Dokument ta' sessjoni
12.10.2012
***I
RAPPORT
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd. Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd.
( COM(2012)0277 – C7‑0137/2012 – 2012/0143(COD) )
Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: Ian Hudghton
PR_COD_1app
Tifsira tas-simboli użati |
* Proċedura ta’ konsultazzjoni *** Proċedura ta’ approvazzjoni ***I Proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-ewwel qari) ***II Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tieni qari) ***III Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tielet qari)
(It-tip ta’ proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta’ att.)
|
Emendi għal abbozz ta’ att |
Fl-emendi li jsiru mill-Parlament, it-test emendat huwa indikat b’tipa grassa u korsiva. Test korsiv normali huwa indikazzjoni għas-servizzi tekniċi li turi partijiet tal-abbozz ta’ att li għalihom qed tkun proposta korrezzjoni bl-iskop li tgħin fil-preparazzjoni tat-test finali (pereżempju, żbalji ovvji jew nuqqasijiet f’verżjoni lingwistika partikolari). Il-korrezzjonijiet proposti huma soġġetti għall-qbil tas-servizzi tekniċi involuti.
L-intestatura ta’ kwalunkwe emenda għal att eżistenti, li l-abbozz ta’ att ikollu l-ħsieb li jemenda, ikun fiha t-tielet u r-raba’ linji li jidentifikaw rispettivament l-att eżistenti u d-dispożizzjoni kkonċernata f’dak l-att. Il-partijiet li jittieħdu kif inhuma minn dispożizzjoni eżistenti li l-Parlament jixtieq jemenda, imma li l-abbozz ta’ att ma jkunx emenda, huma indikati b’tipa grassa. It-tħassir eventwali li jikkonċerna dawn il-partijiet jiġi indikat kif ġej: [...].
|
WERREJ
Paġna
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW 5
NOTA SPJEGATTIVA 6
PROĊEDURA 9
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd
( COM(2012)0277 – C7‑0137/2012 – 2012/0143(COD) )
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ( COM(2012)0277 ),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7‑0137/2012),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta’ Settembru 2012[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd ( A7‑0000/2012 ),
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari billi jinkorpora l-proposta tal-Kummissjoni;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
NOTA SPJEGATTIVA
Il-proposta tal-Kummissjoni qed tfittex li testendi l-limitu taż-żmien tar-reġim ta' aċċess attwali ta' 12-il sena. Fi ħdan il-qafas tal-leġiżlazzjoni PKS eżistenti, l-Artikolu 17(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 jistabbilixxi deroga mill-prinċipju ta' aċċess ugwali fi ħdan 12-il mil nawtiku ta' kull Stat Membru. Id-deroga hija fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2003 sal-31 ta' Diċembru 2012. Il-proposta attwali tfittex li testendi dan il-perjodu sal-31 ta' Diċembru 2014.
Kuntest
Derogi mir-regola ta' aċċess ugwali fi ħdan l-ibħriet kostali ilhom stabbiliti għal aktar minn 40 sena. Deroga ġiet implimentata l-ewwel fir-Regolament (KEE) Nru 2141/70 li jistipula politika strutturali komuni għall-industrija tas-sajd, u dispożizzjoni saret ukoll fl-Att ta' Adeżjoni tad-Denimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit.
Iż-żona attwali ta' 12-il mil ġiet stabbilita fl-ewwel Regolament PSK fl-1983. L-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 170/83 jistabbilixxi li ż-żona se tiġi stabbilita mill-1 ta' Jannar 1983 sal-31 ta' Diċembru 1992; dispożizzjonijiet ekwivalenti daħlu fis-seħħ fir-riformi sussegwenti PSK (ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3760/92 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002).
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament attwali huma l-uniċi partijiet tal-leġiżlazzjoni li għandhom limitu ta' żmien marbut magħhom. Il-Kummissjoni pproponiet li ġġedded id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 6 tar-Regolament bażiku propost. Madanakollu, minħabba l-probabbiltà għolja li l-PKS riformata mhijiex se tkun stabbilita qabel tmiem din is-sena, il-Kummissjoni kellha tressaq 'il quddiem il-proposta attwali biex tiżgura li r-reġim eżistenti ma jiskadix.
