Dokument ta' sessjoni
23.10.2012
RAPPORT
dwar ir-rwol tal-Politika ta’ Sigurtà u ta' Difiża Komuni f'każ ta’ kriżijiet ikkawżati mill-klima u ta' diżastri naturali
( 2012/2095(INI) )
Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Indrek Tarand
PR_INI
WERREJ
Paġna
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW...................................3
OPINJONI TAL-MINORANZA..............................................................................................13
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT......................................................14
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar ir-rwol tal-Politika ta’ Sigurtà u ta' Difiża Komuni f'każ ta’ kriżijiet ikkawżati mill-klima u ta' diżastri naturali
( 2012/2095(INI) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42 u 43,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 196 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ċivili u l-Artikolu 214 dwar l-għajnuna umanitarja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar id-Diplomazija tal-UE dwar il-Klima tat-18 ta' Lulju 2011[1],
– wara li kkunsidra d-Dokument Konġunt ta’ Riflessjoni SEAE-COM dwar id-Diplomazija dwar il-Klima ta' Lulju 2011[2],
– wara li kkunsidra r-rapport konġunt tal-2008 ppreżentat mir-Rappreżentant Għoli s-Sur Javier Solana u l-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima u s-Sigurtà Internazzjonali u r-rakkomandazzjonijiet li segwew ir-rapport[3],
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni bit-titolu 'Għal forza Ewropea ta' protezzjoni ċivili: Għajnuna mill-Ewropa' ta' Mejju 2006,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Novembru 2007 li tistabbilixxi Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili[4], il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Lejn rispons Ewropew aktar b'saħħtu għal diżastri li jseħħu: ir-rwol tal-protezzjoni ċivili u l-assistenza umanitarja" tas-26 ta' Ottubru 2010 ( COM(2010)0600 ) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011[5],
– wara li kkunsidra l-proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni tal-Protezzjoni Ċivili tal-20 ta' Diċembru 2011 ( COM(2011)0934 ),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2008 dwar l-Unjoni Ewropea u r-Reġjun tal-Artiku ( COM(2008)0763 ) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 dwar il-politika tal-UE sostenibbli għat-Tramuntana Estrema[6],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Diċembru 2011 dwar l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq is-settur tad-difiża fl-Istati Membri tal-UE[7],
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-konferenza ta' Berlin ta' Ottubru 2011 bit-titolu "Minn negozjati dwar il-klima għal diplomazija Klimatika" u tal-Konferenza ta' Londra ta' Marzu 2012 intitolata "Djalogu tas-seklu 21 dwar il-Klima u s-Sigurtà",
– wara li kkunsiddra l-istqarrija tal-presidenza tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU ta’ Lulju 2011 dwar it-Tibdil fil-Klima u s-Sigurtà Internazzjonali[8],
– wara li kkunsidra r-rapporti tal-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2011 u tal-2012 bl-isem 'Sigurtà għall-għajxien: Tibdil fil-klima, kunflitt u migrazzjoni fis-Sahel’[9],
– wara li kkunsidra d-dokumenti tan-NU dwar is-Sigurtà tal-Bniedem u dwar ir-Responsabbiltà ta' protezzjoni[10],
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tan-NU dwar l-Użu tar-Riżorsi Militari u tal-Protezzjoni Ċivili Barranin f'Salvataġġ f'każ ta' Diżastru" (il-Linji gwida Oslo)[11] u l-Linji gwida dwar l-Użu tar-Riżorsi Militari u tal-Protezzjoni Ċivili Barranin għas-Sostenn ta' Attivitajiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti f'Sitwazzjonijiet ta' Emerġenza Kumplessi" (Linji Gwida MCDA),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ( SEC(2007)0781 , SEC(2007)0782 , COM(2007)0317 ) u d-Dikjarazzjoni konġunta ''Lejn Konsensus Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja''[12],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin ( A7-0349/2012 )
Kunsiderazzjonijiet ġenerali
1. Jinnota l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq is-sigurtà globali, il-paċi u l-istabilità;
