Dokument ta' sessjoni
29.11.2012
***I
RAPPORT
dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mad-disponibbiltà fis-suq u s-superviżjoni ta' splużivi għall-użu ċivili (tfassil mill-ġdid)
( COM(2011)0771 ) – C7‑0423/2011 – 2011/0349(COD) )
Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
Rapporteur: Zuzana Roithová
(Tfassil mill-ġdid – Artikolu 87 tar-Regoli ta' Proċedura)
PR_COD_1recastingam
Tifsira tas-simboli użati |
* Proċedura ta’ konsultazzjoni *** Proċedura ta’ approvazzjoni ***I Proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-ewwel qari) ***II Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tieni qari) ***III Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tielet qari)
(It-tip ta’ proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta’ att.)
|
Emendi għal abbozz ta’ att |
Fl-emendi li jsiru mill-Parlament, it-test emendat huwa indikat b’tipa grassa u korsiva. Test korsiv normali huwa indikazzjoni għas-servizzi tekniċi li turi partijiet tal-abbozz ta’ att li għalihom qed tkun proposta korrezzjoni bl-iskop li tgħin fil-preparazzjoni tat-test finali (pereżempju, żbalji ovvji jew nuqqasijiet f’verżjoni lingwistika partikolari). Il-korrezzjonijiet proposti huma soġġetti għall-qbil tas-servizzi tekniċi involuti.
L-intestatura ta’ kwalunkwe emenda għal att eżistenti, li l-abbozz ta’ att ikollu l-ħsieb li jemenda, ikun fiha t-tielet u r-raba’ linji li jidentifikaw rispettivament l-att eżistenti u d-dispożizzjoni kkonċernata f’dak l-att. Il-partijiet li jittieħdu kif inhuma minn dispożizzjoni eżistenti li l-Parlament jixtieq jemenda, imma li l-abbozz ta’ att ma jkunx emenda, huma indikati b’tipa grassa. It-tħassir eventwali li jikkonċerna dawn il-partijiet jiġi indikat kif ġej: [...].
|
WERREJ
Paġna
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW 5
NOTA SPJEGATTIVA 18
ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI 22
ANNESS: OPINJONI TAL-GRUPP TA’ ĦIDMA KONSULTATTIV TAS-SERVIZZI LEGALI TAL-PARLAMENT EWROPEW, TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI 24
PROĊEDURA 26
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mad-disponibbiltà fis-suq u s-superviżjoni ta' splużivi għall-użu ċivili (tfassil mill-ġdid)
( COM(2011)0771 ) – C7‑0423/2011 – 2011/0349(COD) )
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja – tfassil mill-ġdid)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ( COM(2011)0771 ),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0423/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-28 ta' Marzu 2012[1],
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 fuq l-użu aktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid tal-atti legali[2],
– wara li kkunsidra l-ittra tas-27 ta' Marzu 2012 tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 87 u 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur ( A7-0256/2012 ),
A. billi, fl-opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta kkonċernata ma tinkludi ebda tibdil sustanzjali ħlief dak identifikat bħala tali fil-proposta u billi, f’dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma' dan it-tibdil, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tal-atti eżistenti mingħajr tibdil sustanzjali;
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt, filwaqt li jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Emenda 1
Proposta għal direttiva
Premessa 6
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
(6) Il-merkanzija piroteknika teħtieġ miżuri xierqa sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumaturi u s-sikurezza tal-pubbliku. L-oġġetti pirotekniċi huma koperti bid-Direttiva 2007/23/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2007 dwar it-tqegħid fis-suq ta' oġġetti pirotekniċi. Din id-Direttiva, għalhekk, ma għandhiex tapplika għall-oġġetti pirotekniċi. | (6) Il-merkanzija piroteknika teħtieġ miżuri xierqa sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-utenti finali u s-sikurezza tal-pubbliku. L-oġġetti pirotekniċi huma koperti bid-Direttiva 2007/23/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2007 dwar it-tqegħid fis-suq ta' oġġetti pirotekniċi. Din id-Direttiva, għalhekk, ma għandhiex tapplika għall-oġġetti pirotekniċi. |
Emenda 2
Proposta għal direttiva
Premessa 15a (ġdida)
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
| (15a) L-obbligi kollha imposti fuq l-operaturi ekonomiċi b'din id-Direttiva għandhom japplikaw ukoll fil-każ ta' bejgħ minn distanza. |
Emenda 3
Proposta għal direttiva
Premessa 19a (ġdida)
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
| (19a) Meta l-ħruġ ta' dikjarazzjoni unika ta' konformità tal-UE jista' jikkawża problemi speċifiċi minħabba l-kumplessità jew l-ambitu ta' dik id-dikjarazzjoni unika tal-UE, għandu jkun possibbli li dik id-dikjarazzjoni unika tal-UE tinbidel b'dikjarazzjonijiet individwali ta' konformità tal-UE li jkunu rilevanti għall-isplużiv partikolari. |
Emenda 4
Proposta għal direttiva
Premessa 43
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
(43) Huwa neċessarju li jiġu previsti arranġamenti tranżitorji li jippermettu t-tqegħid fis-suq tal-isplużivi, li diġà tqiegħdu fis-suq skont id-Direttiva 93/15/KEE. | (43) Huwa neċessarju li jiġu previsti arranġamenti tranżitorji li jagħtu lill-operaturi ekonomiċi perjodu raġonevoli ta' żmien biex iqiegħdu fis-suq splużivi għal użu ċivili li diġà tqiegħdu fis-suq skont id-Direttiva 93/15/KEE. L-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu jistgħu jbigħu stokkijiet ta' splużivi għal użu ċivili li jkunu diġà fil-katina ta' distribuzzjoni fid-data ta' applikazzjoni tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva. |
Emenda 5
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 2 – punt a
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
(a) splużivi u l-munizzjon, maħsuba għall-użu, skont il-liġi nazzjonali, mill-forzi armati jew mill-Pulizija; | (a) splużivi, inkluż il-munizzjon, maħsuba għall-użu, skont il-liġi nazzjonali, mill-forzi armati jew mill-Pulizija; |
Emenda 6
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 2 – punt ba (ġdid)
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
| (ba) munizzjon, ħlief kif previst fl-Artikoli 12, 13 u 14. |
Emenda 7
Proposta għal direttiva
Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 1
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
(1) "splużivi" tfisser il-materjali u l-merkanzija hekk meqjusa fir-rakkomandazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-trasport ta' merkanzija perikoluża u li taqa' fil-Klassi 1 ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet; | (1) "splużivi" tfisser il-materjali u l-merkanzija meqjusa bħala splużivi fir-rakkomandazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-trasport ta' merkanzija perikoluża u li jaqgħu fil-Klassi 1 ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet; |
Ġustifikazzjoni
Xi wħud mill-prodotti splużivi, bħal fertilizzanti jew prodotti kimiċi użati fl-industrija, huma klassifikati fil-Klassi I min-Nazzjonijiet Uniti, iżda dawn mhumiex maħsuba sabiex jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.
