Dokument ta' sessjoni

 

A7-0261/2012

12.9.2012

***I

RAPPORT

dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-twettiq tad-disponibilità fis-suq ta’ reċipjenti sempliċi taħt pressjoni (tfassil mill-ġdid)

( COM(2011)0768 – C7‑0428/2011 – 2011/0350(COD) )

Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

Rapporteur: Zuzana Roithová

(Tfassil mill-ġdid – Artikolu 87 tar-Regoli ta’ Proċedura)

 

PR_COD_1recastingam

 

 

Tifsira tas-simboli użati

  *  Proċedura ta’ konsultazzjoni

  ***  Proċedura ta’ approvazzjoni

  ***I  Proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-ewwel qari)

  ***II  Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tieni qari)

  ***III  Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tielet qari)

 

(It-tip ta’ proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta’ att.)

 

 

 

 

 

Emendi għal abbozz ta’ att

Fl-emendi li jsiru mill-Parlament, it-test emendat huwa indikat b’tipa grassa u korsiva. Test korsiv normali huwa indikazzjoni għas-servizzi tekniċi li turi partijiet tal-abbozz ta’ att li għalihom qed tkun proposta korrezzjoni bl-iskop li tgħin fil-preparazzjoni tat-test finali (pereżempju, żbalji ovvji jew nuqqasijiet f’verżjoni lingwistika partikolari). Il-korrezzjonijiet proposti huma soġġetti għall-qbil tas-servizzi tekniċi involuti.

 

L-intestatura ta’ kwalunkwe emenda għal att eżistenti, li l-abbozz ta’ att ikollu l-ħsieb li jemenda, ikun fiha t-tielet u r-raba’ linji li jidentifikaw rispettivament l-att eżistenti u d-dispożizzjoni kkonċernata f’dak l-att. Il-partijiet li jittieħdu kif inhuma minn dispożizzjoni eżistenti li l-Parlament jixtieq jemenda, imma li l-abbozz ta’ att ma jkunx emenda, huma indikati b’tipa grassa. It-tħassir eventwali li jikkonċerna dawn il-partijiet jiġi indikat kif ġej: [...].

 

 

 

 

 

 

WERREJ

Paġna

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW  5

NOTA SPJEGATTIVA  20

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI  24

ANNESS: OPINJONI TAL-GRUPP TA’ ĦIDMA KONSULTATTIV TAS-SERVIZZI LEGALI TAL-PARLAMENT EWROPEW, TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI  26

PROĊEDURA  28

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-twettiq tad-disponibilità fis-suq ta' reċipjenti sempliċi taħt pressjoni (tfassil mill-ġdid)

( COM(2011)0768 – C7‑0428/2011 – 2011/0350(COD) )

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja – tfassil mill-ġdid)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ( COM(2011)0768 ),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7‑0428/2011),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-28 ta' Marzu 2012[1],

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta’ Novembru 2001 fuq l-użu aktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid tal-atti legali[2],

–  wara li kkunsidra l-ittra tas-27 ta' Marzu 2012 tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali indirizzata lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur b'konformità mal-Artikolu 87(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 87 u 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur ( A7‑0261/2012 ),

A.  billi, fl-opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta kkonċernata ma tinkludi ebda tibdil sustanzjali ħlief dak identifikat bħala tali fil-proposta u billi, f’dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma' dan it-tibdil, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tal-atti eżistenti mingħajr tibdil sustanzjali;

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt, filwaqt li jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

 

Emenda    1

Proposta għal direttiva

Premessa 10

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(10) Meta jqiegħed reċipjent sempliċi taħt pressjoni fis-suq, kull importatur għandu jindika fuq ir-reċipjenti sempliċi taħt pressjoni, ismu u l-indirizz fejn ikun jista' jsir kuntatt miegħu.

(10) Meta jqiegħed reċipjent sempliċi taħt pressjoni fis-suq, kull importatur għandu jindika fuq ir-reċipjenti sempliċi taħt pressjoni, ismu u l-indirizz postali jew, jekk ikun disponibbli, dak tas-sit tal-internet fejn ikun jista' jsir kuntatt miegħu.

 

Emenda    2

Proposta għal direttiva

Premessa 13a (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(13a) L-obbligazzjonijiet kollha imposti fuq l-operaturi ekonomiċi b’din id-Direttiva għandhom japplikaw ukoll fil-każ ta’ bejgħ remot.

 

Emenda    3

Proposta għal direttiva

Premessa 18a (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(18a) Fil-każ li l-ħruġ ta’ dikjarazzjoni unika ta’ konformità tal-UE jista’ jikkawża problemi speċifiċi minħabba l-kumplessità jew l-ambitu ta’ dik id-dikjarazzjoni unika tal-UE, għandu jkun possibbli li dik id-dikjarazzjoni unika tal-UE tiġi sostitwita b’dikjarazzjonijiet individwali ta’ konformità tal-UE rilevanti għar-reċipjent partikolari.

 

Emenda    4

Proposta għal direttiva

Premessa 34

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(34) Hemm bżonn li jkunu pprovduti arranġamenti tranżitorji li jippermettu d-disponibilità fis-suq tar-reċipjenti sempliċi taħt pressjoni li kien diġà tqiegħed fis-suq skont id-Direttiva 2009/105/KE.

(34) Hemm bżonn li jkunu pprovduti arranġamenti tranżitorji li jippermettu li l-operaturi ekonomiċi jkollhom perjodu raġonevoli ta’ żmien biex jagħmlu disponibbli fis-suq u jdaħħlu fis-servizz reċipjenti sempliċi taħt pressjoni li kienu diġà tqiegħdu fis-suq skont id-Direttiva 2009/105/KE. L-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu jistgħu ibigħu stokkijiet ta’ reċipjenti sempliċi taħt pressjoni li jkunu diġà fil-katina ta’ distribuzzjoni fid-data ta’ applikazzjoni tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

 

Emenda    5

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt b

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(b) il-partijiet u l-komponenti  li jikkontribwixxu għas-saħħa tar-reċipjent taħt pressjoni huma  magħmula minn azzar mhux imħallat ta’ kwalità jew minn aluminju mhux imħallat jew taħlit ta’ aluminju li ma jibbisx biż-żmien;

(b) il-partijiet u armar li jikkontribwixxu għas-saħħa tar-reċipjent taħt pressjoni huma magħmula minn azzar mhux imħallat ta’ kwalità jew minn aluminju mhux imħallat jew taħlit ta’ aluminju li ma jibbiesx biż-żmien;

 

Emenda    6

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – punt 7

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(7) "operaturi ekonomiċi" tfisser il-manifattur, ir-rappreżentant awtorizzat, l-importatur u d-distributur;

(7) "operatur ekonomiku" tfisser manifattur, rappreżentant awtorizzat, importatur jew distributur;

 

Emenda    7

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – punt 9

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(9) "standard armonizzat" tfisser standard armonizzat kif iddefinit fl-Artikolu 2(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru [.../...] [dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea];

(9) "standard armonizzat" tfisser standard kif iddefinit fl-Artikolu 2(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru [.../...] [dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea];

 

Emenda    8

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – punt 14

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(14) “teħid lura” tfisser kull miżura maħsuba biex jittieħed lura reċipjent li jkun diġà sar disponibbli għall-utent aħħari.