2. Jiddispjaċih li, fl-aħħar erba' snin, il-kwistjoni tat-tibdil fil-klima bħala l-akbar theddida għas-sigurtà globali ġiet superata fid-dibattitu pubbliku mill-kriżi ekonomika u finanzjarja, li tikkostitwixxi wkoll theddida globali immedjata;
3. Iqis li ż-żieda f'avvenimenti estremi tat-temp f'dawn l-aħħar snin tirrappreżenta spiża li qiegħda tiskala għall-ekonomija globali, mhux biss għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw iżda wkoll għall-ekonomija dinjija, kemm bħala spiża diretta f’termini ta’ bini mill-ġdid u għajnuna kif ukoll bħala spiża indiretta f’termini ta’ żidiet fl-assigurazzjoni u fil-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi; jenfasizza li dawn l-avvenimenti jirrappreżentaw ukoll aggravar tat-theddid għall-paċi internazzjonali u għas-sigurtà tal-bniedem;
4. Jinnota li d-diżastri naturali, aggravati mit-tibdil fil-klima, huma destabbilizzanti ħafna, partikolarment għal stati vulnerabbli; jinnota, madankollu, li s'issa ebda każ ta' kunflitt ma jista' jiġi attribwit esklussivament għat-tibdil fil-klima; jenfasizza li l-popolazzjonijiet li l-aċċess tagħhom għall-ilma ħelu u għall-prodotti tal-ikel qed jeħżien minħabba d-diżastri naturali aggravati bit-tibdil fil-klima huma sfurzati li jimmigraw, u b’hekk qed iġebbdu ż-żejjed il-kapaċitajiet ekonomiċi, soċjali u amministrattivi ta’ reġjuni li diġà huma fraġli jew ta’ stati li qegħdin ifallu u konsegwentement joħolqu kunflitt u impatt negattiv fuq is-sigurtà ġenerali; ifakkar li dawn l-avvenimenti joħolqu kompetizzjoni bejn il-komunitajiet u l-pajjiżi minħabba riżorsi skarsi;
5. Jirrikonoxxi li kriżijiet kumplessi jistgħu jiġu mbassra u għandhom jiġu evitati bl-applikazzjoni ta’ approċċ komprensiv li jinkludi oqsma ta’ politika li jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti eżistenti fi ħdan il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK), il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK), u l-politiki għall-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp; jinnota wkoll li n-NATO kienet fil-qalba tal-ewwel reazzjoni internazzjonali għal sfidi ta' sigurtà ambjentali fl-2004, meta l-Alleanza ssieħbet ma' ħames aġenziji internazzjonali[13] oħra biex jiffurmaw l-Inizjattiva għall-Ambjent u s-Sigurtà (ENVSEC) biex jindirizzaw kwistjonijiet ambjentali li jheddu s-sigurtà fir-reġjuni vulnerabbli;
6. Jirrikonoxxi l-importanza ta' infrastruttura kritika li tipprovdi appoġġ għall-PSDK;
7. Jirrikonoxxi li, filwaqt li jista' jkun pożittiv li t-Tibdil fil-Klima jiġi indirizzat permezz ta' rabta ta' sigurtà, dan hu biss element wieħed tal-azzjoni tal-UE dwar it-tibdil fil-klima li jipprova juża strumenti politiċi u ekonomiċi li jtaffu u li jadattaw għat-tibdil fil-klima;
8. Jirrimarka li fl-istrateġiji, il-politiki u l-istrumenti ta' azzjoni esterni tagħha, l-UE għandha tqis l-effetti ta' diżastri naturali u tat-tibdil fil-klima fuq is-sigurtà internazzjonali; ifakkar, barra minn hekk, li b'rabta kemm mad-diżastri naturali kif ukoll ma' diżastri oħra, huwa importanti li tingħata attenzjoni speċjali lin-nisa u t-tfal, li huma partikolarment vulnerabbli fi kriżijiet;
9. Ifakkar, f'dan ir-rigward, fil-mandat tal-Kummissjoni għal għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili u jenfasizza l-ħtieġa li jkomplu jiġu żviluppati u msaħħa l-istrumenti eżistenti;
10. Itenni l-importanza ta' Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri f'dan ir-rigward, biex jitnaqqas l-impatt tal-kriżijiet fuq popolazzjonijiet vulnerabbli;
11. Jinnota li huwa essenzjali li l-analiżi tal-impatt ta' diżastri naturali kkawżati mit-tibdil fil-klima, u d-diżastri naturali sussegwenti, tiġi integrata fi strateġiji u pjanijiet operattivi tal-PSDK, qabel, waqt u wara kwalunkwe kriżi naturali jew umanitarja li tista' tinqala', u għandhom jinħolqu pjanijiet ta' riżerva għall-mitigazzjoni mmirati għal dawk ir-reġjuni li jinsabu fl-ikbar riskju, filwaqt li jkunu rispettati l-prinċipji umanitarji stipulati fit-Trattat ta' Lisbona; jitlob ukoll għal kooperazzjoni prattika, bħal eżerċizzji ta' kooperazzjoni;
12. Jenfasizza li l-ħolqien ta' reazzjoni effikaċi għall-implikazzjonijiet ta' sigurtà tat-tibdil fil-klima mhux talli għandha ssaħħaħ il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-ġestjoni tal-kriżijiet iżda għandha ttejjeb ukoll l-analiżi u l-kapaċitajiet ta' twissija bikrija;
