Dokument ta' sessjoni
16.10.2012
RAPPORT
dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport
( 2012/2031(INI) )
Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
Rapporteur: Janusz Wojciechowski
PR_INI
WERREJ
Paġna
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW...................................3
ĠUSTIFIKAZZJONI................................................................................................................11
OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel 14
OPINJONI tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu..........................................20
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT......................................................24
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport
( 2012/2031(INI) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-10 ta’ Novembru 2011 dwar l-impatt tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport ( COM(2011)0700 ),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-15 ta’ Frar 2012 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-protezzjoni u l-benessri tal-annimali 20122015 ( COM(2012)0006 ),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jipprevedi li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jagħtu konsiderazzjoni sħiħa tal-ħtiġijiet tal-benessri tal-annimali bħala esseri sensibbli fl-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ottubru 2006 dwar Pjan ta' Azzjoni Komunitarju dwar il-Protezzjoni u l-Benesseri tal-Annimali 2006–2010[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2008 dwar Strateġija ġdida għas-Saħħa tal-Annimali għall-Unjoni Ewropea (2007–2013)[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Mejju 2010 dwar evalwazzjoni u bilanċ tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Benessri tal-Annimali 2006–2010[3],
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Novembru dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 95/29/KE tal-Kunsill għall-emenda tad-Direttiva 91/628/KEE dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta’ Marzu 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali matul it-trasport u operazzjonijiet relatati u li jemenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97, li ssuġġerew ħin massimu ta' 9 sigħat jew 500 km ta' trasport għal annimali trasportati biex ikunu maqtula[5],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1/2005 tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li temenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97[6],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni bil-Miktub tal-Parlament Ewropew 54/2009 tal-25 ta’ Frar 2010 dwar it-trasport ta’ żwiemel għall-qtil fl-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni bil-Miktub tal-Parlament Ewropew 49/2011 tat-30 ta’ Novembru 2011 għall-iffissar ta’ limitu massimu ta’ tmien sigħat għat-trasport ta’ annimali għall-qatla fl-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) tal-11 ta’ Jannar 2011 dwar il-ħarsien tal-annimali fit-trasport[7],
– wara li kkunsidra l-petizzjoni 8hours.eu, iffirmata minn aktar minn miljun ċittadin tal-UE li fiha ntalab li jiġi ffissat perjodu massimu ta’ trasport ta’ mhux iktar minn tmien sigħat għall-annimali għall-qatla,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l- Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu ( A7‑0000/2012 ),
A. billi l-protezzjoni tal-annimali fis-seklu 21 hija espressjoni ta’ umanità u sfida għaċ-ċivilizzazzjoni u l-kultura Ewropej; billi kull attività għall-protezzjoni u għall-benessri tal-annimali għandha timxi fuq sejbiet xjentifiċi, kif ukoll il-prinċipju li l-annimali huma kreaturi sensittivi li l-ħtiġijiet tagħhom għandhom jiġu kkunsidrati, kif stipulat fl-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
B. billi t-trasport tal-annimali huwa riżultat ta’ fatturi ekonomiċi u loġistiċi, filwaqt li fl-istess ħin jista' jkun il-kawża ta’ spejjeż addizzjonali soċjali u ambjentali (żieda fit-traffiku fuq it-triq, żieda fl-emissjonijiet ta’ CO2);
C. billi t-trasport tal-annimali jeħtieġ li jiġi trattat kemm fl-UE kif ukoll barra minnha, u l-annimali li ġejjin minn pajjiżi terzi għandhom jiġu kkontrollati u mmonitorjati, biex b'hekk tkun żgurata sitwazzjoni kompetittiva aktar bilanċjata għall-produtturi Ewropej u inċentiv biex itejbu l-istandards tat-trasport tal-annimali f'pajjiżi terzi;
D. billi r-regoli tal-UE dwar il-benessri tal-annimali fit-trasport ma jistgħux jagħtu lok għal distorsjonijiet fil-kummerċ liberu tal-merkanzija jew jirriżulta fi spejjeż finanzjarji sproporzjonati, u billi jeħtieġ li wieħed ma jinsiex is-sitwazzjoni partikolari ġeografika ta’ żvantaġġ tar-reġjuni tal-periferija u dawk l-aktar imbiegħda;
E. billi t-trasport ta’ laħam u prodotti oħra tal-laħam hu teknikament eħfef u etikament jagħmel aktar sens milli t-trasport ta’ annimali ħajjin biss għall-iskop biex dawn jinqatlu;
F. billi t-trasport tal-annimali fuq rotot tat-trasport twal f’kundizzjonijiet li mhumiex iġjeniċi u mhux favorevoli jista’ jżid ir-riskju li jiġi trażmess u li jinfirex mard;
G. billi l-konformità mal-prinċipji tal-benessri tal-annimali tista' tinfluwenza l-kwalità tal-prodotti mill-annimali;
H. billi l-qtil tal-annimali u l-ipproċessar tal-laħam li jsiru qrib kemm jista' jkun tal-post tat-trobbija jistgħu jgħinu biex jiġu stimulati ż-żoni rurali u l-iżvilupp sostenibbli tagħhom; billi għandu jkun rikonoxxut li mhux dejjem hemm varjetà ta’ biċċeriji adegwati disponibbli fil-viċin u li jeżistu sfidi ekonomiċi serji fis-sostenibilità ta’ biċċeriji lokali żgħar; billi standards għoljin ta’ iġjene u rekwiżiti oħra skont il-leġiżlazzjoni tal-UE għal dan it-tip ta’ installazzjonijiet ipprovokaw ir-ristrutturazzjoni u t-tnaqqis tan-numru ta’ biċċiera; billi, għalhekk, jeħtieġ li jiġu investigati modi kif il-biċċeriji lokali jsiru ekonomikament vijabbli;
I. billi l-limitazzjonijiet fuq il-ħin tat-trasport u kondizzjonijiet restrittivi żżejjed jistgħu jikkompromettu l-provvista regolari tas-suq f’ċerti pajjiżi u reġjuni periferali fit-territorju tal-UE, u jirriżultaw fil-fatt li xi kumpaniji ma jibqgħux ekonomikament vijabbli, bil-konsegwenzi kollha assoċjati ma’ dak it-telf ta’ kompetittività;
J. billi l-kundizzjonijiet tat-trasport tal-annimali hija kwistjoni li tinteressa lil kulħadd;
Valutazzjoni ġenerali tar-rapport tal-Kummissjoni
1. Jieħu nota tar-rapport tal-Kummissjoni dwar l-istat tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 tal-Kunsill, li jikkonkludi li dan ir-Regolament huwa pożittiv għall-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport, imma jinnota li għadhom jeżistu problemi serji waqt it-trasport tal-annimali, l-aktar minħabba konformità u implimentazzjoni mhux adegwati fl-Istati Membri;
2. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiggarantixxi infurzar effiċjenti u uniformi tal-leġiżlazzjoni tal-UE eżistenti dwar it-trasport tal-annimali fl-Istati Membri kollha; iqis li infurzar aħjar huwa ċentrali biex ikunu żgurati l-effettività u l-operabilità tal-leġiżlazzjoni eżistenti sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tat-trasport u tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fl-Istati Membri tal-UE;
3. Jikkundanna bil-qawwi l-bażi xjentifika dgħajfa u d-data li fuqhom huwa bbażat ir-rapport tal-Kummissjoni, bħal studju li sar minn kuntrattur estern ibbażat prinċipalment fuq stħarriġ li għandu jsir minn partijiet involuti direttament jew li għandhom interess dirett fit-trasport tal-annimali;
4. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li f'xi każijiet id-data mill-Istati Membri li tinsab fir-rapport, mingħajr ebda possibilità ta' verifika eżatta, tista' ma tirriflettix bis-sħiħ is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tat-trasport tal-annimali minħabba metodi u mekkaniżmi ta' kontroll li jvarjaw użati fl-Istati Membri individwali;
5. Jesprimi t-tħassib tiegħu li d-dispożizzjonijiet dwar it-trasport tal-annimali fl-Istati Membri individwali qed jiġu implimentati bi grad differenti ferm; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tieħu miżuri għal kontrolli kompletament uniformi dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet tat-trasport;
6. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri ħali tqawwi l-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri differenti;
7. Jinnota li r-rapport tal-Kummissjoni ma jinkludix evalwazzjoni sħiħa tal-ispejjeż kollha tat-trasport tal-annimali, filwaqt li huwa limitat għall-impatt fuq il-kummerċ ġewwa l-UE, l-implikazzjonijiet reġjonali u soċjoekonomiċi, l-effetti fuq il-benessri tal-annimali, il-bażi u l-kontroll xjentifiku, u l-konformità ma' u l-infurzar tar-Regolament Nru 1/2005; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta evalwazzjoni kompluta tal-ispejjeż ekonomiċi, ambjentali u soċjali kollha mġarrba fit-trasport tal-annimali, inkluż tqabbil bejn it-trasport ta’ annimali intiżi għall-qtil u t-trasport trasport ta’ karkassi u ta’ prodotti alimentari, kif ukoll l-effett tat-trasport fuq il-prezz tal-prodotti tal-laħam, b'attenzjoni partikolari għar-reġjuni l-iktar imbiegħda u li jinvolvu l-atturi parteċipanti kollha;
8. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tniedi kampanja ta’ informazzjoni għall-konsumatur dwar is-suġġett tar-regolomaenti Ewropej dwar il-benessri tal-annimali, billi tipprovdi informazzjoni kontinwa dwar il-bidliet rikjesti mill-produtturi Ewropej bil-għan li jiżdied il-profil tal-ħidma tagħhom u jitjieb il-valur miżjud tal-produzzjonijiet tagħhom;
9. Jissottolinja li fil-perjodu tar-Rapport 2005-2009 n-numru ta’ annimali ttrasportati żdied b’mod sinifikanti: fil-każ ta’ baqar bi 8 %, ħnieżer b 70 % u nagħaġ bi 3 % u li fil-każ taż-żwiemel biss kien hemm tnaqqis ta’ 17 %; jenfasizza li żewġ terzi mill-konsenji jikkonċernaw perjodi ta' trasport ta’ anqas minn 8 sigħat, filwaqt li 4 % tat-trasport huma itwal mill-żin massimu tal-vjaġġ u għalhekk jinħtieġu l-ħatt u s-serħan qabel ma jitkompla l-vjaġġ; jiddispjaċih li għal kważi 2 % tal-konsenji l-ħin tal-vjaġġ ma kienx disponibbli, ċifra li tirrappreżenta żieda ta' ħames darbiet aktar f'paragun mal-2005;
10. Huwa tal-opinjoni bħala prinċipju li l-annimali għandhom jinqatlu viċin kemm jista’ jkun tal-post tat-trobbija tagħhom; jinnota f’dan f’dan il-kuntest li l-konsumatur huwa favur ħinijiet ta’ trasport iqsar għall-annimali għall-qatla, madankollu fl-istess ħin jippreferi jixtri laħam frisk; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tiddikjara l-konklużjonijiet li għandhom jittieħdu f’dan ir-rigward; jirrikonoxxi li, minħabba n-nuqqas ta' infurzar, ir-Regolament ma ssodisfax l-għan li jillimita t-trasport ta’ annimali ħajjin għall-qtil, imma li dan ta kontribut għat-titjib tal-benessri tal-annimali matul it-trasport; jistieden lill-Istati Membri biex jimpimentaw b'mod xieraq il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar it-trasport tal-annimali, u jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi, meta possibbli, l-ipproċessar lokali; jemmen li l-politika tal-UE għandha timmira li tgħin biex jinħolqu ktajjen qosra u trasparenti tal-provvista, filwaqt li tiġi salvagwardjata l-provvista fis-suq fl-Istati Membri kollha u fir-reġjuni l-iktar imbiegħda; Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni dwar l-iġjene tal-UE, filwaqt li jiżguraw l-ogħla protezzjoni għall-konsumaturi, m’għandhiex bilfors ttellef l-iżvilupp tal-faċilitajiet ta’ tbiċċir u pproċessar reġjonali mobbli jew fuq skala żgħira;
11. Jistieden lill-Kummissjoni toffri definizzjoni ċara ta’ x’ihuma biċċeriji lokali;
12. Ifakkar li l-Artikolu 32 tar-Regolament jgħid li r-rapport tal-Kummissjoni għandu jikkunsidra 'evidenza xjentifika dwar il-bżonnijiet ta' benesseri tal-annimal', u jista’ jkun akkumpanjat jekk meħtieġ bi proposti leġiżlattivi xierqa dwar vjaġġi twal;
13. Jirrikonoxxi d-Dikjarazzjoni bil-Miktub Nru 49/2011 tal-Parlament Ewropew li tappoġġja l-iffissar ta’ limitu massimu ta’ vjaġġ ta' tmien sigħat għat-trasport ta’ annimali għall-qatla, iżda jirrikonoxxi li domanda bħal din mhijiex ibbażata xjentifikament; iqis li l-benessri tal-annimali waqt it-trasport f'xi każijiet jiddependi iktar minn faċilitajiet xierqa tal-vetturi u l-immaniġġjar xieraq tal-annimali, kif dokumentat fl-opinjoni tal-EFSA ta' Diċembru 2010; madankollu, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu linji gwida għall-aħjar prattiki sabiex titjieb l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1/2005, u jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ kontroll sabiex jiġi garantit il-benessri tal-annimali;
14. Jinsisti li għal darba oħra għandha titqies limitazzjoni tal-ħin tat-trasport ta’ annimali maħsuba għall-qatla għal tmien sigħat b'kunsiderazzjoni tal-ħin tat-tagħbij, irrispettivament jekk din isseħħx fl-art jew fuq il-baħar, b'xi eċċezzjonijiet b'kunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet ġeografiċi fir-reġjuni l-iktar imbiegħa, netwerks stradali skarsi, postijiet mbiegħda jew l-għażla ta' vjaġġ itwal ta’ xi speċijiet ta’ annimali kkonfermati permezz tar-riżultati tar-riċerka xjentifika, sakemm jibqgħu jiġu osservati r-regoli dwar il-protezzjoni tal-annimali; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li vjaġġ għall-għanijiet tal-benessri tal-annimali fir-rigward tad-dewmien tat-trasport mhux previst (konġestjoni tat-traffiku, waqfien minħabba ħsara, aċċident, devjazzjoni, force majeure, eċċ.) għandu jiġi estiż filwaqt li jitqiesu l-possibilitajiet kollha msemmija;
15. Jenfasizza l-fatt li r-rapport tal-Kummissjoni jisħaq b'mod partikolari fuq il-konklużjonijiet tiegħu li f'konformità mal-opinjoni tal-EFSA "jidher li parti mir-Regolament mhumiex totalment allinjati mal-għarfien kurrenti"; jemmen li għal din ir-raġuni huwa importanti li tiġi enfasizzata l-ħtieġa li jiġi kkunsidrat l-għarfien xjentifiku attwali fit-tfassil tal-liġijiet dwar il-benessri tal-annimali; jenfasizza l-fatt li l-opinjoni tal-EFSA[8] tisħaq li huma involuti aspetti oħra fil-benessri tal-annimali għandu influwenza fuq aspetti oħrajn lil hinn ferm mit-tul tal-vjaġġ, bħat-tagħbija u l-ħatt b’mod xieraq, kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ disinn tal-vetturi;