Iż-żoni ta' 12-il mil - suċċess rari tal-PKS
Li l-PKS kienet, b'mod ġenerali, falliment matul dawn l-aħħar 30 sena, huwa fatt universalment rikonoxxut. Il-kumment tal-Kummissjoni fil-Green Paper tagħha dwar ir-riforma tal-PKS ( COM(2009)163 ) li "l-PKS attwali ma ħadmitx tajjeb" huwa x'aktarx sottovalutazzjoni u l-proċess ta' riforma li għaddej sar minħabba neċessità.
B'kuntrast għal dan hemm rikonoxximent ġenerali li l-ġestjoni tas-sajd fi ħdan iż-żoni ta' 12-il mil kienet suċċess. Il-Green Paper pereżempju ddikjarat li r-reġim tal-kosta "ġeneralment ħadem tajjeb u jista' wkoll jiġi intensifikat", filwaqt li r-Rapport dwar l-Obbligi ta' Rappurtar skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ( COM (2011)418 ) stqarr li "r-reġim huwa stabbli ħafna, u r-regoli komplew joperaw b'mod sodisfaċenti ".
Dan is-suċċess forsi juri li l-Istati Membri huma kapaċi u fil-fatt jamministraw is-sajd b'ċertu suċċess. Filwaqt li l-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd lil hinn mill-limiti ta' 12-il mil kienet ikkaratterizzata minn kontroll ċentralizzat ħafna u ineffettiv min-naħa ta' Brussell, il-ġestjoni fi ħdan iż-żoni kostali minn Stati Membri individwali kienet stabbli u ta' suċċess.
Hekk kif id-dibattitu dwar ir-riforma tal-PKS aktar wiesgħa jkompli għaddej, waħda mill-kwistjonijiet ewlenin li għandha tiġi deċiża hija dwar x'livell ta' deċentralizzazzjoni u reġjonalizzazzjoni għandu jiddaħħal u x'se tkun n-natura tagħhom. L-effettività ġenerali ta' kontroll tal-Istat Membru fi ħdan iż-żoni ta' 12-il mil turi b'mod ċar li l-ġestjoni xierqa għaċ-ċirkostanzi lokali hija dik l-aktar effettiva. Is-suċċess tal-kontroll mill-Istati Membri jirrappreżenta kuntrast qawwi meta mqabbel mal-falliment tal-kontroll ċentralizzat f'idejn l-UE - u joffri gwida utli fir-rigward tad-direzzjoni li r-riforma tal-PKS għandha tieħu.
Żona estiża - fiż-żmien u fid-distanza
Kif intqal hawn fuq, il-Green Paper tirrikonoxxi li reġim kostali "jista' saħansitra jiġi intensifikat". Barra minn hekk, ir-Rapport dwar l-Obbligi ta' Rappurtar jinnota li Stat Membru ssuġġerixxa li ż-żoni għandhom jiġu estiżi sa 20 mil nawtiku.
Ir-Rapporteur jiffavorixxi bil-qawwi suġġerimenti li ż-żoni kostali għandhom jiġu estiżi u fil-passat kien appoġġja emendi għal dan il-għan. Wieħed jittama li l-PKS riformata, b'mod ġenerali, iġġib magħha reġim deċentralizzat ħafna u tippermetti lill-Istati Membri jieħdu deċiżjonijiet ta' ġestjoni fil-pront filwaqt li jikkooperaw fuq bażi reġjonali. Madankollu, minkejja l-għamla finali tal-PKS riformata, iż-żoni ta' 12-il mil kienu ineffettivi b'mod ċar - u hemm argument qawwi favur l-estensjoni tad-distanza tagħhom.
