ażil; jinnota li l-Istati Membri fil-fruntieri esterni tal-Unjoni jiffaċċjaw sfidi differenti fl-ambitu tas-SEKA minn Stati Membri mingħajr fruntieri esterni, u għalhekk għandhom bżonn ukoll forom differenti ta' appoġġ sabiex iwettqu b’mod adegwat il-kompiti rispettivi tagħhom; jirrimarka li l-Artikolu 80 tat-TFUE jirrikjedi l-attivazzjoni ta’ miżuri eżistenti kif ukoll l-iżvilupp ta’ miżuri ġodda sabiex jassistu dawk l-Istati Membri meta jkun meħtieġ;

9.  Jitlob l-ottimizzazzjoni tal-użu tal-miżuri eżistenti, kif ukoll għall-iżvilupp ta’ miżuri u għodod immirati ġodda sabiex jirrispondu għall-isfidi li dejjem jinbidlu b’mod flessibbli iżda effikaċi; ottimizzazzjoni bħal din hija f’waqtha b’mod partikolari minħabba l-kriżi finanzjarja akuta li għaddejja minnha l-UE, li qed tqiegħed pressjoni żejda fuq l-isforzi tal-Istati Membri biex ilaħħqu b’mod effiċjenti mal-proċeduri tal-ażil, b’mod partikolari fil-każ ta’ dawk li qed jirċievu numri sproporzjonati ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil;

10. Jinnota li fid-dawl tal-ħtiġijiet li dejjem jikbru fir-rigward tar-rifuġjati fuq livell globali, il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fil-kuntest tal-politiki ambjentali u ta’ żvilupp jista’ jkollha rwol vitali fil-kostruzzjoni ta' relazzjonijiet iggwidati bis-solidarjetà;

11. Jenfasizza l-importanza li tinġabar, tiġi analizzata u titqiegħed f’perspettiva data kwantittativa u kwalitattiva affidabbli, preċiża, komprensiva, kumparabbli u aġġornata, sabiex jiġu monitorjati u evalwati miżuri u jinkiseb għarfien sod tal-kwistjonijiet relatati mal-ażil; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri, għalhekk, sabiex jipprovdu lill-EASO u lill-Kummissjoni b’data relevanti dwar kwistjonijiet ta’ ażil, minbarra d-data prevista mir-Regolament dwar l-istatistika fil-qasam tal-migrazzjoni u r-Regolament dwar l-EASO; fejn possibbli, id-data statistika kollha għandha titqassam skont is-sess;

12. Jiddispjaċih biż-żieda tal-ksenofobija u r-razziżmu u ta’ suppożizzjonijiet negattivi u bbażati fuq informazzjoni ħażina dwar dawk li jfittxu ażil u r-refuġjati li jakkumpanjaw l-insikurezza soċjoekonomika fl-UE; jirrakkomanda li l-Istati Membri jwettqu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali ta’ dawk li jfittxu ażil u l-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali;

Il-kooperazzjoni prattika u l-assistenza teknika

13. Jenfasizza li t-twaqqif tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ għall-Ażil (EASO) għandu l-potenzjal li jippromwovi kooperazzjoni prattika iżjed mill-qrib bejn l-Istati Membri sabiex jgħin fit-tnaqqis ta’ diverġenzi sinifikanti fil-prattiki tal-ażil, bil-għan li jinħolqu sistemi aħjar u iżjed ġusti ta’ ażil fl-UE; ifakkar li din il-kooperazzjoni prattika u attiva għandha timxi id f’id ma’ armonizzazzjoni leġiżlattiva tal-politiki Ewropej tal-ażil;

14. Ifakkar fil-ħtieġa li l-EASO jipprovdi appoġġ tekniku u ħila esperta speċifika lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tagħhom tal-leġiżlazzjoni tal-ażil, f'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-UNHCR; jenfasizza li huwa importanti li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni miġbura mill-EASO biex tidentifika nuqqasijiet potenzjali fis-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri; informazzjoni bħal din miġbura mill-EASO skont ir-Regolament (UE) 439/2010 hija rilevanti wkoll fil-qafas tal-mekkaniżmu għal twissija bikrija, l-istat ta' tħejjija u l-ġestjoni tal-kriżijiet li se jifforma parti mir-Regolament ta' Dublin emendat; jenfasizza l-importanza tal-preżentazzjoni ta’ rapporti regolari u tat-tfassil ta’ pjanijiet ta’ azzjoni sabiex jiġu promossi soluzzjonijiet immirati u rakkomandazzjonijiet għat-titjib fis-SEKA u rimedju tan-nuqqasijiet li jista’ jkun hemm; jinnota, b'mod partikolari, ir-rwol tal-aġenzija fil-koordinament u l-appoġġ tal-azzjoni komuni biex jiġu megħjuna l-Istati Membri li s-sistemi tal-ażil u l-faċilitajiet ta' akkoljenza tagħhom huma suġġetti għal pressjoni partikolari, permezz ta' miżuri inklużi l-issekondar ta' uffiċjali fl-Istat Membru kkonċernat u l-bgħit ta' timijiet ta' esperti tal-ażil u ta' social workers u interpreti li jistgħu jiġu mobilizzati malajr f'sitwazzjonijiet ta' kriżi; ifakkar li l-impatt tal-EASO se jiddependi fuq ir-rieda tal-Istati Membri li jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal tiegħu;

15. Jistieden lill-EASO, waqt li jikkunsidra kemm id-dmirijiet tiegħu kif ukoll il-baġit, ir-riżorsi u l-esperjenza limitati tiegħu, sabiex jottimizza r-riżorsi disponibbli tiegħu billi jinvolvi ruħu fi djalogu u kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u s-soċjetà ċivili bil-għan li jsir skambju ta’ informazzjoni u l-ġbir tal-għarfien fil-qasam tal-ażil, il-ġbir tad-data, l-iskambju tal-aħjar prattika, l-iżvilupp ta’ linji gwida komprensivi dwar kwistjonijiet tal-ażil li għandhom x’jaqsmu mas-sess, l-iżvilupp tat-taħriġ u l-ħolqien ta’ gruppi ta’ esperti, case workers u interpreti li jistgħu jiġu mobilizzati f’qasir żmien sabiex jipprovdu l-assistenza; jirrakkomanda wkoll li l-EASO jiżgura rappreżentanza wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet li qegħdin jipparteċipaw fil-forum konsultattiv;

