Dokument ta' sessjoni
8.11.2012
***
RAKKOMANDAZZJONI
dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas Multiannwali għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għall-2013-2017
(10449/2012 – C7-0169/2012 – 2011/0431(APP) )
Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Relatur: Tatjana Ždanoka
PR_APP
Tifsira tas-simboli użati |
* Proċedura ta’ konsultazzjoni *** Proċedura ta’ approvazzjoni ***I Proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-ewwel qari) ***II Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tieni qari) ***III Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tielet qari)
(It-tip ta’ proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta’ att.)
|
WERREJ
Paġna
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW................5
NOTA SPJEGATTIVA...............................................................................................................6
OPINJONI TAL-MINORANZA..............................................................................................10
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT......................................................10
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas Multiannwali għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għall-2013-2017
(10449/2012 – C7‑0169/2012 – 2011/0431(APP) )
(Proċedura leġiżlattiva speċjali – approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (10449/2012),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0169/2012),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 81(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern ( A7-0361/2012 ),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
NOTA SPJEGATTIVA
Objettiv
Fil-15 ta' Frar 2007, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 168/2007 (ir-Regolament) li jistabbilixxi l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (l-Aġenzija). L-Aġenzija bdiet topera fl-1 ta' Marzu 2007.
Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament, l-oqsma tematiċi tal-attività tal-Aġenzija għandhom jiġu determinati permezz ta' Qafas Pluriennali ta' ħames snin. L-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti tagħha f'dawn l-oqsma tematiċi. Il-Qafas Pluriennali mhuwiex programm ta' ħidma. Il-programmi ta' ħidma tal-Aġenzija huma adottati kull sena mill-Bord ta' Ġestjoni tagħha fl-oqsma tematiċi determinati mill-Qafas Pluriennali. Wara talbiet mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(1)(c) u (d) tar-Regolament, l-Aġenzija tista' taħdem barra minn dawn l-oqsma tematiċi, sakemm ir-riżorsi finanzjarji u umani tagħha jkunu jippermettu.
Il-Qafas Pluriennali attwali (2007-2012) jiskadi fi tmiem l-2012. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi stabbilit il-Qafas Pluriennali għall-Aġenzija għall-perjodu 2013-2017, kif mitlub mill-Artikolu 5 tar-Regolament.
Qafas Pluriennali 2007-2012:
Fit-28 ta’ Frar 2008, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2008/203/KE li timplimenta r-Regolament (KE) Nru 168/2007 fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Qafas Pluriennali għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għall-2007-2012. L-Artikolu 2 ta' din id-Deċiżjoni jistabbilixxi l-oqsma tematiċi segwenti:
1. ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata;
2. id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali jew immirata lejn persuni li jappartjenu għal minoranzi u kwalunkwe kombinazzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet (diskriminazzjoni multipla);
3. il-kumpens tal-vittmi;
4. id-drittijiet tat-tfal, inkluża l-protezzjoni tat-tfal;
5. l-asil, l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni tal-migranti;
6. il-viżi u l-kontroll tal-fruntieri;
7. il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni fil-funzjonament demokratiku tal-Unjoni;
8. is-soċjetà tal-informazzjoni u, b’mod partikolari, ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-dejta personali;
9. l-aċċess għal ġustizzja effiċjenti u indipendenti.
Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika tal-Qafas Pluriennali 2007-2012 hija l-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 li jistabbilixxi l-Aġenzija. Madanakollu, din il-bażi ġuridika ma għadhiex tista' tintuża minħabba li hi bażi ġuridika fit-tifsira tas-sentenza tal-Qorta Ewropea tal-Ġustizzja fil-kawża C-133/06. Il-bażi ġuridika għall-proposta attwali għandha għalhekk tkun dispożizzjoni tat-Trattat. Fin-nuqqas ta' xi dispożizzjoni oħra (iktar speċifika), il-bażi ġuridika għandha tkun dik tar-Regolament (li bħalissa huwa l-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea). Il-bidla tal-bażi ġuridika għandu effett ukoll fuq l-involviment tal-Parlament Ewropew: il-konsultazzjoni hija sostitwita bl-approvazzoni.