Emenda 8
Proposta għal direttiva
Artikolu 2 – punt 1a (ġdid)
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
| (1a) "munizzjon" tfisser projettili u karigi propulsivi, inkluż munizzjon inbjank, użat f’armi tan-nar li jistgħu jinġarru minn persuna, armi tan-nar oħrajn u artilleriji; |
Emenda 9
Proposta għal direttiva
Artikolu 2 – punt 2
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
(2) "Ir-rakkomandazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti" tfisser ir-rakkomandazzjonijiet stipulati mill-Kumitat ta' Esperti dwar it-Trasport ta' Merkanzija Perikoluża tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ippubblikati fin-Nazzjonijiet Uniti (Ktieb Oranġjo) u kif emendati sad-data li din id-Direttiva tiġi adottata; | imħassar |
Emenda 10
Proposta għal direttiva
Artikolu 2 – punt 7
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
(7) "operaturi ekonomiċi" tfisser il-manifattur, ir-rappreżentant awtorizzat, l-importatur, id-distributur u kull persuna naturali jew legali li twettaq il-ħażna, l-użu, it-trasferiment, l-esportazzjoni jew il-kummerċ tal-isplużivi; | (7) "operatur ekonomiku" tfisser manifattur, rappreżentant awtorizzat, importatur, distributur jew kull persuna fiżika jew ġuridika li twettaq il-ħażna, l-użu, it-trasferiment, l-esportazzjoni jew il-kummerċ tal-isplużivi; |
Emenda 11
Proposta għal direttiva
Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 16
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
(16) "standard armonizzat" tfisser standards armonizzat kif inhu definit fl-Artikolu 2(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru [../..] [ir-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni]; | (16) "standard armonizzat" tfisser standard kif inhu definit fl-Artikolu 2(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru [../..] [ir-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni]; |
Emenda 12
Proposta għal direttiva
Artikolu 6 – paragrafu 2 – subparagrafu 1
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
1. Il-manifatturi għandhom ifasslu d-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Anness II u jwettqu l-proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 19 jew iqabbdu lil xi ħadd biex jagħmilha f'isimhom. | 1. Il-manifatturi għandhom ifasslu d-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Anness II u jqabbdu lil xi ħadd biex iwettaq il-proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 19. |
Emenda 13
Proposta għal direttiva
Artikolu 6 – paragrafu 6
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
6. Il-manifatturi għandhom jassiguraw li l-isplużivi jkunu akkumpanjati minn struzzjonijiet u informazzjoni ta' sikurezza provduti b'lingwa li tkun tista' tinftiehem faċilment mill-utenti finali, skont kif jiġi determinat mill-Istat Membru konċernat. | 6. Il-manifatturi għandhom jassiguraw li l-isplużivi jkunu akkumpanjati minn struzzjonijiet u informazzjoni ta' sikurezza provduti b'lingwa li tkun tista' tinftiehem faċilment mill-utenti finali, skont kif jiġi determinat mill-Istat Membru konċernat. Tali struzzjonijiet u informazzjoni ta' sikurezza kif ukoll kull tip ta' tikkettar għandhom ikunu ċari, jistgħu jinftiehmu u intelliġibbli. |
Emenda 14
Proposta għal direttiva
Artikolu 9 – paragrafu 5a (ġdid)
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
| 5a. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-isplużiv li tqiegħed fis-suq legalment qabel [id-data stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 50(1)] jista' jsir disponibbli fis-suq mid-distributuri mingħajr aktar rekwiżiti għall-prodott. |
Emenda 15
Proposta għal direttiva
Artikolu 10a (ġdid)
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
| Artikolu 10a |
| Obbligi tal-operaturi ekonomiċi fir-rigward tal-prodotti fl-istokk |
| L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-obbligi tal-operaturi ekonomiċi fir-rigward tal-prodotti fl-istokk jiġu applikati skont l-Artikolu 49. |
Emenda 16
Proposta għal direttiva
Artikolu 15 – paragrafu 1
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