Ir-Rapporteur jiddubita wkoll kemm hi għaqlija l-proposta tal-Kummissjoni fl-Artikolu 6 tar-Regolament tal-PKS il-ġdid propost biex ir-reġim attwali jiġi estiż għal għaxar snin biss. Filwaqt li l-PKS ma għandhiex għalfejn tiġi riformata kompletament kull 10 snin, huwa ċert li f'dan is-sens ħareġ mudell ċar. Wieħed jittama li l-proċess ta' riforma li għaddej se jirriżulta f'PKS li se taħdem b'mod effettiv u li ma għandhiex bżonn riforma maġġuri għal dawn l-għaxar snin li ġejjin. Madankollu, anke jekk ir-riforma attwali ma tkunx ta' suċċess, is-suġġeriment li minn hawn u għaxar snin oħra għandu jsir rieżami maġġuri u għandhom isiru xi aġġustamenti, ma jmurx kontra kull loġika.
Peress li dan huwa xenarju probabbli u minħabba l-fatt li d-dibattitu ta' riforma li għaddej bħalissa juri li l-proċeduri leġiżlattivi mhux dejjem ikunu konklużi fi ħdan skedi ta' żmien fissi, jidher riskjuż iżżejjed li ż-żona ta' 12-il mil tingħata limitu ta' 10 snin. L-unika raġuni għalfejn ir-rapport preżenti kien meħtieġ hija minħabba li l-Artikolu 17(2) huwa l-unika parti tal-PKS li hija limitata biż-żmien. Jidher raġonevoli li għandha tiġi ppromulgata dispożizzjoni ġdida dwar iż-żoni kostali bi skadenza li taqbeż il-perjodu ta' riforma normali ta' għaxar snin - u r-Rapporteur jappoġġja l-estensjoni tar-reġim indefinittivament.
Urġenza
Minkejja l-appoġġ tar-Rapporteur għal estensjoni taż-żoni ta' 12-il mil kemm fiż-żmien kif ukoll fid-distanza, huwa jaċċetta li dan id-dibattitu għandu jseħħ fi ħdan dibattitu aktar wiesa' dwar ir-riforma tal-PKS. Iż-żoni attwali ta' 12-il mil jaħdmu tajjeb - iżda se jiskadu fil-31 ta' Diċembru ta' din is-sena jekk il-proposta attwali ma tkunx stabbilita. Iż-żoni joffru livell ta' protezzjoni għal komunitajiet kostali vulnerabbli - u dawn il-komunitajiet tas-sajd mhux se jifhmuha jekk il-protezzjoni kellha titneħħa minħabba staġnar interistituzzjonali.
Għalhekk, ir-Rapporteur jipproponi li tiġi aċċettata l-proposta attwali għal estensjoni tar-reġim b'sentejn - iżda se jkompli jargumenta bil-qawwi għal kontroll nazzjonali akbar tas-sajd kostali fi ħdan il-pakkett ta' riforma tal-PKS aktar wiesgħa.
PROĊEDURA
Titolu | Emenda tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd | |||
Referenzi | COM(2012)0277 – C7-0137/2012 – 2012/0143(COD) | |||
Data meta ġiet ippreżentata lill-PE | 7.6.2012 |
|
|
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja | PECH 14.6.2012 |
|
|
|
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja | ENVI 14.6.2012 |
|
|
|
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija Data tad-deċiżjoni | ENVI 21.6.2012 |
|
|
|
Rapporteur(s) Data tal-ħatra | Ian Hudghton 31.5.2012 |
|
|
|
Eżami fil-kumitat | 21.6.2012 | 6.9.2012 |
|
|
Data tal-adozzjoni | 9.10.2012 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 20 0 0 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Kriton Arsenis, Alain Cadec, Chris Davies, João Ferreira, Carmen Fraga Estévez, Pat the Cope Gallagher, Dolores García-Hierro Caraballo, Marek Józef Gróbarczyk, Ian Hudghton, Werner Kuhn, Isabella Lövin, Gabriel Mato Adrover, Guido Milana, Crescenzio Rivellini, Ulrike Rodust, Raül Romeva i Rueda, Struan Stevenson, Isabelle Thomas, Nils Torvalds, Jarosław Leszek Wałęsa | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Diane Dodds, Rareş-Lucian Niculescu, Jens Nilsson | |||
Data tat-tressiq | 12.10.2012 | |||