Oqsma tematiċi
Għadd ta’ partijiet interessati ħadu sehem fil-konsultazzjonijiet waqt it-tħejjija tal-Qafas Pluriennali l-ġdid. Minn Lulju sa Settembru 2011 ġew ikkonsultati l-organizzazzjonijiet kollha li jipparteċipaw fil-Pjattaforma tad-Drittijiet Fundamentali. Fil-proċess ta’ konsultazzjoni ħadu sehem mija u tmien organizzazzjoni. Il-parti l-kbira tal-organizzazzjonijiet jappoġġjaw ix-xogħol tal-Aġenzija fl-oqsma li hemm bħalissa, u jixtiquha tkompli bl-attivitajiet tagħha, b'mod partikolari fl-oqsma tad-diskriminazzjoni (72%), l-asil u l-migrazzjoni (43%), ir-razziżmu u l-ksenofobija (38%) u l-aċċess għall-ġustizzja (31%). Ġie espress appoġġ qawwi għall-ħidma tal-Aġenzija fil-qasam tad-drittijiet soċjali u s-sigurtà soċjali (44%). Fost l-oqsma addizzjonali li jridu jiġu koperti, għadd ta’ organizzazzjonijiet semmew id-drittijiet fir-rigward tad-diżabilità u l-importanza li jiżdied ix-xogħol f’dawk l-oqsma ta’ politika li qabel kienu tat-‘tielet pilastru’.
Il-Bord ta' Ġestjoni tal-Aġenzija identifika l-oqsma tematiċi li ġejjin:
(a) Il-protezzjoni ġudizjarja effikaċi, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja;
(b) Il-vittmi tal-kriminalità;
(c) Il-koperazzjoni ġudizzjarja;
(d) Il-koperazzjoni bejn il-pulizija;
(e) L-immigrazzjoni u l-integrazzjoni tal-migranti, il-kontroll tal-konfini u l-viża; l-asil;
(f) Ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata;
(g) l-integrazzjoni tar-Rom;
(h) Id-diskriminazzjoni kif definita fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;
(i) Il-Parteċipazzjoni fil-qafas indipendenti tal-UE skont l-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni tal- UE dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà;
( j) Id-drittijiet tat-tfal;
(k) L-informazzjoni, il-privatezza u d-dejta personali;
(l) Id-drittijiet soċjali.
Il-Kummissjoni pproponiet l-oqsma tematiċi li ġejjin:
(a) L-aċċess għall-ġustizzja;
(b) Il-vittmi tal-kriminalità;
(c) Is-soċjetà tal-informazzjoni u, b’mod partikolari, ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni
tad-dejta personali;
(d) l-integrazzjoni tar-Rom;
(e) Il-kooperazzjoni tal-pulizija, b'kont meħud tan-natura speċifika ta' dan il-qasam;
(f) Il-kooperazzjoni ġudizzjarja, b'kont meħud tan-natura speċifika ta' din il-kooperazzjoni meta tkun relatata ma' kwistjonijiet kriminali;
(g) Id-drittijiet tat-tfal;
(h) Id-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali;
(i) L-immigrazzjoni u l-integrazzjoni tal-migranti; il-viżi u l-kontroll tal-fruntieri; l-asil;
(j) Ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata.
Il-Grupp Ewropew tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem talab lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew iqisu r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:
- il-Grupp Ewropew jirrakkomanda bil-qawwa l-inklużjoni tal-qasam sensittiv ħafna fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem li hu tal-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja b’konsegwenza tat-tgħaqqid tat-tliet pilastri u t-tisħiħ tal-azzjoni tal-UE f’dan il-qasam bit-Trattat ta' Lisbona;
- il-Grupp Ewropew japprova l-konċentrazzjoni akbar mitfuha fuq ir-Rom bħala grupp li jinsab f’sitwazzjoni vulnerabbli fl-Istati Membri tal-UE espost għad-diskriminazzjoni u għal għadd ta’ diversi vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem. Madankollu, il-qasam tematiku għandu preferibilment jiġi fformulat biex jenfasizza l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet fundamentali fil-ħidma tal-Aġenzija;
- filwaqt li jirrikonoxxi l-ħolqien tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) u l-mandat tiegħu, il-Grupp Ewropew jinsab mgħaġġeb li s-“sess" ġie mneħħi mil-lista ta' raġunijiet ta' diskriminazzjoni koperti fl-abbozz ta’ Qafas Pluriennali; - il-Grupp Ewropew jinsab ikkonċernat li l-Qafas Pluriennali ma jirriflettix il-potenzjal li għandha l-Aġenzija li twettaq rwol partikolari fir-rigward tal-monitoraġġ indipendenti tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (CRPD) fi ħdan l-UE;
- filwaqt li jżomm quddiem għajnejh il-fatt li d-drittijiet tal-bniedem huma indiviżibbli u interrelatati, imnaqqxa fil-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali u fl-istrumenti tan-NU tad-drittijiet tal-bniedem, il-qasam tal-ħidma tal-Aġenzija għandu jiġbor fih b'mod espliċitu d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali.
