Dokument ta' sessjoni
12.11.2012
*
RAPPORT
dwar l-abbozz tar-Regolament tal-Kunsill dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (riformulazzjoni)
(11142/1/2012 – C7-0330/2012 – 2012/0033A(NLE) )
Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Carlos Coelho
(Riformulazzjoni – Artikolu 87 tar-Regoli ta' Proċedura
(Proċedura simplifikata - Artikolu 46(2) tar-Regoli ta' Proċedura)
PR_NLE-CN_art55am
Tifsira tas-simboli użati |
* Proċedura ta’ konsultazzjoni *** Proċedura ta’ approvazzjoni ***I Proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-ewwel qari) ***II Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tieni qari) ***III Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tielet qari)
(It-tip ta’ proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta’ att.)
|
Emendi għal abbozz ta’ att |
Fl-emendi li jsiru mill-Parlament, it-test emendat huwa indikat b’tipa grassa u korsiva. Test korsiv normali huwa indikazzjoni għas-servizzi tekniċi li turi partijiet tal-abbozz ta’ att li għalihom qed tkun proposta korrezzjoni bl-iskop li tgħin fil-preparazzjoni tat-test finali (pereżempju, żbalji ovvji jew nuqqasijiet f’verżjoni lingwistika partikolari). Il-korrezzjonijiet proposti huma soġġetti għall-qbil tas-servizzi tekniċi involuti.
L-intestatura ta’ kwalunkwe emenda għal att eżistenti, li l-abbozz ta’ att ikollu l-ħsieb li jemenda, ikun fiha t-tielet u r-raba’ linji li jidentifikaw rispettivament l-att eżistenti u d-dispożizzjoni kkonċernata f’dak l-att. Il-partijiet li jittieħdu kif inhuma minn dispożizzjoni eżistenti li l-Parlament jixtieq jemenda, imma li l-abbozz ta’ att ma jkunx emenda, huma indikati b’tipa grassa. It-tħassir eventwali li jikkonċerna dawn il-partijiet jiġi indikat kif ġej: [...].
|
WERREJ
Paġna
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW................5
NOTA SPJEGATTIVA.............................................................................................................19
ANNESS 1: ITTRA LILL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI....................................23
ANNESS 2 : OPINJONI TAL-GRUPP TA' ĦIDMA KONSULTATTIV TAS-SERVIZZI LEGALI TAL-PARLAMENT EWROPEW, TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI 25
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT......................................................27
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz tar-Regolament tal-Kunsill dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (riformulazzjoni)
(11142/1/2012 – C7-0330/2012 – 2012/0033A(NLE) )
(Konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (11142/1/2012),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 74 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0330/2012),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta’ Novembru 2001 biex isir użu aktar strutturat tat-teknika ta’ kitba mill-ġdid tal-atti legali[1],
– wara li kkunsidra l-ittra tal-12 ta' Ottubru 2012 tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali indirizzata lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern skont l-Artikolu 87(3) tar-Regola ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 87 u 55 u l-Artikolu 46(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7/0368/2012),
A. Billi, skont il-grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-servizzi legali tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, il-proposta inkwistjoni ma tinkludi l-ebda emenda ta' sustanza għajr dawk identifikati bħala tali fil-proposta u billi, fir-rigward tal-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li ma nbidlux tal-atti ta' qabel flimkien ma' dawk l-emendi, il-proposta fiha kodifikazzjoni sempliċi tat-testi eżistenti, mingħajr ebda bidla fis-sustanza tagħhom;
1. Japprova l-abbozz tal-Kunsill kif adattat għar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-servizzi legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni u kif emendat hawn taħt;
2. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
3. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-abbozz tiegħu b'mod sustanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Emenda 1
Abbozz ta' regolament
Premessa 6
| |
Abbozz tal-Kunsill | Emenda |
(6) L-iżvilupp tas-SIS II għandu jitkompla u għandu jiġi ffinalizzat fil-qafas tal-iskeda globali tas-SIS II approvata mill-Kunsill fis-6 ta’ Ġunju 2008 u sussegwentement emendata f'Ottubru 2009 wara l-orjentazzjonijiet fil-Kunsill ĠAI tal-4 ta' Ġunju 2009. Il-verżjoni attwali tal-iskeda globali tas-SIS II ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew f' Ottubru 2010 . | (6) L-iżvilupp tas-SIS II għandu jitkompla u għandu jiġi ffinalizzat mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2013. |
Ġustifikazzjoni
Huwa importanti f'dan ir-Regolament li tissemma d-data sa meta s-SIS II se jkun qed jopera. Id-data proposta mir-rapporteur tagħti iktar żmien milli meħtieġ peress li l-bidla għas-SIS II hija ppjanata għall-aħħar ta' April 2013. Barra minn hekk, skont il-Gwida Prattika Konġunta għall-persuni involuti fl-abbozzar tal-leġiżlazzjoni, għandha ssir referenza biss għal att "li ġie ppubblikat jew li huwa aċċessibbli biżżejjed għall-pubbliku", ħaġa li ma tidhirx li tapplika fil-każ tal-iskeda globali tas-SIS II (ara l-punt 16.4 tagħha).