L-Istati Membri għandhom jaċċertaw li l-operaturi ekonomiċi jkollhom sistema sabiex jagħtu kont tal-isplużivi b'dak il-mod li dawk li jkollhom xi splużivi jkunu jistgħu jiġu identifikati f'kull żmien. | L-Istati Membri għandhom jaċċertaw li l-operaturi ekonomiċi jkollhom sistema sabiex jintraċċaw l-isplużivi b'tali mod li dawk li jkollhom xi splużivi jkunu jistgħu jiġu indikati f'kull żmien. |
Emenda 17
Proposta għal direttiva
Artikolu 15 – paragrafu 4
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
Id-dokumenti msemmija fl-ewwel u t-tieni paragrafi għandhom jinżammu għall-anqas għal 10 snin wara t-tmiem tas-sena kalendarja li fiha twettqet it-transazzjoni rrekordjata, ukoll jekk l-operatur ekonomiku ma jkunx għadu jopera . Għandhom ikunu minnufih disponibbli għall-ispezzjoni fuq it-talba tal-awtoritajiet kompetenti. | Id-dokumenti msemmija fl-ewwel u t-tieni paragrafi għandhom jinżammu għall-anqas għal 10 snin wara t-tmiem tas-sena kalendarja li fiha twettqet it-transazzjoni rrekordjata, ukoll jekk l-operatur ekonomiku ma jkunx għadu jopera . Għandhom ikunu minnufih disponibbli għall-ispezzjoni fuq it-talba tal-awtoritajiet kompetenti. L-operaturi ekonomiċi m'għandhomx jinħtieġu jaġġornaw l-informazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu wara li l-forniment ikun iffinalizzat. |
Emenda 18
Proposta għal direttiva
Artikolu 20 – paragrafu 2
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
2. Id-dikjarazzjoni tal-UE ta' konformità għandu jkollha l-istruttura mudell stabbilita fl-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE, għandha tinkludi l-elementi speċifikati fil-moduli rilevanti stabbiliti fl-Anness II ta' din id-Direttiva u għandha tinżamm aġġornata kontinwament. Għandha wkoll tiġi tradotta fil-lingwa jew lingwi meħtieġa mill-Istat Membru fejn jitqiegħed fis-suq jew jiġi magħmul disponibbli l-isplużiv. | 2. Id-dikjarazzjoni tal-UE ta' konformità għandu jkollha l-istruttura mudell stabbilita fl-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE, għandha tinkludi l-elementi speċifikati fil-moduli rilevanti stabbiliti fl-Anness II ta' din id-Direttiva u għandha tinżamm aġġornata kontinwament. Fuq talba tal-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq, l-operatur ekonomiku għandu jipprovdi kopja tad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE f'forma stampata jew b'mezz elettroniku, u għandu jiżgura li tiġi tradotta fil-lingwa jew lingwi meħtieġa mill-Istat Membru fejn jitqiegħed fis-suq jew jiġi magħmul disponibbli l-isplużiv. |
Emenda 19
Proposta għal direttiva
Artikolu 20 – paragrafu 4
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
4. Meta jagħmel id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE, il-manifattur għandu jassumi r-responsabbiltà għall-konformità tal-isplużiv. | 4. Meta jagħmel id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE, il-manifattur għandu jassumi r-responsabbiltà għall-konformità tal-isplużiv mar-rekwiżiti stipulati f'din id-Direttiva. |
Emenda 20
Proposta għal direttiva
Artikolu 24 – paragrafu 1
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
1. L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità notifikanti li tkun responsabbli biex tistabbilixxi u twettaq il-proċeduri meħtieġa għall-valutazzjoni u n-notifika ta' korpi ta' valutazzjoni tal-konformità u għall-monitoraġġ ta' korpi notifikati, inkluża l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29. | 1. L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità notifikanti unika li tkun responsabbli biex tistabbilixxi u twettaq il-proċeduri meħtieġa għall-valutazzjoni u n-notifika ta' korpi ta' valutazzjoni tal-konformità u għall-monitoraġġ ta' korpi notifikati, inkluża l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29. |
Emenda 21
Proposta għal direttiva
Artikolu 40 – paragrafu 1 – subparagrafu 1a (ġdid)
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
| L-Istati Membri għandhom jieħdu wkoll il-miżuri kollha adegwati sabiex jiżguraw li l-isplużivi jitqiegħdu fis-suq biss jekk jinħażnu kif suppost u jintużaw għall-iskop maħsub tagħhom. |
Ġustifikazzjoni
Dan l-allinjament mad-dispożizzjonijiet il-ġodda tad-direttiva dwar oġġetti pirotekniċi huwa aktar meħtieġ minħabba li l-prodotti koperti b’din id-Direttiva huma iktar perikolużi.