Spejjeż ekonomiċi, soċjali u ambjentali tat-trasport u kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd
16. Huwa konxju mill-investimenti konsiderevoli li saru minn ħafna trasportaturi f'kundizzjonijiet ekonomiċi diffiċli u jilqa’ t-titjib f'termini tat-taħriġ tas-sewwieqa, l-ispeċifikazzjonijiet imtejba għall-vetturi u l-kwalità tat-trasport tal-annimali nnotat fir-rapport tal-Kummissjoni; jiddispjaċih, madankollu, li s-sejbiet tal-Kummissjoni m'għandhomx data affidabbli biżżejjed; jinnota li minħabba l-investimenti konsiderevoli meħtieġa, ħafna produtturi u biċċeriji, l-aktar dawk żgħar, waqqfu l-attivitajiet tagħhom, speċjalment f’żoni iżolati u periferiċi tal-Ewropa;
17. Jiġbed l-attenzjoni lejn id-differenzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri fir-rigward tan-nefqa għat-titjib fil-vetturi (pereżempju firxa minn € 250 sa € 6000 għall-installazzjoni ta’ sistema ta’ navigazzjoni bis-satellita), li jaffetwa b’mod serju s-Suq Intern, u jikkritika lill-Kummissjoni għax din ma nvestigatx ir-raġunijiet għal dawn id-differenzi;
18. Jitlob lill-Kummissjoni, fid-dawl ta’ dan it-tħassib, sabiex tippreżenta valutazzjoni kompluta tal-ispejjeż ekonomiċi, ambjentali u soċjali fit-trasport tal-annimali;
19. Jemmen li leġiżlazzjoni dwar il-benessri tal-annimali, bħala prinċipju, għħandha tkun ibbażata fuq ix-xjenza; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex taġġorna r-regoli dwar it-trasport tal-annimali fir-rigward tan-nuqqasijiet eżistenti bejn il-leġiżlazzjoni u l-aħħar evidenza xjentifika kif identifikata mill-EFSA;
20. Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni inkludiet fir-rapport tagħha l-analiżi xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), li tenfasizza l-ħtieġa li t-tul tat-trasport taż-żwiemel għandu jitnaqqas b'mod evidenti u tikkorrelata mas-suġġerimenti proposti fid-Dikjarazzjoni bil-Miktub tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Frar 2010;
21. Jiddispjaċih li minkejja l-evidenza xjentifka ġdida dwar il-ħinijiet għat-trasportazzjoni taż-żwiemel ippreżentata mill-EFSA, ma ġiet inkluża l-ebda rakkomandazzjoni għal bidliet leġiżlattivi fir-rapport tal-Kummissjoni; jirrikjedi li l-Kummissjoni tipproponi limitu massimu iqsar ta' trasport għat-trasport kollu ta’ żwiemel għall-qatla, bi qbil mad-Direttiva tal-Kunsill 2009/156/KE; jinsisti, barra minn hekk, fuq reviżjoni fil-fond, fuq il-bażi tax-xjenza, tal-istandard għall-benessri taż-żwiemel, jekk hemm bżonn akkumpanjata minn proposti leġiżlattivi, inkluż kunsiderazzjoni mill-ġdid ta’ standards għad-disinn tal-vetturi, spazji allokati u provvista ta’ ilma;
22. Jirrimarka li l-Premessa 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 teżiġi li għandhom ikunu proposti dispożizzjonijiet adegwati għat-tjur hekk kif ikunu disponibbli l-valutazzjonijiet relevanti tal-EFSA; jiddispjaċih, għalhekk, li r-rappot tal-Kummissjoni ma jikkunsidrax it-trasport tat-tjur, minkejja l-fatt li t-tjur jikkostitwixxu l-kategorija prinċipali tal-annimali trasportata fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni, konsegwentement, biex tirrevedi l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar it-trasport tat-tjur fuq il-bażi tal-aħħar evidenza xjentifika;
23. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jirrevedu r-Regolament (KE) Nru 1/2005 tal-Kunsill fid-dawl tal-aħħar evidenza xjentifika ppubblikata mill-EFSA, u biex idaħħlu titjib dwar b'mod partikolari l-allokazzjonijiet ta’ spazju, bħall-użu ta’ kalkolazzjoni ta' kg/m2 għal żwiemel u ekwazzjoni algometrika li tirrelata d-daqs mal-piż ta’ baqar u nagħaġ u l-konnessjoni mad-densità tal-ħażna massima għal brojlers f’kontenituri għal kundizzjonijiet termiċi;
24. Jitlob li l-Kummissjoni, fin-negozjati kummerċjali bilaterali tagħha ma’ pajjiżi terzi, tesiġi l-applikazzjoni tal-istandards tal-Unjoni Ewropea għall-benessri tal-annimali u tiddefendi l-internazzjonalizzazzjoni, fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, tad-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar dan is-suġġett;
Kontrolli u implimentazzjoni
25. Jilqa’ l-aħbar dwar l-introduzzjoni ta’ sistema tan-navigazzjoni għall-monitoraġġ tat-trasport ta' annimali, madankollu jesprimi d-dispjaċir tiegħu li jeżistu differenzi kbar fl-implimentazzjoni bejn l-Istati Membri u li globalment l-użu ta’ din is-sistema għall-kontroll tat-trasport tal-annimali huwa limitat; jitlob li l-Kummissjoni tagħmel proposti leġiżlattivi qabel l-1 ta’ Jannar 2014, immirati biex joħolqu qafas komuni għall-UE kollha għall-ġbir ta’ dejta u l-kontroll permezz ta’ navigazzjoni bis-satellita, ibbażat fuq l-input ta' data f’ħin reali;
26. Jesprimi d-diżappunt tiegħu li ma sarx użu aħjar mit-teknoloġiji emerġenti li jkunu ta’ għajnuna f’dan il-qasam u jnaqqsu l-ispejjeż fiż-żmien twil;
27. Jitlob li jkun hemm tranżizzjoni għat-teknoloġiji elettroniċi sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jħaffu x-xogħol għall-impriżi billi jiffaċilitaw il-ħażna u l-komunikazzjoni tad-data mitluba minn diversi uffiċċji amministrattivi;
28. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel riċerka dwar kif it-teknoloġija ġdida u eżistenti tista’ tiġi applikata fuq vettura tal-bhejjem tal-irziezet biex tirregola, tissorvelja u tirreġistra t-temperatura u l-umdità, li huma elementi essenzjali għall-kontroll u l-protezzjoni tal-benessri ta’ kategoriji speċifiċi ta’ annimali waqt it-trasport, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-EFSA;
29. Jenfasizza li jeħtieġ li jsiru għadd xieraq ta’ spezzjonijiet tal-annimali trasportati kull sena f’kull Stat Membru, sabiex ikun garantit u jinżamm il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fi ħdan l-UE; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni biex iżżid l-għadd ta’ spezzjonijiet tal-FVO mhux imħabbra ffukati fuq il-benessri tal-annimali u t-trasport tagħhom; huwa tal-opinjoni li metodi differenti ta’ ġbir ta’ data u mekkaniżmi ta’ kontroll jagħmluha difiċli biex tingħata stampa eżatta tal-konformità fl-Istati Membri individwali; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tadotta stuttura iktar armonizzata ta' rraportar u biex twettaq aktar analiżi tad-data ġġenerata mir-rapporti tal-ispezzjonijiet tal-FVO u mir-risposti tal-Istati Membri dwar il-Pjan Multi-annwali Nazzjonali ta’ Kontroll (MANCP);
30. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-kontrolli veterinarji tal-annimali jsiru fit-tmiem tat-trasport tagħhom;
31. Jinnota bi tħassib l-indikazzjonijiet li fl-Istati Membri individwali jeżistu differenzi sostanzjali fl-interpretazzjoni tar-Regolament, peress li dan imur kontra l-għanijiet tar-Regolament u jfixkel il-kompetizzjoni; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tippubblika dokumenti adegwati ta' kjarifika u ta' gwida tar-Regolament sabiex telimina l-possibilità li dan jiġi interpretat b'mod arbitrarju;