13. Ifakkar li t-Trattat ta’ Lisbona jeħtieġ li l-Unjoni tiżviluppa kapaċitajiet ċivili u militari għall-ġestjoni ta’ kriżijiet internazzjonali fuq il-firxa sħiħa ta’ kompiti elenkati fl-Artikolu 43 tiegħu, b’mod partikolari l-kompiti għall-prevenzjoni tal-kunflitti, dawk umanitarji u ta’ salvataġġ, ta’ pariri militari u kompiti ta' assistenza, ta' żamma tal-paċi u ta’ stabbilizzazzjoni wara l-kunflitt; fl-istess ħin, huwa tal-fehma li l-irduppjar ta' strumenti għandu jiġi evitat u li għandha ssir distinzjoni ċara bejn l-istrumenti li jaqgħu fl-ambitu tal-PSDK u dawk li jmorru lil hinn minnu, skont l-Artikoli 196 u 214 tat-TFUE; ifakkar ukoll fil-ħtieġa li jiġi evitat kwalunkwe tip ta' rduppjar ta' strumenti stabbiliti sew għall-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili li jmorru lil hinn mill-kompetenza tal-PSDK;
14. Jirrikonoxxi li l-istrutturi militari għandhom kapaċitajiet u assi fl-intelliġenza ambjentali, fil-valutazzjoni tar-riskju, fl-għajnuna umanitarja, fis-sostenn u l-evakwazzjoni f'każ ta' diżastru, li lkoll għandhom rwol kruċjali xi jwettqu fit-twissija bikrija, fil-ġestjoni tal-kriżjiet relatati mal-klima u mar-reazzjoni għal diżastru;
15. Jinnota li t-Trattat ta’ Lisbona introduċa dispożizzjonijiet ġodda (l-Artikoli 21-23, 27, 39, 41(3), 43-46 TUE), b'mod partikolari dawk relatati mal-fond ta’ tnedija fl-Artikolu 41(3), u li dawn għad iridu jiġu implimentati;
16. Jinnota li l-UE għandha tkompli tikkomunika man-NU, mal-Unjoni Afrikana (UA) u mal-OSKE, inkluż fil-kuntest ta' ENVSEC sabiex tikkondividwi l-analiżi u tindirizza b'mod kooperattiv l-isfidi tat-tibdil fil-klima;
17. Jenfasizza l-valur ta' sinerġiji ċivili-militari waqt kriżijiet bħal dawk ta' Ħaiti, il-Pakistan u New Orleans; huwa tal-fehma li dawn is-sinerġiji xehdu kif il-forzi militari jistgħu jipprovdu kontribut siewi għall-kriżijiet u d-diżastri naturali kkawżati mill-klima billi jipprovdu assistenza diretta u f'waqtha lil żoni u popolazzjonijiet li ntlaqtu ħażin;
18. Jilqa’ l-fatt li t-tibdil fil-klima sar aktar u aktar ċentrali fid-dibattitu dwar is-sigurtà globali, b'mod partikolari sa mill-2007 meta l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU iddibatta għall-ewwel darba dwar it-tibdil fil-klima u l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sigurtà internazzjonali; approva l-isforzi tal-UE u tal-gvernijiet tal-Istati Membri tagħha biex iqajmu din il-kwistjoni fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU f’Lulju 2011 u fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar id-Diplomazija dwar il-Klima;
Il-bżonn ta’ rieda u azzjoni politika
19. Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/HR), bħala dik responsabbli għall-kondotta tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-Unjoni, sabiex:
a) kull fejn meħtieġ, tqis it-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali u l-implikazzjonijiet tagħhom għas-sigurtà u d-difiża fl-analiżi tar-riskji u t-theddid għal kunflitti;
b) tevalwa liema pajjiżi u/jew reġjuni jinsabu potenzjalment fl-akbar riskju ta' kunflitt u instabilità b’riżultat tat-tibdil fil-klima u ta' diżastri naturali; tagħmel lista ta' tali pajjiżi/reġjuni; tipprovdi, bħala parti mir-rapporti annwali tal-PESK, informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-politiki u l-istrumenti tal-UE mmirati biex jindirizzaw dawn l-isfidi fil-pajjiżi/reġjuni elenkati;
c) issaħħaħ il-kapaċità prattika tal-UE biex tiżgura l-prevenzjoni tal-kunflitt, il-ġestjoni tal-kriżi u r-rikostruzzjoni ta' wara l-kriżi; tikkoordina mill-qrib mal-Kummissjoni l-isforzi u l-politika tal-iżvilupp tal-UE dwar il-ħtieġa li tingħata l-għajnuna lil pajjiżi sħab fejn tidħol reżiljenza kontra t-tibdil fil-klima u dimensjonijiet oħra tal-adattament għat-tibdil fil-klima;
d) tadatta, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, l-ippjanar fit-tul tal-UE tal-kapaċitajiet ċivili u militari kif xieraq;