Emenda 22
Proposta għal direttiva
Artikolu 40 – paragrafu 1a (ġdid)
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
| L-Istati Membri, fuq bażi annwali, għandhom jagħtu lill-Kummissjoni d-dettalji tal-attivitajiet tal-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq tagħhom u ta' kwalunkwe pjan għas-sorveljanza tas-suq jew ta' żieda fis-sorveljanza tas-suq, inklużi l-allokazzjoni ta' aktar riżorsi, iż-żieda fl-effiċjenza u l-bini tal-kapaċità meħtieġa biex jintlaħqu dawk l-għanijiet. |
Emenda 23
Proposta għal direttiva
Artikolu 40 – paragrafu 1b (ġdid)
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
| L-Istati Membri għandhom jipprovdu finanzjament xieraq lill-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq tagħhom sabiex jiżguraw li l-attivitajiet tagħhom ikunu koerenti u effettivi fl-Unjoni kollha. |
Emenda 24
Proposta għal direttiva
Artikolu 41 – paragrafu 1
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
1. Fejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq ta’ Stat Membru jkunu ħadu azzjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, jew fejn ikollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li splużiv jippreżenta riskju għas-saħħa jew is-sikurezza tal-persuni jew għas-sigurtà pubblika, huma għandhom iwettqu valutazzjoni fir-rigward tal-isplużiv konċernat, li tkopri r-rekwiżiti kollha stipulati f’din id-Direttiva. L-operaturi ekonomiċi rilevanti għandhom jikkooperaw kif xieraq mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq. | 1. Fejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq ta’ Stat Membru jkunu ħadu azzjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, jew fejn ikollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li splużiv jippreżenta riskju għas-saħħa jew is-sikurezza tal-persuni jew għas-sigurtà pubblika, huma għandhom iwettqu valutazzjoni fir-rigward tal-isplużiv konċernat, li tkopri r-rekwiżiti rilevanti kollha stipulati f’din id-Direttiva. L-operaturi ekonomiċi rilevanti għandhom jikkooperaw kif xieraq mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq. |
Emenda 25
Proposta għal direttiva
Artikolu 41 – paragrafu 6 – punt a
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
(a) in-nuqqas tal-prodott li jissodisfa r-rekwiżiti relatati mas-saħħa jew is-sikurezza ta' persuni jew ma' aspetti oħra ta' protezzjoni tal-interess pubbliku stabbiliti f'din id-Direttiva; | (a) in-nuqqas tal-prodott li jissodisfa r-rekwiżiti relatati mas-saħħa jew is-sikurezza ta' persuni jew ma' aspetti oħra ta' protezzjoni tal-interess pubbliku stabbiliti f'din id-Direttiva; jew |
Emenda 26
Proposta għal direttiva
Artikolu 41 – paragrafu 9
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
9. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li jittieħdu l-miżuri restrittivi adegwati fir-rigward tal-isplużiv konċernat mingħajr dewmien. | 9. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li jittieħdu l-miżuri restrittivi adegwati fir-rigward tal-prodott konċernat, bħall-irtirar tal-isplużiv mis-suq tagħhom, mingħajr dewmien. |
Emenda 27
Proposta għal direttiva
Artikolu 42 – paragrafu 3
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
3. Fejn il-miżura nazzjonali titqies ġustifikata u n-nuqqas ta' konformità tal-prodott ikun attribwit għal nuqqasijiet fl-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 18 ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni, għandha tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8 ta' (UE) Nru [../..] [ir-Regolament tal-Istandardizzazzjoni]. | 3. Fejn il-miżura nazzjonali titqies ġustifikata u n-nuqqas ta' konformità tal-prodott ikun attribwit għal nuqqasijiet fl-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 41(6)(b) ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni, għandha tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8 ta' (UE) Nru [../..] [ir-Regolament tal-Istandardizzazzjoni]. |
Emenda 28
Proposta għal direttiva
Artikolu 48 – paragrafu 1
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
L-Istati Membri għandhom jistipulaw pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw li dawn jiġu infurzati. Il-penalitajiet previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswasivi. | L-Istati Membri għandhom jibnu fuq il-mekkaniżmi eżistenti biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tas-sistema li tirregola l-markatura CE u għandhom jieħdu azzjoni xierqa f’każ ta’ użu mhux korrett tal-markatura. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur mill-operaturi ekonomiċi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw li dawn jiġu infurzati. Tali regoli jistgħu jinkludu pieni kriminali għal ksur serju. |
Emenda 29
Proposta għal direttiva
Artikolu 48 – paragrafu 1a (ġdid)
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
| Il-pieni msemmija fl-ewwel paragrafu għandhom ikunu effettivi, proporzjonati għal kemm ikun serju r-reat, u dissważivi. |
Emenda 30
Proposta għal direttiva
Artikolu 48 – paragrafu 2
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
L-Istati Membri għandhom jgħarrfu b'dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa [daħħal id-data speċifikata fl-Artikolu 50(1)] l-aktar tard u għandhom jgħarrfuha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom. | L-Istati Membri għandhom jgħarrfu b'dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa [daħħal id-data speċifikata fl-Artikolu 50(1)] u għandhom jgħarrfuha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom. Il-Kummissjoni għandha tqiegħed dawk id-dispożizzjonijiet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku billi tippubblikahom fl-internet. |
Emenda 31
Proposta għal direttiva
Artikolu 50 – paragrafu 2
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva. | 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tqiegħed dawk it-testi għad-dispożizzjoni tal-pubbliku billi tippubblikahom fl-internet. |
Emenda 32
Proposta għal direttiva
Anness I – parti II – punt 1 – punt j
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