Emenda 2
Abbozz ta' regolament
Premessa 16
| |
Abbozz tal-Kunsill | Emenda |
(16) Sabiex tappoġġja lill-Istati Membri jagħżlu l-aktar soluzzjoni teknika u finanzjarja favorevoli, il-Kummissjoni għandha tniedi mingħajr dewmien il-proċess ta’ adattament ta’ dan ir-Regolament billi tipproponi reġim legali għall-migrazzjoni li jirrifletti aħjar l-approċċ għall-migrazzjoni tekniku kif deskritt fil-Pjan ta’ Migrazzjoni tal-Proġett tas-SIS (il-Pjan ta’ Migrazzjoni) adottat mill-Kummissjoni wara vot pożittiv mill-Kumitat SIS-VIS fit-23 ta’ Frar 2011. | imħassar |
Ġustifikazzjoni
Din il-premessa mhijiex meħtieġa peress li l-kontenut huwa kopert ukoll banda oħra: ir-raġunijiet għall-kofinanzjament propost tal-Istati Membri jingħataw fil-premessi 25 sa 27 u r-raġunijiet għall-bidla tal-qafas ġuridiku applikabbli jingħataw fil-premessa 17. Barra minn hekk, skont il-Gwida Prattika Konġunta għall-persuni involuti fl-abbozzar tal-leġiżlazzjoni, għandha ssir referenza biss għal att "li ġie ppubblikat jew li huwa aċċessibbli biżżejjed għall-pubbliku", ħaġa li ma tidhirx li tapplika fil-każ tal-Pjan ta' Migrazzjoni (ara l-punt 16.4).
Emenda 3
Abbozz ta' regolament
Premessa 17
| |
Abbozz tal-Kunsill | Emenda |
(17) Il-Pjan ta’ Migrazzjoni jiddeskrivi li fi ħdan il-perjodu tal-bidla, l-Istati Membri kollha, konsekuttivament, se jwettqu l-bidla individwali tagħhom tal-applikazzjoni nazzjonali mis-SIS I fis-SIS II. Huwa xieraq mil-lat tekniku li dawk l-Istati Membri li jkunu qalbu jkunu kapaċi jużaw l-ambitu sħiħ tas-SIS II minn meta ssir il-bidla u ma jkollhomx jistennew sakemm l-Istati Membri l-oħra jaqilbu wkoll. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġu applikati r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI minn mindu tibda l-bidla mill-ewwel Stat Membru. Għal raġunijiet ta' ċertezza tad-dritt il-perjodu tal-bidla għandu jinżamm l-iqsar possibbli , u ma għandux jeċċedi t-tnax-il siegħa. L-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI ma twaqqafx lil dawk l-Istati Membri li jkunu għadhom ma qalbux jew li jkunu waqgħu lura għal raġunijiet tekniċi, milli jużaw is-SIS II limitata għal funzjonalitajiet tas-SIS 1+ matul il-perjodu ta' monitoraġġ intensiv. Sabiex jiġu applikati l-istess standards u kundizzjonijiet għat-twissijiet, l-ipproċessar tad-dejta u l-protezzjoni tad-dejta fl-Istati Membri kollha, jeħtieġ li jiġi applikat il-qafas ġuridiku tas-SIS II għall-attivitajiet operattivi tal-Istati Membri li għadhom ma għamlux il-bidla. | (17) Huwa previst li fi ħdan il-perjodu tal-bidla, l-Istati Membri kollha, konsekuttivament, se jwettqu l-bidla individwali tagħhom tal-applikazzjoni nazzjonali mis-SIS I fis-SIS II. Huwa xieraq mil-lat tekniku li dawk l-Istati Membri li jkunu qalbu jkunu kapaċi jużaw l-ambitu sħiħ tas-SIS II minn meta ssir il-bidla u ma jkollhomx jistennew sakemm l-Istati Membri l-oħra jaqilbu wkoll. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġu applikati r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI minn mindu tibda l-bidla mill-ewwel Stat Membru. Għal raġunijiet ta' ċertezza tad-dritt il-perjodu tal-bidla għandu jinżamm l-iqsar possibbli , u ma għandux jeċċedi t-tnax-il siegħa. L-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI ma twaqqafx lil dawk l-Istati Membri li jkunu għadhom ma qalbux jew li jkunu waqgħu lura għal raġunijiet tekniċi, milli jużaw is-SIS II limitata għal funzjonalitajiet tas-SIS 1+ matul il-perjodu ta' monitoraġġ intensiv. Sabiex jiġu applikati l-istess standards u kundizzjonijiet għat-twissijiet, l-ipproċessar tad-dejta u l-protezzjoni tad-dejta fl-Istati Membri kollha, jeħtieġ li jiġi applikat il-qafas ġuridiku tas-SIS II għall-attivitajiet operattivi tal-Istati Membri li għadhom ma għamlux il-bidla. |
Ġustifikazzjoni
Mhuwiex xieraq li ssir referenza f'att ġuridiku għall-Pjan ta' Migrazzjoni, peress li dan il-pjan la huwa dokument ġuridiku u lanqas mhuwa aċċessibbli għall-pubbliku. Skont il-Gwida Prattika Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għall-persuni involuti fl-abbozzar tal-leġiżlazzjoni fi ħdan l-istituzzjonijiet Komunitarji, għandha ssir referenza biss għal att "li ġie ppubblikat jew li huwa aċċessibbli biżżejjed għall-pubbliku", ħaġa li ma tidhirx li tapplika fil-każ tal-Pjan ta' Migrazzjoni (ara l-punt 16.4).
Emenda 4
Abbozz ta' regolament
Premessa 19
| |
Abbozz tal-Kunsill | Emenda |
(19) Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI jipprevedu li għas-SIS II Ċentrali għandha tintuża l-aqwa teknoloġija disponibbli, soġġetta għal analiżi kost-effettività. L-Anness għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-direzzjoni ulterjuri tas-SIS II tal-4-5 ta' Ġunju 2009 stabbilixxa miri importanti li għandhom jintlaħqu sabiex jitkompla l-proġett attwali tas-SIS II. B’mod parallel, twettaq studju dwar l-elaborazzjoni ta’ xenarju tekniku alternattiv għall-iżvilupp tas-SIS II abbażi tal-evoluzzjoni tas-SIS 1+ (SIS 1+ RE) bħala l-pjan ta’ kontinġenza, f’każ li t-testijiet juru nonkonformità mar-rekwiżiti tal-miri importanti. Abbażi ta’ dawn il-parametri, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jistieden lill-Kummissjoni biex taqleb għax-xenarju tekniku alternattiv. | (19) Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI jipprevedu li għas-SIS II Ċentrali għandha tintuża l-aqwa teknoloġija disponibbli, soġġetta għal analiżi tal-kost-effettività. L-Anness għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-direzzjoni ulterjuri tas-SIS II tal-4-5 ta' Ġunju 2009 stabbilixxa miri importanti li għandhom jintlaħqu sabiex jitkompla l-proġett attwali tas-SIS II. B’mod parallel, twettaq studju dwar l-elaborazzjoni ta’ xenarju tekniku alternattiv għall-iżvilupp tas-SIS II abbażi tal-evoluzzjoni tas-SIS 1+ (SIS 1+ RE) bħala l-pjan ta’ kontinġenza, f’każ li t-testijiet juru nonkonformità mar-rekwiżiti tal-miri importanti. Abbażi ta’ dawn il-parametri, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jistieden lill-Kummissjoni biex taqleb għax-xenarju tekniku alternattiv. F'każ bħal dan il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta biex jiġi rivedut dan ir-Regolament. |
Ġustifikazzjoni
Anke jekk wara l-eżitu pożittiv tat-test Milestone 2 tas-SIS II ix-xenarju tekniku alternattiv ma jidhirx li jkun neċessarju, jidher li hu xieraq, għal raġunijiet ta' ċertezza tad-dritt, li tkun prevista proċedura f'każ li jiġi segwit dak ix-xenarju.