16. Jenfasizza li l-attivitajiet tal-EASO għandhom jiffukaw kemm fuq l-objettivi preventivi fit-tul u fuq il-miżuri reattivi għal żmien qasir, sabiex jirrispondu b’mod xieraq għal sitwazzjonijiet differenti; għalhekk jikkunsidra, li waqt l-EASO għandu jappoġġa l-miżuri tal-bini tal-kapaċità għas-sistemi tal-ażil sottożviluppati u li ma jiffunzjonawx sew, għandu jagħti prijorità lis-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u lill-Istati Membri li qed jaffaċċjaw pressjonijiet partikolari jew sproporzjonati; f’dan ir-rigward, jenfasizza r-rwol kruċjali tat-Timijiet Esperti tal-Ażil fl-għajnuna għal ammonti kbar ta każijiet u xogħol b’lura, l-għoti ta' taħriġ, it-twettiq tal-ġestjoni tal-proġetti, l-għoti ta' pariri u r-rakkomandazzjoni ta' miżuri konkreti, u s-sorveljanza u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta’ segwitu;

17. Jieħu nota tal-pjan operattiv fis-seħħ sabiex jappoġġa s-sistema Griega tal-ażil u jtejjeb is-sitwazzjoni ta’ dawk li qed ifittxu ażil u benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali fil-Greċja; jenfasizza li minkejja xi progress miksub, huma meħtieġa sforzi addizzjonali kemm mill-UE kif ukoll mill-awtoritajiet Griegi biex itejbu s-sistema tal-ażil u jiżguraw li d-drittijiet ta’ dawk li qed ifittxu ażil jiġu rispettati bis-sħiħ; ifakkar li l-miżuri biex jitnaqqas id-defiċit tal-baġit jipprekludu l-allokazzjoni tal-fondi nazzjonali għar-reklutaġġ ta’ iktar uffiċjali, u jirrakkomanda li din il-problema tiġi indirizzata, peress li hija meħtieġa awtorità tal-ażil li tiffunzjona tajjeb sabiex tippermetti lill-Greċja tissodisfa l-obbligi tagħha skont id-dritt internazzjonali u tal-UE;

18. Jinnota r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u l-Kunsill dwar il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-EASO u l-Frontex, u jisħaq fuq il-fatt li l-implimentazzjoni sħiħa u rapida tal-Istrateġija tad-Drittijiet Fundamentali tal-Frontex hija sine qua non għal kwalunkwe kooperazzjoni bħal din fil-kuntest tal-protezzjoni internazzjonali, inkluża l-ħatra ta’ Uffiċjal tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-ħolqien ta’ forum konsultattiv mas-soċjetà ċivili u l-istedina tal-organizzazzjonijiet internazzjonali biex jipparteċipaw fl-attivitajiet tagħha bħala osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li kwalunkwe kooperazzjoni trid titqies fil-kuntest tad-difiża tal-istandards stabbiliti minn normi Ewropej u internazzjonali biex b'hekk tiżdied fil-prattika l-kwalità tal-protezzjoni provduta lil dawk li qed ifittxu ażil; jitlob għalhekk lill-EASO tappoġġa lill-Frontex fir-rigward tal-obbligi tiegħu relatati mal-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali, b'mod partikolari l-prinċipju tan-non-refoulement; jenfasizza li l-miżuri tal-fruntieri għandhom jiġu applikati b’mod li jkun sensittiv għal kwistjonijiet ta' protezzjoni;

19. Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi rieżaminat regolarment il-mandat tal-EASO, sabiex ikun żgurat rispons adegwat għall-isfidi different iffaċċjati mis-sistemi ta’ażil; filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu li l-azzjonijiet kollha mwettqa mill-EASO jiddependu fuq ir-rieda tajba tal-Istati Membri, jissuġġerixxi l-kunsiderazzjoni tal-possibbiltà tal-introduzzjoni ta’ salvagwardji strutturali fi ħdan il-mandat tal-EASO sabiex jiżgura li l-kooperazzjoni prattika u l-assistenza teknika jkunu pprovduti fejn meħtieġa;

Solidarjetà finanzjarja

20. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jagħmlu użu sħiħ mill-possibilitajiet disponibbli fil-Fond Ewropew għar-Rifuġjati (FER) f'termini tat-twettiq tal-azzjonijiet immirati għat-titjib fis-sistemi tal-ażil; jirrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu azzjoni sabiex jindirizzaw kwistjonijiet bħal proċedruri burokratiċi ineffiċjenti, dewmien fl-assorbiment u problemi fil-likwidità, sabiex tkun żgurata distribuzzjoni effettiva u mgħaġġla tal-fondi;

21. Ifakkar li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsir użu sħiħ tal-possibbiltajiet offruti mill-Fond Ewropew għar-Rifuġjati u li l-approprjazzjonijiet kollha allokati jkunu jistgħu jiġu żburżati sabiex il-mexxejja tal-proġetti ma jaffaċċjawx problemi meta jimplimentaw il-proġetti ffinanzjati;

