Dokument ta' sessjoni

 

A7-0284/2012

25.9.2012

RAPPORT

dwar l-aspetti industrijali, tal-enerġija u aspetti oħra tal-gass u ż-żejt tax-shale

( 2011/2309(INI) )

Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

Rapporteur: Niki Tzavela

 

PR_INI

WERREJ

Paġna

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW...................................3

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT......................................................14

 

 

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-aspetti industrijali, tal-enerġija u aspetti oħra tal-gass u ż-żejt tax-shale

( 2011/2309(INI) )

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 194 tiegħu, li jiddikjara li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu li jistabbilixxu miżuri tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija hija, inter alia, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati, fosthom, b'mod partikolari, l-Artikolu 192(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 bit-titolu ‘Lejn Strateġija ġdida dwar l-Enerġija għall-Ewropa 2011-2020’[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Settembru 2011 dwar l-iżvilupp ta' pożizzjoni komuni tal-UE qabel il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20)[2],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 1994, dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta' awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta' idrokarburi[3],

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 994/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar miżuri li jissalvagwardaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE[4],

–   wara li kkunsidra l-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE dwar l-iżvilupp tal-gass tax-shale, inklużi: id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent[5]; id-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent[6]; id-Direttiva 2006/21/KE dwar l-immaniġġar ta' skart mill-industriji ta' estrazzjoni[7]; id-Direttiva 2000/60 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma[8]; ir-Regolament 1907/2006/KE dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi[9]; id-Direttiva 98/8/KE dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali[10]; id-Direttiva 96/82/KE dwar il-kontroll ta' perikoli ta' aċċidenti kbar fl-użu ta' sustanzi perikolużi[11]; id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali[12]; id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis)[13]; id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità[14]; u d-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020[15],

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta' Frar 2011,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2011 dwar it-tisħiħ tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija tal-UE,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050[16],

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE[17],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija ( A7-0284/2012 ),

A. billi l-istima tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija hija li l-kapaċità globali ta’ likwefazzjoni se tiżdied minn 380 biljun metru kubiku (bcm) fl-2011 għal 540 bcm fl-2020,

B.  billi skont it-Trattati tal-UE, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jiddeterminaw it-taħlita tagħhom ta' enerġija,

C. billi l-iżvilupp tal-gass tax-shale jista' jkollu impatt sinifikanti fuq is-suq tal-gass naturali f'termini ta' dinamika u prezzijiet, kif ukoll fuq il-ġenerazzjoni tal-enerġija;

D. billi s-sustanzi kimiċi użati għat-tkissir idrawliku għandhom jiġu rreġistrati mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi u ma jistgħux jirċievu approvazzjoni sakemm jiġi żgurat li ma jikkawżawx ħsara lill-ambjent jew li ħsara bħal din titnaqqas (taħt ir-Regolament REACH);

E.  billi l-gass mhux konvenzjonali fil-forma ta’ gass kompressat, gass tax-shale u l-metan estratt mis-sodda tal-faħam diġà jikkontribwixxi għal iżjed minn nofs il-produzzjoni tal-gass fl-Istati Uniti, fejn l-ikbar żieda saret fil-gass tax-shale;

F.  billi ż-żejt diġà qed jiġi prodott mix-shales taż-żejt fl-Estonja u l-esplorazzjoni għaż-żejt mill-formazzjonijiet tax-shale saret fil-baċir ta’ Pariġi;

Aspetti dwar l-enerġija

 

Riżorsi potenzjali

 

1.  Jinnota li ġew imwettqa diversi stimi dwar ir-riżorsi tal-gass tax-shale fl-Ewropa, fosthom dawk mill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti għall-Informazzjoni dwar l-Enerġija u mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE), u li diversi Stati Membri għandhom riżervi; jirrikonoxxi li għalkemm dawn l-istimi huma, fin-natura tagħhom stess, ineżatti huma juru l-eżistenza ta’ riżorsi indiġeni konsiderevoli tal-enerġija, li mhux kollha kemm huma, madankollu, jistgħu jkunu ekonomikament vijabbli f'termini ta' estrazzjoni; jinnota wkoll li xi Stati Membri għandhom riżervi taż-żejt tax-shale u li sorsi oħra ta' żejt mhux konvenzjonali għad iridu jiġu esplorati fuq skala usa';

2.  Jemmen li min ifassal il-politika għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu data xjentifika aktar eżatta, aġġornata u komprensiva biex ikun jista' jieħu deċiżjonijiet infurmati; jaqbel, għaldaqstant, mal-Kunsill Ewropew li l-potenzjal tal-Ewropa għall-estrazzjoni u għall-użu sostenibbli ta’ riżorsi tal-gass tax-shale u taż-żejt tax-shale, mingħajr ma jitqiegħdu fir-riskju d-disponibilità u l-kwalità tar-riżorsi tal-ilma, għandu jiġi vvalutat u mmappjat sabiex potenzjalment tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista; jilqa’ l-valutazzjonijiet magħmulin mill-Istati Membri u jħeġġiġhom ikomplu dan ix-xogħol, u jitlob il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni biex jiġi vvalutat il-potenzjal tar-riżervi tal-gass tax-shale u taż-żejt tax-shale fl-UE billi tiġbor ir-riżultati mill-valutazzjonijiet tal-Istati Membri u minn riżultati disponibbli minn proġetti ta’ esplorazzjoni, kif ukoll billi tanalizza u tevalwa l-aspetti industrijali, ekonomiċi, ambjentali, tal-enerġija u tas-saħħa tal-produzzjoni domestika tal-gass tax-shale;