(ma taffettwax il-verżjoni Maltija)

 

Emenda    9

Proposta għal direttiva

Artikolu 3 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa kollha biex jiżguraw li r-reċipjenti jistgħu jsiru disponibbli  fis-suq u jiddaħħlu fis-servizz biss jekk ma jikkompromettux is-sigurtà ta’ persuni, annimali domestiċi jew proprjetà meta installati, issir manutenzjoni fuqhom u meta użati għall-finijiet li għalihom huma maħsuba.

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa kollha biex jiżguraw li r-reċipjenti jistgħu jsiru disponibbli  fis-suq u jiddaħħlu fis-servizz biss jekk ma jikkompromettux is-sigurtà ta’ persuni, annimali domestiċi jew proprjetà meta installati, issir manutenzjoni fuqhom u meta użati għall-finijiet li għalihom huma maħsuba jew għal finijiet li huma raġonevolment prevedibbli..

 

Emenda    10

Proposta għal direttiva

Artikolu 6 – paragrafu 2 – subparagrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Għar-reċipjenti li l-prodott PS x V tagħhom jaqbeż il-50 bar/litru, il-manifatturi għandhom jiktbu dokumentazzjoni teknika msemmija fil-punti 2 u 3 tal-Anness III u jwettqu l-proċedura tal-valutazzjoni ta' konformità rilevanti msemmija fl-Artikolu 13 u jqabbdu lil xi ħadd jagħmilha.

2. Għar-reċipjenti li l-prodott PS x V tagħhom jaqbeż il-50 bar/litru, il-manifatturi għandhom jiktbu dokumentazzjoni teknika u jwettqu l-proċedura tal-valutazzjoni ta' konformità rilevanti msemmija fl-Artikolu 13 u jqabbdu lil xi ħadd jagħmilha.

 

Emenda    11

Proposta għal direttiva

Artikolu 6 – paragrafu 4 – subparagrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

4. Il-manifatturi għandhom jiżguraw li jkunu ġew stabbiliti proċeduri biex il-produzzjoni tas-serje tibqa' konformi. Għandhom jitqiesu b'mod xieraq dawk it-tibdiliet fid-disinn jew il-karatteristiċi tar-reċipjent u t-tibdiliet fl-istandards armonizzati li b'referenza għalihom tiġi dikjarata l-konformità ta' reċipjent.

4. Il-manifatturi għandhom jiżguraw li jkunu ġew stabbiliti proċeduri biex il-produzzjoni tas-serje tibqa' konformi. Għandhom jitqiesu b'mod xieraq dawk it-tibdiliet fid-disinn jew il-karatteristiċi tar-reċipjent u t-tibdiliet fl-istandards armonizzati jew fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li b'referenza għalihom tiġi dikjarata l-konformità ta' reċipjent.

 

Emenda    12

Proposta għal direttiva

Artikolu 6 – paragrafu 4 – subparagrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Meta jitqies li jkun xieraq fir-rigward tar-riskji ppreżentati minn reċipjent, il-manifatturi għandhom, għall-finijiet tal-protezzjoni tas-saħħa u tas-sikurezza tal-utenti, jagħmlu testijiet kampjunarji ta' reċipjenti disponibbli fis-suq, jinvestigaw, u jekk ikun meħtieġ, iżommu reġistru ta' lmenti, ta' reċipjenti mhux konformi u ta' teħid lura ta' reċipjenti, u għandhom iżommu lid-distributuri informati dwar kull monitoraġġ ta' dan it-tip.

Meta jitqies li jkun xieraq fir-rigward tar-riskji ppreżentati minn reċipjent, il-manifatturi għandhom, għall-finijiet tal-protezzjoni tas-saħħa u tas-sikurezza tal-utenti aħħarin, jagħmlu testijiet kampjunarji ta' reċipjenti disponibbli fis-suq, jinvestigaw, u jekk ikun meħtieġ, iżommu reġistru ta' lmenti, ta' reċipjenti mhux konformi u ta' teħid lura ta' reċipjenti, u għandhom iżommu lid-distributuri informati dwar kull monitoraġġ ta' dan it-tip.

 

Emenda    13

Proposta għal direttiva

Artikolu 6 – paragrafu 6

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

6. Il-manifatturi għandhom jindikaw fuq ir-reċipjent isimhom, l-isem kummerċjali rreġistrat jew il-marka kummerċjali rreġistrata tagħhom u l-indirizz fejn jistgħu jiġu kkuntattjati. L-indirizz għandu jindika punt uniku fejn jista' jiġi kuntattjat il-manifattur.

6. Il-manifatturi għandhom jindikaw, fuq ir-reċipjent, isimhom, l-isem kummerċjali rreġistrat jew il-marka kummerċjali rreġistrata tagħhom u l-indirizz postali jew, jekk ikun disponibbli, dak tas-sit tal-internet fejn jistgħu jiġu kkuntattjati, jew, jekk dan ma jkunx raġonevolment possibbli, dawk id-dettalji għandhom jingħataw fuq l-ippakkjar jew fuq dokument li jakkumpanja r-reċipjent. L-indirizz għandu jindika punt uniku fejn jista' jiġi kuntattjat il-manifattur. Id-dettalji ta’ kuntatt għandhom ikunu b’lingwa li l-utenti aħħarin u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ikunu jistgħu jifhmuha faċilment.

 

Emenda    14

Proposta għal direttiva

Artikolu 6 – paragrafu 7

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

7. Il-manifatturi għandhom jiżguraw li r-reċipjent li l-prodott PS x V tiegħu jaqbeż il-50 bar/litru, ikun akkumpanjat mill-istruzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sikurezza msemmija fil-punti 2 tal-Anness III fil-lingwa jew l-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru destinatarju.