22. Jilqa' l-ħolqien mill-2014 ta' Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil (FMA) aktar sempliċi u flessibbli, li se jissostitwixxi l-Fond Ewropew għar-Rifuġjati, il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta' Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi u l-Fond Ewropew għar-Ritorn, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu allokati biżżejjed riżorsi biex tiġi appoġġata l-protezzjoni tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali u dawk li qed ifittxu ażil; jisħaq, f’dan ir-rigward, fuq l-importanza li jiġu inklużi salvagwardji fil-FMA, sabiex tiġi impedita allokazzjoni eċċessiva ta’ fondi lejn qasam ta’ politika wieħed biss askapitu tas-SEKA b’mod ġenerali; jikkunsidrah meħtieġ, fil-kuntest tar-riforma tal-allokazzjoni tal-fondi fil-qasam tal-intern għall-QFM 2014-2020, li jiġu allokati wkoll biżżejjed riżorsi għall-protezzjoni fuq il-fruntiera sabiex tinkiseb iżjed solidarjetà f’dan il-qasam ukoll; ifakkar li għandu dejjem ikun hemm biżżejjed riżorsi biex tiġi ffinanzjata l-protezzjoni internazzjonali u l-miżuri ta’ solidarjetà għall-Istati Membri;

23. Jenfasizza l-ħtieġa li l-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil ikun biżżejjed flessibbli u faċli biex jiġi mobilizzat kif ukoll joffri aċċess rapidu, biex ikun jista' jirreaġixxi rapidament u b'mod xieraq għal pressjonijiet mhux previsti jew sitwazzjonijiet ta' emerġenza li jaffettwaw Stat Membru wieħed jew aktar; f’dan ir-rigward jipproponi li jiġi riservat, fejn meħtieġ, ċertu perċentwal tal-ammont mill-FMA allokat fil-qafas tar-rieżami intermedju għal miżuri li jkollhom l-għan li jgħinu lill-Istati Membri jimplimentaw u japplikaw bis-sħiħ l-acquis tal-ażil tal-UE u jaderixxu mal-obbligi internazzjonali kollha f’dan il-qasam;

24. Jilqa’ d-djalogi dwar il-politika tal-intern mal-Istati Membri individwali dwar l-użu min-naħa tagħhom tal-fondi qabel il-programmazzjoni multiannwali; jenfasizza l-importanza ta' azzjoni parteċipattiva biex jinkisbu riżultati ottimali, u jirrakkomanda t-tisħiħ tal-prinċipju ta' sħubija billi jiġu inklużi s-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, kif ukoll il-partijiet interessati rilevanti, peress li l-esperjenza tagħhom fil-prattika hija essenzjali biex jiġu stabbiliti prijoritajiet realistiċi u jiġu żviluppati programmi sostenibbli; il-kontribut tagħhom f'termini ta' żvilupp, implimentazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni tal-objettivi u l-programmi għalhekk huwa importanti u għandu jitqies mill-Istati Membri;

25. Jenfasizza l-importanza tal-kondiviżjoni tar-responsabbiltà finanzjarja fil-qasam tal-ażil, u jirrakkomanda l-ħolqien ta’ mekkaniżmu fornit tajjeb b’riżorsi biex jintlaqa' numru akbar ta’ dawk li jfittxu l-ażil u benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, f’termini assoluti jew proporzjonali, u għall-għajnuna ta’ dawk b’sistemi ta’ ażil inqas żviluppati; jikkunsidra li hija meħtieġa iżjed riċerka sabiex jiġu identifikati u kkwantifikati l-ispejjeż reali tal-akkoljenza u l-ipproċessar ta’ talbiet għal ażil; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju sabiex tivvaluta l-fondi li għandhom jiġu allokati skont ir-responsabbiltà li għandu kull Stat Membru, fuq il-bażi ta' indikaturi bħal: in-numru tal-ewwel applikazzjonijiet tal-ażil, in-numru ta’ deċiżjonijiet pożittivi li jagħtu status ta’ rifuġjat jew protezzjoni sussidjarja, in-numru ta’ rifuġjati risistemati u rilokati, in-numru ta’ deċiżjonijiet u operazzjonijiet ta' ritorn, u n-numru ta’ migranti irregolari maqbuda;

26. Jirrakkomanda li l-Istati Membri jagħmlu użu mill-inċentivi finanzjarji disponibbli permezz tal-FMA għall-attivitajiet ta’ rilokazzjoni, u jirrikonoxxi li l-assistenza finanzjarja permezz tal-fond u l-assistenza teknika mill-EASO huma importanti; jissuġġerixxi li jiddaħħlu oqsma prijoritarji sabiex jindirizzaw sitwazzjonijiet urġenti u jipprovdu assistenza finanzjarja iktar sostanzjali lill-Istati Membri li jixtiequ jipparteċipaw fl-inizjattivi tar-rilokazzjoni, sabiex ineħħu l-piż tal-ispiża finanzjarja relatata;

27. Jemmen li t-twaqqif ta’ sistema iżjed ċara u effikaċi ta’ inċentivi finanzjarji għall-Istati Membri li jkunu qed jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ rilokazzjoni u strateġiji proattivi mmirati lejn it-titjib tal-infrastrutturi tas-sistemi nazzjonali ta’ ażil se jkollu effett pożittiv fuq perjodu twil fuq il-konverġenza tal-istandards fl-UE u l-kwalità tas-SEKA;

28. Jilqa' l-possibilità li tiżdied il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni sa 90 % tal-infiq totali eliġibbli għal proġetti li nkella ma kinux jistgħu jiġu implimentati; jikkunsidra li valur miżjud ċar għandu jirriżulta minn proġetti ffinanzjati mill-Kummissjoni; jenfasizza li l-finanzjamenti tal-UE fl-ebda ċirkostanza m’għandhom jieħdu post il-baġits nazzjonali ddedikati għall-politiki tal-ażil;

29. Jenfasizza l-problemi li attwalment huma konnessi mal-finanzjament ta’ attivitajiet f’termini ta’ ostakoli għall-aċċess għal informazzjoni preċiża u finanzjament, l-istabbiliment ta’ għanijiet realistiċi u mfassla apposta u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ segwitu effikaċi; jissuġġerixxi l-introduzzjoni ta' salvagwardji sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni, l-allokazzjoni ċara ta’ finanzjament u l-eżami bir-reqqa tal-valur miżjud tal-attivitajiet u r-riżultati miksuba;