Swieqi tal-enerġija

3.  Jindika li ż-żieda kbira fl-użu tal-gass tax-shale fl-Istati Uniti diġà kellha impatt pożittiv sinifikanti fuq is-suq tal-gass naturali u fuq il-prezzijiet tal-gass u l-enerġija, b’mod partikolari billi wassal biex il-gass naturali likwifikat li kien maħsub għas-suq tal-Istati Uniti jintbagħat mill-ġdid xi mkien ieħor; josserva li l-prezzijiet spot tal-Istati Uniti laħqu livell baxx storiku, u b’hekk wessgħu id-differenza fil-prezzijiet bejn l-Istati Uniti u Ewropa marbuta b’kuntratti fuq perjodu ta’ żmien twil, u għandhom impatt fuq il-kompetittività tal-ekonomiji u l-industriji Ewropej;

4.  Jinnota li skont l-Amministrazzjoni tal-Informazzjoni dwar l-Enerġija tal-Istati Uniti, huwa previst li l-produzzjoni domestika fl-Istati Uniti se tipprovdi 46 % tal-provvista tal-gass sal-2035;

5.  Jinnota li l-prezzijiet tal-gass fl-Istati Uniti għadhom neżlin, u dan joħloq sfidi addizzjonali ta’ kompetittività għall-UE;

6.  Jinnota li, hekk kif is-suq tal-gass qed isir aktar u aktar globali u interkonness, l-iżvilupp tal-gass tax-shale se jżid il-kompetizzjoni globali bejn gass u ieħor u għaldaqstant se jibqa’ jkollu effett kbir fuq il-prezzijiet; jindika li l-gass tax-shale se jsaħħaħ l-pożizzjoni tal-klijenti fir-rigward tal-fornituri tal-gass u għaldaqstant għandu jwassal għal prezzijiet aktar baxxi;

7.  Jinnota, min-naħa l-oħra, li hemm ħtieġa ta’ investimenti sinifikanti għat-twaqqif tal-infrastrutturi meħtieġa kollha relatati mat-tħaffir u l-ħżin, it-trasport u l-ipproċessar mill-ġdid tal-gass u l-fluwidu tal-fracking, li jridu jiġu koperti kompletament mill-industrija;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-evoluzzjoni tas-suq tal-gass u t-tkabbir tal-ipprezzar ibbażat fuq postijiet ċentrali (‘hub-based pricing’) fl-Ewropa, biex tindirizza, fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill tal-Enerġija tal-UE u tal-Istati Uniti, l-impatt potenzjali tal-iżvilupp dinji tal-gass tax-shale fuq is-suq tal-gass naturali likwifikat (LNG) u t-tneħħija ta’ restrizzjonijiet possibbli għall-kummerċ globali tal-LNG;

9.  Jenfasizza li fil-livell tal-UE l-prinċipju tas-sussidjarjetà f’termini ta’ soluzzjonijiet ta’ taħlita tal-enerġija japplika għall-esplorazzjoni u/jew l-estrazzjoni tal-gass tax-shale; jinnota, madankollu, li l-esplorazzjoni tal-gass tax-shale jista’ jkollha dimensjoni transkonfinali, b’mod speċjali meta t-tħaffir isir ħdejn il-konfini terrestri ma’ Stat Membru ieħor jew meta jaffettwa l-ilma ta' taħt l-art, l-arja jew il-ħamrija ta' iżjed minn pajjiż wieħed; jitlob li ssir divulgazzjoni sħiħa tal-kwistjonijiet tekniċi u ambjentali relatati mal-esplorazzjoni tal-gass tax-shale u kooperazzjoni xierqa mal-partijiet interessati kollha qabel u waqt il-konċessjonijiet;

10. Josserva li l-konsum globali tal-gass naturali attwalment qed jiżdied, u li l-Ewropa għadha fost ir-reġjuni bl-ogħla ħtiġijiet ta’ importazzjoni ta’ gass; jinnota li skont l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, huwa previst li l-produzzjoni tal-gass domestiku fl-Ewropa se tonqos u d-domanda se tiżdied, u l-importazzjonijiet se jiżdiedu sa ma jilħqu madwar 450 bcm sal-2035; jirrikonoxxi, għaldaqstant, ir-rwol importanti tal-produzzjoni globali tal-gass tax-shale sabiex jiġu assigurati s-sigurtà u d-diversità tas-sorsi u l-fornituri tal-enerġija fuq perjodu medju u twil ta' żmien; huwa konxju mill-fatt li l-produzzjoni domestika tal-gass tax-shale tista' toffri opportunità għal xi Stati Membri biex jiddiversifikaw aktar is-sorsi tagħhom ta' forniment ta' gass naturali, filwaqt li titqies id-dipendenza tal-Istati Membri fuq l-importazzjonijiet tal-gass naturali minn pajjiżi terzi; jirrikonoxxi li b'riżultat tat-tkabbir tal-produzzjoni tal-gass naturali mix-shales fl-Istati Uniti, issa huma disponibbli aktar provvisti tal-LNG għall-Ewropa, u li kombinazzjoni ta’ provvista domestika akbar ta’ gass naturali u iżjed disponibbiltà ta’ LNG jipprovdu opzjonijiet attraenti għad-diversità tal-provvista tal-gass;

