Dokument ta' sessjoni
15.10.2012
RAPPORT
dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mal-Istati Uniti
( 2012/2149(INI) )
Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Vital Moreira
PR_INI
WERREJ
Paġna
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW...................................3
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT......................................................13
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mal-Istati Uniti
( 2012/2149(INI) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit UE-USA li saret fit-28 ta’ Novembru 2011[1] u d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku UE-USA (TEC) li saret fid-29 ta’ Novembru 2011[2],
– wara li kkunsidra l-ittri miż-żewġ partiti tat-22 ta’ Frar 2012, minn 20 Senatur Amerikan, u tal-14 ta’ Mejju 2012, minn 51 Membru tal-Kamra tar-rappreżentanti tal-Istati Uniti, lill-President tal-Istati Uniti Barack Obama,
– wara li kkunsidra l-ittra tad-19 ta’ Marzu 2012 minn erba’ Membri tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali tal-Parlament lill-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso u l-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy f’appoġġ għall-Grupp ta’ Ħidma ta’ Livell Għoli UE-USA dwar l-Impjiegi u t-Tkabbir (HLWG),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit G8 li sar Camp David, l-Istati Uniti , fit-18-19 ta’ Mejju 2012[3], u d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit G20 li sar f’Los Cabos, il-Messiku, fit-18-19 ta’ Ġunju 2012[4],
– wara li kkunsidra r-‘Rapport Interim lill-Mexxejja’ tad-19 ta’ Ġunju 2012 mill-HLWG[5],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tad-19 ta’ Ġunju 2012 mill-President tal-Istati Uniti Barack Obama, il-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso u l-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy[6],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28-29 ta’ Ġunju 2012, kif ukoll il-‘Patt għal Tkabbir u Impjiegi’ anness magħhom[7],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, partikolarment ir-riżoluzzjoni tal-1 ta’ Ġunju 2006 dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi trans-Atlantiċi UE-USA[8], tat-22 ta’ Mejju 2007 dwar Ewropa Globali – aspetti esterni tal-kompetittivitá[9], tad-19 ta’ Frar 2008 dwar l-istrateġija tal-UE biex tagħti l-aċċess għas-suq lill-kumpaniji Ewropej[10], tal-5 ta’ Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tal-politika tal-kummerċ permezz ta’ regoli u proċeduri ta’ importazzjoni u esportazzjoni effiċjenti[11], tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar it-tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti dwar l-allegati sussidji għall-Airbus u l-Boeing[12], tal-5 ta’ Frar 2009 dwar it-tisħiħ tar-rwol tal-SMEs Ewropej fil-kummerċ internazzjonali[13], tal-11 ta’ Novembru 2010 dwar is-Samit li ġej bejn l-UE-USA u l-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku[14], tas-6 ta’ April 2011 dwar il-politika Ewropea ta’ investiment internazzjonali futura[15], tas-27 ta’ Settembru 2011 dwar Politika ta’ Kummerċ Ġdida għall-Ewropa taħt l-Istrateġija Ewropa 2020[16], tas-17 ta’ Novembru 2011[17] dwar is-Samit UE-USA tat-28 ta’ Novembru 2011, u tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-ostakoli għall-kummerċ u l-investimenti[18],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-72 Laqgħa Interparlamentari tad-Djalogu tal-Leġiżlaturi Trans-Atlantiċi (TLD) li saret f’Kopenħagen fid-9-10 ta’ Ġunju 2012 u fi Strasburgu fil-11 ta’ Ġunju 2012,
– wara li kkunsidra l-istudji tal-11 ta’ Diċembru 2009, ippreparati għall-Kummissjoni minn ECORYS Nederland, bit-titolu ‘Miżuri Non-Tariffarji fil-Kummerċ u l-Investiment bejn l-UE-USA – Analiżi Ekonomika’[19],
– wara li kkunsidra l-Artikoli 207(3) u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali ( A7-0321/2012 ),
A. billi l-UE u l-Istati Uniti huma s-sħab kummerċjali ewlenin ta’ xulxin, iż-żewġ ekonomiji flimkien ikopru madwar nofs il-prestazzjoni ekonomika globali u kważi terz tal-flussi tal-kummerċ dinji, biex b’hekk hi l-ikbar relazzjoni ekonomika fid-dinja;