20. Jikkunsidra li l-UE għandha tressaq lista ta' sfidi li tiffaċċja f'żoni bħall-Artiku, l-Afrika, id-Dinja Għarbija u l-Ħimalajas u l-Plateau Tibetana ("it-Tielet Pol"), b'mod partikolari l-potenzjal għal kunflitti dwar il-provvisti tal-ilma, jitlob, għalhekk lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), lid-Direttorat Ġenerali għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili (ECHO) u lid-Direttorat Ġenerali għall-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni – EuropeAid (DEVCO), sabiex b'konsultazzjoni u koordinament mill-qrib, ifasslu lista tal-pajjiżi u tar-reġjuni li huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima tul id-deċennji li ġejjin (inkluż, b'mod partikolari, il-pajjiżi tal-Alleanza tal-Istati ta' Gżejjer Żgħar (AOSIS), li saħansitra l-eżistenza tagħhom hi mhedda biż-żieda fil-livell tal-baħar); jistieden lill-VP/HR tistabbilixxi r-raġunijiet li għalihom pajjiż jew reġjun ġie inkluż f'dik il-lista u n-natura tar-reazzjoni meħtieġa mill-UE sabiex tipprevjeni r-riskju li kunflitt jew diżastru umanitarju ieħor isir realtà skont il-każ;
21. Jenfasizza l-importanza li titkompla u tissaħħaħ l-għajnuna umanitarja u l-għajnuna tal-iżvilupp tal-UE mmirata lejn l-adattament, il-mitigazzjoni, ir-reazzjoni, ir-reżiljenza, is-sostenn u l-iżvilupp wara xi kriżi fir-rigward ta' diżastri naturali u kriżijiet kkawżati mill-klima; jinnota l-importanza ta' inizjattivi bħat-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri u t-tgħaqqid tal-għajnuna, ir-rikostruzzjoni u l-iżvilupp, u jistieden lill-Kummissjoni tintegra dawn il-programmi u azzjonijiet fl-għajnuna umanitarja tagħha u speċjalment fl-għajnuna għall-iżvilupp tagħha; jilqa' r-rwol akbar propost għall-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili, speċjalment 'il barra mill-Unjoni Ewropea;
22. Jilqa' l-Inizjattiva Ambjent u Sigurtà (ENVSEC) mill-UNDP, l-UNEP, l-OSKE, in-NATO, l-UNECE u r-REC[14] li għandha l-għan li tindirizza l-isfidi marbuta mas-sigurtà tal-bniedem u l-ambjent naturali billi toffri lill-pajjiżi fl-Asja Ċentrali, il-Kawkasu u l-Ewropa tax-Xlokk il-kompetenza u r-riżorsi kollettivi tagħhom miġbura flimkien; jinnota li l-prestazzjoni ġenerali ta' ENVSEC għadha limitata iżda li s'issa din serviet bħala strument importanti għall-koordinament istituzzjonali u bħala punt ta' dħul għall-iffaċilitar ta' proċessi ta' integrazzjoni;
23. Jenfasizza li l-UE għandha taħdem mar-reġjuni ewlenin li jinsabu f'riskju u mal-istati l-aktar vulnerabbli, sabiex issaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jlaħħqu mas-sitwazzjoni; jenfasizza li l-UE tista' tkompli tintegra l-adattament u r-reżistenza għat-tibdil fil-klima fl-istrateġiji reġjonali tal-UE(pereżempju l-Istrateġija bejn l-UE u l-Afrika, il-Proċess ta' Barċellona, is-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed, l-istrateġija bejn l-UE-u l-Asja Ċentrali u l-pjan ta' azzjoni għal-Lvant Nofsani);
24. Jistieden lill-VP/HR u lill-Kummissjoni jintegraw l-effetti potenzjali tat-tibdil fil-klima fuq is-sigurtà fl-istrateġiji l-aktar importanti, fid-dokumenti ta' politika u fl-istrumenti finanzjarji ta' azzjoni esterna u l-PSDK; jemmen li din l-integrazzjoni għandha tkun il-prinċipju li jiggwida, li għandu jiġi segwit b’mod simili bħad-drittijiet tal-bniedem u l-kwistjoni dwar il-ġeneru[15];
25. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sigurtà tal-enerġija hi marbuta mill-qrib mat-tibdil fil-klima; iqis li s-sigurtà tal-enerġija għandha titjieb billi titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq il-karburanti fossili bħal dawk li jiġu importati mir-Russja permezz ta' sistemi ta' katusi; ifakkar li dawn is-sistemi ta' katusi huma vulnerabbli għal dannu mis-silġ li jkun qed idub u jenfasizza li t-trasformazzjoni tal-Artiku tirrappreżenta effett ewlieni tat-tibdil tal-klima fuq is-sigurtà tal-UE; jenfasizza l-bżonn li dan ir-riskju multiplikatur jiġi indirizzat permezz ta' strateġija tal-UE għall-Artiku, u permezz ta' politika msaħħa dwar l-enerġiji minn sorsi rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika tal-UE li tnaqqas b'mod sinifikanti l-affidament tal-Unjoni fuq sorsi esterni u b'hekk ittejjeb il-pożizzjoni ta' sigurtà tagħha;
26. Jistieden lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) u lill-forzi armati tal-Istati Membri biex jiżviluppaw teknoloġiji ekoloġiċi u konxji mill-effiċjenza enerġetika, li jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal offrut minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli;