11. Jenfasizza, madankollu, li huwa kruċjali li jiġu adottati miżuri u politiki oħra għas-sigurtà tal-provvista, b'perspettivi fit-tul, bħaż-żieda sinifikanti fl-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u t-titjib fl-effiċjenza enerġetika u l-iffrankar ta' enerġija filwaqt li jiġu assigurati infrastruttura u faċilitajiet suffiċjenti ta' ħżin, id-diversifikazzjoni tal-provvisti u tar-rotot ta' transitu, u l-bini ta’ sħubijiet affidabbli ma’ pajjiżi fornituri, pajjiżi ta’ transitu u pajjiżi konsumaturi abbażi tat-trasparenza, il-fiduċja reċiproka u n-nondiskriminazzjoni, skont il-prinċipji tal-Karta tal-Enerġija u t-Tielet Pakkett tal-Enerġija tal-UE;

12. Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq sa tmiem l-2012 analiżi tal-ġejjieni tas-suq tal-gass dinji u tal-UE, li tinkludi l-impatt ta' proġetti ta' infrastruttura tal-gass li diġà huma ppjanati (bħal dawk żviluppati fil-kuntest tal-Kuritur tan-Nofsinhar), terminali ġodda tal-LNG, l-impatt tal-gass tax-shale fuq is-suq tal-gass tal-Istati Uniti (partikolarment fuq l-esiġenzi ta' importazzjoni ta' LNG), u l-impatt tal-iżviluppi eventwali tal-gass tax-shale fl-UE fuq il-futur tas-sigurtà tal-provvista u l-prezzijiet tal-gass; jemmen li l-analiżi għandha tirrefletti, u tqis bħala punt ta' tluq, l-istat attwali tal-iżvilupp tal-infrastruttura u l-miri tal-UE rigward l-emissjonijiet ta' CO2 għall-2020; jenfasizza li l-partijiet interessati kollha għandhom jiġu kkonsultati;

13. Jenfasizza li suq intern tal-enerġija tal-UE li huwa kompletament funzjonanti, interkonness u integrat huwa wkoll essenzjali, inter alia mill-perspettiva li jittieħed vantaġġ sħiħ mill-produzzjoni possibbli tal-gass tax-shale fl-UE, mingħajr impatt negattiv fuq l-ambjent u l-komunitajiet li jinstabu viċin is-siti tal-esplojtazzjoni ta’ dan it-tip; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b’mod vigoruż jisħqu għal dan l-objettiv, b’mod partikolari billi tiġi assigurata tranżizzjoni bla xkiel u l-applikazzjoni tar-rekwiżiti tat-tielet pakkett tas-suq intern tal-enerġija tal-UE u tal-pakkett tal-infrastruttura tal-enerġija, bil-għan li sal-2014 jiġu armonizzati u liberalizzati bis-sħiħ is-swieq Ewropej tal-operaturi tal-enerġja;

Tranżizzjoni lejn ekonomija dekarbonizzata

14. Huwa tal-fehma li l-gass tax-shale għandu rwol fl-UE fuq perjodu medju u twil ta' żmien, billi jikkontribwixxi biex tintlaħaq il-mira tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b'bejn 80 % u 95 % sal-2050 meta mqabbel mal-livelli tal-1990 fil-kuntest ta' tnaqqis minn pajjiżi żviluppati bħala grupp, waqt li fl-istess ħin tiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-kompetittività, li hija l-bażi tal-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050;

15. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-gass se jkun sinifikanti għat-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija, hekk kif iddikjarat fil-Pjan Direzzjonali msemmi, peress li jirrappreżenta mod veloċi, temporanju u kosteffiċjenti biex titnaqqas id-dipendenza fuq fjuwils fossili oħra aktar maħmuġin qabel ma ssir it-tranżizzjoni għall-ġenerazzjoni tal-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju kompletament sostenibbli, biex b’hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra; jemmen li l-gass tax-shale jista’ jkollu rwol fundamentali f’dan l-aspett, b’mod partikolari f’dawk l-Istati Membri li attwalment jużaw ammonti kbar ta’ faħam fil-ġenerazzjoni tal-enerġija, jekk il-valutazzjonijiet tal-impatt jikkonkludu li dawn l-operazzjonijiet m'għandhom l-ebda effett negattiv fuq l-ambjent, b’mod partikolari fuq l-ilma ta’ taħt l-art, jew fuq il-komunitajiet lokali kontigwi;