32. Jinnota li kwalunkwe nuqqasijiet fl-implimentazzjoni ta’ spiss jiġu ġustifikati minn speċifikazzjonijiet legali, li fil-prattika ma jistgħux jiġu implimentati jew ma jkunux kompatibbli mal-liġi nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tanalizza dawn l-inkosistenzi relatati mar-regolament eżistenti;
33. Huwa mħasseb dwar il-fatt li ċerti Stati Membri huma preparati li jittolleraw ksur evidenti ta’ dan ir-Regolament, bħal pereżempju skedi ta’ vjaġġi li ma jistgħux jiġu tollerati, vetturi mimlija ż-żejjed u allokazzjonijiet ta’ spazji mhux adegwati;
34. Jistieden ukoll lill-awtoritajiet tal-fruntieri ta' kull Stat Membru biex jikkollaboraw u jiskambjaw informazzjoni dwar it-trasportazzjoni transkonfinali tal-annimali;
35. Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u diżważivi għall-ksur tar-Regolament, skont l-Artikolu 25 tiegħu; jiġbed l-attenzjoni lejn il-livelli differenti ta' penali u sanzjonijiet għall-istess ksur fl-Istati Membri differenti, u jitob armonizzazzjoni aħjar tas-sanzjonijiet fl-UE kollha biex ikun żgurat infurzar aħjar tar-Regolament; jitlob li l-Kummissjoni, qabel l-1 ta’ Lulju 2013, tippreżenta rapport fejn jiġu analiżati penali għal ksur serju kontra l-benessri tal-annimali fit-trasport bit-triq fl-Istati Membri kollha, bħar-rapport tagħha dwar penali fil-qasam ta’ regoli soċjali fit-trasport bit-triq[9];
36. Jiġbed l-attenzjoni lejn ir-regoli dwar ir-responsabilità, li fihom ir-responsabilità għat-trasport ta’ annimali mhux b’saħħithom mhix definita b'mod biżżejjed ċar biex ikun żgurat li l-annimali li mhumiex b’saħħithom għat-trasport mhumiex trasportati u l-persuni li jiġu penalizzati mhux neċessarjament huma f’pożizzjoni li jipprevjenu t-trasport;
37. Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu passi legali kontra dawk l-Istati Membri li ma japplikawx ir-Regolament kif suppost u timponi sanzjonijiet fuqhom;
38. Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-kontrolli fil-katina kollha tal-produzzjoni biex jitwaqqfu l-prattiki li jiksru r-Regolament u li jirrendu agħar il-kundizzjonijiet tat-trasport tal-annimali, bħal pereżempju jippermettu vetturi mgħobbija ż-żejjed biex ikomplu l-vjaġġ tagħhom jew jippermettu li l-punti ta' kontroll ma jkollhomx faċilitajiet adegwati għas-serħan, il-provvista ta' ikel u ilma għall-annimali li jistgħu jibqgħu jintużaw;
39. Huwa tal-fehma li edukazzjoni u taħriġ xierqa huma indispensabbli għat-trattament kif suppost tal-annimali u dawn joħolqu l-bażi għall-protezzjoni u l-benessri tagħhom; jistieden lill-Istati Membri kollha, biex jekk ikun meħtieġ itejbu u jestendu l-programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ tagħhom, kif inhu obbligatorju skont ir-Regolament (KE) Nru 1/2005; jinnota li t-tul u l-istandard tal-korsijiet ta' taħriġ ivarjaw ħafna bejn l-Istati Membri; jitlob, għalhekk, li jitħejjew linji gwida ċari tal-UE biex jiġu żviluppati korsijiet ta’ taħriġ aqwa u aktar uniformi għal sewwieqa u għal dawk li jaħdmu mal-annimali;
40. Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-bejjiegħa bl-imnut, il-kumpaniji tas-servizzi tal-ikel u l-manifatturi tal-ikel biex jiżguraw li l-istandards privati tagħhom joriġinaw mill-laħam li jkun joriġina minn annimali li jkunu trabbew u nqatlu lokalment u jkunu ġew trasportati f’kundizzjonijiet li jirrispettaw il-benessri tagħhom;
41. Jesprimi tħassib minħabba n-numru ta’ rapporti ta’ vetturi mhux xierqa li qed jintużaw għat-trasport ta’ annimali ħajjin kemm fuq l-art kif ukoll bil-baħar u jitlob li l-monitoraġġ ta’ tali prattiki jittejjeb;
42. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ĠUSTIFIKAZZJONI
L-UE ilha għandha regoli dwar il-benessri tal-annimali waqt it-trasport sa mill-1977. Ir-regoli għandhom l-għan li jeliminaw l-ostakli tekniċi għall-kummerċ ta' annimali ħajjin u dan filwaqt li jiżguraw livell għoli ta' ħarsien għall-annimali kkonċernati. Ir-rekwiżiti legali tal-UE dwar il-ħarsien tal-annimali waqt it-trasport ġew aġġornati permezz tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati li daħal fis-seħħ fil-5 ta’ Jannar 2007.
L-Artikolu 32 tar-Regolament jobbliga lill-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew fi żmien erba' snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament (sal-5 ta' Jannar 2011) dwar l-impatt ta' dan ir-Regolament fuq il-benessri tal-annimali li jiġu trasportati u l-flussi ta' kummerċ f'Komunità mkabbra. B'mod partikolari, ir-rapport għandu jqis evidenza xjentifika dwar il-bżonnijiet ta' benessri tal-annimal, u r-rapport dwar l-implimentazzjoni tas-sistema ta' navigazzjoni, kif ukoll tal-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi ta' dan ir-Regolament, inklużi aspetti reġjonali. Jekk ikun meħtieġ, ma’ dan ir-rapport jistgħu jiġu miżjuda proposti leġiżlattivi adattati dwar vjaġġi twal, speċjalment it-tul tal-ħin tal-ivvjaġġar, il-ħin ta' mistrieħ u l-ispazju. Il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rapport fl-10 ta’ Novembru 2011.
Il-valutazzjoni tar-Rapporteur dwar ir-rapport tal-Kummissjoni fir-rigward tal-istat tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 hija pożittiva, minkejja li għandu jiġi rrimarkat, li r-rapport ma jinkludix valutazzjoni eżawrjenti tal-ispejjeż ekonomiċi, soċjali u ekoloġiċi tat-trasport tal-annimali. Barra minn hekk, ir-Rapporteur huwa mħasseb li d-data msemmija fir-rapport, li toriġina mill-Istati Membri u li mhijiex verifikabbli, ma tirriflettix kompletament is-sitwazzjoni reali fiċ-ċirkustanzi minħabba li jiġu applikati metodi u mekkaniżmi ta’ kontroll differenti fl-Istati Membri individwali.
Fir-rapport jiġi speċifikat li n-numru totali tal-annimali li jiġu ttrasportati ħajjin żdied sostanzjalment fil-perjodu tar-rapport 2005–2009: fil-każ ta’ baqar bi 8 %, ħnieżer b’70 % u nagħaġ bi 3 %, fil-każ taż-żwiemel biss kien hemm nuqqas ta’ 17 %. Permezz ta’ dawn, l-għan ifformulat fil-Premessa 5 tar-Regolament 1/2005, li “Għal raġunijiet ta' benesseri tal-annimal it-trasport tal-annimali fit-tul, li jinkludi annimali għall-qatla, għandu jkun limitat kemm jista' jkun”, ma ntlaħaqx; Għalhekk, l-għan tar-Regolament li jillimita t-trasport ta’ annimali ma ntlaħaqx. Il-politika tal-UE f’dan il-qasam għandha tiġi analizzata.
Ir-Rapporteur huwa tal-opinjoni li t-trasport ta’ laħam u prodotti oħra tal-laħam hu teknikament eħfef u jagħmel aktar sens mil-lat ekonomiku li jiġi mmaniġġjat milli t-trasport ta’ annimali ħajjin. Għalhekk għandhom jittieħdu miżuri għall-promozzjoni tal-bejgħ lokali għat-tnaqqis tal-katini tal-kunsinna tal-ikel. Il-politika tal-UE f'dan ir-rigward għandha tiġi riveduta u mmirata lejn l-appoġġ ta’ stabbilimenti tal-ipproċessar żgħar u ta’ biċċeriji żgħar kif ukoll lejn l-ipproċessar ta’ annimali tal-qatla minn konsenji reġjonali fil-qrib.