B. billi, minkejja r-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-UE u l-Istati Uniti huma fost l-iktar miftuħa fid-dinja, u minkejja s-swieq trans-Atlantiċi huma integrati sew permezz ta’ flussi kbar ta’ kummerċ u investiment (b’volum bilaterali tal-kummerċ ta’ EUR 702.6 biljun, u azzjoni ta’ investiment bilaterali b’valur ta’ EUR 2.394 triljun, fl-2011), hemm kunsens ġenerali li l-potenzjal tar-relazzjoni trans-Atlantika qiegħed ’il bogħod milli jiġi sfruttat bi sħiħ, billi l-UE u l-Istati Uniti għandhom valuri komuni, sistemi legali simili u standards għoljin ta’ protezzjoni tal-impjiegi u ambjentali, u għandu jisfrutta dawn is-sinerġiji biex jiġi żgurat it-tkabbir u l-impjiegi li jeħtieġu ż-żewġ sħab, u billi studju li twettaq fl-2009 għall-Kummissjoni identifika li l-iktar miżuri non-tariffarji importanti li jaffettwaw il-kummmerċ bejn l-UE u l-Istati Uniti, u ta’ stima tal-impatt ekonomiku tagħhom, li jissuġġerixxi li t-tneħħija ta’ nofs dawn il-miżuri eżistenti u d-diverġenzi regolatorji tfisser żieda fil-PDG ta’ EUR 163 biljun sal-2018 fuq iż-żewġ naħat tat-Tramuntana tal-Atlantiku;
C. billi, fil-kriżi ekonomika li għadha għaddejja, l-ekonomija globali tibqa' vulnerabbli, taffettwa l-impjiegi b'mod serju, kif ukoll lill-kummerċ, l-iżvilupp, u l-ambjent; billi l-kriżi finanzjarja u l-kriżi ekonomika għaddejjin bħalissa, kemm fl-UE kif ukoll fl-Istati Uniti, qed jheddu l-istabbiltà u l-prosperità tal-ekonomiji tagħna u l-benessri taċ-ċittadini tagħna, u n-nuqqas ta’ koordinazzjoni tar-regolament finanzjarju qed joħloq ostakoli żejda għall-kummerċ, li jwassal għall-ħtieġa ta' kooperazzjoni ekonomika iktar mill-qrib bejn l-UE u l-Istati Uniti, sabiex jintużaw il-benefiċċji tal-kummerċ internazzjonali biex jingħelbu dawn il-kriżijiet;
D. billi t-tkabbir moderat tal-iskambji tal-kummerċ globali tul dawn l-aħħar tliet snin ikkontribwixxa b’mod sinifikanti għall-mitigazzjoni tal-effetti negattivi tal-kriżi ekonomika, b’mod partikolari fl-UE u l-Istati Uniti, li juri li l-kummerċ għandu rwol importanti fid-determinazzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi;
E. billi, wara s-Samit tal-UE-USA f'Novembru 2011, it-TEC stabbilixxa l-HLWG u tah il-kompitu li jidentifika għażliet għaż-żieda fil-kummerċ u l-investiment biex jiġu appoġġati l-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività li huma ta’ benefiċċju reċiproku;
F. billi l-ittri taż-żewġ partiti li ntbagħtu lill-President tal-Istati Uniti mis-Senaturi u mill-Membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti, kif ukoll l-ittra mingħand l-erba’ Membri tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Kummerċ Internazzjonali, inkluż il-President tiegħu, ħeġġu lill-HLWG biex jifformula malajr proposti ambizzjużi biex jiġu stimulati l-kummerċ u l-investiment mal-UE u l-Istati Uniti, u jitneħħew l-ostakoli mhux meħtieġa għall-kummerċ u l-investiment trans-Atlantiku; billi ż-żewġ ittri jenfasizzaw il-ħtieġa li jiżdiedu l-kummerċ u l-investiment bl-UE bħala l-prijoritá, u b'mod speċifiku jappoġġaw sforzi biex jiġu indirizzati ostakoli regolatorji (u, li tinkiseb kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn ir-regolaturi, l-ostakoli non-tariffarji), it-tnaqqis tat-tariffi għal żero fejn ikun possibbli, il-kummerċ fis-servizzi, l-investiment, u ftuħ ulterjuri tas-swieq tal-akkwist pubbliku tagħna għal xulxin;
G. billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Settembru 2011 dwar Politika tal-Kummerċ Ġdida għall-Ewropa taħt l-Istrateġija Ewropa 2020, il-Parlament Ewropew talab għal iktar żvilupp tal-Inizjattiva tal-Impjiegi u t-Tkabbir trans-Atlantiku ambizzjuża u li dejjem qed tevolvi;
H. billi s-settur privat fl-Istati Uniti esprima l-appoġġ biex l-Ewropa terġa’ ssir prijorità fil-politika tal-kummerċ tal-Istati Uniti, u billi l-partijiet interessati privati kemm fl-UE kif ukoll fl-Istati Uniti wrew l-appoġġ għal ftehim ambizzjuż u komprensiv u jemmnu li l-avvanz fil-kooperazzjoni ekonomika iktar mill-qrib bejn l-UE-USA tibgħat sinjal qawwi lill-investituri u lin-negozji fi ħdan l-UE u l-Istati Uniti kif ukoll internazzjonalment;