16. Jistieden liċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni, minħabba n-nuqqas ta' data Ewropea komprensiva dwar il-marka tal-karbonju tal-gass tax-shale, biex jiffinalizza malajr l-analiżi tiegħu taċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-estrazzjoni u l-produzzjoni tal-gass tax-shale, bl-għan li jkun żgurat li jitqiesu korrettament fil-ġejjieni;

17. Jirrimarka wkoll li ċerti forom ta’ enerġija rinnovabbli – pereżempju l-enerġija mir-riħ – huma varjabbli u jeħtieġ li jkunu appoġġjati jew ibbilanċjati b'teknoloġija affidabbli u flessibbli; jesprimi l-opinjoni li l-gass naturali – inkluż il-gass tax-shale – jista’ jkun waħda mill-opzjonijiet disponibbli għal dak l-iskop fost ħafna soluzzjonijiet oħra bħal iżjed interkonnessjoni, il-ġestjoni u l-kontroll aħjar tas-sistema permezz ta' grids intelliġenti fil-livelli kollha tan-netwerks, il-ħżin tal-enerġija u l-ġestjoni mil-lat tad-domanda; jirrikonoxxi l-importanza tas-CCS sabiex tigi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-gass bħala sors ta' enerġija;

18. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tanalizza l-ekonomiji tas-CCS għall-gass sabiex tħaffef l-iżvilupp u l-użu ta’ din it-teknoloġija; jistieden ukoll lill-Kummissjoni sabiex teżamina l-impatt probabbli tat-teknoloġija tas-CCS fuq il-flessibilità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-gass, u għalhekk fuq ir-rwol tagħha bħala appoġġ għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

19. Jistieden lill-Kummissjoni, b'konformità mal-istrateġija tal-UE ta' Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050, tevalwa l-impatt ekonomiku u ambjentali tal-gass mhux konvenzjonali u l-prospetti għal dan il-gass fl-UE, filwaqt li tqies it-tagħlimiet li jistgħu jinsiltu mill-esperjenza u r-regolamentazzjoni tal-Istati Uniti f'dan il-qasam, filwaqt li jiġi rikonoxxut il-fatt li l-livell ta' użu ta' gass mhux konvenzjonali fl-UE finalment ikun deċiż mis-suq u mid-deċiżjonijiet tal-Istati Membri li jaġixxu fil-qafas tal-objettivi fit-tul tal-UE dwar il-politika tal-klima u l-enerġija;

20. Jistieden lill-awtoritajiet pubbliċi sabiex jipproduċu valutazzjoni reġjonali tal-impatt taħt l-art sabiex tiġi ottimizzata l-allokazzjoni tar-riżorsi bejn l-enerġija ġeotermali, il-gass tax-shale u riżorsi oħra ta’ taħt l-art, u għalhekk jiġu massimizzati l-benefiċċji għas-soċjetà;

21. Jistieden lill-Kummissjoni titlob lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) tipprepara analiżi xjentifika ambjentali bir-reqqa tal-esplojtazzjoni tal-gass tax-shale u taż-żejt tax-shale u l-impatt potenzjali tat-tekniki disponibbli;

Aspetti industrijali u ekonomiċi ta’ żejt u gass mhux konvenzjonali

Ambjent industrijali

22. Ifakkar li ż-żieda massiva fil-produzzjoni tal-gass tax-shale ġiet appoġġjata minn ambjent industrijali stabbilit, inklużi numri suffiċjenti ta’ pjattaformi taż-żejt, il-ħaddiema meħtieġa u industrija tas-servizz li hi ta’ esperjenza u mgħammra sew; huwa konxju mil-fatt li fl-UE jrid jgħaddi ż-żmien biex is-settur neċessarju tas-servizzi jibni kapaċità adegwata u biex il-kumpaniji jakkwistaw it-tagħmir u l-esperjenza meħtieġa biex jappoġġjaw livell għoli ta’ produzzjoni sostenibbli tal-gass tax-shale, u li dan aktarx jikkontribwixxi ukoll għal kostijiet ogħla fuq perjodu qasir ta’ żmien; jinkoraġġixxi kooperazzjoni bejn il-kumpaniji rilevanti tal-UE u tal-Istati Uniti bil-għan li jiġu applikati "green completions", l-Aħjar Teknoloġiji Disponibbli u proċessi industrijali li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent filwaqt li jitnaqqsu l-kostijiet; jemmen li l-aspettattivi dwar il-pass tal-iżvilupp tal-gass tax-shale fl-UE għandhom ikunu realistiċi u li kwalunkwe estrazzjoni kummerċjali potenzjali għandha tiddaħħal u tiġi rregolata gradwalment, sabiex jiġu evitati ċikli ekonomiċi "boom-and-bust" bl-impatti lokali negattivi sinifikanti tagħhom;