Emenda 5
Abbozz ta' regolament
Premessa 31
| |
Abbozz tal-Kunsill | Emenda |
(31) Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta hu responsabbli biex jissorvelja u jiżgura l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u huwa kompetenti li jissorvelja l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali. Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Konvenzjoni ta’ Schengen u tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 kif ukoll tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI dwar il-protezzjoni u s-sigurtà tad-dejta personali. | (31) Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta hu responsabbli biex jissorvelja u jiżgura l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u huwa kompetenti li jissorvelja l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali. L-Awtorità Superviżorja Konġunta hija responsabbli għas-superviżjoni tal-funzjoni ta' appoġġ tekniku tas-SIS 1+ attwali sakemm jidħol fis-seħħ il-qafas ġuridiku tas-SIS II. L-Awtoritajiet Superviżorji Nazzjonali huma responsabbli għas-superviżjoni tal-ipproċessar tad-dejta tas-SIS 1+ fit-territorju tal-Istati Membri rispettivi tagħhom u se jibqgħu responsabbli għall-monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar tad-dejta personali tas-SIS II fit-territorju tal-Istati Membri. Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Konvenzjoni ta’ Schengen u tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 kif ukoll tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI dwar il-protezzjoni u s-sigurtà tad-dejta personali. Dan il-qafas ġuridiku tas-SIS II jipprevedi li l-Awtoritajiet Superviżorji Nazzjonali u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta jiżguraw is-superviżjoni koordinata tas-SIS II. |
Ġustifikazzjoni
Huwa importanti li jiġi spjegat li numru ta' awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta huma involuti fil-proċess ta' migrazzjoni.
Emenda 6
Abbozz ta' regolament
Premessa 43 a (ġdida)
| |
Abbozz tal-Kunsill | Emenda |
| (43a) Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, li fih qed jipparteċipaw il-Bulgarija u r-Rumanija skont l-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/365/UE tad-29 ta’ Ġunju 2010 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen rigward is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija. |
Emenda 7
Abbozz ta' regolament
Artikolu 7 – paragrafu 6
| |
Abbozz tal-Kunsill | Emenda |
6. L-attivitajiet fil-paragrafi 1 sa 3 għandhom jiġu kkoordinati mill-Kummissjoni u l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill. | 6. L-attivitajiet fil-paragrafi 1 sa 3 għandhom jiġu kkoordinati mill-Kummissjoni u l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill. Il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat fuq bażi regolari dwar dawn l-attivitajiet. |
Emenda 8
Abbozz ta' regolament
Artikolu 11 – paragrafu -1 (ġdid)
| |
Abbozz tal-Kunsill | Emenda |
| -1. Qabel il-bidu tal-migrazzjoni, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw li d-dejta personali kollha li għandha tkun suġġetta għal migrazzjoni fis-SIS II tkun preċiża, aġġornata u legali skont id-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI. |
| Kwalunkwe dejta li ma tkunx tista' tiġi vverifikata qabel il-bidu tal-migrazzjoni għandha tiġi vverifikata sa perjodu massimu ta' sitt xhur wara l-bidu tal-migrazzjoni. |
Ġustifikazzjoni
Il-kwalità tad-dejta li li tkun suġġetta għall-migrazzjoni fis-SIS II hija ta' importanza kbira. Dan mhuwiex dettall tekniku iżda huwa neċessarju għall-protezzjoni taċ-ċittadini tal-UE u ta' pajjiżi terzi minn żbalji li jistgħu jaffettwawhom serjament (Pereżempju rifjut mhux ġustifikat fil-fruntiera).
Emenda 9
Abbozz ta' regolament
Artikolu 11 – paragrafu 1
| |
Abbozz tal-Kunsill | Emenda |
1. Għall-migrazzjoni mis-C.SIS għas-SIS II Ċentrali, Franza għandha tagħmel disponibbli l-bażi tad-dejta tas-SIS 1+ u l-Kummissjoni għandha tintroduċi l-bażi tad-dejta tas-SIS 1+ fis-SIS II Ċentrali. Dejta tal-bażi tad-dejta tas-SIS 1+ msemmija fl-Artikolu 113 (2) tal-Konvenzjoni ta' Schengen ma għandhiex tkun introdotta fis-SIS II Ċentrali . | 1. Għall-migrazzjoni mis-C.SIS għas-SIS II Ċentrali, Franza għandha tagħmel disponibbli l-bażi tad-dejta tas-SIS 1+ u l-Kummissjoni għandha tintroduċi l-bażi tad-dejta tas-SIS 1+ fis-SIS II Ċentrali. Dejta tal-bażi tad-dejta tas-SIS 1+ msemmija fl-Artikolu 113 (2) tal-Konvenzjoni ta' Schengen ma għandhiex tkun introdotta fis-SIS II Ċentrali. Din id-dejta għandha titħassar mhux aktar tard minn xahar wara t-tmiem tal-perjodu intensiv ta' monitoraġġ. |
Ġustifikazzjoni
Ladarba s-SIS II tkun operattiva għalkollox, l-ebda dejta tas-SIS m'għandha tkun disponibbli barra mis-SIS II. Huwa neċessarju għal raġunijiet ta' ġestjoni u kontroll adegwati tad-dejta li jiġi evitat li d-dejta tas-SIS tinżamm banda oħra. Għandu għalhekk jiġi ċċarat li din id-dejta se titħassar.