Fl-aħħar, il-Kunsill ippropona l-oqsma tematiċi li ġejjin:
(a) l-aċċess għall-ġustizzja;
(b) il-vittmi ta' kriminalità, inkluż il-kumpens għall-vittmi tal-kriminalità;
(c) is-soċjetà tal-informazzjoni u, b’mod partikolari, ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-dejta personali;
(d) l-integrazzjoni tar-Rom;
(e) il-kooperazzjoni ġudizzjarja, ħlief fi kwistjonijiet kriminali;
(f) id-drittijiet tat-tfal;
(g) id-diskriminazzjoni abbażi tas-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali;
(h) l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni tal-migranti, il-viża u l-kontroll tal-fruntieri u l-asil;
(i) ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata.
Il-pożizzjoni tar-relatur
Ir-relatur temmen li l-Qafas Pluriennali tal-Aġenzija għall-perjodu 2013-2017 jista’ u għandu jiġi fformulta aħjar. L-ewwel, ir-relatur taqbel mal-Pjattaforma tad-Drittijiet Fundamentali, il-Bord ta’ Ġestjoni tal-Aġenzija u l-Grupp Ewropew tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem li l-qasam tal-ħidma tal-Aġenzija għandu jiġbor fih b’mod espliċitu d-drittijiet soċjali u rwol partikolari fir-rigward tal-monitoraġġ indipendenti tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (CRPD). Barra minn hekk il-qasam tematiku rigward l-integrazzjoni tar-Rom għandha preferibilment tiġi fformulata mill-ġdid. Sadattant, ir-relatur tilqa’ l-inklużjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess fil-proposta tal-Kunsill – l-oqsma kollha msemmija fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandhom jiġu koperti mix-xogħol tal-Aġenzija. Il-kunċett tad-diskriminazzjoni multipla għandu wkoll jissemma u jiġi inkluż b’mod espliċitu.
Ir-relatur jiddispjaċiha bil-kbir minħabba n-nuqqas ta’ qbil li hemm fil-Kunsill fir-rigward tal-inklużjoni tal-oqsma tematiċi ġodda li hemm proposti tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwestjonijiet kriminali fil-Qafas Pluriennali l-ġdid. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwestjonijiet kriminali saru parti mil-liġi tal-Unjoni u huma għalhekk koperti bl-ambitu tal-kompiti tal-Aġenzija. Ir-relatur tesprimi wkoll tħassib dwar il-messaġġ mogħti mill-Kunsill, li jxekkel il-kontribut kostruttiv għat-tisħiħ tal-ħarsien tad-Drittijiet Fundamental fl-UE.
Fl-aħħar imma mhux l-inqas, ir-relatur tinsab imħassba minħabba t-tentattivi ripetuti li ġew irrappurtati li saru minn għadd ta’ Stati Membri fil-Kunsill biex jeskludu mill-oqsma tematiċi d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-fatt li persuna tkun tagħmel parti minn minoranza nazzjonali. Ir-relatur issib tali tentattivi inaċċettabbli u tfakkar li l-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għall-minoritajiet (Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea).
F’ċirkustanzi oħra r-relatur kienet tistieden lill-Parlament Ewropew jirrifjuta li jagħti l-approvazzjoni tiegħu – bil-għan li tinstab soluzzjoni aħjar. Madankollu, l-Aġenzija għandha bżonn oqsma tematiċi ġodda biex taħdem fuqhom sabiex tkun żgurata l-kontinwità fl-attivitajiet tagħha. Jekk ma jkunx hemm fis-seħħ Qafas Pluriennali ġdid sal-bidu tal-2013, l-Aġenzija tkun tista’ taħdem biss jekk ikun hemm talba speċifika minn istituzzjoni (l-Artikolu 4(1) (c) u (d) tar-Regolament) u mhux fuq inizjattiva tagħha stess.