7. Il-manifatturi għandhom jiżguraw li r-reċipjent li l-prodott PS x V tiegħu jaqbeż il-50 bar/litru, ikun akkumpanjat mill-istruzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sikurezza msemmija fil-punt 2 tal-Anness III b’lingwa li l-utenti jistgħu jifhmuha faċilment, kif determinat mill-Istat Membru kkonċernat. Tali istruzzjonijiet u informazzjoni ta' sikurezza flimkien ma' kwalunkwe ttikkettar għandhom ikunu ċari, jinftiehmu u intelliġibbli.

 

Emenda    15

Proposta għal direttiva

Artikolu 8 – paragrafu 3

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3. L-importaturi għandhom jindikaw isimhom, l-isem kummerċjali reġistrat jew il-marka kummerċjali reġistrata tagħhom u l-indirizz fejn ikunu jistgħu jiġu kkuntattjati fuq ir-reċipjent jew, jekk dan ma jkunx possibbli, fuq l-ippakkjar tiegħu jew f'dokument li jakkumpanja r-reċipjent.

3. Il-manifatturi għandhom jindikaw, fuq ir-reċipjent, isimhom, l-isem kummerċjali rreġistrat jew il-marka kummerċjali rreġistrata tagħhom u l-indirizz postali jew, jekk ikun disponibbli, dak tas-sit tal-internet fejn ikunu jistgħu jiġu kkuntattjati, jew, jekk dan ma jkunx possibbli, fuq l-ippakkjar tiegħu jew f'dokument li jakkumpanja r-reċipjent. Id-dettalji ta’ kuntatt għandhom ikunu b’lingwa li l-utenti aħħarin u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ikunu jistgħu jifhmuha faċilment.

 

Emenda    16

Proposta għal direttiva

Artikolu 8 – paragrafu 4

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

4. l-importaturi għandhom jiżguraw li r-reċipjent li l-prodott PS x V tiegħu jaqbeż il-50 bar/litru, ikun akkumpanjat mill-istruzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sikurezza msemmija fil-punti 2 tal-Anness III fil-lingwa jew l-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru destinatarju.

4. Il-manifatturi għandhom jiżguraw li r-reċipjent li l-prodott PS x V tiegħu jaqbeż il-50 bar/litru, ikun akkumpanjat mill-istruzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sikurezza msemmija fil-punt 2 tal-Anness III b’lingwa li l-utenti jistgħu jifhmuha faċilment, kif determinat mill-Istat Membru kkonċernat.

 

Emenda    17

Proposta għal direttiva

Artikolu 9 – paragrafu 5a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

5a. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prodotti li tqiegħdu fis-suq legalment qabel [id-data stipulata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 41(1)] jistgħu jsiru disponibbli fis-suq mid-distributuri mingħajr rekwiżiti oħra tal-prodott.

 

Emenda    18

Proposta għal direttiva

Artikolu 11 – paragrafu 1 – parti introduttorja

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-operaturi ekonomiċi għandhom, wara li ssir talba, jidentifikaw dan li ġej lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq:

L-operaturi ekonomiċi għandhom, wara li ssir talba, jispeċifikaw dan li ġej lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq:

 

Emenda    19

Proposta għal direttiva

Artikolu 11 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu kapaċi jippreżentaw l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għal perjodu ta' 10 snin wara li jkunu ġew fornuti bir-reċipjent u għal perjodu ta' 10 snin wara li jkunu forġdid ir-reċipjent.

L-operaturi ekonomiċi għandhom jippreżentaw l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għal perjodu ta' 10 snin wara li jkunu ġew fornuti bir-reċipjent u għal perjodu ta' 10 snin wara li jkunu fornew ir-reċipjent. L-operaturi ekonomiċi ma għandux ikollhom l-obbligu li jaġġornaw dik l-informazzjoni wara li l-forniment ikun ġie ffinalizzat.

 

Emenda    20

Proposta għal direttiva

Artikolu 11a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 11a

 

L-obbligi ta' operaturi ekonomiċi fir-rigward tal-prodotti disponibbli

 

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-obbligi tal-operaturi ekonomiċi fir-rigward ta' prodotti disponibbli fis-suq ikunu applikati skont l-Artikolu 40.

 

Emenda    21

Proposta għal direttiva

Artikolu 14 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandu jkollha l-istruttura tal-mudell speċifikat fl-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE, għandu jkollha l-elementi speċifikati fil-moduli rilevanti stabbiliti fl-Anness II ta’ din id-Direttiva u għandha tiġi aġġornata kontinwament. Għandha wkoll tiġi tradotta fil-lingwa jew il-lingwi meħtieġa mill-Istat Membru fejn jitqiegħed fis-suq jew jiġi magħmul disponibbli r-reċipjent.

2. Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandu jkollha l-istruttura tal-mudell speċifikat fl-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE, għandu jkollha l-elementi speċifikati fil-moduli rilevanti stabbiliti fl-Anness II ta’ din id-Direttiva u għandha tiġi aġġornata kontinwament. Għandha wkoll tiġi tradotta fil-lingwa jew il-lingwi meħtieġa mill-Istat Membru fejn jitqiegħed fis-suq jew jiġi magħmul disponibbli r-reċipjent. Fuq talba tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, l-operatur ekonomiku għandu jipprovdi kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE jew f'forma stampata jew inkella b'mezzi elettroniċi u għandu jiżgura li tkun tradotta bil-lingwa jew lingwi li jirrikjedi l-Istat Membru li fissuq tiegħu r-reċipjent jitqiegħed jew jiġi magħmul disponibbli.

 

Emenda    22

Proposta għal direttiva

Artikolu 14 – paragrafu 4

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

4. Meta jagħmel id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-KE, il-manifattur għandu jassumi r-responsabbiltà għall-konformità tar-reċipjent.

4. Meta jagħmel id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-KE, il-manifattur għandu jassumi r-responsabbiltà għall-konformità tar-reċipjent mar-rekwiżiti stipulati f'din id-Direttiva.

 

Emenda    23

Proposta għal direttiva

Artikolu 18 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Stati Membri għandhom jaħtru awtorità ta' notifika li tkun responsabbli biex tistabbilixxi u tesegwixxi l-proċeduri meħtieġa għall-evalwazzjoni u n-notifika ta' korpi tal-evalwazzjoni tal-konformità u għall-monitoraġġ ta' korpi notifikati, inkluża l-konformità tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23.

1. Stati Membri għandhom jaħtru awtorità unika ta' notifika li tkun responsabbli biex tistabbilixxi u tesegwixxi l-proċeduri meħtieġa għall-evalwazzjoni u n-notifika ta' korpi tal-evalwazzjoni tal-konformità u għall-monitoraġġ ta' korpi notifikati, inkluża l-konformità tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23.