(j) l-ikkargar korrett u l-iffunzjonar tal-isplużiv meta jintuża għall-iskop maħsub tiegħu; | (j) l-ikkargar korrett u l-iffunzjonar tal-isplużiv meta jintuża għall-iskop maħsub tiegħu jew għal skop li jista' jiġi previst b'mod raġonevoli; |
Emenda 33
Proposta għal direttiva
Anness I – parti II – punt 3 – punt 3.4 – punt a
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
(a) dawn il-materjali ma għandhomx jiddetonaw meta użati għall-iskop maħsub tagħhom; | (a) dawn il-materjali ma għandhomx jiddetonaw meta użati għall-iskop maħsub tagħhom jew għal skop li jista' jiġi previst b'mod raġonevoli; |
Emenda 34
Proposta għal direttiva
Anness II – punt 3 – paragrafu 1
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
Korp notifikat magħżul mill-manifattur, għandu jagħmel kontrolli tal-prodott, jew jara li dawn isiru f'intervalli mhux regolari li jkunu ddeterminati mill-korp, biex tiġi vverifikata l-kwalità tal-kontrolli interni tal-isplużiv, fejn jitqiesu, inter alia, il-kumplessità teknoloġika tal-isplużivi u l-kwantità tal-produzzjoni. Qabel ma l-prodotti jitqiegħdu fis-suq, għandu jiġi eżaminat kampjun adegwat tal-prodotti finali, meħud fil-post mill-korp notifikat, u għandhom isiru testijiet adegwati, kif ġie identifikat mill-partijiet rilevanti tal-istandards armonizzati u/jew speċifikazzjonijiet tekniċi, jew għandhom isiru testijiet ekwivalenti, biex tiġi kontrollata l-konformità tal-isplużiv mat-tip deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip UE u mar-rekwiżiti rilevanti ta' din id-Direttiva. Fejn kampjun ma jikkonformax mal-livell ta' kwalità aċċettabbli, il-korp għandu jieħu miżuri adegwati. | Korp akkreditat intern jew korp notifikat magħżul mill-manifattur, għandu jagħmel kontrolli tal-prodott, jew jara li dawn isiru f'intervalli mhux regolari li jkunu ddeterminati mill-korp, biex tiġi vverifikata l-kwalità tal-kontrolli interni tal-isplużiv, fejn jitqiesu, inter alia, il-kumplessità teknoloġika tal-isplużivi u l-kwantità tal-produzzjoni. Qabel ma l-prodotti jitqiegħdu fis-suq, għandu jiġi eżaminat kampjun adegwat tal-prodotti finali, meħud fil-post mill-korp notifikat, u għandhom isiru testijiet adegwati, kif ġie identifikat mill-partijiet rilevanti tal-istandards armonizzati u/jew speċifikazzjonijiet tekniċi, jew għandhom isiru testijiet ekwivalenti, biex tiġi kontrollata l-konformità tal-isplużiv mat-tip deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u mar-rekwiżiti rilevanti ta' din id-Direttiva. Fejn kampjun ma jikkonformax mal-livell ta' kwalità aċċettabbli, il-korp għandu jieħu miżuri adegwati. |
NOTA SPJEGATTIVA
Kuntest
Dan ir-rapport jemenda l-proposta tal-Kummissjoni li tfassal mill-ġdid id-Direttiva tal-Kunsill 93/15/KEE dwar l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar id-dħul fis-suq u s-superviżjoni ta' splużivi għall-użu ċivili. Gie ppreżentat f'Novembru 2011 fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Qafas Leġiżlattiv Ġdid (QLĠ) adottat fl-2008 bħala "l-pakkett dwar il-prodotti" li jkopri l-istrumenti komplementari, id-Deċiżjoni 768/2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KE u r-Regolament 765/2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 339/93. Il-proposta attwali hija parti minn pakkett, li jallinja disa' direttvi dwar il-prodotti mal-QLĠ.
Id-Direttiva eżistenti tal-Kunsill 93/15/KEE tistabbilixxi rekwiżiti essenzjali tas-sikurezza li l-isplużivi għandhom ikunu konformi magħhom sabiex dawn ikunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq tal-UE.
Il-QLĠ ġie adottat bħala rimedju għan-nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni eżistenti ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni sabiex jiġi kkompletat is-Suq Uniku, b'kompetizzjoni ġusta u bi prodotti sikuri. Implimentazzjoni u infurzar inkonsistenti fl-Istati Membri tal-leġiżlazzjoni eżistenti ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni, flimkien ma' regolamentazzjoni kumplessa, għamluha dejjem aktar diffiċli kemm għall-operaturi ekonomiċi kif ukoll għall-awtoritajiet biex jinterpretaw u japplikaw il-leġiżlazzjoni korrettament, u dan iwassal għal kundizzjonijiet inugwali tas-suq kif ukoll biex jitqiegħdu prodotti mhux sikuri fis-suq. "Il-pakkett dwar il-prodotti" jagħti l-qafas ġenerali biex tiġi ssimplifikata l-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti, sabiex issir aktar uniformi u komprensibbli kemm għall-operaturi ekonomiċi kif ukoll għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-QLĠ mhumiex direttament applikabbli. Sabiex jiġi żgurat li s-setturi ekonomiċi kollha suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni, jibbenefikaw mit-titjib tal-QLĠ, jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-QLĠ jiġu integrati fil-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-prodotti.
Wara l-adozzjoni tal-qafas legali fil-QLĠ fl-2008, il-Kummissjoni bdiet proċess ta' evalwazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni armonizzata Ewropea dwar il-prodotti sabiex tidentifika l-istrumenti li għandhom jiġu riveduti sabiex jiġi implimentat il-QLĠ.
F'dan il-proċess ta' evalwazzjoni, ġew identifikati għadd ta' direttivi li se jeħtieġu reviżjoni fit-tliet snin jew il-ħames snin li jmiss minħabba klawżoli ta' reviżjoni jew għal raġunijiet speċifiċi għas-settur (il-ħtieġa ta' kjarifika tal-ambitu, il-ħtieġa ta' aġġornament tar-rekwiżiti tas-sikurezza, eċċ.). Il-biċċa l-kbira tal-leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti dwar il-prodotti se jkollha tiġi riveduta għal dawn ir-raġunijiet u tkun ittrattata individwalment skont il-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni.
Id-disa' proposti fil-pakkett ippreżentat f'Novembru 2011, inkluża d-Direttiva tal-Kunsill 93/15/KEE, mhumiex parti mill-grupp ta' direttivi dwar il-prodotti msemmi hawn fuq, iżda ġew identifikati bħala adatti għal allinjament mal-QLĠ minħabba l-istruttura komuni tagħhom. Is-setturi koperti bid-direttivi kollha huma setturi industrijali importanti ħafna li huma soġġetti għal kompetizzjoni internazzjonali b'saħħitha, u skont il-valutazzjonijiet, dawk l-industriji se jibbenefikaw mis-simplifikazzjoni u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet indaqs għall-kumpaniji Ewropej li huma fil-mira tal-QLĠ.