I. billi l-iżvilupp ta’ standards komuni bejn l-UE u l-Istati Uniti jkollhom effett ta’ riperkussjoni pożittiv awtomatiku fuq il-pajjiżi tal-Ftehim Nord-Amerikan għall-Kummerċ Ħieles (NAFTA), ambjent regolatorju iktar armonizzat bejn l-UE u l-Istati Uniti jkun ta’ benefiċċju b’mod ġenerali, u l-integrazzjoni ulterjuri tas-suq kummerċjali l-aktar integrat tad-dinja jkun bla preċedent storiku;
J. billi l-Istati Uniti hija l-tieni l-aktar sieħeb kummerċjali importanti tal-UE fl-agrikoltura u l-prodotti ta’ kwalità għolja tal-UE jiġu prinċipalment esportati lejn l-Istati Uniti u għalhekk l-ostakli għall-kummerċ mhux tariffarji kif ukoll l-indikazzjonijiet tal-oriġini ġeografika huma ta' importanza kbira għall-agrikoltura tal-UE;
K. billi l-HLWG b’mod konġunt analizza firxa wiesgħa ta’ għażliet potenzjali għall-kummerċ u investiment trans-Atlantiċi li qegħdin jespandu, u fir-Rapport Interim tiegħu ta’ Ġunju 2012 wasal għall-konklużjoni preliminari li ftehim komprensiv li jindirizza firxa wiesgħa ta’ politiki ta’ kummerċ u investiment bilaterali, kif ukoll kwistjonijiet ta’ tħassib komuni fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, jekk jintlaħaq, se jipprovdi benefiċċju sinifikanti ħafna;
L. billi d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-presidenti Obama, Barroso u Van Rompuy tilqa’ r-Rapport Interim tal-HLWG, li jiddikjara li inizjattiva b’saħħitha biex tespandi l-kummerċ u l-investiment tista’ tagħti kontribuzzjoni sinifikanti lill-istrateġija trans-Atlantika biex jissaħħu t-tkabbir u jinħolqu l-impjiegi;
M. billi l-UE hija determinata li tippromwovi kummerċ ħieles, ġust u miftuħ waqt li fl-istess ħin tasserixxi l-interessi tagħha, fi spirtu ta' reċiproċità u benefiċċju reċiproku speċjalment fir-rigward tal-akbar ekonomiji tad-dinja;
N. billi l-HLWG daħal fl-aħħar fażi tal-preparazzjoni ta’ kif se jindirizza n-negozjati eventwali biex tingħata spinta lit-tkabbir u lill-impjiegi permezz ta' sħubija tal-kummerċ UE-USA, u hu mistenni jressaq ir-rapport finali tiegħu qabel tmiem l-2012;
O. billi l-Kummissjoni esprimiet l-isperanza dwar il-possibbiltà li jinfetħu negozjati diġà fil-bidu tal-2013 u jintemmu n-negozjati qabel tmiem il-mandat tal-Kummissjoni attwali;
P. billi sistema ta’ kummerċ miftuħa, prevedibbli, ibbażata fuq ir-regoli, multilaterali u trasparenti stabbilita permezz tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tibqa’ tirrappreżenta l-iktar qafas xieraq għall-kisba ta’ kummerċ ħieles, ġust u ekwu fuq bażi globali, billi s’issa kien impossibbli li jiġu konklużi n-negozjati tal-Aġenda ta’ Żvilupp ta’ Doha (DDA), u billi minkejja t-tisħiħ tas-sistema multilaterali jibqa’ għan kruċjali, ma jipprekludix il-ftehimiet bilaterali milli jmorru lill’hinn mill-impenji tad-WTO u biex jikkumplimentaw ir-regoli multilaterali;
1. Iqis li l-kummerċ u l-investiment barrani għandhom jintużaw aħjar biex jiġi stimulat it-tkabbir intelliġenti, b’saħħtu, sostenibbli, ibbilanċjat, inklużiv u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, li jwassal għal żieda fil-ħolqien tal-impjiegi u żieda fil-benessri tan-nies madwar id-dinja; jilqa’ l-impenn tal-mexxejja tal-G8 u l-G20 biex jiftħu l-kummerċ u l-investiment, jespandu s-swieq u jirreżistu l-protezzjoniżmu fil-forom kollha tiegħu, li huma kundizzjonijiet neċessarji għas-sostenibbiltà tal-irkupru ekonomiku globali, l-impjiegi u l-iżvilupp;