 

Emenda    24

Proposta għal direttiva

Artikolu 34 – paragrafu 1a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Kummissjoni kull sena d-dettalji tal-attivitajiet tal-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq tagħhom u ta' kwalunkwe pjan għas-sorveljanza tas-suq jew ta' żieda fis-sorveljanza tas-suq, inklużi l-allokazzjoni ta' aktar riżorsi, iż-żieda fl-effiċjenza u l-bini tal-kapaċità meħtieġa biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

 

Emenda    25

Proposta għal direttiva

Artikolu 34 – paragrafu 1b (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

L-Istati Membri għandhom jipprovdu finanzjament adegwat lill-awtoritajiet tagħhom għas-sorveljanza tas-suq sabiex jiżguraw li l-attivitajiet tagħhom huma koerenti u effikaċi fl-Unjoni kollha.

 

Emenda    26

Proposta għal direttiva

Artikolu 35 – paragrafu 1 – subparagrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Fejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq ta’ Stat Membru jkunu ħadu azzjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 jew jekk dawn għandhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li reċipjent kopert b'din id-Direttiva jippreżenta riskju għas-saħħa jew għas-sikurezza ta’ persuni jew għal aspetti oħra ta’ protezzjoni ta’ interess pubbliku koperti b'din id-Direttiva, dawn għandhom iwettqu valutazzjoni relatata mar-reċipjent ikkonċernat li jkopri r-rekwiżiti kollha stabbiliti f'din id-Direttiva. L-operaturi ekonomiċi rilevanti għandhom jikkooperaw kif meħtieġ mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

1. Fejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq ta’ Stat Membru jkunu ħadu azzjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 jew jekk dawn għandhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li reċipjent kopert b'din id-Direttiva jippreżenta riskju għas-saħħa jew għas-sikurezza ta’ persuni jew għal aspetti oħra ta’ protezzjoni ta’ interess pubbliku koperti b'din id-Direttiva, dawn għandhom iwettqu valutazzjoni relatata mar-reċipjent ikkonċernat li jkopri r-rekwiżiti relevanti kollha stabbiliti f'din id-Direttiva. L-operaturi ekonomiċi rilevanti għandhom jikkooperaw kif meħtieġ mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

 

Emenda    27

Proposta għal direttiva

Artikolu 35 – paragrafu 5 – punt a

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(a) in-nuqqas tar-reċipjent li jissodisfa r-rekwiżiti relatati mas-saħħa jew is-sikurezza ta' persuni jew ma' aspetti oħra ta' protezzjoni ta’ interess pubbliku stabbiliti f'din id-Direttiva;

(a) in-nuqqas tar-reċipjent li jissodisfa r-rekwiżiti relatati mas-saħħa jew is-sikurezza ta' persuni jew ma' aspetti oħra ta' protezzjoni ta’ interess pubbliku stabbiliti f'din id-Direttiva; jew

 

Emenda    28

Proposta għal direttiva

Artikolu 35 – paragrafu 7

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

7. Fejn, fi żmien xahrejn minn meta tasal l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, ma tkun saret ebda oġġezzjoni minn xi Stat Membru jew mill-Kummissjoni fuq miżura provviżorja meħuda minn Stat Membru, dik il-miżura għandha titqies li tkun ġustifikata.

7. Fejn, fi żmien tliet xhur minn meta tasal l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, ma tkun saret ebda oġġezzjoni minn xi Stat Membru jew mill-Kummissjoni fuq miżura provviżorja meħuda minn Stat Membru, dik il-miżura għandha titqies li tkun ġustifikata.

 

Emenda    29

Proposta għal direttiva

Artikolu 35 – paragrafu 8

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

8. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu miżuri restrittivi xierqa fir-rigward tar-reċipjent ikkonċernat mingħajr dewmien.

8. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu miżuri restrittivi xierqa fir-rigward tal-ġugarell ikkonċernat, bħall-irtirar tar-reċipjent mis-suq, mingħajr dewmien.

 

Emenda    30

Proposta għal direttiva

Artikolu 39 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw li dawn jiġu infurzati.

L-Istati Membri għandhom jibnu fuq il-mekkaniżmi eżistenti biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tas-sistema tal-immarkar CE u għandhom jieħdu azzjoni xierqa f’każ ta’ użu mhux korrett tal-immarkar. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur, min-naħa ta’ operaturi eknomiċi, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw li dawn jiġu infurzati. Tali regoli jistgħu jinkludu pieni kriminali fir-rigward ta' ksur serju.

 

Emenda    31

Proposta għal direttiva

Artikolu 39 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswasivi.

Il-penali msemmija fl-ewwel paragrafu għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati għas-serjetà tar-reat, u disswasivi.

 

Emenda    32

Proposta għal direttiva

Artikolu 39 – paragrafu 3

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu b'dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sad-[data speċifikata fl-Artikolu 41(1)] l-aktar tard u għandhom jgħarrfuha mingħajr dewmien b'kull emenda sussegwenti li taffettwahom.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu b'dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sad-[data speċifikata fl-Artikolu 41(1)] u għandhom jgħarrfuha mingħajr dewmien b'kull emenda sussegwenti li taffettwahom. Il-Kummissjoni għandha tqiegħed dawn id-dispożizzjonijiet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku billi tippubblikahom fuq l-internet.

 

Emenda    33

Proposta għal direttiva

Artikolu 41 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dawk id-dispożizzjonijiet pubblikament disponibbli billi tippubblikahom fuq l-internet.

 

Emenda    34

Proposta għal direttiva

Anness II – Taqsima 2 – punt 2.3 – punt 2.3.1 – parti introduttorja

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.3.1. Għal kull reċipjent individwali manifatturat, il-manifattur jew persuna f’ismu għandu jagħmel test wieħed jew iktar fuq aspett speċifiku wieħed jew iktar tar-reċipjent, sabiex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti korrispondenti ta’ din id-Direttiva. It-testijiet għandhom jitwettqu taħt ir-responsabbiltà tal-korp notifikat, magħżul mill-manifattur.

2.3.1. Għal kull reċipjent individwali manifatturat, il-manifattur jew persuna f’ismu għandu jagħmel test wieħed jew iktar fuq aspett speċifiku wieħed jew iktar tar-reċipjent, sabiex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti korrispondenti ta’ din id-Direttiva. It-testijiet għandhom jitwettqu minn korp akkreditat intern jew taħt ir-responsabbiltà tal-korp notifikat, magħżul mill-manifattur.