Il-bidliet li saru fid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jikkonċernaw: id-definizzjonijiet, l-obbligi tal-operaturi ekonomiċi, is-suppożizzjoni ta' konformità pprovduta permezz tal-istandards armonizzati, id-dikjarazzjoni ta' konformità, il-marka CE, il-proċedura tal-klawżola ta' salvagwardja u l-proċeduri ta' valutazzjoni ta' konformità. L-għan tal-proposta kien limitat għal sempliċi allinjament mad-dispożizzjonijiet orizzontali fid-Deċiżjoni 768/2008/KE u mat-terminoloġija l-ġdida fit-Trattat ta' Lisbona, inklużi r-regoli l-ġodda dwar il-komitoloġija.
Proċedura
L-allinjament tad-Deċiżjoni tal-QLĠ jirrikjedi għadd ta' emendi sostantivi għad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva. It-teknika ta' tfassil mill-ġdid intgħażlet b'konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2011.
Skont l-Artikolu 87 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali eżamina l-proposta, abbażi tar-rapporti mill-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv (servizzi legali tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni), u qies li ma tinkludi l-ebda bidla sostanzjali ħlief dawk identifikati bħala tali fil-proposta jew dawk identifikati mill-GĦK.
Il-Pożizzjoni tar-Rapporteur
Ir-Rapporteur tqis dan l-allinjament ta' disa' direttivi dwar il-prodotti mal-QLĠ bħala pass importanti lejn l-ikkompletar tas-suq uniku tal-UE.
Il-QLĠ jintroduċi ambjent regolatorju simplifikat għall-prodotti u jippermetti implimentazzjoni aktar konsistenti tan-normi tekniċi, u dan jgħin biex jittejjeb il-funzjonament tas-suq uniku, billi jiżgura t-trattament ugwali tal-prodotti mhux konformi u tal-operaturi ekonomiċi, kif ukoll valutazzjoni ugwali tal-korpi nnotifikati fis-suq kollu tal-UE.
Fil-fehma tar-Rapporteur, allinjament tad-disa' direttivi dwar il-prodotti mal-QLĠ iżid il-fiduċja kemm tal-produtturi kif ukoll tal-konsumaturi, billi jikkjarifika l-obbligi għall-operaturi ekonomiċi u jagħti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri għodda aktar effikaċi biex iwettqu kontrolli ta' sorveljanza tas-suq, u dan kollu jwassal għal tnaqqis tal-prodotti mhux konformi u mhux sikuri fis-suq.
Il-proposti tal-Kummissjoni fil-pakkett ta' allinjament huma bbażati fuq konsultazzjoni wiesgħa tal-partijiet interessati, inklużi diversi mijiet ta' SMEs u l-esperjenzi tagħhom bil-pakkett dwar il-prodotti, fatt li huwa apprezzat ħafna mir-Rapporteur.
Ir-Rapporteur tappoġġa l-intenzjoni ġenerali tal-Kummissjoni ta' allinjament sempliċi tad-disa' direttivi dwar il-prodotti mal-miżuri orizzontali fid-Deċiżjoni 768/2008, iżda madankollu tissuġġerixxi xi bidliet fid-Direttiva dwar l-isplużivi għall-użu ċivili għal kjarifika u aġġustamenti settorjali addizzjonali bl-objettivi li ġejjin:
1.L-Allinjament Addizzjonali tad-Direttiva mal-QLĠ u l-Iżgurar taċ-Ċertezza Legali
Ir-Rapporteur tqis li huwa importanti li jsiru għadd ta' bidliet fid-Direttiva proposta sabiex jinkiseb livell ogħla ta' konsistenza mat-termini użati fid-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE u sabiex jitneħħew l-inkonsistenzi possibbli fit-test li jistgħu joħolqu l-inċertezza legali.
Huwa importanti wkoll li tiġi ċċarata s-sitwazzjoni legali għall-prodotti li tqiegħdu fis-suq legalment b'konformità mad-Direttiva attwali qabel ma tibda tapplika d-Direttiva l-ġdida, iżda li għadhom disponibbli. In-natura mhux retroattiva tal-leġiżlazzjoni tal-UE għandha tiġi enfasizzata u għandu jiġi ċċarat li dawn il-prodotti xorta jistgħu jitqiegħdu fis-suq wara d-data ta' applikazzjoni tad-Direttiva l-ġdida.
Barra minn hekk, ir-Rapporteur tqis li l-Kummissjoni għandu jkollha l-obbligu li tippubblika fl-internet id-dispożizzjonijiet nazzjonali tad-Direttiva trasposta u s-sanzjonijiet rilevanti (il-prinċipju tat-trasparenza).
2.It-Tisħiħ tal-Ħarsien tal-Konsumatur
Il-QLĠ jikkontribwixxi biex tiżdied il-fiduċja tal-konsumatur fis-suq uniku. Għalhekk, għadd ta' emendi huma marbuta wkoll mal-objettiv tar-Rapporteur li jittieħed il-benefiċċju sħiħ tad-dispożizzjonijiet tal-QLĠ marbuta mal-ħarsien tal-konsumatur. F'dak ir-rigward, xi emendi jippermettu lid-Direttiva l-ġdida tkopri ambitu usa' ta' sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-rekwiżiti essenzjali tas-sikurezza, meta anke l-użu previst b'mod raġonevoli għandu jitqies matul il-fażi ta' diżinn tal-prodott (ara l-Artikolu 16 tar-Regolament 765/2008 dwar ir-rekwiżiti ġenerali). Il-ħarsien tal-konsumatur jissaħħaħ ukoll billi jiġi ppreċiżat li l-istruzzjonijiet, l-informazzjoni dwar is-sikurezza u t-tikketti għandhom ikunu ċari, jistgħu jiftiehmu u intelliġibbli.