23. Jindika li qafas regolatorju stabbli huwa essenzjali kemm sabiex jinħoloq l-ambjent tajjeb għall-kumpaniji tal-gass sabiex jinvestu f’infrastruttura u riċerka u tkabbir bżonjużi ħafna, u sabiex jiġu evitati distorsjonijiet tas-suq;

24. Iħeġġeġ lill-Istati Membri interessati li jiżviluppaw il-gass tax-shale sabiex jintroduċu l-ħiliet meħtieġa fis-sistemi prinċipali tagħhom tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, sabiex iħejju l-forza tax-xogħol meħtieġa;

25. Jenfasizza l-importanza li jingħata appoġġ għall-iżvilupp tal-industrija tal-gass tax-shale bit-twaqqif tal-infrastruttura meħtieġa, b’mod partikolari f’termini ta’ pajpijiet, bil-kundizzjoni li l-proġetti ta’ esplojtazzjoni tal-gass tax-shale ikunu finanzjarjament u soċjalment sostenibbli;

26. Jindika li l-esplorazzjoni tal-potenzjal tal-gass u ż-żejt tax-shale mhijiex unika għall-Ewropa u li hemm interess kbir fl-iżvilupp ta’ riżorsi ġodda ta’ żejt u gass bħala mezz għat-titjib tal-kompetittività tal-enerġija u dik ekonomika f’ħafna pajjiżi u reġjuni fl-Asja, l-Amerika ta’ Fuq, l-Amerika Latina, l-Afrika u l-Awstralja; jenfasizza l-ħtieġa li l-gass u ż-żejt tax-shale jiġu inklużi fid-djalogu bilaterali u s-sħubijiet tal-UE mal-pajjiżi li diġà qegħdin jiżviluppaw riżorsi mhux konvenzjonali jew li huma interessati fl-iżvilupp u/jew l-użu tagħhom, għall-iskambju tal-kompetenza u l-aħjar prassi;

27. Jinnota li l-politika tal-UE dwar l-enerġija u l-klima teħtieġ li tirrikonoxxi u tindirizza l-ostakli għall-investiment potenzjali fl-iżvilupp tal-gass tax-shale fl-UE;

28. Jenfasizza l-ħtieġa li jibqgħu jiġu kkunsidrati t-teknoloġiji futuri ġodda kollha fil-qasam tar-riċerka dwar l-enerġija; jitlob aktar attività ta' riċerka u żvilupp rigward għodod u teknoloġiji, inkluż is-CCS, sabiex tiġi esplorata l-possibilità ta' żvilupp aktar sostenibbli u sikur tal-gass mhux konvenzjonali; jirrikonoxxi, għalhekk, ir-rwol usa’ li t-teknoloġija u l-innovazzjoni fis-settur tal-gass jistgħu jikkontribwixxu għall-bażi tal-ħiliet u l-kompetittività tal-UE;

29. Jinnota l-iżviluppi teknoloġiċi fl-Awstrija, fejn l-industrija qed tipproponi l-użu ta’ fluwidi tal-fracking li jinkludu biss ilma, ramel u lamtu tal-qamħirrun; jirrakkomanda li Stati Membri oħra u l-Kummissjoni jeżaminaw il-possibilità tal-estrazzjoni ta’ gass tax-shale mingħajr l-użu ta’ sustanzi kimiċi, u jitlob iżjed attività ta' riċerka u żvilupp rigward tali tekniki u/jew prattiki li jistgħu jnaqqsu l-impatti potenzjali fuq l-ambjent;

30. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tressaq rakkomandazzjonijiet sabiex il-bjar kollha tal-gass tax-shale tal-UE jnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan li jaħarbu;

Qafas tal-ħruġ ta' liċenzji

31. Jistieden lill-Istati Membri jqiegħdu fis-seħħ reġim regolatorju robust u jiżguraw ir-riżorsi amministrattivi u ta’ monitoraġġ meħtieġa għall-iżvilupp sostenibbli tal-attivitajiet kollha marbutin mal-gass tax-shale, fosthom dawk meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ħarsien ambjentali u klimatiku; ifakkar li skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kull Stat Membru għandu d-dritt jiddeċiedi għalih innifsu rigward l-esplojtazzjoni tal-gass u ż-żejt tax-shale;

32. Jinnota li l-proċedura attwali ta’ ħruġ ta' liċenzji għall-esplojtazzjoni tal-gass tax-shale hija regolata mill-leġiżlazzjoni ġenerali dwar it-tħaffir u l-idrokarburi; jinnota li skont ir-Rapport Finali dwar il-Gass Mhux Konvenzjonali fl-Ewropa tat-8 ta' Novembru 2011 imħejji mill-Kummissjoni u n-Nota ta' Trażmissjoni dwar il-qafas legali ambjentali tal-UE applikabbli għal proġetti tal-gass tax-shale tas-26 ta' Jannar 2012 imħejjija mill-Kummissjoni, il-qafas leġiżlattiv tal-UE jkopri b'mod adegwat l-aspetti kollha tal-ħruġ ta' liċenzji għall-gass tax-shale, l-esplorazzjoni bikrija u l-produzzjoni; jinnota, madankollu, li l-estrazzjoni fuq skala kbira tal-gass tax-shale tista’ teħtieġ l-adattament komprensiv tal-leġiżlazzjoni eżistenti rilevanti kollha tal-UE, inkluż ir-REACH, sabiex jiġu koperti l-ispeċifiċitajiet tal-estrazzjoni tal-fjuwils fossili mhux konvenzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri biex, mingħajr dewmien, jivverifikaw u, fejn meħtieġ, itejbu l-oqfsa regolatorji sabiex tiġi assigurata l-adegwatezza tagħhom għall-proġetti tal-gass tax-shale uż-żejt tax-shale, b’mod speċjali bil-għan li jkunu ppreparati għall-produzzjoni futura possibbli fuq skala kummerċjali fl-Ewropa kif ukoll sabiex jiġu indirizzati riskji ambjentali;