 

Emenda    35

Proposta għal direttiva

Anness II – Taqsima 2 – punt 2.3 – punt 2.3.2 – parti introduttorja

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.3.2. Il-korp notifikat għandu jwettaq l-eżamijiet u testijiet xierqa sabiex jikkontrolla l-konformità tar-reċipjenti mal-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva permezz ta’ eżami u ttestjar tar-reċipjenti b’mod konformi mal-paragrafi li ġejjin.

2.3.2. Il-korp notifikat għandu jwettaq l-eżamijiet u testijiet xierqa sabiex jikkontrolla l-konformità tar-reċipjenti mal-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva permezz ta’ eżami u ttestjar tar-reċipjenti b’mod konformi mal-punti li ġejjin.

 

Emenda    36

Proposta għal direttiva

Anness II – Taqsima 2 – punt 2.3 – punt 2.3.2 – punt h

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(h) Il-manifattur għandu jkun jista’ jforni wara talba, iċ-ċertifikati ta’ konformità tal-korp notifikat li saret referenza għalihom fis-seba’ subparagrafu (f).

(h) Il-manifattur għandu jkun jista’ jforni wara talba, iċ-ċertifikati ta’ konformità tal-korp notifikat li saret referenza għalihom fil-punt (f).

 

Emenda    37

Proposta għal direttiva

Anness II – Taqsima 3 – punt 3.3 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Il-korp notifikat, magħżul mill-manifattur, għandu jagħmel kontrolli tar-reċipjent jew iqabbad lil min jagħmilhom, f’intervalli mhux regolari, kif iddeterminat mill-korp, biex tiġi vverifikata l-kwalità tal-kontrolli interni tar-reċipjent, fejn jitqiesu, inter alia, il-komplessità teknoloġika tar-reċipjenti u l-kwantità ta’ produzzjoni. Għandu jiġi eżaminat kampjun xieraq tar-reċipjent finali, meħud fil-post mill-korp notifikat qabel it-tqegħid fis-suq, u għandhom isiru t-testijiet xierqa kif identifikati mill-partijiet rilevanti tal-istandards armonizzati, jew testijiet ekwivalenti, biex tiġi verifikata l-konformità tar-reċipjent mat-tip deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u mar-rekwiżiti rilevanti ta’ din id-Direttiva.

Korp akkreditat intern jew korp notifikat, magħżul mill-manifattur, għandu jagħmel kontrolli tar-reċipjent jew iqabbad lil min jagħmilhom, f’intervalli mhux regolari, kif iddeterminat mill-korp, biex tiġi vverifikata l-kwalità tal-kontrolli interni tar-reċipjent, fejn jitqiesu, inter alia, il-komplessità teknoloġika tar-reċipjenti u l-kwantità ta’ produzzjoni. Għandu jiġi eżaminat kampjun xieraq tar-reċipjent finali, meħud fil-post mill-korp notifikat qabel it-tqegħid fis-suq, u għandhom isiru t-testijiet xierqa kif identifikati mill-partijiet rilevanti tal-istandards armonizzati, jew testijiet ekwivalenti, biex tiġi verifikata l-konformità tar-reċipjent mat-tip deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u mar-rekwiżiti rilevanti ta’ din id-Direttiva.

 

Emenda    38

Proposta għal direttiva

Anness II – Taqsima 3 – punt 3.4 – punt 3.4.2 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Kopja tad-dikjarazzjoni għandha tiġi formita ma' kull wieħed mir-reċipjent li jitqiegħed fis-suq. Madankollu, din il-ħtieġa tista' tiġi interpretata li tapplika għal lott jew kunsinna iktar mili għall-istrumenti individwali f'dawk il-każijiet meta numru kbir tar-reċipjenti jiġi kkunsinnat lil utent wieħed.

imħassar

 

 

NOTA SPJEGATTIVA

 

 

Kuntest

 

Dan ir-rapport jemenda l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tfassal mill-ġdid id-Direttiva 2009/105/KE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-twettiq tad-disponibilità fis-suq ta’ reċipjenti sempliċi taħt pressjoni. Din ġiet ippreżentata f'Novembru 2011 fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Qafas Leġiżlattiv Ġdid (QLĠ) adottat fl-2008 bħala "l-pakkett dwar il-merkanzija" li jkopri l-istrumenti komplementari, id-Deċiżjoni 768/2008/KE dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE u r-Regolament (KE) 765/2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93. Din il-proposta hi parti minn pakkett li jallinja disa' direttivi dwar il-prodotti mal-QLĠ.

 

Id-Direttiva 2009/105/KE eżistenti tistipula r-rekwiżiti ta' sikurezza essenzjali li r-reċipjenti sempliċi taħt pressjoni jridu jikkonformaw magħhom sabiex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq tal-UE.

 

Il-QLĠ ġie adottat bħala rimedju għan-nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni sabiex jiġi kkompletat is-Suq Uniku, b'kompetizzjoni ġusta u prodotti mhux perikolużi. Implimentazzjoni u infurzar inkonsistenti fl-Istati Membri tal-armonizzazzjoni eżistenti tal-Unjoni, flimkien ma' regolamentazzjoni kumplessa, għamluha dejjem aktar diffiċli kemm għall-operaturi ekonomiċi, kif ukoll għall-awtoritajiet, li jinterpretaw u japplikaw b'mod korrett il-leġiżlazzjoni, fatt li wassal għal kundiżżjonijiet inugwali fis-suq u anke biex tqiegħdu prodotti perikolużi fis-suq. "Il-pakkett dwar il-merkanzija" jagħti l-qafas globali għas-semplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti, sabiex issir aktar uniformi u tinftiehem kemm għall-operaturi eknomiċi, kif ukoll għall-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni dwar il-QLĠ mhumiex direttament applikabbli. Sabiex jiġi żgurat li s-setturi ekonomiċi kollha suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni, jibbenefikaw mit-titjib tal-QLĠ, jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-QLĠ jiġu integrati fil-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-prodotti.

Wara l-adozzjoni tal-qafas legali fil-QLĠ fl-2008, il-Kummissjoni bdiet proċess ta' evalwazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni Ewropea armonizzata dwar il-prodotti sabiex jiġu identifikati l-istrumenti li jridu jiġu riveduti sabiex il-QLĠ jiġi implimentat.