30. Jenfasizza l-importanza ta’ superviżjoni stretta rigward l-użu u l-ġestjoni tal-fondi, abbażi ta’ indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi u ta’ kriterji speċifiċi, sabiex tiġi evitata l-allokazzjoni ħażina ta’ riżorsi umani u finanzjarji u tiġi garantita konformità mal-objettivi stabbiliti; f’dan ir-rigward jilqa’ bi pjaċir it-twaqqif ta’ sistema komuni ta’ valutazzjoni u monitoraġġ;

31. Iħeġġeġ lill-Istati Membri, bl-assistenza tal-Kummissjoni, biex jiżguraw l-isfruttament sħiħ tal-kumplementarjetajiet eżistenti bejn strumenti ta’ finanzjament oħra disponibbli bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fondi Strutturali oħra, sabiex jinkiseb approċċ ta’ finanzjament olistiku għall-politiki relatati mal-ażil;

Allokazzjoni tar-responsabilitajiet

32. Jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni sabiex twettaq evalwazzjoni komprensiva tas-sistema ta’ Dublin fl-2014, u li tanalizza l-effetti ġuridiċi, ekonomiċi, soċjali u dawk fuq id-drittijiet tal-bniedem tagħha, inkluż l-effett fuq is-sitwazzjoni tan-nisa li qed ifittxu ażil; iqis li hija meħtieġa aktar riflessjoni dwar l-iżvilupp ta' mekkaniżmu adegwat għall-kondiviżjoni tar-responsabbiltà biex jiġi ddeterminat liema Stat Membru għandu jkun responsabbli għall-ipproċessar ta' applikazzjonijiet għal ażil, ħaġa li tippermetti li jingħata appoġġ prattiku rapidu u effikaċi lil Stati Membri f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u li jaffaċċjaw piżijiet sproporzjonati;

33. Jikkunsidra li r-Regolament ta’ Dublin, li jirregola l-allokazzjoni tar-responsabbiltà għall-applikazzjonijiet għal ażil, jitfa’ piż sproporzjonat fuq l-Istati Membri li jikkostitwixxu punti tad-dħul fl-UE, u ma jipprevedix distribuzzjoni ġusta tar-responsabbiltà għall-ażil fost l-Istati Membri; jinnota li s-sistema ta' Dublin kif ġiet applikata sa issa, f'kuntest ikkaratterizzat minn sistemi ta' ażil differenti ħafna u livelli insuffiċjenti ta' implimentazzjoni tal-acquis tal-ażil, wasslet għat-trattament inugwali ta' dawk li qed ifittxu ażil filwaqt li kellha impatt negattiv fuq ir-riunifikazzjoni tal-familji u l-integrazzjoni; jisħaq, barra dan, fuq in-nuqqasijiet tagħha f’termini ta’ effiċjenza u kosteffettività, billi iżjed min-nofs tat-trasferimenti miftiehma qatt ma jseħħu u xorta għad hemm numri sinifikanti ta’ applikazzjonijiet multipli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li dawk li jfittxu ażil li jkunu rritornati fi Stat Membru abbażi tar-Regolament Dublin II ma jkunux iddiskriminati għall-unika raġuni li jkunu persuni trasferiti skont Dublin II;

34. Jenfasizza li l-ġurisprudenza rilevanti diġà hija fil-proċess li ddgħajjef il-motivazzjoni tas-sistema ta' Dublin; iqis li filwaqt li tipprovdi tweġiba għal każijiet individwali, il-ġurisprudenza tonqos milli tegħleb in-nuqqasijiet li jeżistu fl-implimentazzjoni tal-acquis fil-qasam tal-ażil; filwaqt li jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-Istati Membri jiżguraw li s-sistemi tal-ażil tagħhom jikkonformaw mar-regoli tal-UE u dawk internazzjonali, jilqa', għalhekk, l-isforzi sabiex jiġu inklużi kriterji addizzjonali f'Dublin II biex jittaffew l-effetti negattivi mhux mixtieqa tas-sistema; jemmen li d-diskussjonijiet għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli jridu jieħdu f'kunsiderazzjoni l-fatt li xi Stati Membri diġà qed jaffaċċjaw pressjonijiet sproporzjonati u xi sistemi tal-ażil qegħdin jiffunzjonaw ħażin parzjalment jew għalkollox;

Ipproċessar konġunt tal-applikazzjonijiet għall-ażil

35. Jidhirlu li huwa essenzjali li wieħed jidħol fi djalogu ulterjuri rigward il-kondiviżjoni tar-responsabbiltà lejn dawk li jfittxu ażil u l-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, inkluż dwar l-użu ta’ għodod bħall-ipproċessar konġunt ta’ applikazzjonijiet għall-ażil (minn hawn ’il quddiem "ipproċessar konġunt") u skemi ta’ rilokazzjoni;

36. Jikkunsidra li l-ipproċessar konġunt jista’ jikkostitwixxi għodda prezzjuża għas-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà f’każijiet varji, b’mod partikolari fejn l-Istati Membri jaffaċċjaw influssi sinifikanti jew għal għarrieda ta’ dawk li qed ifittxu ażil jew ikun hemm applikazzjonijiet sostanzjali b’lura li jittardjaw u jdgħajfu l-proċedura tal-ażil askapitu tal-applikanti tal-ażil; l-ipproċessar konġunt jista’ jipprevjeni jew jirrettifika problemi tal-kapaċità, inaqqas il-piżijiet u l-ispejjeż relatati mal-ipproċessar tal-ażil, iħaffef il-ħin li jieħu l-ipproċessar tat-talbiet u jiżgura kondiviżjoni iżjed ekwa tar-responsabbiltà għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil; jenfasizza li l-ipproċessar konġunt jirrikjedi allokazzjoni ċara tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri involuti biex jiġi evitat l-ispostament tar-responsabbiltà, u li t-teħid tad-deċiżjonijiet għadu r-responsabbiltà tal-Istat Membru; jinnota li dan għandu bżonn jiġi kkumplimentat b’sistema sabiex tkun żgurata kondiviżjoni tar-responsabbiltà iktar ġusta ladarba l-applikazzjonijiet jiġu pproċessati;