2. Jilqa’ d-diskussjoni konġunta għaddejja bħalissa bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar kif jista’ jiżdied il-potenzjal tat-tkabbir b’mod kollettiv u titkattar l-istabbiltà finanzjarja sabiex jinħolqu impjiegi ta’ kwalità għolja; jenfasizza li sabiex jiġu żgurati prosperità u impjiegi fuq terminu ta’ żmien twil, huma meħtieġa impenn konġunt u sforz biex jinħolqu opportunitajiet ġodda għan-negozji kemm dawk żgħar kif ukoll il-kbar, biex tiġi promossa l-intraprenditorija u biex issir kapitalizzazzjoni tal-vantaġġi offruti minn suq trans-Atlantiku integrat b’mod uniku; jitlob li jsiru negozjati bejn l-UE u l-Istati Uniti u msieħba oħra dwar kif għandu jsir xogħol kollettiv biex jiġu indirizzati l-kriżijiet ambjentali u t-tibdil fil-klima; Jitlob ukoll impenn aktar konġunt biex tinkiseb stabbiltà fis-swieq finanzjarji;
3. Jilqa’ r-Rapport Interim tal-HLWG u r-rakkomandazzjonijiet preliminari li jinsabu fih, u jaqbel li ftehim komprensiv għandu jinkludi ftuħ tas-suq reċiproku ambizzjuż fl-oġġetti, is-servizzi u l-investiment, u jindirizza l-isfidi tal-modernizzazzjoni tar-regoli dwar il-kummerċ u t-titjib tal-kompatibilità tar-reġimi regolatorji; iħeġġeġ lill-HLWG biex ikompli b’xogħlu fil-preparazzjoni ta’ sett ta’ għanijiet ambizzjużi iżda fattibbli u riżultati konkreti għan-negozjati ta’ ftehim ta’ kummerċ u investiment bilaterali u komprensiv, li jkun konsistenti mal-qafas tad-WTO (u jappoġġa dan il-qafas); jenfasizza l-importanza tar-rispett reċiproku u l-għarfien tal-liġijiet u r-regolamenti ta’ xulxin, u tal-awtonomija ġurisdizzjonali, għal proċess produttiv u eżitu b’suċċess;
4. Jenfasizza l-importanza tat-tkomplija bit-tisħiħ tar-relazzjonijiet ekonomiċi trans-Atlantiċi filwaqt li jiġu appoġġati l-politiki tal-UE, fl-oqsma bħall-istandards ambjentali, tas-saħħa u tal-protezzjoni tal-annimali, tas-sigurtà fl-ikel, id-diversità kulturali, id-drittijiet tax-xogħol, id-drittijiet tal-konsumaturi, is-servizzi finanzjarji, is-servizzi pubbliċi jew l-indikazzjonijiet ġeografiċi, fost oħrajn;
5. Jenfasizza li filwaqt li l-interessi speċifiċi u sensitivitajiet taż-żewġ imsieħba għandhom ikunu salvagwardjati b’mod ibbilanċjat, hemm bosta oqsma fejn il-progress ikun ta’ benefiċċju kbir, partikolarment rigward it-tneħħija ta' ostakoli tal-kummerċ, l-introduzzjoni ta' miżuri biex jiġi żgurat it-titjib fl-aċċess għas-suq, inkluż għall-investiment, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI), il-ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku biex jiġu żgurati reċiproċità sħiħa, il-kjarifika, is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tar-regoli tal-oriġini, u l-konverġenza dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-istandards regolatorji u mhux sempliċement jinżamm standard minimu meħtieġ ibbażat fuq il-Ftehim tad-WTO dwar l-Applikazzjoni ta’ Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (il-Ftehim SPS), iżda pjuttost li jirsistu fit-tisħiħ tal-kwalità u l-koperazzjoni b’mod konġunt meta jittrattaw mal-UE u l-istandards diverġenti tal-EU u l-Istati Uniti; iqis li intensifikazzjoni bħal din ta’ relazzjonijiet ekonomiċi tippermetti wkoll għal allinjament aħjar tal-approċċi tal-UE u l-Istati Uniti lejn l-indirizzar tal-isfidi ekonomiċi globali;
6. Jenfasizza li l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fil-kummerċ agrikolu bilaterali se tkun kwistjoni ewlenija li fiha huwa possibbli progress sinifikanti jekk iż-żewġ partijiet jaffrontaw il-kwistjoni bi spirtu kostruttiv ta’ kompromess; u jqis il-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika bħala komponent ewlieni li huwa direttament relatat ma’ riżultat ambizzjuż dwar l-aċċess tas-suq agrikolu; jappoġġja l-kanċellazzjoni sħiħa tar-rifużjonijiet għall-esportazzjoni tal-kummerċ agrikolu bejn l-UE u l-Istati Uniti;
7. Jagħraf li minkejja li t-tariffi medji tal-kummerċ trans-Atlantiku fl-oġġetti huma baxxi b’mod komparattiv, id-daqs kbir tar-relazzjoni kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti jfisser li l-benefiċċji ekonomiċi potenzjali jkunu ferm akbar minn kwalunkwe ftehim kummerċjali preċedenti u hemm interess b’saħħtu kemm fil-komunitajiet tan-negozji tal-UE kif ukoll tal-Istati Uniti biex jiġu eliminati t-tariffi li baqa’;