 

F'dan il-proċess ta' evalwazzjoni ġie identifikat għadd ta' direttivi li se jeħtieġu reviżjoni fit-3–5 snin li ġejjin minħabba klawżoli ta' reviżjoni jew raġunijiet speċifiċi għas-settur (il-ħtieġa li jiġi ċċarat l-ambitu, il-ħtieġa għal rekwiżiti ta' sikurezza aġġornati, eċċ.). Il-maġġoranza l-kbira tal-leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti dwar il-prodotti se teħtieġ reviżjoni għal dawk ir-raġunijiet u se tiġi ttrattata b'mod individwali skont il-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni.

 

Id-disa' proposti fil-pakkett ippreżentat f'Novembru 2011, inkluża d-Direttiva 2009/105/KE, mhumiex parti mill-grupp ta' direttivi dwar il-prodotti msemmi qabel, imma, minħabba l-istruttura komuni tagħhom, ġew identifikati bħala xierqa għal allinjament mal-QLĠ. Is-setturi koperti mid-direttivi huma kollha setturi industrijali importanti ħafna li huma soġġetti għal kompetizzjoni internazzjonali b'saħħitha, u l-valutazzjonijiet huma li dawk l-industriji se jgawdu mis-semplifikazzjoni u l-ħolqien ta' ambjent fejn il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni jkunu l-istess għall-kumpaniji Ewropej kollha li l-QLĠ hu mmirat lejhom.

 

Il-bidliet li saru fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jikkonċernaw: id-definizzjonijiet, l-obbligi tal-operaturi ekonomiċi, is-suppożizzjoni ta' konformità pprovduta permezz tal-istandards armonizzati, id-dikjarazzjoni ta' konformità, il-marka CE, il-proċedura tal-klawżola ta' salvagwardja u l-proċeduri ta' valutazzjoni ta' konformità. L-intenzjoni tal-proposta kienet limitata għal allinjament pur mad-dispożizzjonijiet orizzontali fid-Deċiżjoni 768/2008/KE u mat-terminoloġija l-ġdida fit-Trattat ta' Lisbona, inklużi r-regoli l-ġodda dwar il-komitoloġija.

 

Proċedura

 

L-allinjament mad-Deċiżjoni dwar il-QLĠ jirrikjedi għadd ta' emendi sostantivi għad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva. It-teknika ta' tfassil mill-ġdid intgħażlet bi qbil mal-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001.

 

Skont l-Artikolu 87 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew, il-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali eżamina l-proposta, abbażi tar-rapporti mill-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv (is-servizzi legali tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni) u kkunsidra li ma tinvolvi l-ebda bidla sostantiva apparti dawk li huma identifikati bħala bildliet ta' dan it-tip fil-proposta, jew dawk identifikati mill-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv.

 

Il-Pożizzjoni tar-Rapporteur

 

Ir-Rapporteur jikkunsidra li dan l-allinjament ta' disa' direttivi dwar il-prodotti mal-QLĠ hu pass importanti lejn l-ikkompletar tas-suq uniku tal-UE.

 

Il-QLĠ jintroduċi ambjent regolatorju ssemplifikat għall-prodotti u jippermetti implimentazzjoni aktar konsistenti tal-istandards tekniċi, żewġ elementi li se jgħinu biex jittejjeb il-funzjonament tas-suq uniku, billi jiżguraw trattament ugwali għall-prodotti mhux konformi u għall-operaturi ekonomiċi, kif ukoll valutazzjoni ugwali tal-korpi notifikati fis-suq kollu tal-UE.

 

Fil-fehma tar-Rapporteur, allinjament tad-disa' direttivi dwar il-prodotti mal-QLĠ se jżid il-fiduċja kemm tal-produtturi u kemm tal-kosumaturi, billi jiċċara l-obbligi għall-operaturi ekonomiċi u jipprovdi lill-awtoritajiet tal-Istati Membri b'għodda aktar effikaċi biex iwettqu l-kontrolli tas-sorveljanza tas-suq, u dan kollu jwassal biex jonqos l-għadd ta' prodotti mhux konformi u perikolużi fis-suq.

 

Il-proposti tal-Kummissjoni fil-pakkett dwar l-allinjament huma bbażati fuq konsultazzjoni estensiva mal-partijiet interessati, inklużi diversi mijiet ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u l-esperjenzi tagħhom fir-rigward tal-Pakkett dwar il-Merkanzija, fatt li hu apprezzat ħafna mir-Rapporteur.

 

Ir-Rapporteur tappoġġja l-intenzjoni ġenerali tal-Kummissjoni li jsir allinjament pur tad-disa' direttivi dwar il-prodotti mal-miżuri orizzontali fid-Deċiżjoni 768/2008, imma madankollu tixtieq tissuġġerixxi xi bidliet għad-Direttiva 2009/105/KE dwar reċipjenti sempliċi taħt pressjoni għal aktar kjarifika u aġġustamenti settorjali ultjeruri bl-objettivi li ġejjin:

 

1.Allinjament ulterjuri tad-Direttiva mal-QLĠ u l-iżgurar taċ-ċertezza legali

 

Ir-Rapporteur jikkunsidra li hu imporanti li jsir għadd ta' bidliet għad-Direttiva proposta sabiex jintlaħaq livell ogħla ta' konsistenza mat-termini użati mid-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE u jiġu eliminati l-inkonsistenzi possibbli fit-test li inkella jistgħu joħolqu inċertezza legali.

 

Hu importanti wkoll li tiġi ċċarata l-qagħda legali għall-prodotti li tqiegħdu fis-suq legalment b'konformità mad-Direttiva attwali qabel tibda tapplika d-Direttiva l-ġdida, imma li għadhom maħżuna. Għandha tiġi enfasizzata n-natura mhux retroattiva tal-leġiżlazzjoni tal-UE u għandu jiġi ċċarat li dawn il-prodotti jkunu għadhom jistgħu jsiru disponibbli fis-suq wara d-data meta tibda tapplika d-Direttiva l-ġdida.

 

Barra minn hekk, ir-Rapporteur jikkunsidra li l-Kummissjoni għandu jkollha l-obbligu li tippubblika fuq l-internet id-dispożizzjonijiet nazzjonali tad-Direttiva trasposta u s-sanzjonijiet rilevanti (prinċipju ta' trasparenza).