33. Jenfasizza l-importanza ta’ trasparenza u ta’ konsultazzjoni sħiħa mal-pubbliku, b’mod partikolari fil-kuntest tal-introduzzjoni ta’ approċċ ġdid għall-esplorazzjoni tal-gass; jindika li f’xi Stati Membri hemm nuqqas ta’ konsultazzjoni pubblika fil-fażi ta’ awtorizzazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jevalwaw il-leġiżlazzjoni tagħhom biex jaraw jekk hijiex tittieħed kunsiderazzjoni xierqa ta’ dan l-aspett, inkluża l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Aarhus u d-dispożizzjonijiet korrispondenti fil-liġi tal-Unjoni;

34. Jesprimi l-opinjoni li l-Istati Membri li jidħlu għal proġetti tal-gass tax-shale għandhom jadottaw approċċ uniku għall-awtorizzazzjoni u għall-ħruġ ta' liċenzji u għall-verifika ta’ konformità ma’ regolamenti ambjentali (inkluża valutazzjoni tal-impatt ambjentali obbligatorja), li hija l-prattika normali f’xi Stati Membri għall-proġetti kollha tal-enerġija;

35. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-modifiki fil-qafas legali meħtieġa għall-ħruġ ta’ liċenzji għall-esplorazzjoni tal-gass tax-shale jeħtieġu l-approvazzjoni mandatorja tal-awtoritajiet lokali konċernati;

L-opinjoni pubblika u l-aħjar prassi

L-attitudni tal-pubbliku

36. Huwa konxju mill-fatt li l-attitudni tal-pubbliku għall-iżvilupp tal-gass tax-shale tvarja bejn l-Istati Membri, u li l-attitudnijiet negattivi jistgħu jkunu kkawżati minn nuqqas ta' informazzjoni jew informazzjoni ħażina; jitlob li tittejjeb it-trażmissjoni tal-informazzjoni pubblika relatata mal-operazzjonijiet tal-gass tax-shale b’mod trasparenti u oġġettiv, u jappoġġja l-ħolqien ta’ portali li jipprovdu aċċess għal firxa wiesgħa ta’ informazzjoni pubblika dwar tali operazzjonijiet; iħeġġeġ lill-kumpaniji li qed jikkunsidraw l-estrazzjoni tal-gass tax-shale fl-UE biex jipprovdu informazzjoni sħiħa dwar l-attivitajiet tagħhom, jikkonsultaw mal-komunitajiet lokali u l-awtoritajiet lokali qabel ma jibdew iħaffru, u jiżvelaw pubblikament is-sustanzi kimiċi kollha li jużaw fit-tkissir idrawliku, inklużi l-konċentrazzjonijiet użati, wara l-valutazzjoni tal-formazzjoni tax-shale;

37. Jemmen li l-aħjar mod biex jiġi żgurat l-involviment sinifikanti u fi żmien oportun tal-komunitajiet lokali huwa permezz ta' valutazzjoni obbligatorja tal-impatt ambjentali, livell għoli ta' trasparenza, u konsultazzjoni pubblika dwar proġetti proposti tal-gass tax-shale, irrispettivament mid-dewmien u l-kobor tal-proġett;

38. Jinnota li huwa importanti ħafna li operaturi tal-gass tax-shale tal-UE jniedu u jibnu relazzjonijiet b’saħħithom mal-komunitajiet lokali f’kull stadju tal-operat tagħhom, ladarba l-UE għandha densità tal-popolazzjoni aktar għolja mill-Istati Uniti u s-sidien tal-art fl-Ewropa mhumiex sidien ta’ riżorsi taħt l-art u għaldqastant ma jibbenefikawx direttament mill-estrazzjoni bħalma jiġri fl-Istati Uniti; jitlob, f’dan ir-rigward, l-istabbiliment ta’ oqsfa li huma kompetittivi għall-industrija iżda fl-istess ħin jippermettu li l-komunitajiet nazzjonali u lokali jibbenefikaw mir-riżorsi tal-gass tax-shale; jistieden ukoll lill-kumpaniji tal-gass tax-shale biex jistabbilixxu prattiki komunitarji responsabbli, jiżguraw li l-komunitajiet lokali jibbenefikaw mill-iżvilupp tal-gass tax-shale, jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' 'min iniġġes iħallas', u jkopru l-kostijiet ta' kwalunkwe ħsara diretta jew indiretta li jistgħu jikkaġunaw;