Minħabba tali kunsiderazzjonijiet, ir-relatur tissuġġerixxi li l-Parlament Ewropew jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-Qafas Pluriennali sa tmiem l-2012. Sadattant, ir-relatur tittama li l-Kummissjoni se tagħmel valutazzjoni u tipproponi li jiġu rriveduti kompiti, oqsma ta' attività u metodi ta' ħidma tal-Aġenzija fl-2013 bil-għan li jiġi ggarantit il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni effettivi tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Ir-relatur tistenna li l-Kunsill ikun lest jaqbel f’dak il-kuntest dwar l-inklużjoni tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwestjonijiet kriminali fil-lista tal-oqsma tematiċi u tistieden lill-Kunsill jiddikjara dan b’mod espliċitu.
OPINJONI TAL-MINORANZA
imressqa skont l-Artikolu 52(3) tar-Regoli ta' Proċedura
Louis Michel f’isem il-Membri tal-Grupp ALDE tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
L-MEPs tal-ALDE tal-Kumitat LIBE m'appoġġjawx ir-rakkomandazzjoni li tapprova l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill bil-għan li jaffermaw mill-ġdid in-nuqqas ta' sodisfazzjon tagħhom dwar l-esklużjoni tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali mill-qafas pluriennali tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) 2013-2017. Din l-esklużjoni, li ġiet deċiża mill-Kunsill minkejja l-proposta tal-Kummissjoni, hija fatt ta’ dispjaċir kemm mil-lat ġuridiku u kemm mil-lat politiku: hija tmur kuntrarju għat-Trattati, li kkomunitarizzaw it-tielet pilastru l-antik, filwaqt li tirrendi illeġittima kull esklużjoni ta’ dawn is-setturi mill-mandat tal-FRA; hija tmur kuntrarju għar-rieda tal-PE, li kemm-il darba talab li jiġu msaħħa l-FRA, il-kompetenzi tagħha, is-setgħat tagħha, l-indipendenza tagħha. Ċerti Stati Membri qajmu wkoll xi riżervi dwar il-qafas pluriennali, sitwazzjoni li pperikolat l-adozzjoni tiegħu u d-dħul tiegħu fis-seħħ fil-ħin għall-1 ta’ Jannar 2013. L-MEPs tal-ALDE tal-Kumitat LIBE jitolbu għalhekk lill-Kummissjoni li tagħmel impenn ċar għal reviżjoni u għat-tisħiħ tar-regolament tal-Aġenzija u lill-Kunsill, l-adozzjoni ta’ qafas pluriennali li jkun ikopri wkoll il-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, filwaqt li b’hekk tkun tirrispetta għalkollox it-Trattati.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni | 6.11.2012 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 43 11 0 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Jan Philipp Albrecht, Edit Bauer, Mario Borghezio, Rita Borsellino, Emine Bozkurt, Arkadiusz Tomasz Bratkowski, Simon Busuttil, Philip Claeys, Carlos Coelho, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Ioan Enciu, Frank Engel, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Monika Flašíková Beňová, Hélène Flautre, Kinga Gál, Kinga Göncz, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Ágnes Hankiss, Anna Hedh, Salvatore Iacolino, Sophia in ‘t Veld, Timothy Kirkhope, Juan Fernando López Aguilar, Baroness Sarah Ludford, Monica Luisa Macovei, Svetoslav Hristov Malinov, Véronique Mathieu, Anthea McIntyre, Nuno Melo, Louis Michel, Claude Moraes, Antigoni Papadopoulou, Georgios Papanikolaou, Jacek Protasiewicz, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Nils Torvalds, Wim van de Camp, Axel Voss, Renate Weber, Josef Weidenholzer, Cecilia Wikström, Tatjana Ždanoka, Auke Zijlstra | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Michael Cashman, Stanimir Ilchev, Jean Lambert, Antonio Masip Hidalgo, Kārlis Šadurskis | |||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali | Martina Anderson | |||