3.It-Tnaqqis tal-Burokrazija
Il-QLĠ għandu jikkontribwixxi biex jitjieb il-moviment liberu tal-merkanzija fl-Unjoni Ewropea. Madankollu, burokrazija li tfixkel tipprevjeni il-fluss liberu tal-merkanzija. Għalhekk, ir-Rapportuer skrutinizzat id-Direttiva proposta sabiex tnaqqas il-burokrazija kull meta possibbli. Għaldaqstant, ir-rapport jipproponi l-modernizzazzjoni tal-proċeduri attwali billi jiġi permess li d-DtK tal-UE tingħata mhux biss f'forma stampata, iżda anke permezz ta' mezzi elettroniċi, u jipproponi wkoll li titnaqqas il-burokrazija għall-operaturi ekonomiċi fir-rigward tal-identifikazzjoni ta' operaturi ekonomiċi preċedenti fil-katina tal-provvista.
Kif intqal qabel, ir-Rapporteur tappoġġa s-simplifikazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-proċedura prevista fil-QLĠ, iżda fl-istess ħin trid tissottolinja li tista' tkun meħtieġa l-flessibbiltà fir-rigward ta' xi obbligi maħluqa mill-qafas il-ġdid. Pereżempju, qed jiġi propost li tiġi miżjuda eċċezzjoni għar-regola dwar "DtK unika" għal każijiet li fihom l-għoti ta' dokument wieħed joħloq problemi speċifiċi minħabba l-kobor jew il-kumplessità tiegħu. F'dan il-każ, għandu jkun possibbli li d-DtK kollha jingħataw separatament.
4.L-Iżgurar ta' Sorveljanza tas-Suq Aħjar għall-Prodotti tagħna
Anke jekk ir-Rapporteur hija konxja mir-Regolament il-ġdid dwar is-sorveljanza tas-suq imħejji mis-servizzi tal-Kummissjoni, l-aħħar sett ta' bidliet qed jiffoka fuq l-iżgurar ta' livell ogħla ta' sorveljanza tas-suq tal-prodotti. Għal dan il-għan, ir-Rapporteur tipproponi li tiżdied is-sorveljanza tas-suq fil-bejgħ mill-bogħod billi jiġi żgurat li r-rekwiżiti rilevanti kollha dwar l-informazzjoni jintwerew ukoll fil-kummerċ elettroniku, li jiġi stabbilit rekwiżit biex l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni kull sena lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tagħhom ta' sorveljanza tas-suq, u li l-Istati Membri jiġu mistiedna jipprovdu l-finanzjament xieraq lill-awtoritajiet tagħhom ta' sorvlejanza tas-suq. Fl-aħħar nett, ir-Rapporteur enfasizzat il-ħtieġa li l-Istati Membri jieħdu azzjonijiet xierqa kontra l-użu ħażin tal-markatura CE.
ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI
Ref.: D(2012)22893
Is-Sur Malcolm Harbour,
President tal-Kumitat għas-Suq Intern
u l-Ħarsien tal-Konsumatur
ASP 13E130
Brussell
Suġġett: Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mad-disponibbiltà fis-suq u s-superviżjoni ta' splużivi għall-użu ċivili (tfassil mill-ġdid)
( COM(2011)0771 – C7‑0423/2011 – 2011/0349(COD) )
Għażiż President,
Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, li għandi l-unur nippresjedi, eżamina l-proposta msemmija hawn fuq, skont it-termini tal-Artikolu 87 dwar it-Tfassil mill-Ġdid, kif iddaħħal fir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament.
Il-paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu jgħid hekk:
"Jekk il-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali jqis li l-proposta ma tinkludi l-ebda bidla sostanzjali ħlief għal dawk il-bidliet identifikati bħala tali fil-proposta, huwa għandu jgħarraf lill-kumitat responsabbli b'dan.
F'dan il-każ, minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 156 u 157, l-emendi għandhom ikunu ammissibbli mill-kumitat responsabbli mis-suġġett jekk jikkonċernaw dawk il-partijiet tal-proposta li jinkludu tibdiliet sostanzjali.
Madankollu, jekk f’konformità mal-punt 8 tal-Ftehima Interistituzzjonali l-kumitat responsabbli jkollu l-ħsieb ukoll li jippreżenta emendi għall-partijiet kodifikati tal-proposta, huwa għandu jinnotifika minnufih il-ħsieb tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u din tal-aħħar għandha tgħarraf lill-kumitat, qabel il-vot skont l-Artikolu 54, bil-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-emendi kif ukoll dwar jekk għandhiex il-ħsieb li tirtira l-proposta ta' tfassil mill-ġdid.”
B'segwitu għall-opinjoni tas-Servizz Legali, li r-rappreżentanti tiegħu pparteċipaw fil-laqgħat tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv li eżamina l-proposta għal tfassil mill-ġdid, u b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-rapporteur għal opinjoni, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jikkunsidra li l-proposta msemmija ma tinkludi l-ebda tibdil sostantiv ħlief dak identifikat bħala tali fil-proposta u li, f’dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma' dan it-tibdil, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tal-atti eżistenti mingħajr tibdil sustanzjali.
Biex nikkonkludi, wara diskussjoni fil-laqgħa tiegħu tas-26 ta' April 2012, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bi 23 vot favur u ebda astensjoni[3], jirrakkomanda li l-Kumitat tiegħek, bħala l-kumitat responsabbli, jipproċedi biex jeżamina l-proposta msemmija hawn fuq skont l-Artikolu 87.
Dejjem tiegħek,
Klaus-Heiner LEHNE
Mehmuż: Opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv.