8. Hu tal-opinjoni, madankollu, li ftehim ta’ kummerċ ħieles b’tariffi biss ma jkunx ambizzjuż biżżejjed peress li l-akbar kisbiet ekonomiċi għandhom jinkisbu fit-tnaqqis tal-livell ta’ ostakoli mhux tariffarji; jappoġġa l-għan propost mill-HLWG tal-eliminazzjoni tad-dazji kollha fuq il-kummerċ bilaterali, bl-għan li tinkiseb eliminazzjoni sostanzjali ta’ tariffi wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim u t-tneħħija gradwali tat-tariffi kollha ħlief dawk l-iktar sensittivi f’terminu ta’ żmien qasir, li jista’ jwassal għal vantaġġi sinifikanti, billi jitqies li l-kummerċ bilaterali UE-USA jikkonsistu f’ħafna kummerċ bejn il-kumpaniji, u t-titjib tal-kompetittività globali tal-kumpaniji tal-UE u l-Istati Uniti fl-arena dinjija;
9. Jappoġġja l-opinjoni li, minħabba t-tariffi medji baxxi li diġà jeżistu, is-soluzzjoni biex jintuża l-potenzjal tar-relazzjoni trans-Atlantika tinsab fl-indirizzar tal-ostakoli non-tariffarji (ONTs), li jikkonsistu l-iktar fi proċeduri doganali u restrizzjonijiet regolatorji ta’ wara l-fruntiera; jappoġġja l-għanjiet ambizzjużi proposti mill-HLWG biex nersqu b’mod progressiv lejn suq trans-Atlantiku iktar integrat;
10. Jirrikonoxxi li, filwaqt ftehim jista’ ma jsolvix il-kwistjonijiet regolatorji eżistenti kollha immedjatament, l-istituzzjonalizzazzjoni tal-interkompatibbiltà bejn ir-reġimi regolatorji tal-UE u l-Istati Uniti tiffaċilita ħafna l-kummerċ filwaqt li tistabbilixxi standard globali qawwi; itenni wkoll il-ħtieġa li jiġi rrispettat bis-sħiħ id-dritt ta' kull naħa biex tirregola b'mod li jiżgura l-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-prodott u dak ambjentali fil-livell li kull naħa tqis bħala xieraq, kif ukoll li jittieħed kont storiku tad-diverġenza trans-Atlantika fuq kwistjonijiet bħat-tħawwil ta’ organiżmi mmodifikati ġenetikament u ċerti kwistjonijiet tat-trattament xieraq tal-annimali;
11. Jagħraf li l-istandards regolatorji li joħolqu piż kbir wisq iservu bħala ostakoli sinifikanti għall-kummerċ, u li t-tkabbir addizzjonali jista’ jirriżulta mill-indirizzar ta’ ostakoli bħal dawn; jenfasizza li l-allinjament tal-istandards regolatorji tal-UE u l-Istati Uniti għandu jkollu l-għan li jintlaħaq l-ogħla standard komuni u b’hekk, tittejjeb is-sikurezza tal-prodott għal-konsumaturi; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi evitat li jinħolque ostakoli ġodda (anki jekk mhumiex intenzjonati) għall-kummerċ u l-investiment, speċjalment f’teknoloġiji ġodda ewlenin u setturi innovattivi;
12. Jappoġġja l-isforzi li saru lejn kooperazzjoni regolatorja massima ’il fuq dwar standards, koerenza regolatorji, allinjament aħjar tal-istandards, biex jiġu promossi iktar il-kummerċ u t-tkabbir li jistgħu jtejbu l-effiċjenza u jindirizzaw b’mod effettiv l-ONTs; isaħħaħ il-pretensjoni tal-HLWG li kull ftehim innegozjat li jeskludi koperazzjoni u riforma regolatorja jkun ekonomikament insinifikanti u politikament insostenibbli miż-żewġ naħat; jenfasizza li l-kompatibbiltà regolatorja hija l-ewwel sfida ta’ ftehim trans-Atlantiku ambizzjuż, u f’dan ir-rigward ifakkar li d-differenzi regolatorji u l-miżuri ta’ wara l-fruntiera jikkostitwixxu ostakolu importanti għall-kummerċ għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs);
13. Jinnota l-importanza tal-istabbiliment ta’ protokolli tal-kondiviżjoni tad-data bejn il-kummissjoni tas-Sikurezza tal-Prodott għall-Konsumatur tal-Istati Uniti u l-Kummissjoni Ewropea sabiex jiġu indirizzati b'mod imħaffef u effettiv il-prodotti mhux sikuri li jitqiegħdu fis-suq fi kwalunkwe reġjun;
14. Jilqa’ l-inizjattiva li ttieħdet fil-qafas tat-TLD, biex jiġu żviluppati standards komuni f’oqsma ewlenin ta’ teknoloġija li qed tevolvi inkluża n-nanoteknoloġija, il-vetturi elettriċi, il-grilji intelliġenti u s-saħħa elettronika;
15. Jitlob lill-partijiet interessati biex jagħmlu użu sħiħ mill-invit mingħand l-HLWG biex jippreżentaw, qabel tmiem l-2012, proposti konkreti biex jindirizzaw l-impatt fuq il-kummerċ ta' differenzi regolatorji li jimpedixxu l-kummerċ bla ħtieġa li jsir dan; iħeġġeġ lill-partijiet interessati miż-żewġ naħat tal-Atlantiku biex meta jkun possibbli jaħdmu flimkien biex jistabbilixxu pożizzjonijiet konġunti;