37. Jilqa’ l-istudju ta’ fattibbiltà mniedi mill-Kummissjoni sabiex tinvestiga l-implikazzjonijiet ġuridiċi u prattiċi tal-ipproċessar konġunt fit-territorju tal-Unjoni, billi hija meħtieġa kjarifika rigward serje ta’ kwistjonijiet;

38. Jinnota li l-ipproċessar konġunt mhux neċessarjament jimplika deċiżjoni komuni, iżda jista’ jinvolvi sostenn u pproċessar komuni rigward aspetti oħra tal-proċedura tal-ażil, bħall-identifikazzjoni, il-preparazzjoni tal-proċeduri fl-ewwel istanza, l-intervisti, jew il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni politika fil-pajjiż tal-oriġini;

39. Jenfasizza li l-ipproċessar konġunt għandu joffri valur miżjud fir-rigward tal-kwalità tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, li jiżgura u jiffaċilita proċeduri ġusti, effiċjenti u rapidi; jenfasizza l-fatt li meta l-proċeduri tal-ażil jiġu mtejba mill-bidu (frontloading), dan jista’ jnaqqas it-tul u l-ispiża tal-proċedura, u b'hekk jibbenefikaw kemm dawk li qed ifittxu l-ażil kif ukoll l-Istati Membri;

40. Jisħaq li skema ta' pproċessar konġunt għandha tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet tal-applikanti u tinkludi garanziji sodi għal dak il-fini; jinsisti li l-ipproċessar konġunt fl-ebda ċirkostanza ma għandu jintuża sabiex iħaffef il-proċedura tal-ażil askapitu tal-kwalità tagħha; jidhirlu li l-ipproċessar konġunt jista' jwassal għal proċeduri ta' ażil aktar effiċjenti, li jibbenefikaw minnhom ukoll dawk l-individwi li qed ifittxu ażil, peress li b'kapaċitajiet amministrattivi akbar, il-ħtiġijiet ta' protezzjoni tagħhom jistgħu jiġu rikonoxxuti aktar malajr;

41. Jikkunsidra li r-rwol tal-EASO jista’ jkun ta’ valur fl-istabbiliment ta' timijiet ta’ appoġġ tal-ażil li jipprovdu assistenza, konsulenza, u rakkomandazzjonijiet għall-proċeduri fl-ewwel istanza, kif ukoll fit-taħriġ u fil-koordinament tagħhom;

42. Jirakkomanda li l-iskemi previsti fir-rigward tal-ipproċessar konġunt għandhom jipprijoritizzaw għażliet li jinvolvu l-isfruttament u l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet rilevanti, aktar milli t-trasferiment ta’ dawk li qed ifittxu ażil;

43. Jirrakkommanda li l-EASO jħeġġeġ, jiffaċilita u jikkoordina l-iskambji ta’ informazzjoni u l-attivitajiet l-oħra b’rabta mal-ipproċessar konġunt;

Rilokazzjoni tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali u ta’ dawk li jfittxu ażil

44. Jenfasizza li l-iskemi ta’ risistemazzjoni u ta’ rilokazzjoni ġewwa l-UE huma miżuri kumplimentari maħsuba biex isaħħu l-protezzjoni ta’ dawk li qed ifittxu ażil u l-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali filwaqt li juru solidarjetà fl-UE u barra minnha;

45. Jisħaq fuq il-fatt li, f'ċerti kundizzjonijiet, ir-rilokazzjoni fiżika tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali u dawk li jfittxu l-ażil hija waħda mill-forom l-iżjed konkreti ta’ solidarjetà u tista’ tagħti kontribut sinifikanti għal SEKA iżjed ekwa; jenfasizza li għalkemm tirrappreżenta wkoll espressjoni solida ta’ impenn fir-rigward tal-protezzjoni internazzjonali u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, sa issa ftit Stati Membri involvew ruħhom f’inizjattivi ta’ rilokazzjoni;

46. Jisħaq fuq l-importanza ta’ proġetti bħall-Proġett ta' Rilokazzjoni tal-Unjoni Ewropea għal Malta (EUREMA) u l-estensjoni tiegħu, fejn il-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali kienu u qed jiġu rilokati minn Malta lejn Stati Membri oħra, u jippromwovi l-iżvilupp ta’ iżjed inizjattivi ta’ dan it-tip; jiddispjaċih li dan il-proġett ma kellux daqstant suċċess kif kien mistenni minħabba li l-Istati Membri ma kinux ħerqana jipparteċipaw; jistieden lill-Istati Membri jipparteċipaw b'mod iktar attiv fil-proġett EUREMA fi spirtu ta' solidarjetà u kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet; jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni sabiex twettaq evalwazzjoni bir-reqqa tal-proġett EUREMA u tissottometti proposta għal Mekkaniżmu ta’ Rilokazzjoni tal-UE permanenti;

47. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra, fil-proposta leġiżlattiva tagħha għal Mekkaniżmu permanenti u effikaċi ta' Rilokazzjoni ġewwa l-UE, l-użu ta' Koeffiċjent ta' Distribuzzjoni tal-UE għar-rilokazzjoni tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, abbażi ta' indikaturi xierqa relatati mal-kapaċitajiet ta' akkoljenza u integrazzjoni tal-Istati Membri, bħall-PDG, il-popolazzjoni u s-superfiċje tal-Istati Membri kif ukoll l-aħjar interess u l-prospetti ta' integrazzjoni tal-benefiċjarji; dan il-Koeffiċjent ta' Distribuzzjoni tal-UE jista' jiġi kkunsidrat għal Stati Membri li qed iħabbtu wiċċhom ma' pressjonijiet speċifiċi u sproporzjonati fuq is-sistemi tal-ażil nazzjonali tagħhom jew matul sitwazzjonijiet ta' emerġenza; jenfasizza li r-rilokazzjoni dejjem se tiddependi fuq il-kunsens tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali u li l-introduzzjoni ta' Koeffiċjent ta' Distribuzzjoni tal-UE jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta' kull Stat Membru li jimplimenta u japplika l-acquis eżistenti tal-UE fil-qasam tal-ażil f'termini ta' kwalifikazzjoni għall-protezzjoni, il-kundizzjonijiet ta' akkoljenza u l-garanziji proċedurali, u li jaderixxi mal-obbligi internazzjonali kollha f'dan il-qasam;

48. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-proposta tagħha salvagwardji proċedurali sodi u kriterji ċari għal skema permanenti ta’ rilokazzjoni tal-UE, sabiex jiġu garantiti l-aħjar interessi tal-benefiċjarji potenzjali, kif ukoll biex tittaffa l-pressjoni migratorja tal-Istati Membri partikolarment esposti għall-flussi ta' migrazzjoni; jirrakkomanda l-involviment tal-komunità ospitanti, is-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali mill-bidu f’inizjattivi ta’ rilokazzjoni;

49. Jenfasizza li waqt li r-rilokazzjoni tista’ toffri kemm soluzzjonijiet għal perjodu twil għall-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali kif ukoll tneħħi l-piż minn fuq is-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri, m’għandhiex tirriżulta fl-ispostament tar-responsabbiltà; jinsisti li r-rilokazzjoni għandha tinkludi impenji sodi min-naħa tal-Istati Membri li jibbenefikaw minnha sabiex jindirizzaw b'mod effikaċi n-nuqqasijiet relatati mal-protezzjoni fis-sistemi tal-ażil tagħhom u sabiex jiggarantixxu livelli għolja ta’ protezzjoni għal dawk li jibqgħu fl-Istati Membri spedituri fit-termini tal-kundizzjonijiet tal-akkoljenza, il-proċeduri tal-ażil u l-integrazzjoni;

50. Jilqa’ l-possibilitajiet ta’ finanzjament ipprovduti mill-FMA għar-rilokazzjoni ta’ dawk li jfittxu l-ażil u jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jinvolvu ruħhom f’inizjattivi volontarji, waqt li jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet ta’ dawk li jfittxu l-ażil u l-ħtieġa tal-kunsens tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-fattibbiltà li tiġi żviluppata sistema tal-UE għar-rilokazzjoni ta' dawk li jfittxu ażil, filwaqt li tiġi eżaminata, inter alia, il-fattibbiltà li tkun ibbażata fuq koeffiċjent ta' distribuzzjoni tal-UE li jikkunsidra kriterji oġġettivament verifikabbli bħall-PDG, il-popolazzjoni u s-superfiċje tal-Istati Membri kif ukoll l-aħjar interess u l-prospetti ta' integrazzjoni tal-benefiċjarji; programm bħal dan jista' jkun applikat bħala miżura ta' solidarjetà f'sitwazzjonijiet fejn in-numru ta' dawk li jfittxu ażil ikun sproporzjonatament għoli meta mqabbel mal-kapaċità tas-sistema tal-ażil tal-Istat Membru, jew f'emerġenzi;

51. Ifakkar fil-mandat tal-EASO fir-rigward tal-promozzjoni tar-rilokazzjoni tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali fost l-Istati Membri, u jistieden lill-Aġenzija tibni l-kapaċità tagħha biex tappoġġa b’mod attiv il-programmi u l-attivitajiet ta’ rilokazzjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-UNHCR, permezz tal-iskambju tal-informazzjoni u tal-aħjar prattiki u attivitajiet ta’ koordinament u kooperazzjoni;

52. Jinnota li l-Kummissjoni indikat li hija dejjem se tikkunsidra l-attivazzjoni tal-mekkaniżmu tad-Direttiva ta’ Protezzjoni Temporanja meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet adegwati, b’mod partikolari fil-każ ta’ influss ta' massa jew influss ta' massa imminenti ta’ persuni spostati li ma jistgħux jiġu rimpatrijati f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema; jistieden lill-Kummissjoni tagħmilha possibbli li din id-Direttiva tiġi attivata anke f’każijiet fejn l-influss rilevanti jikkostitwixxi influss ta’ massa għal mill-inqas Stat Membru wieħed u mhux biss meta jikkostitwixxi influss bħal dan għall-UE kollha kemm hi;

Fiduċja reċiproka fil-qalba ta’ sistema ta’ governenza ġdida

53. Jinsisti li l-fiduċja reċiproka hija bbażata fuq fehim komuni tar-responsabbiltajiet; Jenfasizza li l-konformità mad-dritt tal-UE hija element indispensabbli għall-fiduċja fost l-Istati Membri;

54. Jenfasizza li jekk l-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi ġuridiċi u tad-drittijiet fundamentali, dan isaħħaħ kemm il-fiduċja kif ukoll is-solidarjetà;

55. Jisħaq dwar l-importanza li jiġu stabbiliti pedamenti sodi għall-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri, billi dan huwa kwintessenzjalment konness mal-iżvilupp tas-SEKA u ma’ solidarjetà ġenwina u prattika;

56. Jirrikonoxxi li waqt li l-konformità mal-obbligi internazzjonali ta’ protezzjoni ttejjeb il-fiduċja reċiproka, dan mhux bilfors jirriżulta fl-applikazzjoni uniformi tar-regoli, billi l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt internazzjonali u tal-UE dwar l-ażil għadha tvarja ħafna fost l-Istati Membri, kif jidher ċar mill-ġurisprudenza tal-QEDB u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea relatata mar-Regolament ta’ Dublin; jenfasizza li hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni u tal-qrati li jissorveljaw u jevalwaw l-applikazzjoni tar-regoli tal-ażil f’konformità mad-dritt internazzjonali tal-UE;