Ir-Rapporteur huwa partikolarment tal-opinjoni li l-petizzjoni ffirmata minn aktar minn miljun ċittadin tal-UE li fiha ntalab li jkun hemm perjodu ta’ trasport limitat ta’ mhux iktar minn tmien sigħat għall-annimali għall-qatla, għandha tittieħed inkonsiderazzjoni.
Fir-rapport ġie speċifikat, li l-maġġor parti tal-ispejjeż li għolew sostanzjalment għall-konformità mar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Annimali jaqgħu fuq l-intrapriżi tat-trasport, partikolarment minħabba t-titjib tekniku tal-vetturi. Dawn għandhom ikunu mgħammra b’saqaf u tagħmir għax-xorb insulati, sistemi għat-tisħin tal-ilma tax-xorb, sistemi ta’ navigazzjoni bis-satellita u sistemi ta’ ventilazzjoni. Anke l-ispejjeż operattivi u tal-fjuwil żdiedu. L-ispejjeż ma affettwawx il-prezzijiet tas-suq għat-trasport ta’ annimali ħajjin, peress li dawn baqgħu ma nbidlux jew naqsu. Fl-opinjoni tar-Rapporteur dawn l-ispejjeż u oħrajn relatati mal-produzzjoni għandhom jinġarru minn dawk involuti.
L-introduzzjoni u l-infurzar uniformi tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-annimali huma element ewlieni għall-konformità mal-istandards għoljin dwar il-protezzjoni tal-annimali u sabiex jiġu evitati distorsjonijiet tas-suq tal-UE. F’dan ir-rapport ġie determinat, li jeżistu nuqqasijiet konsiderevoli f’diversi Stati Membri fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet. Għalhekk ir-Rapporteur huwa tal-opinjoni li huma meħtieġa aktar miżuri għal armonizzazzjoni aħjar tal-introduzzjoni u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet fl-UE kollha. B’mod partikolari, ir-Rapporteur iqis xieraq li jittieħdu miżuri għall-ħolqien ta’ mekkaniżmi dettaljati ta’ kontroll, kif ukoll jiġu stipulati sanzjonijiet uniformi.
Ir-Rapporteur jixtieq jippreżenta diversi konklużjonijiet importanti lill-Kummissjoni. Dawn jikkonċernaw b’mod partikolari:
- valutazzjoni komprensiva tal-ispejjeż ekonomiċi, ekoloġiċi u soċjali kollha tat-trasport tal-annimali kif ukoll l-analiżi tal-impatt tat-trasport tal-annimali fuq il-prezzijiet ta’ prodotti tal-laħam fl-UE,
- l-elaborazzjoni ta’ sistema ta’ valutazzjoni oġġettiva u affidabbli għall-benessri tal-annimali waqt it-trasport,
- kunsiderazzjoni ta’ inizjattiva leġiżlattiva bl-għan li l-ħin tat-trasport għall-annimali għall-qatla jiġi limitat għal tmien sigħat, fejn jistgħu jiġu pprovduti derogi minħabba kundizzjonijiet ġeografiċi u possibilitajiet għal vjaġġ itwal ta’ diversi speċijiet ta’ annimali xjentifikament sostanzjati, fil-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-annimali,
- teħid ta’ miżuri fir-rigward ta’ Stati Membri li permezz tagħhom għandu jiġi żgurat kontroll komplut u uniformi b’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet għall-kontroll tal-annimali,
Ir-Rapporteur jitlob lill-Istati Membri jikkunsidraw l-istabbiliment ta' istituzzjonijiet tal-kontroll speċjali, li jiffukaw fuq il-kontroll tal-konformità mad-dispożizzjonijiet relatati mal-protezzjoni u l-benessri tal-annimali, pereżempju waqt it-trasport tal-annimali. Jappella għall-projbizzjoni ta’ prattiki li jiksru r-Regolament u li jirrendu agħar il-kundizzjonijiet waqt it-trasport tal-annimali.
9.5.2012
OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport
( 2012/2031(INI) )
Rapporteur għal opinjoni: Kartika Tamara Liotard
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jilqa’ r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-impatt tar-Regolament (KE) Nru 1/2005, li jikkonkludi li r-Regolament kellu effetti tajbin fir-rigward tal-benessri tal-annimali matul it-trasport, iżda għad hemm problemi kbar għall-benessri tal-annimali[10]; jiddispjaċih li l-Kummissjoni mhi biħsiebha tipproponi l-ebda tibdil fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-trasport tal-annimali; jiddispjaċih li dan ir-rapport jinjora l-Premessa 5 tar-Regolament, li jiddikjara li “għal raġunijiet ta' benessri tal-annimal it-trasport tal-annimali fit-tul għandu jkun limitat kemm jista' jkun”;
2. Jiddispjaċih għall-fatt li r-rapport jinjora r-rakkomandazzjoni tal-EFSA dwar l-iżvilupp ta’ strateġiji sabiex jitnaqqas il-volum ta’ trasport u t-trasport għal distanzi twal ta’ annimali għall-qatla u jitnaqqsu l-ħinijiet tal-vjaġġi, sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ tfaqqiegħ ta’ mard assoċjat mat-trasport[11];
3. Jiddispjaċih li fir-rapport tal-Kummissjoni m’hemm l-ebda referenza għal waħda mir-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjoni Xjentifika tal-EFSA, jiġifieri li l-prijorita għandha tingħata lit-trasport dirett, bla, waqfiet intermedji (eż. swieq tal-bhejjem) li jġibu magħhom ir-riskju ta’ kuntatt ma’ annimali minn farms oħra[12];
4. Jitlob lill-Kummissjoni teżamina taħt liema kriterji t-tnaqqis tal-volum ta’ trasport, permezz tat-trasport ta’ karkassi u laħam minflok annimali ħajjin, ikollu impatt pożittiv fuq l-ambjent, billi jnaqqas it-tniġġis, itejjeb il-marka tal-karbonju tas-settur tat-trasport, u jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ produzzjoni u konsum lokali; jirrimarka wkoll li t-trasport ta’ karkassi jew laħam huwa aktar sostenibbli mit-trasport ta’ annimali ħajjin; iqis għalhekk li, fil-prinċipju, għandhom jiġu ttrasportati biss karkassi jew laħam għal distanzi twal ħafna;
5. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżviluppaw strateġija ħalli jsir progress lejn mudell aktar reġjonali ta’ produzzjoni tal-bhejjem li fih, kull fejn ikun prattikabbli, l-annimali jitwieldu, jissemmnu u jinqatlu fl-istess reġjun minflok jiġu ttrasportati għal distanzi twal ħafna;
6. Jikkunsidra li, anki fir-rigward tat-tnaqqis tar-riskju ta’ tfaqqigħ ta’ mard assoċjat mat-trasport, tal-kwalità u s-sigurtà tal-ikel, jagħmel sens li jinħolqu inċentivi għat-trobbija, il-kummerċjalizzazzjoni u l-qatla tal-annimali fil-livell reġjonali sabiex jitnaqqsu l-ħinijiet tat-trasport tal-annimali fit-tul u bla ħtieġa;
7. Jistieden lill-Kummissjoni biex tħassar ir-rifużjonijiet tal-esportazzjoni għall-bhejjem, sabiex tipprevjeni u tnaqqas il-ħinijiet tat-trasport tal-annimali fit-tul u bla ħtieġa;
8. Jinnota li d-dispożizzjonijiet fir-Regolament dwar il-ħin ta’ trasport, ħin ta’ mistrieħ u allokazzjoni ta’ spazju mhumiex ibbażati fuq opinjoni xjentifika tal-SCAHAW jew tal-EFSA, iżda ttieħdu mid-direttiva preċedenti[13]; jinnota b’dispjaċir illi, minkejja konklużjonijiet ċari mill-EFSA, partijiet tar-Regolament mhumiex konformi mal-għarfien xjentifiku attwali, speċjalment fir-rigward tat-trasport taż-żwiemel, it-trasport tat-tjur u l-fniek, l-allokazzjoni ta’ spazju, ir-rekwiżiti ta’ temperatura u għoli intern tal-kompartimenti, u li r-rapport mhu akkumpanjat mill-ebda proposta;
9. Jirrimarka li l-Premessa 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tesiġi li għandhom ikunu proposti dispożizzjonijiet speċjali adegwati għat-tjur hekk kif ikunu disponibbli l-valutazzjonijiet relevanti tal-EFSA; jiddispjaċih, għalhekk, li minkejja l-evidenza xjentifika l-ġdida u r-rakkomandazzjonijiet tal-EFSA[14], mar-rapport tal-Kummissjoni ma kien hemm l-ebda proposti leġiżlattiva b’rabta mat-trasport tat-tjur, għalkemm it-tjur jikkostitwixxu l-aktar tip ta’ annimal ittrasportat fl-Ewropa;
10. Jitlob li ż-żwiemel jiġu riklassifikati b’mod separat minn annimali oħra tal-farms, sabiex ikunu riflessi l-karatteristiċi fiżiċi, fiżjoloġiċi u komportamentali taż-żwiemel skont kif deskrit fir-rapport tal-EFSA[15]; jitlob li jiddaħħal limitu speċifiku fuq il-vjaġġi għaż-żwiemel (għall-qatla), b’seħħ immedjat.
11. Jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi l-għoli massimu (bħalissa 4 metri) għall-vetturi tqal tal-ġarr, u żżidu fejn dan ikun f’loku fil-każ ta’ vetturi li jintużaw għat-trasport tal-annimali, biex tipprevjeni problemi tal-benessri tal-annimali li jinqalgħu minħabba għoli suffiċjenti għar-ras fit-trasport;
12. Ifakkar li l-Artikolu 32 tar-Regolament jiddikjara li r-rapport tal-Kummissjoni għandu jqis l-“evidenza xjentifika dwar il-bżonnijiet ta’ benessri tal-annimali”, u li jista’ jiġi akkumpanjat, jekk ikun neċessarju, minn proposti leġiżlattivi xierqa dwar vjaġġi fit-tul; ifakkar fid-Dikjarazzjoni bil-Miktub 49/2011 tal-PE, iffirmata mill-maġġoranza tal-Membri, li titlob li t-trasport tal-annimali għall-qatla jkun limitat għal massimu ta’ 8 sigħat, kif ukoll fl-inizjattiva ta’ 8 sigħat appoġġjata minn aktar minn miljun ċittadin Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, għalhekk, biex jirrevedu r-Regolament 1/2005 sabiex jistabbilixxu limitu massimu ta’ 8 sigħat għall-vjaġġi tal-annimali ttrasportati għall-qatla;
13. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jirrevedu r-Regolament (KE) Nru 1/2005, u biex jintroduċu titjib bi rbit mal-aspetti li ġejjin:
- l-ispeċifikazzjonijiet tal-vetturi;
- il-kundizzjonijiet waqt it-trasport, bħalma huma l-kompartimenti, il-provvista ta’ ilma tax-xorb, it-temperatura u l-umidità;
- taħriġ speċjali tas-sewwieqa, veloċità xierqa tal-vettura u tagħbija u ħatt bl-attenzjoni, biex is-sewwieqa jkunu jistgħu jkampaw bl-annimali li jkunu qed jittrasportaw;
- żieda tal-ispazji minimi permessi u regoli aktar stretti dwar it-trasport ta’ annimali ħbiela/u jew miġruħin;
jitlob li l-Kummissjoni wkoll tieħu l-passi adegwati ħalli tinkoraġġixxi l-biċċeriji mobbli u tippromwovi r-ristabbiliment ta’ biċċeriji lokali b'tali mod li tinkoraġġixxi t-tbiċċir qrib tal-lok tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni;
14. Jikkunsidra li r-rapporti mressqa kull sena mill-Istati Membri huma essenzjali biex jingħaraf l-impatt tal-leġiżlazzjoni u tittieħed azzjoni korrettiva adegwata; jistieden lill-Kummissjoni biex l-infurzar aħjar tar-Regolament tagħmlu prijorità importanti; jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta miżuri dwar il-kontrolli u dwar struttura aktar armonizzata ta’ rappurtar sal-1 ta’ Jannar 2013, kif ukoll biex tħejji rapport dwar il-progress li jkun sar fl-Istati Membri;
15. Jemmen li xi wħud mid-dispożizzjonijiet tar-regolament qed iħallu wisq lok għal interpretazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, u b’hekk joħolqu inkonsistenzi fl-infurzar; jitlob lill-Kummissjoni biex, fejn meħtieġ, tipproponi emendi tekniċi tal-leġiżlazzjoni attwali;
16. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiggarantixxi applikazzjoni effikaċi u uniformi tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar it-trasport tal-annimali fl-Istati Membri kollha tal-UE; flimkien ma’ biżżejjed spezzjonijiet imwettqa fil-livell nazzjonali, dan għandu jiġġarantixxi u jżomm it-tħaddim tajjeb tas-suq intern, u jevita t-tagħwiġ tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri;
17. Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi kollha neċessarji ħalli jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tiġi infurzata, b'mod partikolari billi jikkontrollaw li r-reġistri tal-vjaġġi jkunu realistiċi u konformi mal-leġiżlazzjoni;
18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri ħali tqawwi l-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri differenti; jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid l-għadd ta’ spezzjonijiet tal-FVO iffukati fuq il-benessri tal-annimali u t-trasport tagħhom; jenfasizza li jeħtieġ li jsiru għadd xieraq ta’ spezzjonijiet tal-annimali ttrasportati kull sena f’kull Stat Membru;
19. Jistieden lill-Istati Membri biex jinfurzaw b’mod attiv sistema ta’ spezzjonijiet li tikkontrolla l-kundizzjonijiet tal-benessri tal-annimali qabel, waqt u wara t-trasport, u li għandha tkun appoġġjata minn sistema soda ta’ sanzjonijiet effikaċi u dissważivi;
20. Jirrimarka li f'ċerti Stati Membri m'hemmx biżżejjed stazzjonijiet tal-ispezzjoni, u li għalhekk mhuwiex possibbli li jsiru kontrolli adegwati tat-trasport tal-annimali jew tal-ħatt tal-annimali f'sitwazzjonijiet ta’ emerġenza; jilqa’ għaldaqstant il-fatt li r-rapport tal-Kummissjoni jħabbar aktar kontrolli tat-trasport tal-annimali; jitlob ukoll li dawn il-kontrolli jkunu aktar effiċjenti;
21. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-kontrolli veterinarji tal-annimali jsiru fit-tmiem tat-trasport tagħhom;
22. Jitlob lill-Kummissjoni biex tirriċerka kif it-teknoloġiji ġodda u eżistenti jistgħu jiġu applikati għall-vetturi tal-bhejjem għar-regolazzjoni, il-monitoraġġ u r-reġistrazzjoni tat-temperatura u l-umidità, li huma elementi essenzjali għall-kontroll u l-protezzjoni tal-benessri ta’ kategoriji speċifiċi ta’ annimali waqt it-trasport, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-EFSA; jenfasizza li jeħtieġ li l-użu ta’ teknoloġija ġdida ma jwassalx biex il-ħinijiet tat-trasport tal-annimali jitwalu;
23. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-introduzzjoni ta’ bażi legali għal rekwiżit ta’ sistemi ta’ navigazzjoni abbord li jippermettu t-trażmissjoni ta’ data dwar il-lokazzjoni u indikaturi oħra dwar il-benessri tal-annimali lill-awtoritajiet kompetenti, fil-ħin reali;
24. Jilqa’ r-rikonoxximent, min-naħa tal-Kummissjoni, li s-sistemi ta’ navigazzjoni s’issa ma rrealizzawx il-potenzjal tagħhom f’dak li jirrigwarda l-impatt tajjeb mistenni fuq l-infurzar tar-Regolament; jitlob lill-Kummissjoni biex tesiġi li dawk is-sistemi jkollhom il-kapaċità li jittrażmettu d-data fil-ħin reali lejn bażi tad-data tal-UE;
25. Jenfasizza li użu aħjar ta’ Sistemi ta’ Navigazzjoni bis-Satellita jgħin biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-kumpaniji tat-trasport u jgħin lill-awtoritajiet kompetenti f’kull Stat Membru biex itejbu l-kwalità tal-kontrolli, speċjalment rigward il-ħinijiet tal-ivvjaġġar u l-perjodi ta’ mistrieħ; iqis li sistemi ta’ kontroll ġodda u iżjed effikaċi, bħal pereżempju sorveljanza tat-trasport bl-użu ta’ sistemi ta’ lokazzjoni bis-satellita, jgħinu biex itejbu s-sitwazzjoni u jippermettu implimentazzjoni aktar trasparenti tar-regoli; huwa tal-fehma li l-użu ta’ dawn it-teknoloġiji ġodda jista’ wkoll jikkontribwixxi biex inaqqas il-piż fuq l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet transfruntiera;