 

2.Tisħiħ tal-protezzjoni tal-konsumatur

 

Il-QLĠ jikkontribwixxi għaż-żieda tal-fiduċja tal-konsumatur fis-suq uniku. Għaldaqstant, għadd ta' modifiki hu marbut ukoll mal-objettiv tar-Rapporteur li d-dispożizzjonijiet tal-QLĠ relatati mal-protezzjoni tal-konsumatur jagħtuna l-benefiċċji kollha possibbli. F'dak ir-rigward, xi emendi jippermettu li d-direttiva l-ġdida tkopri ambitu aktar estensiv ta' sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-rekwiżiti essenzjali ta' sikurezza, meta anke l-użu raġonevolment prevedibbli għandu jitqies waqt il-fażi tad-disinn tal-prodott (irreferi għall-Artikolu 16 dwar ir-rekwiżiti ġenerali tar-Regolament 765/2008). Il-ħarsien tal-konsumatur ukoll tkun approfondita bil-preċiżazzjoni li l-istruzzjonijiet, informazzjoni tas-sikurezza u t-tikkettar provduti mill-manufatturi jeħtieġ li jkunu ċari, jinftiehmu u intelliġibbli, u li l-importaturi jeħtiġilhom jagħtu l-informazzjoni b’lingwa li l-utenti jifhmuha faċilment.

 

3.Tnaqqis tal-burokrazija

 

Il-QLĠ għandu jikkontribwixxi għat-titjib tal-moviment liberu tal-merkanzija fl-Unjoni Ewropea. Madankollu, burokrazija ingombranti xxekkel il-fluss liberu tal-merkanzija. Għaldaqstant, ir-Rapporteur eżamina d-Direttiva proposta sabiex, kull fejn ikun possibbli, inaqqas il-burokrazija. Għaldaqstant, ir-rapport jipproponi l-modernizzazzjoni tal-proċeduri attwali billi jiġi permess li d-DtK tal-UE tingħata mhux biss f'forma stampata, iżda anke permezz ta' mezzi elettroniċi, u jipproponi wkoll li titnaqqas il-burokrazija għall-operaturi ekonomiċi fir-rigward tal-identifikazzjoni ta' operaturi ekonomiċi preċedenti fil-katina tal-provvista.

 

Kif esprima qabel, ir-Rapporteur jappoġġa s-semplifikazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-proċeduri previsti fil-QLĠ, imma fl-istess ħin jixtieq jenfasizza li jista' jkun hemm bżonn flessibilità fir-rigward ta' xi obbligi maħluqa mill-qafas il-ġdid. Pereżempju, qed jiġi propost li tiżdied eċċezzjoni għar-regola dwar "Dikjarazzjoni ta' Konformità unika" f'dawk il-każi meta, minħabba l-kumplessità jew id-daqs tagħha, ikun hemm problemi speċifiċi biex jiġi pprovdut dokument wieħed. Hawnhekk għandu jkun hemm il-possibilità li d-Dikjarazzjonijiet ta' Konformità jiġu pprovduti b'mod separat.

 

Fl-aħħar nett, ir-Rapporteur tispjega fl-abbozz ta' rapport li l-obbligu tal-manufattur li jindika d-dettalji ta' kuntatt fuq il-prodott, fejn dan ma jkunx teknikament fattibbli jew ikollu spiża sproporzjonata, jista' wkoll jingħata fuq l-imballaġġ jew f’dokument li jakkumpanja l-prodott.

 

4.Żgurar ta' sorveljanza aħjar tas-suq għall-prodotti tagħna

 

Allavolja r-Rapporteur konxju tar-regolament futur il-ġdid dwar is-sorveljanza tas-suq li qed jitħejja mis-servizzi tal-Kummissjoni, l-aħħar sett ta' bidliet hu ffukat fuq l-iżgurar ta' livell ogħla ta' sorveljanza tal-prodotti fis-suq. Għal dan l-għan, ir-Rapporteur qed jipproponi li tiżdied is-sorveljanza tas-suq fir-rigward tal-bejgħ mill-bogħod billi jiġi żgurat li r-rekwiżiti kollha għal informazzjoni rilevanti jintwerew ukoll fil-kummerċ elettroniku, li jiġi stabbilit rekwiżit ta' informazzjoni annwali mill-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tagħhom ta' sorveljanza tas-suq, li l-Istati Membri jintalbu jipprovdu l-finanzjament xieraq għall-awtoritajiet tagħhom ta' sorveljanza tas-suq. Fl-aħħar nett, ir-Rapporteur saħaq fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri jieħdu azzjonijiet xierqa kontra l-użu mhux xieraq tal-marka CE.

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI

 

Ref.: D(2012)22889

 

 

 

Is-Sur Malcolm Harbour

President tal-Kumitat għas-Suq Intern

u l-Ħarsien tal-Konsumatur

ASP 13E130

Brussell

 

 

 

Suġġett:  Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-twettiq tad-disponibilità fis-suq ta’ reċipjenti sempliċi taħt pressjoni (tfassil mill-ġdid)

  ( COM(2011)0768 – C7‑0428/2011 – 2011/0350(COD) )

 

 

 

 

Għażiż President,

 

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, li għandi l-unur nippresjedi, eżamina l-proposta msemmija hawn fuq, skont l-Artikolu 87 dwar it-Tfassil mill-Ġdid, kif stabbilit fir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament.

Il-Paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu jistipula kif ġej:

 

"Jekk il-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali jqis li l-proposta ma tinkludi l-ebda bidla sostanzjali ħlief għal dawk il-bidliet identifikati bħala tali fil-proposta, huwa għandu jgħarraf lill-kumitat responsabbli b'dan.

 

F'dan il-każ, minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 156 u 157, l-emendi għandhom ikunu ammissibbli mill-kumitat responsabbli mis-suġġett jekk jikkonċernaw dawk il-partijiet tal-proposta li jinkludu tibdiliet sostanzjali.

Madankollu, jekk f’konformità mal-punt 8 tal-Ftehim Interistituzzjonali l-kumitat responsabbli jkollu l-ħsieb ukoll li jippreżenta emendi għall-partijiet kodifikati tal-proposta, huwa għandu jinnotifika minnufih il-ħsieb tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u din tal-aħħar għandha tinforma lill-kumitat, qabel il-vot skont l-Artikolu 54, bil-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-emendi kif ukoll dwar jekk għandhiex il-ħsieb li tirtira l-proposta ta' tfassil mill-ġdid.”

 

 

 

B'segwitu għall-opinjoni tas-Servizz Legali, li r-rappreżentanti tiegħu pparteċipaw fil-laqgħat tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv li eżamina l-proposta għal tfassil mill-ġdidi, u b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-rapporteur għal opinjoni, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jikkunsidra li l-proposta msemmija ma tinkludi l-ebda tibdil sostanzjali ħlief dak identifikat bħala tali fil-proposta u billi, f’dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma' dan it-tibdil, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tal-atti eżistenti mingħajr tibdil fis-sostanza tagħhom.