27. Jilqa’ l-isforzi riċenti għat-tisħiħ tal-koordinament bejn in-NATO u l-UE fil-qasam tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet; jirrikonoxxi l-bżonn urġenti li jiġu identifikati l-vantaġġi reċiproċi tal-kooperazzjoni filwaqt li jiġu rrispettati r-responsabbiltajiet speċifiċi taż-żewġ organizzazzjonijiet; jenfasizza l-bżonn li jinstabu u jinħolqu sinerġiji fejn jidħlu proġetti ta’ 'akkomunament u kondiviżjoni' u proġetti ta’ ‘difiża intelliġenti’ (NATO) li jistgħu jiġu implimentati b'rispons f'każ ta' diżastru naturali u ta' kriżijiet kkawżati mill-klima;
28. Jistieden lill-VP/HR, bħala materja tal-ikbar urġenza, tuża l-potenzjal sħiħ tat-Trattat ta’ Lisbona biex tressaq proposti għall-implimentazzjoni tal-fond ta’ tnedija (l-Artikolu 41(3)TUE) fir-rigward tal-possibbilità ta’ proġetti futuri ta’ akkomunament u kondiviżjoni, ta’ kapaċitajiet konġunti u ta' ġabra ta' tagħmir konġunta u permanenti għal operazzjonijiet f'każ ta' kriżi ċivili;
Il-bżonn ta’ spirtu ġdid: sfidi strateġiċi u kunċettwali
29. Jinnota li l-impatt negattiv tat-tibdil fil-klima u tad-diżastri naturali fuq il-paċi, is-sigurtà u l-istabilità jista' jiġi integrat fid-dokumenti strateġiċi kollha tal-PESK/PSDK li jservu bħala linji gwida għall-ippjanar u t-twettiq ta’ politiki u missjonijiet individwali;
30. Jinnota li kapaċitajiet bikrija ta' evalwazzjoni u ġbir ta' informazzjoni għandhom jiżguraw li l-UE tirreaġixxi għall-kriżijiet bl-użu tal-aktar mezzi xierqa disponibbli, bil-mobilizzazzjoni fil-pront ta' timijiet multidixxiplinarji, li jkunu magħmulin minn esperti ċivili, militari u esperti ċivili-militari;
31. Jenfasizza li l-aċċess tal-UE għal analiżi preċiża u f'waqtha se jkun kruċjali biex ikun hemm reazzjoni għal u biex titbassar l-insigurtà fir-rigward tat-tibdil fil-klima, bil-kapaċitajiet PSDK iservu ta' sors ta' informazzjoni tajba f'dan il-każ; l-UE għandha tieħu passi biex tkompli tiżviluppa l-kapaċitajiet għall-ġbir tad-data u l-analiżi ta' informazzjoni permezz ta' strutturi bħad-Delegazzjonijiet tal-UE, iċ-Ċentru Satellitari tal-UE u ċ-Ċentru tas-Sitwazzjoni tal-UE;
32. Iqis li t-twissija bikrija u l-azzjoni preventiva bikrija fir-rigward tal-konsegwenzi negattivi tat-tibdil fil-klima u tad-diżastri naturali jiddependu fuq riżorsi umani u metodoloġija adegwati fir-rigward tal-ġbir u l-analiżi tad-data; jinnota li l-unitajiet tas-SEAE rilevanti li jittrattaw is-sigurtà u s-servizzi tal-Kummissjoni relevanti u l-uffiċċji ġeografiċi għandhom jintegraw l-analiżi tal-impatt tad-diżastri naturali fuq is-sigurtà internazzjonali u l-istabbiltà politika fil-ħidma tagħhom; jirrakkomanda t-taħriġ tal-persunal tas-SEAE u tal-Kummissjoni fil-monitoraġġ tal-impatt tad-diżastri naturali fuq l-iżvilupp tal-kriżijiet u l-istabilità u s-sigurtà politika; jitlob għall-iżvilupp ta’ kriterji komuni għall-analiżi, il-valutazzjoni tar-riskju u l-istabbiliment ta’ sistema ta’ twissija konġunta;
33. Jinkoraġġixxi lill-korpi tas-SEAE u tal-Kummissjoni jsaħħu l-kordinament tal-analiżi ta' sitwazzjoni u tal-ippjanar ta' politika, u l-iskambju sistematiku ta' informazzjoni, fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali; iħeġġeġ lill-korpi rilevanti tas-SEAE jagħmlu użu minn mezzi ta’ komunikazzjoni u ta' skambju ta’ informazzjoni mal-korpi rilevanti tal-Kummissjoni, b’mod partikolari l-ECHO, iżda wkoll ma' aġenziji tan-NU u l-programmi, kif ukoll man-NATO; jiġbed l-attenzjoni li l-istrutturi ċivili u militari li għandhom il-kompitu li jirreaġixxu għall-kriżijiet u d-diżastri naturali kkawżati mit-tibdil fil-klima għandhom jikkoperaw mill-qrib mal-organizzazzjonijiet kollha tas-soċjetà ċivili, umanitarji u non-governattivi;
34. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa pjanijiet ta' kontinġenza għal rispons tal-UE għall-effetti ta' diżastri naturali u l-kriżijiet kkawżati mill-klima li jseħħu 'l barra mill-Unjoni u li jkollhom implikazzjonijiet ta' sigurtà diretti jew indiretti fuq l-Unjoni (eż. il-migrazzjoni kkawżata mill-klima);