16. Hu tal-opinjoni li minħabba l-importanza li dejjem qed tiżdied tal-kummerċ elettroniku, l-istandards tal-protezzjoni tad-data għandhom rwol kruċjali fil-protezzjoni tal-konsumaturi kemm fl-UE kif ukoll fl-Istati Uniti; jenfasizza li jeħtieġ li kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti jindirizzaw it-theddid għas-sigurtà ċibernetika b’mod konġunt u f’kuntest internazzjonali; jindika li l-interoperabilità u l-istandards fil-qasam tal-kummerċ elettroniku, rikonoxxut fuq skala globali, jistgħu jgħinu biex jippromwovu innovazzjoni iktar mgħaġġla billi jitnaqqsu r-riskji u l-ispejjeż tat-teknoloġiji l-ġodda;
17. Jagħraf li l-espansjoni tal-kummerċ fis-servizzi, u t-teħid ta’ passi biex jiġu promossi l-investiment u l-akkwist, għandhom ikunu komponent ewlieni ta’ kull ftehim trans-Atlantiku futur sabiex iwasslu benefiċċji addizzjonali għaż-żewġ ekonomiji, kif ukoll joħolqu opportunitajiet għall-kollaborazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ tħassib komuni;
18. Jinnota li s-settur tas-servizzi jirrappreżenta s-sors predominanti tal-impjiegi u l-PDG kemm fl-UE kif ukoll fl-Istati Uniti; jappoġġja l-ambizzjoni tal-HLWG biex imorru lil hinn mil-livell ta' liberalizzazzjoni tas-servizzi miksuba mill-UE u l-Istati Uniti fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles eżistenti billi jiġu indirizzati l-ostakoli li għad baqa’ li ilhom jeżistu, inkluż il-modi tas-servizzi mwassla, filwaqt li tintgħaraf in-natura sensittiva ta’ ċerti setturi;
19. Jenfasizza li l-UE u l-Istati Uniti jżommu definizzjonijiet ferm differenti tas-servizzi pubbliċi u tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, u jirrakkomanda definizzjonijiet preċiżi ta’ dawn it-termini; iqisu li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu msejsa fuq il-qafas tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) u jibqgħu konsistenti mas-sistema multilaterali; jemmen li l-koerenza regolatorja akbar fis-servizzi tista’ wkoll ittejjeb l-integrazzjoni tas-suq uniku fis-servizzi fi ħdan l-UE u l-Istati Uniti; jitlob għal koperazzjoni akbar fl-iskambju tal-aħjar prattiki sabiex titjieb l-effiċjenza tas-settur pubbliku trans-Atlantiku; jirrakkomanda djalogu reċiproku akbar dwar il-futur tal-cloud computing, kif ukoll dwar l-avvanzi u l-produzzjoni tal-vetturi elettriċi;
20. Jitlob, b’mod partikolari, biex isir kull sforz possibbli lejn il-ħolqien ta’ servizzi finanzjarji trans-Atlantiċi li huma integrati u tassew miftuħa u swieq diġitali, fid-dawl tal-effetti pożittivi li dan ikollu fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku fi żmien raġonevolment qasir; iħeġġeġ id-diskussjoni tal-inklużjoni ta’ kapitolu dwar is-servizzi finanzjari, fid-dawl tan-natura interkonnessa tas-swieq tagħna; jenfasizza l-importanza tal-iskambji intensifikati u l-kooperazzjoni tar-regolaturi tas-servizzi finanzjarji fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku bl-għan tal-kondiviżjoni tal-aqwa prattiki u l-identifikazzjoni tal-lakuni regolatorji;
21. Hu konvint ferm li hu meħtieġ li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ ekwivalenza, konverġenza u ekstraterritorjalità peress li huma kruqjali fil-fehim ta’ kif l-UE u l-Istati Uniti jistgħu jaffaċċjaw kemm l-inċertezza tal-problemi ekonomiċi u finanzjarji attwali tagħhom kif ukoll iħabbtu wiċċhom mal-istabbiliment tal-istandards globali u l-mudelli li jikkompetu magħhom għar-regolazzjoni u s-superviżjoni finanzjarja;
22. Jitlob li r-restrizzjonijiet tas-sjieda barranija tal-linji tal-ajru Amerikani jiġu riformati, u jsostni li n-nuqqas ta’ reċiproċità bejn ir-regoli tal-UE u dawk tal-Istati Uniti kemm fit-trasport marittimu u bl-ajru, kif ukoll l-iżbilanċ għaddej bħalissa bejn il-kapaċità tal-kumpaniji tal-UE biex iwettqu kabotaġġ fis-suq tal-Istati Uniti u l-kapaċità tal-kumpaniji tal-Istati Uniti biex jagħmlu dan hawnhekk, huwa ostakolu li għandu jingħeleb sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tar-relazzjoni ekonomika trans-Atlantika;