39. Jirrikonoxxi li għandu jkun hemm enfasi fuq djalogu trasparenti u miftuħ mas-soċjetà ċivili kemm matul il-fażi ex ante kif ukoll matul dik ta' monitoraġġ, abbażi tal-evidenza xjentifika disponibbli u filwaqt li jiġu indirizzati b’mod ċar il-kwistjonijiet ta’ tnixxijiet ta’ gass u tal-impatt tal-estrazzjoni tal-gass tax-shale fuq l-ilmijiet ta’ taħt l-art, il-kampanja, l-agrikoltura u l-industrija tat-turiżmu; ifakkar li l-baġit tal-2012 tal-UE jinkludi allokazzjoni maħsuba għall-finanzjament ta’ proġetti pilota u attivitajiet oħra ta’ appoġġ bil-għan li jistimulaw djalogu bħal dan; jikkunsidra li dan għandu jiġi organizzat b’mod newtrali u b’kooperazzjoni sħiħa mal-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet nazzjonali, il-komunitajiet lokali, il-pubbliku ġenerali, in-negozji u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs);

40. Jenfasizza l-importanza ta' governanza korporattiva trasparenti tal-kumpaniji taż-żejt u l-gass involuti f'attività marbuta mal-gass tax-shale u ż-żejt tax-shale;

L-aħjar prassi

41. Jenfasizza l-importanza tal-applikazzjoni tal-ogħla standards ta’ sikurezza, tal-aħjar teknoloġiji disponibbli u l-aħjar prattiki operattivi fl-esplorazzjoni u l-produzzjoni tal-gass tax-shale, u tat-titjib kontinwu tat-teknoloġiji u tal-prattiki u l-minimizzazzjoni tal-effetti ħżiena; jisħaq, f’dan ir-rigward, fuq l-importanza li jiġu żgurati livelli sinifikanti ta’ investiment fir-riċerka u l-iżvilupp min-naħa tal-industrija; jilqa’ l-inizjattivi min-naħa tal-AIE u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi taż-żejt u l-gass sabiex jiddefinixxu l-aħjar prattiki fl-esplorazzjoni u fil-produzzjoni tal-gass u ż-żejt tax-shale;

42. Jemmen li t-tħassib dwar il-potenzjal tal-iżvilupp tal-gass tax-shale li jagħmel ħsara lill-provvisti tal-ilma permezz ta’ tnixxija minn bjar jista’ jiġi indirizzat permezz tal-adozzjoni tal-aħjar prattiki fl-iżvilupp u l-bini tal-bjar, b’mod speċjali fil-kisi, l-applikazzjoni tas-siment, u l-ġestjoni tal-pressjoni, flimkien mal-ittestjar tal-pressjoni tal-kisi bis-siment u logs imwaħħla bis-siment ta’ teknoloġija avvanzata sabiex tiġi kkonfermata l-formazzjoni tal-iżolament; jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li dawn il-prattiki jiġu segwiti fl-iżvilupp tal-gass tax-shale, inter alia permezz ta’ spezzjonijiet fuq il-post;

43. Jenfasizza li bl-iżvilupp ta’ teknoloġiji u prattiki aħjar ibbażati fuq regolamenti robusti, l-operaturi u l-industriji tas-servizzi mhux biss itejbu l-aċċettazzjoni pubblika ta’ proġetti marbutin mal-gass tax-shale iżda jiksbu wkoll opportunitajiet kummerċjali u jtejbu l-opportunitajiet ta’ esportazzjoni, meta wieħed iqis l-isfidi ambjentali globali tal-esplorazzjoni tal-gass mhux konvenzjonali; jirakkomanda, għalhekk, li l-Istati Membri jikkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet tal-AIE fid-dokument ta’ referenza komprensiv dwar l-Aħjar Tekniki Disponibbli (BAT) dwar it-tkissir idrawliku, hekk kif ikun disponibbli;

44. Jenfasizza l-bżonn għall-ogħla standards ta’ sikurezza u ambjentali u ta’ spezzjonijiet regolari waqt stadji kritiċi tas-sikurezza fir-rigward tal-kostruzzjoni ta’ bjar u tat-tkissir idrawliku; jenfasizza, b’mod partikolari, li l-operaturi għandhom inaqqsu l-ivvampjar u l-ivventjar u għandhom jirkupraw il-gass, jaqbdu l-emissjonijiet li jaħarbu u jużaw mill-ġdid/jittrattaw l-ilma mormi; jistieden lill-UE sabiex issegwi l-eżempju tal-Istati Uniti fir-rigward tal-istandards ambjentali dwar il-gass tax-shale għat-tkissir idrawliku li jirrikjedu li l-kumpaniji jaqbdu l-metan u emissjonijiet oħra ta’ gassijiet li jniġġsu, kif introdotti mill-Aġenzija għall-Ħarsien Ambjentali tal-Istati Uniti (EPA);