35. Jilqa' b'sodisfazzjon kbir-passi meħuda fl-2011 fil-livell tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE tul il-Presidenza Pollakka, u fil-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU tul il-Presidenza Ġermaniża, biex tiġi approfondita l-interazzjoni bejn it-tibdil fil-klima u l-implikazzjonijiet għas-sigurtà tagħha; jemmen madankollu, li d-diplomazija dwar il-klima hi biss dimensjoni waħda ta' azzjoni esterna potenzjali u li hemm bżonn kbir li jiġu antiċipati l-kriżijiet klimatiċi u d-diżastri naturali fil-kuntest tal-PSDK bl-integrazzjoni tal-bżonnijiet u tal-implikazzjonijiet speċifiċi;
36. Iqis li d-dokumenti ewlenin tal-politika tal-PSDK jistgħu jiġu adattati u mmodifikati fir-rigward tal-implikazzjonijiet tat-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali, inkluż il-Kunċett tal-UE għall-Ippjanar Militari fil-livell Politiku u Strateġiku[16], il-Kunċett tal-UE għall-Kmand u l-Kontroll Militari[17], il-Kunċett tal-UE għall-Ġenerazzjoni tal-Forza[18] u l-Kunċett tal-UE għal Rispons Rapidu Militari[19], kif ukoll dawk id-dokumenti li huma rilevanti għall-missjonijiet ċivili tal-PSDK bħall-kunċett tal-UE għall-Ippjanar Komprensiv, il-Kunċett tal-UE għall-Ippjanar tal-Pulizija u l-Linji Gwida għall-Istruttura tal-Kmand u l-Kontroll għall-Operazzjonijiet Ċivili tal-UE fil-Ġestjoni tal-Kriżijiet[20];
37. Huwa tal-fehma li l-kapaċitajiet ċivili u militari għandhom jiġu żviluppati b'tali mod li jippermettu l-mobilizzazzjoni tagħhom b'reazzjoni għal diżastri naturali u għal kriżijiet ikkawżati mill-klima; jemmen li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-iżvilupp ta’ kapaċitajiet militari u b’mod partikolari lill-proċess ta’ akkomunament u kondiviżjoni; jitlob li l-EDA jkollha rwol akbar fil-kwistjoni;
Il-bżonn għal kreattività istituzzjonali: strumenti u kapaċitajiet
38. Itenni li reazzjonijiet effettivi għall-kriżijiet bħal diżastri naturali ta' spiss jeħtieġu li jkunu kapaċi jużaw kemm kapaċitajiet ċivili u dawk militari u li tenħtieġ kooperazzjoni eqreb bejn dawn iż-żewġ assi; ifakkar li huwa essenzjali li jiġu ddefiniti l-kapaċitajiet u l-lakuni speċifiċi għal oqsma partikolari fejn il-kapaċità militari tista' tipprovdi valur miżjud;
39. Jenfasizza l-bżonn li tiġi elaborata l-lista speċifika ta’ kapaċitajiet militari u ċivili tal-PSDK li għandhom rilevanza speċjali biex jirreaġixxu għat-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali u fil-missjonijiet tal-PSDK; jenfasizza, li meta titfassal din il-lista, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ħidma tal-Grupp Konsultattiv dwar l-Użu ta' Riżorsi ta' Difiża Militari u Ċivili; jinnota li dawn ir-riżorsi jinkludu, inter alia, il-kapaċitajiet tal-inġinerija bħall-kostruzzjoni u l-operazzjoni ad hoc ta' infrastruttura tal-portijiet/ajruporti, il-ġestjoni operattiva u t-trasport bl-ajru u bil-baħar, sptarijiet mobbli li jinkludu l-kura intensiva, infrastruttura ta' komunikazzjoni, il-purifikazzjoni tal-ilma u l-ġestjoni tal-fjuwil; jistieden lill-Kunsill u lill-EDA, bħala parti mir-reviżjoni tal-2013 tal-programm tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet, jirrikonċiljaw il-katalgi attwali tal-kapaċitajiet ċivili u militari ma’ dawk meħtieġa sabiex jilqgħu għall-isfidi tat-tibdil fil-klima u jressqu l-proposti meħtieġa biex jirrimedjaw kwalunkwe nuqqasijiet eżistenti f’dawk il-katalgi;
40. Jenfasizza l-bżonn li tiġi esplorata, fuq il-bażi tal-kapaċitajiet eżistenti diġà bħall-Gruppi ta’ Battalja tal-UE u l-Kmand tat-Trasport bl-Ajru Ewropew, il-possibilità li jinħolqu aktar kapaċitajiet konġunti li huma rilevanti għall-operazzjonijiet ta' reazzjoni għall-impatt tat-tibdil fil-klima jew tad-diżastri naturali;
41. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu esplorati modi biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika u l-ġestjoni ambjentali fi ħdan il-forzi armati fil-pajjiż u barra mill-pajjiż, billi jiġi sfruttat fost affarijiet oħra, il-potenzjal offrut minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli; ifakkar li l-forzi armati ta' Stat Membru tal-UE jikkonsma l-enerġija ta' belt Ewropea kbira, u li għaldaqstant l-istrutturi militari għandhom ukoll ikunu innovattivi fit-tnaqqis tal-impronta ekoloġika tagħhom; jilqa' r-rapport "Greening the Blue Helmets: l-Ambjent, ir-Riżorsi Naturali, u l-Operazzjonijiet tan-NU għaż-żamma tal-Paċi" rilaxxat f'Mejju 2012 mill-UNEP, id-Dipartiment tal-Operazzjonijiet taż-Żamma tal-Paċi tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDPKO) u d-Dipartiment tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Sostenn fuq il-Post (UNDFS); jinnota l-fatt li, għal diversi snin, il-forzi armati tal-Istati Uniti[21] fittxew b'mod attiv li jżidu l-indipendenza enerġetika tagħhom permezz ta' sorsi ta' enerġija sostenibbli u permezz ta' żieda fl-effiċjenza enerġetika fl-operazzjonijiet u l-infrastruttura militari kollha; jilqa', f'dan ir-rigward, il-proġett riċenti tal-EDA, GO GREEN, immirat biex ittejjeb b'mod sinifikanti l-effiċjenza enerġetika u l-użu ta' sorsi ta 'enerġija rinnovabbli; jenfasizza l-ħtieġa wkoll li jiġu żviluppati linji gwida għall-aħjar prattiki fil-qasam tal-effiċjenza tar-riżorsi u l-monitoraġġ tal-ġestjoni ambjentali għall-missjonijiet tal-PSDK;
42. Jenfasizza l-bżonn ukoll li l-iżviluppi usa’ fil-qasam tal-Bażi Industrijali tad-Difiża Ewropea jinġiebu f’konformità mar-rekwiżiti speċifiċi tal-kriżijiet u d-diżastri naturali kkaġunati mill-klima; jitlob it-tisħiħ tar-rwol tal-EDA f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat Militari tal-UE f’dan il-proċess; jitlob liż-żewġ korpi tal-PSDK jassiguraw li l-programmi ta’ akkwist u l-programmi ta’ żvilupp tal-kapaċitajiet jiddedikaw mezzi finanzjarji adegwati kif ukoll riżorsi oħra għall-bżonnijiet speċifiċi ta' reazzjoni għat-tibdil fil-klima u ta' diżastri naturali;
43. Jistieden lill-militar jerfgħa r-responsabilitajiet tiegħu fil-qasam tas-sostenibbiltà ambjentali u lill-esperti tekniċi biex isibu mezzi għal azzjoni favur l-ambjent, mit-tnaqqis ta' emissjonijiet sat-titjib fir-riċiklaġġ;
44. Jenfasizza l-ħtieġa li jinżamm u jissaħħaħ aktar approċċ komprensiv fi ħdan il-kuntest tal-perspettiva finanzjarja pluriennali li jmiss għall-2014-2020 sabiex jittaffew u ssir reazzjoni għad-diżastri naturali u għall-kriżijiet kkawżati mill-klima, permezz tal-użu tal-istrumenti kollha relevanti għad-dispożizzjoni tal-Unjoni; jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal Strument ta’ Stabbiltà mġedded, li diġà jqis l-impatt negattiv tat-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali fuq is-sigurtà, il-paċi u l-istabbiltà politika;
45. Jitlob li l-implikazzjonijiet finanzjarji ta' tali proposti jiġu identifikati u jiġu kkunsidrati wkoll fir-rieżami tal-baġit tal-UE;
46. Jistieden lill-HR/VP tibgħat esperti dwar is-sigurtà tal-klima lid-Delegazzjonijiet tal-UE tal-pajjiżi u r-reġjuni l-aktar affettwati sabiex isaħħu l-kapaċità tal-Unjoni fir-rigward tat-twissijiet bikrija u l-informazzjoni dwar kunflitti possibbli li jistgħu jinqalgħu;
47. Jistieden lis-SEAE biex isaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-Unjoni u l-istati ġirien tagħha fil-qasam tal-iżvilupp tal-kapaċità għal rispons fil-konfront ta' kriżijiet ikkawżati mill-klima;
48. Jistieden lis-SEAE jippromwovi l-kunsiderazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-aspetti tal-ħarsien ambjentali fl-ippjanar u l-implimentazzjoni militari, operazzjonijiet ċivili-militari u operazzjonijiet ċivili madwar id-dinja;
49. Jilqa’ l-idea tal-ħolqien ta' kariga għal mibgħut speċjali tan-NU għas-sigurtà;
50. Jitlob għall-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' koordinazzjoni bejn l-UE kollha u dawk l-Istati Membri li fil-futur jistgħu jaġixxu skont id-dispożizzjonijiet ta’ kooperazzjoni strutturata permanenti sabiex jassiguraw il-konsistenza tal-azzjonijiet tagħhom mal-approċċ komprensiv tal-UE f’dan il-qasam;
51. Huwa tal-fehma li l-istudji dwar l-impatt tad-diżastri naturali u tal-kriżijiet ikkawżati mill-klima fuq is-sigurtà internazzjonali u Ewropea għandhom jiġu inklużi fil-kurrikulu tal-Kulleġġ Ewropew għad-Difiża u s-Sigurtà;
52. Jistieden lill-UE teżamina l-implikazzjonijiet ta' sigurtà tat-tibdil fil-klima fid-djalogu ma' pajjiżi terzi, speċjalment ma' sħab ewlenin bħall-Indja, iċ-Ċina u r-Russja; jenfasizza li reazzjoni tassew effettiva se teħtieġ approċċ multilaterali u investiment konġunt ma' pajjiżi terzi u li l-UE tista' tibni kooperazzjoni mal-militar ta' pajjiżi terzi permezz ta' missjonijiet ta' żvilupp u taħriġ konġunti;
53. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lill-Assemblea Parlamentari tan-NATO, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-Assemblea Ġenerali tan-NU u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.