23. Jitlob liż-żewġ partijiet biex jiftħu iktar is-swieq tal-akkwist pubbliku rispettivi tagħhom lil xulxin sabiex isir sforz biex tinkiseb reċiproċità u trasparenza sħiħa u pożittiva, u jappoġġja l-għan propost mill-HLWG tat-titjib tal-opportunitajiet tan-negozju permezz ta’ titjib sustanzjali fl-aċċess għall-opportunitajiet ta’ akkwist pubbliku fil-livelli kollha tal-gvern abbażi ta’ trattament nazzjonali;
24. Iqis li l-kapitolu dwar l-akkwist ma għandux jindirizza biss kwistjonijiet marbuta mal-aċċess tas-swieqi eżistenti imma jinkludi wkoll mekkaniżmu li jipprevjeni l-iżvilupp ta’ ostakoli ġodda; jifhem li l-akkwist pubbliku tal-Istati Uniti jaqa’ wkoll taħt il-ġurisdizzjoni tal-istati individwali; ifakkar fis-sinifikat li għandhom għall-kummerċ trans-Atlantiku swieq miftuħa tal-akkwist pubbliku li joffru lill-fornituri kollha aċċess indaqs, b’mod partikolari għall-SMEs; itenni l-opinjoni li l-SMEs tal-UE għandu jkollhom l-istess livell ta’ vantaġġi u possibbiltajiet fir-rigward ta’ offerti pubbliċi fl-Istati Uniti bħalma jgawdu fl-UE, u jfakkar li l-HLWG identifka b’mod speċifiku dispożizzjonijiet orizzontali dwar l-SMEs bħala qasam b’possibbiltà kbira li jirċievu appoġġ trans-Atlantiku; jenfasizza l-importanza taż-żewġ naħat fil-konformità mal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA);
25. Jafferma l-importanza tad-DPI biex jistimulaw l-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku, u s-sinifikat, għalhekk, li jinżammu standards għoljin għall-protezzjoni u l-infurzar tad-DPI, filwaqt li jiġi promoss il-fluss ħieles ta’ informazzjoni u l-aċċess għall-internet;
26. Jieħu nota tal-valutazzjoni tal-HLWG li minkejja kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti huma impenjati għal livell għoli ta’ protezzjoni u infurzar tad-DPI, jista’ jkun li ma jkunx fattibbli, fin-negozjati eventwali, li wieħed jipprova jirrikonċilja d-diversi differenzi fir-rigward tal-obbligi tad-DPI tipikament inklużi fil-ftehimiet tal-kummerċ tal-UE u l-Istati Uniti; jenfasizza, madankollu, li l-approċċ propost għan-negozjati għandu jkun ambizzjuż, u jimmira lejn soluzzjoni tal-oqsma ta’ diverġenza, u fl-indirizzar tal-kwistjonijiet tad-DPI b’mod sodisfaċenti b’mod reċiproku, filwaqt li jiġi żgurat livell sodisfaċenti ta' protezzjoni għal—operaturi ekonomiċi; itenni li kemm l-isforzi tat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi tal-UE u l-Istati Uniti jiddependu fuq il-ħila għall-innovazzjoni u l-produzzjoni kreattiva, u, jekk dan hu l-każ, l-ekonomija trans-Atlantika hija mhedda mill-falsifikazzjoni u l-ikkuppjar b’mod illegali; iqis il-prinċipji tal-UE u tal-Istati Uniti dwar it-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni u l-Informazzjoni bħala inkoraġġiment għal sinerġija akbar;
27. Jappoġġa, fil-prinċipju, l-għan propost mill-HLWG ukoll biex jiġu żviluppati regoli ta’ kummerċ ġodda f’għadd ta’ oqsma, peress li dan jista’ jkun ta’ rilevanza għall-kummerċ bilaterali kif ukoll jikkontribwixxu għall-istabbiliment ta’ regoli kemm fil-kuntest tal-politiki tal-pajjiżi terzi u l-ftehimiet ta’ kummerċ kif ukoll fil-livell multilaterali;
28. Jinnota li l-UE nnegozjat jew qed tinnegozja ftehimiet ta’ kummerċ ħieles maż-żewġ membri l-oħra tal-NAFTA, il-Messiku u l-Kanada; għaldaqstant, jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Uniti biex jikkunsidraw il-formulazzjoni ta’ dispożizzjoni fil-ftehim potenzjali ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Istati Uniti li jippermetti l-armonizzazzjoni futura ta’ dawn il-ftehmiet biex jiġi ffurmat ftehim minn reġjun għal reġjun bejn l-UE u l-NAFTA;
29. Jenfasizza l-impenn sħiħ tiegħu favur is-sistema kummerċjali multilaterali, li tinsab fid-WTO, li tibqa’ bla dubbju l-aqwa qafas għall-kisba tal-kummerċ ħieles u ġust fuq bażi globali, u li għandha tibqa’ l-bażi għall-iskambji fis-Seklu 21 minkejja l-ħolqien ta’ dinja multipolari;