26. Jitlob li l-Kummissjoni, fin-negozjati kummerċjali bilaterali tagħha ma’ pajjiżi terzi, tesiġi l-applikazzjoni tal-istandards tal-Unjoni Ewropea għall-benessri tal-annimali u tiddefendi l-internazzjonalizzazzjoni, fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, tad-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar dan is-suġġett;
27. Ifakkar li żewġ Kummissarji preċedenti b’responsabbiltà għall-benessri tal-annimali, is-Sur Kyprianou u s-Sur Vassiliou, it-tnejn wiegħdu fil-Parlament Ewropew li kienu sejrin imexxu inizjattiva leġiżlattiva bl-għan li jintroduċu limitu ta’ żmien fuq it-trasportazzjoni tal-annimali; jiddispjaċih ħafna li s’issa l-Kummissjoni ma dawn il-wegħdiet li għamlet lill-Parlament ma wettqithomx;
28. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-awtorizzazzjoni tat-trasportaturi; iħeġġiġha biex tissuġġerixxi li, fejn awtorità kompetenti tistabbilixxi li trasportatur ma jkunx irrispetta r-regolament dwar it-trasport, l-awtorizzazzjoni ta’ dak it-trasportatur tista’ tiġi sospiża jew irtirata fl-Istati Membri kollha, u mhux biss fl-Istat Membru kkonċernat;
29. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-leġiżlazzjoni li tikkonċerna ċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni tal-mezzi tat-trasport; iħeġġiġha biex tissuġġerixxi li, fejn awtorità kompetenti tistabbilixxi li mezz tat-trasport ma jkunx konformi mar-regolament dwar it-trasport, iċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni tiegħu ikun jista’ jiġi mħassar jew irtirat fl-Istati Membri kollha, u mhux biss fl-Istat Membru kkonċernat.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni | 8.5.2012 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 51 1 2 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Kriton Arsenis, Sophie Auconie, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Lajos Bokros, Martin Callanan, Nessa Childers, Chris Davies, Esther de Lange, Anne Delvaux, Bas Eickhout, Edite Estrela, Karl-Heinz Florenz, Elisabetta Gardini, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Cristina Gutiérrez-Cortines, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Eija-Riitta Korhola, Holger Krahmer, Jo Leinen, Peter Liese, Kartika Tamara Liotard, Zofija Mazej Kukovič, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Vladko Todorov Panayotov, Antonyia Parvanova, Mario Pirillo, Pavel Poc, Frédérique Ries, Anna Rosbach, Oreste Rossi, Dagmar Roth-Behrendt, Horst Schnellhardt, Richard Seeber, Bogusław Sonik, Åsa Westlund, Glenis Willmott, Sabine Wils, Marina Yannakoudakis | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Nikos Chrysogelos, João Ferreira, Filip Kaczmarek, Judith A. Merkies, James Nicholson, Alojz Peterle, Michèle Rivasi, Marita Ulvskog, Vladimir Urutchev, Andrea Zanoni | |||
10.5.2012
OPINJONI tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport
( 2012/2031(INI) )
Rapporteur għal opinjoni: Luis de Grandes Pascual
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jappoġġa l-objettivi tar-Regolament Nru 1/2005 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati[16], u josserva li l-implimentazzjoni tiegħu wasslet għal żieda fl-ispejjeż għall-impriżi tat-trasport, prinċipalment minħabba r-rekwiżiti l-ġodda fir-rigward tal-faċilitajiet tal-vetturi; jesprimi d-diżappunt tiegħu li ma sarx użu aħjar mit-teknoloġiji emerġenti li jkunu ta’ għajnuna f’dan il-qasam u jnaqqsu l-ispejjeż fiż-żmien twil;
2. Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni tal-UE trid tiggarantixxi l-benesseri tal-annimali fit-trasport u jsostni li hu importanti li jitqiesu l-ispejjeż ekonomiċi filwaqt li jiġu evitati wkoll id-dannu jew l-istress għall-annimali; jenfasizza li, jekk tintlaħaq konformità sħiħa fl-Unjoni, din m'għandha twassal għal ebda distorsjonijiet jew telf fil-kompetizzjoni fil-kummerċ liberu ta’ merkanzija, jew ebda żvantaġġ inġust għar-reġjuni l-iktar imbiegħda, iż-żoni periferiċi jew il-gżejjer tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex timmoniterja s-sitwazzjoni sabiex tiżgura li dan jibqa' l-istess;
3. Jenfasizza li l-attivitajiet kollha relatati mal-ħarsien u l-benesseri tal-annimali għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju li l-annimali huma kreaturi senzjenti, li l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom għandhom jitqiesu fl-abbozzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE; jinnotat li l-problemi tal-benesseri tal-annimali għadhom hemm u jfakkar li l-Premessa 5 tar-Regolament imsemmi hawn fuq tiddikjara li "Għal raġunijiet ta' benesseri tal-annimal it-trasport tal-annimali fit-tul [...] għandu jkun limitat kemm jista' jkun"; Jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa jekk it-tnaqqis tal-volum tat-trasport ta' annimali ħajjin billi jiżdied it-trasport tal-karkassi jkollux impatt pożittiv fuq l-ambjent, billi jtejjeb il-marka tal-karbonju tas-settur tat-trasport, u fuq l-iżvilupp reġjonali;
4. Jinnota li l-Federazzjoni tal-Veterinarji tal-Ewropa tirrakkomanda li l-annimali għandhom jitrabbew qrib kemm jista’ jkun tal-postijiet fejn twieldu u jinqatlu qrib kemm jista’ jkun tal-punt ta’ produzzjoni;
5. Ifakkar li l-Artikolu 32 tar-Regolament jgħid li r-rapport tal-Kummissjoni għandu jikkunsidra ‘evidenza xjentifika dwar il-bżonnijiet ta' benesseri tal-annimal’, u jista’ jkun akkumpanjat jekk meħtieġ bi proposti leġiżlattivi xierqa dwar vjaġġi twal; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, għalhekk, biex jirrevedu r-Regolament (KE) Nru 1/2005/KE biex jistabbilixxu limitu ta’ mhux iktar minn tmien sigħat għall-vjaġġi tal-annimali trasportati bl-għan li jinqatlu, kif mitlub ukoll mid-Dikjarazzjoni bil-Miktub 48/2011, adottata mill-Parlament Ewropew fil-15 ta’ Marzu 2012; jissuġġerixxi li l-limitu massimu ta' tmien sigħat jista’ jkun infurzat b’mod effettiv permezz, inter alia, tal-inkorporazzjoni tiegħu fl-istrument takografu diġitali;
6. Jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza l-impatt ekonomiku ta’ bidliet fl-infrastruttura tat-toroq (iż-żoni ta’ tagħbija u ħatt tal-annimali, iż-żoni ta’ mistrieħ u waqfien, il-faċilitajiet ta’ tisqija, eċċ.) qabel ma tadotta leġiżlazzjoni ġdida fir-rigward taż-żmien ta’ mistrieħ tal-annimali;
7. Jinnota li r-Regolament (KE) Nru 1/2005/KE jeħtieġ li vetturi li jittrasportaw l-annimali għal vjaġġi twal jużaw sistema ta’ navigazzjoni satellitari biex tgħin fl-infurzar; jemmen li sistemi bħal dawn jikkontribwixxu aktar biex itejbu l-infurzar jekk jittrażmettu informazzjoni dwar ħinijiet tal-ivjaġġar u perjodi ta’ waqfa f’ħin reali lill-awtoritajiet kompetenti;