ANNESS: OPINJONI TAL-GRUPP TA’ ĦIDMA KONSULTATTIV TAS-SERVIZZI LEGALI TAL-PARLAMENT EWROPEW, TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI
|
GRUPP TA’ ĦIDMA KONSULTATTIV TAS-SERVIZZI LEGALI
|
Brussell, 27 ta' Marzu 2012
OPINJONI
GĦALL-ATTENZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
TAL-KUNSILL
TAL-KUMMISSJONI
Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mad-disponibbiltà fis-suq u s-superviżjoni ta' splużivi għall-użu ċivili
COM(2011)0771 final of 21.11.2011 - 2011/0349 (COD)
Wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta’ Novembru fuq l-użu aktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid tal-atti legali, u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu, il-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv, magħmul mis-Servizzi Legali rispettivi tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, fit-23 ta’ Frar 2012 kellu laqgħa ddedikata, fost affarijiet oħra, għall-eżami tal-proposta msemmija hawn fuq, imressqa mill-Kummissjoni.
Waqt din il-laqgħa[4], b'riżultat tal-eżami tal-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tfassal mill-ġdid id-Direttiva 93/15/KEE tal-5 ta' April 1993 dwar l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mat-tqegħid fis-suq u s-superviżjoni tal-esplosivi għall-użu ċivili, il-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv stabbilixxa, bi ftehim komuni, dan li ġej.
1) Fir-rigward tal-memorandum ta’ spjegazzjoni, bil-għan li l-abbozzar isir f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti relevanti stabbiliti mill-Ftehim Interistituzzjonali, dan id-dokument kellu jispeċifika liema dispożizzjonijiet tal-att preċedenti ma jinbidlux fil-proposta, kif previst fil-punt 6(a)(iii) ta’ dak il-ftehim.
2) Fit-test imfassal mill-ġdid, il-partijiet li ġejjin kellhom jiġu identifikati billi tintuża tipa ta’ kulur griż li ġeneralment tintuża sabiex jiġu mmarkati bidliet sostanzjali:
- fl-Artikolu 50(1), l-ewwel subparagrafu, il-kliem "mal-Artikoli 2(7), 2(9)-(24), 3-10, 14(1), 19(1)(a)(i), 20-26, 27(1)-(4), 27(6)-(7), 27(10)-(11), 28-44, 48, 49 u l-Anness II " kif ukoll it-test kollu tas-sentenza finali li jgħid hekk: "Għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta' korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva";
- fl-Artikolu 50(1), it-tieni subparagrafu, il-kliem "[il-jum ta' wara d-data msemmija fl-ewwel subparagrafu]";
- fil-punt 3(c)(iv) tal-Modulu B tal-Anness II, iż-żieda proposta tal-kliem "u/jew speċifikazzjonijiet tekniċi oħra rilevanti";
- fil-punti 4.2, 4.3 u 4.4 tal-Modulu B, fil-punt 3.3 tal-Modulu D, fil-punt 3.3 tal-Modulu E u fil-punt 4.1 tal-Modulu F tal-Anness II, iż-żieda proposta tal-kliem "u/jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi";
- fil-punt 1 tal-Modulu C2, fil-punt 1 tal-Modulu D, fil-punt 1 tal-Modulu E u fil-punt 1 tal-Modulu G tal-Anness II, iż-żieda proposta tal-kliem "fuq ir-responsabbiltà eklużiva tiegħu";
- fil-punt 2 tal-Modulu C2 u fil-punt 2 tal-Modulu F tal-Anness II, iż-żieda proposta tal-kliem "u l-monitoraġġ tiegħu";
- fil-punt 4.4 tal-Modulu D tal-Anness II, it-tħassir propost tal-kliem "jekk ikun neċessarju";
- fil-punt 2(c) tal-Modulu G tal-Anness II, it-tħassir propost tal-kliem "jew tas-sistema ta' protezzjoni".
Dan l-eżami tal-proposta b'hekk wassal biex il-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv jikkonkludi, bi qbil komuni, li l-proposta ma tinkludi ebda tibdil sustanzjali ħlief dawk identifikati bħala tali f'din il-proposta jew f'din l-opinjoni. Il-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv innota wkoll li, f’dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma' dan it-tibdil, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tal-atti eżistenti, mingħajr tibdil sustanzjali.
C. PENNERA H. LEGAL L. ROMERO REQUENA
Ġuriskonsult Ġuriskonsult Direttur Ġenerali
PROĊEDURA
Titolu | L-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mad-disponibbiltà fis-suq u s-superviżjoni ta’ splużivi għall-użu ċivili (Tfassil mill-ġdid) | |||
Referenzi | COM(2011)0771 – C7-0423/2011 – 2011/0349(COD) | |||
Data meta ġiet ippreżentata lill-PE | 21.11.2011 |
|
|
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja | IMCO 30.11.2011 |
|
|
|
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja | ITRE 30.11.2011 | JURI 30.11.2011 |
|
|
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija Data tad-deċiżjoni | ITRE 19.12.2011 |
|
|
|
Rapporteur(s) Data tal-ħatra | Zuzana Roithová 29.11.2011 |
|
|
|
Eżami fil-kumitat | 9.1.2012 | 28.2.2012 | 31.5.2012 | 10.7.2012 |
Data tal-adozzjoni | 10.7.2012 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 27 0 0 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Adam Bielan, Sergio Gaetano Cofferati, Birgit Collin-Langen, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, Cornelis de Jong, Christian Engström, Vicente Miguel Garcés Ramón, Louis Grech, Philippe Juvin, Edvard Kožušník, Toine Manders, Sirpa Pietikäinen, Phil Prendergast, Mitro ♦Repo, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Bernadette Vergnaud | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Ildikó Gáll-Pelcz, Morten Løkkegaard, Emma McClarkin, Konstantinos Poupakis, Marek Siwiec, Marc Tarabella | |||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali | Ismail Ertug | |||
Data tat-tressiq | 29.11.2012 | |||