30. Hu tal-opinjoni, madankollu, li minħabba mblokk persistenti fir-rigward tal-arkitettura oriġinali u għanijiet tad-DDA, id-dibattitu dwar kif tista’ tissaħħaħ id-WTO, bil-ħsieb li din issir aktar effettiva, u kif jistgħu jsiru l-preparazzjonijiet għall-isfidi li ġejjin, għandu jitkompla mill-iktar fis possibbli; jemmen, madankollu, li relazzjonijiet bilaterali msaħħa li huma mmirati lejn il-promozzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi fid-dawl tad-diffikultajiet ekonomiċi attwali jagħtu appoġġ u huma kompatibbli mad-diskussjonijiet u n-negozjati multilaterali futuri u li għaddejjin u peress li huma wkoll regoli bbażati kif ukoll miftuħa u trasparenti fin-natura tagħhom;
31. Jaqbel li preparazzjoni bir-reqqa hi meħtieġa biex jiġi żgurat li negozjati bħal dawn għal kummerċ bilaterali komprensiv u ftehim ta' investiment, jekk isir, iwasslu għal riżultati konkreti u jiġu konklużi fil-ħin; jistenna bil-ħerqa għar-rapport finali (inkluża rakkomandazzjoni dwar deċiżjoni dwar in-negozjati) tal-HLWG; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex jippreżentaw ir-riżultat finali tax-xogħol tal-HLWG fit-73 laqgħa tat-TLD sal-aħħar tal-2012;
32. Jitlob lil-HLWG jibni fuq l-esperjenza u l-kisbiet tat-TEC u jenfasizza l-ħtieġa għal involviment mill-qrib tal-kumitati parlamentari rilevanti; iqis li sabiex jirnexx, id-djalogu trans-Atlantiku, jeħtieġ li jiġi intensifikat iktar fil-livelli kollha, u li l-laqgħat ta' livell għoli, mhux biss bejn il-Kummissjoni u l-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti iżda wkoll bejn il-membri tal-kumitati rilevanti tal-Parlament u l-Kungress tal-Istati Uniti, għandhom isiru iktar regolari; jilqa' l-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni, jekk il-Kungress Amerikan isegwi l-eżempju tal-Parlament, li ilu minn Jannar 2010 rappreżentat fil-European Parliament's Liasion Office f'Washington.
33. Wara preparazzjoni u konsultazzjoni bir-reqqa u komprensiva, jitlob li jitniedu negozjati fl-ewwel nofs tal-2013, biex jinbena fuq il-momentum politiku attwali, u fuq l-appoġġ mill-industrija biex tintlaħaq konklużjoni rapida u ta’ suċċess għan-negozjati;
34. Jitlob lill-partijiet interessati kollha li jirrappreżentaw lill-komunitajiet tan-negozji, ladarba jinfetħu dawn in-negozjati, biex jorganizzaw lilhom infusjom b’tali mod li jipprovdi l-appoġġ massimu, b’mod koordinat u wiesa’, biex isostnu djalogu miftuħ u trasparenti sabiex isir progress fuq l-inizjattiva; huwa konvint li d-djalogi mal-konsumaturi kif ukoll mal-SMEs se jkunu ta’ rilevanza partikolari u għandhom jinfetħu u jiġu kkoordinati mingħajr dewmien biex jinbena momentum madwar il-livelli kollha wara n-negozjati;
35. Hu impenjat li jaħdem mill-qrib mal-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Kungress tal-Istati Uniti, l-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti u l-partijiet interessati biex jiksbu l-potenzjal ekonomiku sħiħ ta’ relazzjoni ekonomika trans-Atlantika sabiex jinħolqu opportunitajiet ġodda għan-negozji u l-ħaddiema fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku u tissaħħaħ it-tmexxija tal-UE u l-Istati Uniti fl-ekonomija globali;
36. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u l-Kungress tal-Istati Uniti u r-Rappreżentant tal-Kummerċ tal-Istati Uniti.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni | 11.10.2012 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 24 4 0 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | William (The Earl of) Dartmouth, Maria Badia i Cutchet, Nora Berra, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, María Auxiliadora Correa Zamora, Christofer Fjellner, Yannick Jadot, Metin Kazak, Franziska Keller, Bernd Lange, David Martin, Vital Moreira, Paul Murphy, Cristiana Muscardini, Niccolò Rinaldi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Henri Weber, Paweł Zalewski | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Josefa Andrés Barea, George Sabin Cutaş, Jörg Leichtfried, Marietje Schaake, Jarosław Leszek Wałęsa, Pablo Zalba Bidegain | |||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali | Evžen Tošenovský | |||