57. Jemmen li l-mekkaniżmi ta’ twissija bikrija introdotti biex jiskopru u jindirizzaw il-problemi li jitfaċċaw qabel iwasslu għall-kriżijiet jistgħu jikkostitwixxu għodda siewja; jikkunsidra, madankollu, li soluzzjonijiet kumplimentari għandhom ukoll jiġu previsti, sabiex jiġi evitat il-ksur tad-drittijiet fundamentali u jkun żgurat il-funzjonament xieraq tas-sistemi tal-ażil;

58. Jisħaq fuq il-fatt li waqt li l-proċeduri tal-ksur għandhom jintużaw iktar ta' spiss sabiex tinġibed l-attenzjoni għar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri u n-nuqqas tagħhom li jaderixxu mal-acquis tal-ażil eżistenti, għandhom jiġu akkumpanjati minn miżuri preventivi, pjanijiet operattivi u mekkaniżmi ta’ superviżjoni, sabiex jipproduċu riżultati; jenfasizza l-importanza ta’ evalwazzjonijiet regolari, djalogu kostruttiv, u l-iskambju tal-aħjar prattika, bħala elementi kruċjali li huma aktar suxxettibbli li jipproduċu żviluppi pożittivi fis-sistemi tal-ażil fejn huma identifikati nuqqasijiet; għalhekk għandhom jingħataw forom differenti ta’ assistenza finanzjarja u prattika sabiex tintlaħaq l-implimentazzjoni sħiħa u korretta tal-leġiżlazzjoni Ewropea fil-qasam tal-ażil;

59. Jinnota li s-sistema ta’ Dublin hija bbażata fuq il-fiduċja reċiproka u li l-implimentazzjoni tagħha tammonta għal rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ta’ rifjut fost l-Istati Membri, billi talba għal ażil tista’ tiġi kkunsidrata darba biss fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta komunikazzjoni dwar qafas għat-trasferiment tal-protezzjoni tal-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali u r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-ażil sal-2014, b’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta’ Stokkolma;

60. Jenfasizza li l-ġestjoni tal-migrazzjoni tista’ żżid il-fiduċja reċiproka u l-miżuri ta’ solidarjetà biss jekk tiġi akkumpanjata minn approċċ li jkun sensibbli għall-protezzjoni li fih il-miżuri tal-fruntieri jitwettqu mingħajr ħsara għad-drittijiet tar-rifuġjati u l-persuni li jitolbu protezzjoni internazzjonali;

61. Jenfasizza li r-reġimi tal-viża jirregolaw numru kbir ta’ awtorizzazzjonijiet tad-dħul u l-ħruġ u li dawk ir-regoli tad-dħul u l-ħruġ ma jirrestrinġux l-obbligi ġuridiċi dwar li jingħata aċċess għall-ażil;

62. Ifakkar fl-impenn tal-Kummissjoni li tiffaċilita l-wasla ordinata fl-UE ta' persuni li jeħtieġu protezzjoni, u jistedinha teżamina approċċi ġodda rigward l-aċċess għall-proċeduri ta' ażil; jilqa', f'dan ir-rigward, l-impenn tal-Kummissjoni li tadotta "Komunikazzjoni dwar approċċi ġodda rigward l-aċċes għal proċeduri ta' ażil li jiffukaw fuq il-pajjiżi ewlenin ta' transitu" sal-2013;

63. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kunsill tal-Ewropa.

NOTA SPJEGATTIVA

L-2012 hija s-sena li fiha l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha li tlesti t-twaqqif ta’ Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (SEKA) fl-2012, billi twaqqaf żona komuni ta’ protezzjoni u solidarjetà abbażi ta’ proċedura komuni tal-ażil u status uniformi għall-persuni li jkunu ngħataw protezzjoni internazzjonali. Is-SEKA hija bbażata fuq tliet pilastri: l-armonizzazzjoni tal-istandards ta’ protezzjoni, billi l-leġiżlazzjoni dwar l-ażil tal-Istati Membri tkompli tiġi allinjata; kooperazzjoni prattika effikaċi u appoġġata tajjeb; kif ukoll iżjed solidarjetà u sens ta’ responsabbiltà, mhux biss fost l-Istati Membri tal-UE iżda wkoll bejn l-UE u pajjiżi mhux fl-UE;

L-armonizzazzjoni tal-istandards tal-protezzjoni qiegħda tiġi implimentata permezz tal-modifika tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni prattika se tittejjeb permezz tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ għall-Ażil (EASO); issa huwa importanti li jiġi ttrattat b’determinazzjoni t-tielet pilastru tas-SEKA billi tingħata sostanza lill-idea ta’ solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà, li tinsab fl-Artikolu 80 tat-TFUE, li jikkostitwixxi komponent orizzontali essenzjali tas-SEKA.

Ir-Rapporteur jemmen li t-twaqqif ta’ qafas ta’ solidarjetà mhux se jeħles lill-Istati Membri mir-responsabbiltà li jikkonformaw mal-obbligi internazzjonali kif ukoll tal-UE tagħhom f’termini ta’ ażil, iżda pjuttost li se jipprovdi lis-SEKA bi strumenti u proċeduri speċifiċi mmirati sabiex jappoġġaw u jassistu lil dawk l-Istati Membri li qegħdin jaffaċċjaw pressjonijiet u spejjeż sproporzjonati fil-qasam tal-ażil, prinċipalment minħabba s-sitwazzjoni ġeografika jew demografika tagħhom. Fi kliem ieħor, qafas komprensiv ta’ solidarjetà fejn l-Istati Membri jkunu jistgħu jiġu assistiti sabiex itejbu l-kwalità tas-sistemi tagħhom tal-ażil sabiex jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tad-drittijiet ta’ dawk li jfittxu l-ażil jista’ jiżgura bl-istess mod l-implimentazzjoni tajba tal-acquis tal-ażil u għalhekk il-funzjonament proprju tas-SEKA.