 

Biex nikkonkludu, wara diskussjoni fil-laqgħa tiegħu tal-26 ta' April 2012, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bi 23 vot favur u bl-ebda astensjoni[3], jirrakkomanda li l-Kumitat tiegħek, bħala l-kumitat responsabbli, jipproċedi biex jeżamina l-proposta msemmija hawn fuq bi qbil mal-Artikolu 87.

 

Dejjem tiegħek,

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Klaus-Heiner LEHNE

 

 

 

 

 

 

 

Hemża: L-Opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv.

 

ANNESS: OPINJONI TAL-GRUPP TA’ ĦIDMA KONSULTATTIV TAS-SERVIZZI LEGALI TAL-PARLAMENT EWROPEW, TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI

 

 

 

GRUPP TA' ĦIDMA KONSULTATTIV

TAS-SERVIZZI LEGALI

Brussell, is-27 ta' Marzu 2012

OPINJONI

GĦALL-ATTENZJONI   TAL-PARLAMENT EWROPEW

  TAL-KUNSILL

  TAL-KUMMISSJONI

Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-twettiq tad-disponibilità fis-suq ta’ reċipjenti sempliċi taħt pressjoni

COM(2011)0768 tal-21.11.2011 – 2011/0350(COD)

Wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta’ Novembru 2001 dwar l-użu aktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid tal-atti legali, u b’mod partikolari l-punt 9 tiegħu, il-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv magħmul mis-servizzi legali rispettivi tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, fl-1 ta’ Frar 2012 kellu laqgħa ddedikata, fost affarijiet oħra, għall-eżami tal-proposta msemmija hawn fuq, imressqa mill-Kummissjoni.

 

Waqt dik il-laqgħa[4], eżami tal-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tfassal mill-ġdid id-Direttiva 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 marbuta ma’ reċipjenti sempliċi taħt pressjoni, wassal biex il-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv stabbilixxa, bi qbil komuni, dan li ġej.

1) Fir-rigward tal-memorandum ta’ spjegazzjoni, bil-għan li l-abbozzar isir f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti relevanti stabbiliti mill-Ftehim Interistituzzjonali dan id-dokument kellu jispeċifika liema dispożizzjonijiet tal-att preċedenti jibqgħu bla mittiefsa fil-proposta, kif previst fil-punt 6(a)(iii) ta’ dak il-ftehim.

 

 

 

 

 

2) Fit-test imfassal mill-ġdid, suppost kellhom jiġu identifikati bl-użu tal-isfond griż li ġeneralment jintuża biex jimmarka bidliet sostanzjali:

 

– it-tħassir propost tad-diċitura tal-punt (a) tal-Artikolu 13 eżistenti tad-Direttiva 2009/105/KE ("l-iskeda ta’ disinn u manifattura");

– fil-punt 3.3(a) tal-Anness II, il-kliem "id-dokumentazzjoni teknika" (immarkat bi vleġeġ ta’ adattament fit-test ta’ tfassil mill-ġdid);

– fl-Artikolu 41(1), l-ewwel subparagrafu, il-kliem "mal-Artikoli 2, 6, 7, 8, 9, 10, 11, 12, 13, 14, 15, 16, 17, 18, 19, 20, 21, 22, 23, 24, 25, 26, 27, 28, 29, 30, 31, 32, 33, 34, 35, 36, 37, 38, 39, 40 u l-Annessi II", kif ukoll it-test kollu tas-sentenza finali li jaqra kif ġej: “Dawn għandhom jikkomunikaw mill-ewwel lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta' korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u d-Direttiva.”

fl-Artikolu 41(1), it-tieni subparagrafu, il-kliem "[il-jum wara d-data fl-ewwel subparagrafu]".

 

3) Fil-kliem introduttorju tal-punt 2.3.2 tal-Anness II, il-kelma "paragrafi" għandha tinbidel għal "punti".

 

4) Fil-punt 2.3.2(h) tal-Anness II, il-kliem "fis-seba’ subparagrafu" għandu jinbidel bil-kelma "punt".

 

L-eżami tal-proposta b'hekk ippermetta li l-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv jikkonkludi, bi qbil komuni, li l-proposta ma fiha l-ebda tibdil sostanzjali, ħlief dawk identifikati bħala tali jew f’din l-opinjoni. Il-Grupp ta' Ħidma kkonkluda wkoll, f’dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-att preċedenti flimkien ma’ dawk l-emendi sostanzjali, li l-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tat-test eżistenti, mingħajr tibdil sostanzjali.

 

 

 

 

C. PENNERA      H. LEGAL      L. ROMERO REQUENA

Ġuriskonsult      Ġuriskonsult      Direttur Ġenerali

 

 

PROĊEDURA

Titolu

L-armonizzazjzoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ reċipjenti sempliċi taħt pressjoni (Riformulazzjoni)

Referenzi

COM(2011)0768 – C7-0428/2011 – 2011/0350(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

21.11.2011

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

IMCO

30.11.2011

 

 

 

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ITRE

30.11.2011

JURI

30.11.2011

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

ITRE

19.12.2011

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Zuzana Roithová

29.11.2011

 

 

 

Eżami fil-kumitat

9.1.2012

28.2.2012

31.5.2012

10.7.2012

Data tal-adozzjoni

10.7.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Adam Bielan, Sergio Gaetano Cofferati, Birgit Collin-Langen, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, Cornelis de Jong, Christian Engström, Ismail Ertug, Vicente Miguel Garcés Ramón, Louis Grech, Philippe Juvin, Edvard Kožušník, Toine Manders, Hans-Peter Mayer, Sirpa Pietikäinen, Phil Prendergast, Mitro Repo, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Bernadette Vergnaud

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Ildikó Gáll-Pelcz, Morten Løkkegaard, Emma McClarkin, Konstantinos Poupakis, Marek Siwiec, Marc Tarabella

Data tat-tressiq

25.7.2012

 

 

[1] Għadha ma ġietx ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali.
[2] ĠU C 77, 28.3.2002, p. 1.
[3] Raffaele Baldassarre, Sebastian Valentin Bodu, Piotr Borys, Françoise Castex, Sergio Gaetano Cofferati, Christian Engström, Marielle Gallo, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sajjad Karim, Vytautas Landsbergis, Eva Lichtenberger, Jiří Maštálka, Antonio López-Istúriz White, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Dimitar Stoyanov, Rebecca Taylor, Alexandra Thein, Axel Voss, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka.  
[4] Il-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv kellu għad-dispożizzjoni tiegħu l-verżjonijiet tal-proposta bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż, u ħadem fuq il-bażi tal-verżjoni Ingliża, li kienet il-verżjoni lingwistika prinċipali tat-test diskuss.