OPINJONI TAL-MINORANZA
dwar ir-rwol tal-Politika ta’ Sigurtà u ta' Difiża Komuni fil-każ ta’ kriżijiet ikkawżati mill-klima u ta' diżastri naturali 2012/2095(INI)
Kumitat għall-Affarijiet Barranin, Rapporteur: Indrek Tarand
Rapport tal-Minoranza imressaq mill-GUE/NGL MEPs Sabine Lösing, Willy Meyer, Nikolaos Chountis
Għalkemm ir-rapport jissejjes fuq is-suppożizzjoni korretta li t-tibdil fil-klima jista' jiggrava l-kunflitti eżistenti, b'mod żbaljat jiffoka fuq kontro-miżuri ripressivi u militari filwaqt li jiffoka militarizzazzjoni ulterjuri tal-UE.
Aħna noġġezzjonaw għar-rapport għaliex jippromwovi:
- l-implimentazzjoni sistematika ta' elementi militari fil-politika dwar il-klima (paragrafi 6 u 9)
- il-finanzjament ta' miżuri militari relatati mat-tibdil fil-klima mill-baġit tal-UE (paragrafu 11)
- l-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima u s-sigurtà tal-enerġija (paragrafu 16) u jappoġġa t-tisħiħ tal-EDA f'dik il-kwistjoni (paragrafu 29)
- il-koordinament u l-kooperazzjoni aktar mill-qrib tal-UE u n-NATO kif ukoll enfasi speċjali fuq l-iżvilupp tal-kapaċitajiet militari, l-akkomunament u l-kondiviżjoni, inkluż l-amalgamazzjoni ta' assi u kapaċitajiet militari (paragrafi 18, 25)
Il-kunflitti attwali fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jistgħu jissolvew effettivament biss, fir-rigward tat-tibdil fil-klima, jekk jiġu indirizzati l-kawżi sottostanti tad-distribuzzjoni globali inġusta il-militar hi s-soluzzjoni żbaljata.
Għalhekk nesiġu
- iffukar fuq l-ekwità distibuttiva globali,
- l-attivitajiet kollha jikkonformaw strettament mal-Karta tan-NU, id-Dritt Internazzjonali,
- l-miżuri ċivili u mhux militatri tal-UE bħala reazzjoni għat-tibdil fil-klima u l-konsegwenzi li jġib miegħu,
- separazzjoni stretta bejn l-UE u n-NATO; separazzjoni stretta bejn kapaċitajiet ċivili u militari;
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni | 10.10.2012 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 30 3 27 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Pino Arlacchi, Bastiaan Belder, Franziska Katharina Brantner, Elmar Brok, Jerzy Buzek, Tarja Cronberg, Arnaud Danjean, Mário David, Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Anna Ibrisagic, Liisa Jaakonsaari, Anneli Jäätteenmäki, Jelko Kacin, Ioannis Kasoulides, Tunne Kelam, Nicole Kiil-Nielsen, Evgeni Kirilov, Maria Eleni Koppa, Andrey Kovatchev, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Eduard Kukan, Vytautas Landsbergis, Krzysztof Lisek, Sabine Lösing, Mario Mauro, Francisco José Millán Mon, Alexander Mirsky, María Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Norica Nicolai, Raimon Obiols, Kristiina Ojuland, Ria Oomen-Ruijten, Justas Vincas Paleckis, Bernd Posselt, Cristian Dan Preda, Fiorello Provera, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jacek Saryusz-Wolski, Werner Schulz, Sophocles Sophocleous, Laurence J.A.J. Stassen, Kristian Vigenin, Sir Graham Watson, Karim Zéribi | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Charalampos Angourakis, Elena Băsescu, Jean-Jacob Bicep, Véronique De Keyser, Diogo Feio, Elisabeth Jeggle, Agnès Le Brun, Jean Roatta, Indrek Tarand, Sampo Terho, László Tőkés, Traian Ungureanu, Luis Yáñez-Barnuevo García | |||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali | Joseph Cuschieri | |||