L-iżgurar tal-funzjonament tajjeb tas-SEKA huwa ta’ importanza partikolari fi żminijiet meta l-flussi migratorji ħafna drabi huma mħallta, billi jinkludu migranti, dawk li jfittxu l-ażil, rifuġjati u persuni vulnerabbli bħal minuri li ma jkunux akkumpanjati. Ir-Rapporteur jixtieq jisħaq fuq il-fatt li l-flussi tal-ażil u dawk migratorji għandhom speċifiċitajiet rispettivi li fl-ebda ċirkostanza ma jistgħu jiġu injorati jew amalgamati. Ifakkar b’dispjaċir in-numru mingħajr preċedent ta’ persuni li għerqu fil-Mediterran matul l-2011 fit-tentattiv li jilħqu l-UE sabiex isibu protezzjoni.

Ir-Rapporteur jenfasizza li l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet imwaqqfa mir-Regolament ta’ Dublin titfa’ aspettattivi sproporzjonati fuq dawk l-Istati Membri li jikkostitwixxu punti ta’ dħul fl-UE u b’hekk iddgħajjef is-SEKA kollha. F’sitwazzjonijiet fejn Stat Membru ma jkunx jista’ jlaħħaq b’mod adegwat mal-applikazzjonijiet għal ażil imressqa fit-territorju tiegħu, ir-Rapporteur jissuġġerixxi numru ta’ azzjonijiet sabiex jiġu indirizzati l-isfidi fil-qasam tal-ażil b’mod olistiku fl-UE kollha. Wara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar is-solidarjetà fl-UE fil-qasam tal-ażil – Aġenda tal-UE għal kondiviżjoni tar-responsabbiltà aħjar u aktar fiduċja reċiproka, ir-rapporteur organizza l-kummenti, il-proposti u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu f'4 partijiet ewlenin, li jiffukaw fuq (a) kooperazzjoni prattika u assistenza teknika; (b) is-solidarjetà finanzjarja; (c) l-allokazzjoni tar-responsabilitajiet; u (d) il-fiduċja reċiproka fil-qalba ta’ sistema ta’ governanza ġdida.

Fil-fehma tar-Rapporteur, f’SEKA effiċjenti:

- l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili għanhom jiġu mgħarrfa dwar il-fondi differenti tal-UE li jistgħu jintużaw għal finijiet ta’ ażil, inkluża informazzjoni relatata ma’ kriterji ta' eliġibbiltà u l-formalitajiet tal-applikazzjoni;

- is-sistemi ta’ ażil tal-Istati Membri għandhom jiġu evalwati b’mod regolari u ta’ spiss sabiex jiġu identifikati l-aħjar prattiki kif ukoll in-nuqqasijiet u tiġi ffaċilitata l-elaborazzjoni ta’ soluzzjonijiet speċifiċi għas-sitwazzjoni partikolari;

- l-Istati Membri għandhom juru solidarjetà lejn xulxin u jaqsmu r-responsabbiltà, inkluż permezz ta’ miżuri bħall-ipproċessar konġunt tal-applikazzjonijiet għal ażil u r-tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali.

F’dan il-kuntest, ir-Rapporteur jisħaq fuq ir-rwol kruċjali tal-EASO fl-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet fis-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri kif ukoll fil-koordinament, il-monitoraġġ u s-segwitu tal-għajnuna prattika li għandhom jiġu pprovduti lill-Istati Membri billi tiġi enfasizzata l-utilità tal-bgħit tat-Timijiet ta’ Esperti dwar l-Ażil.

Element essenzjali ieħor fit-traduzzjoni tas-solidarjetà f’azzjoni konkreta huwa li jsir l-aħjar użu mill-komplementaritajiet bejn il-fondi disponibbli differenti tal-UE. L-introduzzjoni ta’ inċentivi finanzjarji għar-rilokazzjoni tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali hija partikolarment rilevanti f’dan ir-rigward.

Kull proposta u rakkomandazzjoni inkluża f’dan id-dokument għandha l-għan li toħloq żona awtentika ta’ protezzjoni fejn id-drittijiet ta’ dawk li jfittxu l-ażil u l-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali jiġu rispettati u promossi kif xieraq. Huwa minħabba dan li ċerti suġġerimenti huma orizzontali u jmissu wkoll oqsma oħra ta’ politika tal-UE, bħal politiki tal-fruntieri jew tal-viża, billi kull politika tal-UE għandha tiġi applikata b’mod li jkun sensibbli għall-protezzjoni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

10.7.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

48

4

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Edit Bauer, Mario Borghezio, Rita Borsellino, Emine Bozkurt, Arkadiusz Tomasz Bratkowski, Simon Busuttil, Philip Claeys, Carlos Coelho, Ioan Enciu, Frank Engel, Cornelia Ernst, Monika Flašíková Beňová, Hélène Flautre, Kinga Gál, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Anna Hedh, Salvatore Iacolino, Sophia in ‘t Veld, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Timothy Kirkhope, Baroness Sarah Ludford, Monica Luisa Macovei, Svetoslav Hristov Malinov, Véronique Mathieu, Anthea McIntyre, Claude Moraes, Antigoni Papadopoulou, Georgios Papanikolaou, Carmen Romero López, Renate Sommer, Nils Torvalds, Kyriacos Triantaphyllides, Wim van de Camp, Axel Voss, Josef Weidenholzer, Cecilia Wikström, Tatjana Ždanoka, Auke Zijlstra

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Elena Oana Antonescu, Michael Cashman, Leonidas Donskis, Dimitrios Droutsas, Lorenzo Fontana, Monika Hohlmeier, Stanimir Ilchev, Hubert Pirker, Raül Romeva i Rueda, Salvador Sedó i Alabart, Bogusław Sonik, Michèle Striffler

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Nadja Hirsch

 

 

[1] ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 12.
[2] ĠU L 212, 7.8.2011, p. 12.