8. Jesprimi d-diżappunt li l-apparati eżistenti tan-navigazzjoni satellitari mhux qed jintużaw f'firxa wiesgħa biżżejjed fl-Istati Membri minħabba n-nuqqas ta' armonizzazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-użu tagħhom; jitlob li dawn is-sistemi jintużaw b'mod ugwali fl-Istati Membri kollha sabiex ikunu provduti monitoraġġ u superviżjoni effettivi tat-trasport tal-annimali;
9. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirriċerka kif it-teknoloġija ġdida u eżistenti tista’ tiġi applikata fil-vetturi tal-annimali ħajjin sabiex tirregola, timmoniterja u tirreġistra t-temperatura u l-umdità, li huma elementi essenzjali għall-kontroll u l-protezzjoni tal-benesseri ta’ kategoriji speċifiċi ta’ annimali waqt it-trasport, b’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA);
10. Jitlob li jkun hemm tranżizzjoni għat-teknoloġiji elettroniċi sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jħaffu x-xogħol għall-impriżi billi jiffaċilitaw il-ħażna u l-komunikazzjoni tad-data mitluba minn diversi uffiċċji amministrattivi;
11. Jistieden lil-Kummissjoni biex tistudja l-armonizzazzjoni tat-tagħmir ta’ monitoraġġ sabiex tagħmiljha possibbli li l-ġbir tad-data ikun standardizzat, filwaqt li jintnaqqsu l-kompiti amministrattivi u l-użu mhux meħtieġ ta’ ħafna strumenti abbord; jesprimi tħassib minħabba n-numru ta’ rapporti ta’ vetturi mhux xierqa li qed jintużaw għat-trasport ta’ annimali ħajjin kemm fuq l-art kif ukoll bil-baħar u jitlob li l-monitoraġġ ta’ tali prattiki jittejjeb;
12. Iqis li taħriġ tajjeb għat-trasportaturi u għall-persuni li jakkumpanjaw l-annimali fi tranżitu, b'mod partikolari l-edukazzjoni tas-sewwieqa, huwa l-bażi għall-protezzjoni u l-benesseri tal-annimali, peress li huwa essenzjali biex l-annimali jkunu mmaniġġjati sew u għalhekk jitlob lill-Istati Membri biex itejbu l-programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ meta jkun neċessarju;
13. Jaqbel mal-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea li tintroduċi azzjonijiet għat-titjib fl-osservanza ta’ din in-normativa fl-Istati Membri, pereżempju billi xxandar linji gwida ġenerali sabiex tkun garantita l-interpretazzjoni korretta tar-Regolament, kif ukoll telabora manwali ta' prattiki tajba, iżda jenfasizza li l-linji gwida u l-manwali ta' prattiki tajba biss mhux se jiżguraw konformità u għalhekk jisħaq fuq il-ħtieġa għal spezzjonijiet frekwenti u tajbin li jsiru kull ftit żmien f’konfini kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar;
14. Jesprimi d-diżappunt tiegħu dwar il-fatt li r-regolamenti spiss jiġu infurzati b'mod inadegwat fl-Istati Membri u li għadna lura milli jkollna applikazzjoni uniformi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu kull pass disponibbli biex tippromwovi u timmoniterja l-applikazzjoni stardardizzata ta' dawn ir-regolamenti;
15. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-istandards minimi li huma applikabbli f'rabta mal-ispezzjoni tat-trasport tal-annimali, u biex jimponu sanzjonijiet li jkunu effettivi u xierqa u jaġixxu ta' deterrent; jenfasizza l-fatt li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-verifika tal-ħinijiet tal-vjaġġi u tal-perjodi ta’ mistrieħ, tal-intervalli biex l-annimali jingħataw l-ikel u x-xorb, l-ispazju minimu għall-annimali, il-ventilazzjoni tal-vetturi u l-funzjonament effettiv tas-sistemi tax-xorb għall-annimali; jistieden ukoll lill-awtoritajiet tal-fruntieri ta' kull Stat Membru biex jikkollaboraw u jiskambjaw informazzjoni dwar it-trasportazzjoni transkonfinali tal-annimali;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-bżonn li jiġu standardizzati s-sanzjonijeit fid-diversi Stati Membri f'rabta mat-trasport tal-annimali;
17. Iqis li r-rapporti mibgħuta ta’ kull sena mill-Istati Membri huma essenzjali sabiex jinftiehem l-impatt tal-leġiżlazzjoni u tittieħed l-azzjoni korrettiva xierqa; jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta miżuri dwar il-kontrolli u stuttura ta’ rappurtar aktar armonizzata sal-1 ta’ Jannar 2013;
18. Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu passi legali kontra dawk l-Istati Membri li ma japplikawx ir-regolament kif suppost u timponi sanzjonijiet fuqhom.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni | 8.5.2012 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 38 1 3 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Magdi Cristiano Allam, Inés Ayala Sender, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Philip Bradbourn, Antonio Cancian, Philippe De Backer, Christine De Veyrac, Saïd El Khadraoui, Ismail Ertug, Carlo Fidanza, Knut Fleckenstein, Jacqueline Foster, Mathieu Grosch, Jim Higgins, Juozas Imbrasas, Dieter-Lebrecht Koch, Georgios Koumoutsakos, Werner Kuhn, Jörg Leichtfried, Bogusław Liberadzki, Eva Lichtenberger, Marian-Jean Marinescu, Gesine Meissner, Hubert Pirker, Dominique Riquet, Petri Sarvamaa, Vilja Savisaar-Toomast, Olga Sehnalová, Brian Simpson, Keith Taylor, Silvia-Adriana Ţicău, Giommaria Uggias, Thomas Ulmer, Peter van Dalen, Artur Zasada | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Spyros Danellis, Michel Dantin, Eider Gardiazábal Rubial, Sabine Wils, Janusz Władysław Zemke | |||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali | Janusz Wojciechowski | |||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni | 11.10.2012 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 31 4 3 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | John Stuart Agnew, Eric Andrieu, José Bové, Luis Manuel Capoulas Santos, Vasilica Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Diane Dodds, Herbert Dorfmann, Robert Dušek, Mariya Gabriel, Iratxe García Pérez, Julie Girling, Béla Glattfelder, Martin Häusling, Esther Herranz García, Peter Jahr, Elisabeth Jeggle, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, Agnès Le Brun, George Lyon, Gabriel Mato Adrover, Mairead McGuinness, James Nicholson, Rareş-Lucian Niculescu, Wojciech Michał Olejniczak, Georgios Papastamkos, Marit Paulsen, Britta Reimers, Alfreds Rubiks, Czesław Adam Siekierski, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Alyn Smith, Janusz Wojciechowski | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Alejandro Cercas, Ismail Ertug, Petri Sarvamaa | |||