45. Jistieden, barra minn hekk, lill-operaturi tal-gass tax-shale sabiex jittestjaw il-bjar domestiċi tal-ilma li huma qrib il-bjar tagħhom kemm qabel kif ukoll waqt il-produzzjoni, u jiżvelaw l-informazzjoni li tirriżulta lill-pubbliku b’mod aċċessibbli, li jiftiehem u trasparenti;

46. Jenfasizza l-importanza li l-operaturi jirreklamaw u jirkupraw l-art użata u jwettqu sorvelajnza post-operattiva meta l-attivitajiet tagħhom jaslu fi tmiem;

47. Iħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki u informazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE, imma anke bejn l-UE, l-Istati Uniti u l-Kanada; b’mod partikolari, jinkoraġġixxi l-ġemellaġġ bejn bliet u muniċipji Ewropej u tal-Amerika ta’ Fuq li skoprew il-gass tax-shale; jenfasizza l-importanza tat-trasferiment tal-għarfien dwar l-iżvilupp tal-gass tax-shale mill-industrija għall-komunitajiet lokali;

48. Iħeġġeġ lill-industrija tal-gass u ż-żejt tax-shale biex japplikaw, b’mod uniformi, l-ogħla standards ambjentali u ta’ sikurezza kull fejn ikunu qed joperaw kumpaniji fid-dinja; jistieden lill-Kummissjoni sabiex teżamina liema mekkaniżmi jistgħu jkunu xierqa sabiex jiżguraw li l-kumpaniji b’bażi fl-UE joperaw globalment skont l-ogħla standards; jemmen li r-responsabbiltà tal-kumpaniji għandha tkun il-forza ewlenija f'dan il-qasam, u li s-sistemi ta' ħruġ ta' liċenzji tal-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw inċidenti globali li jinvolvu kumpaniji fil-ħruġ ta' liċenzji, sakemm dawn l-inċidenti huma akkumpanjati b'eżamijiet dettaljati;

49. Jenfasizza li huwa importanti li jiġu appoġġjati u kofinanzjati l-attivitajiet li għandhom l-għan li joħolqu pjattaformi indipendenti magħmula minn rappreżentanti mill-isfera tal-industrija u tax-xjenza bl-għan li jingħataw opinjonijiet u li jiġu stabbiliti prattiki tajba marbuta mat-teknoloġiji nodfa ta' estrazzjoni tal-gass tax-shale;

50. Ifakkar li l-prinċipju ta' ‘min iniġġes iħallas’ irid jiġi applikat konsistentement għal operazzjonijiet tal-gass u ż-żejt tax-shale, partikolarment fir-rigward tat-trattament tal-ilma mormi, u li kumpaniji jridu jkunu kompletament responsabbli għal kull dannu dirett jew indirett li jistgħu jikkawżaw; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa li tressaq proposti sabiex tinkludi speċifikament it-tkissir idrawliku u attivitajiet oħra relatati mal-estrazzjoni tal-gass tax-shale taħt fid-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali u tobbliga lill-operaturi tal-gass tax-shale li jipprovdu sigurtà finanzjarja obbligatorja jew rekwiżiti ta’ assigurazzjoni f’każ ta’ kwalunkwe ħsara ambjentali konnessa mal-attivitajiet tagħhom, sabiex tiġi pprovduta ċertezza legali għall-popolazzjonijet ikkonċernati;

51. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet tal-Istati Membri.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.9.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

23

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Josefa Andrés Barea, Jean-Pierre Audy, Zigmantas Balčytis, Ivo Belet, Bendt Bendtsen, Jan Březina, Maria Da Graça Carvalho, Giles Chichester, Jürgen Creutzmann, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Vicky Ford, Gaston Franco, Adam Gierek, Norbert Glante, Fiona Hall, Jacky Hénin, Edit Herczog, Romana Jordan, Krišjānis Kariņš, Lena Kolarska-Bobińska, Béla Kovács, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Jaroslav Paška, Aldo Patriciello, Vittorio Prodi, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Paul Rübig, Salvador Sedó i Alabart, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Catherine Trautmann, Ioannis A. Tsoukalas, Niki Tzavela, Marita Ulvskog, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Alejo Vidal-Quadras

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Antonio Cancian, António Fernando Correia de Campos, Ioan Enciu, Satu Hassi, Roger Helmer, Jolanta Emilia Hibner, Ivailo Kalfin, Zofija Mazej Kukovič, Mario Pirillo, Vladimír Remek, Algirdas Saudargas, Hannu Takkula

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Morten Løkkegaard, Indrek Tarand

 

 

[1] P7_TA(2010)0441
[2] P7_TA(2011)0430
[3] ĠU L 164, 30.6.1994, p. 3.
[4] ĠU L 295, 12.11.2010, p. 1.
[5] ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40.
[6] ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30.
[7] ĠU L 102, 11.4.2006, p. 15.
[8] ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.
[9] ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
[10] ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1.
[11] ĠU L 10, 14.1.1997, p. 13.
[12] ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56.
[13] ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17.
[14] ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.
[15] ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136.
[16] COM(2011)0885 .
[17] COM(2011)0658 .