Emenda 10
Abbozz ta' regolament
Artikolu 11 – paragrafu 3 – subparagrafu 1
| |
Abbozz tal-Kunsill | Emenda |
3. Il-migrazzjoni tas-sistema nazzjonali mis-SIS 1+ għas-SIS II tibda permezz tal-illowdjar tad-dejta tal-N.SIS II, meta dik l-N.SIS II għandu jkun fiha fajl tad-dejta, il-kopja nazzjonali, li tinkludi kopja kompluta jew parzjali tal-bażi tad-dejta tas-SIS II. | 3. Il-migrazzjoni tas-sistema nazzjonali mis-SIS 1+ għas-SIS II tibda permezz tal-illowdjar tad-dejta tal-N.SIS II, meta dik l-N.SIS II għandu jkun fiha fajl tad-dejta, il-kopja nazzjonali, li tinkludi kopja kompluta jew parzjali tal-bażi tad-dejta tas-SIS II. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dejta personali kollha mdaħħla fl-N.SIS II tkun preċiża, aġġornata u legali skont id-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI. |
Emenda 11
Abbozz ta' regolament
Artikolu 11 – paragrafu 4a (ġdid)
| |
Abbozz tal-Kunsill | Emenda |
| 4a. Abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri u l-awtoritajiet superviżorji responsabbli, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tlestija tal-migrazzjoni, partikolarment dwar il-bidla tal-Istati Membri għas-SIS II. Ir-rapport għandu jikkonferma jekk il-migrazzjoni, u b'mod partikolari l-bidla, sarux f'konformità sħiħa ma' dan ir-Regolament fuq il-livell ċentrali kif ukoll dak nazzjonali, u għandu jikkonferma li l-ipproċessar tad-dejta personali matul il-migrazzjoni kollha kien konformi mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta1. |
| __________________ |
| 1 ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. |
Ġustifikazzjoni
Wara l-proċess kumpless tal-migrazzjoni għandu jkun hemm validazzjoni biex jiġi ddeterminat jekk il-migrazzjoni u l-bidla sussegwenti rnexxewx. Huwa importanti li wieħed jiftakar ukoll li fl-ambitu tas-SIS II, il-Kummissjoni se tibqa' mingħajr aċċess għad-dejta tas-sistema ċentrali. Dan ifisser li l-Istati Membri se jibqgħu s-sidien tad-dejta u se jibqgħu responsabbli mill-kwalità tad-dejta skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament SIS II u l-Artikolu 49(1) tad-deċiżjoni tas-SIS II.
Emenda 12
Abbozz ta' regolament
Artikolu 11 – paragrafu 4b (ġdid)
| |
Abbozz tal-Kunsill | Emenda |
| 4b. Xahar wara t-tmiem tal-perjodu ta' monitoraġġ intensiv, il-bażi ta' dejta SIS 1+, id-dejta kollha fil-bażi ta' dejta SIS 1+, irrispettivament mill-mezz li tkun maħżuna fuqu u l-post fejn tkun tinsab, is-C.SIS, l-N.SIS tal-Istati Membri u kwalunkwe kopja tagħhom għandhom jitħassru b'mod definittiv. |
Ġustifikazzjoni
Ladarba s-SIS II tkun operattiva għalkollox, l-ebda dejta tas-SIS m'għandha tkun disponibbli barra mis-SIS II. Huwa neċessarju għal raġunijiet ta' ġestjoni u kontroll adegwati tad-dejta li jiġi evitat li d-dejta tas-SIS tinżamm banda oħra. Għandu għalhekk jiġi ċċarat li din id-dejta se titħassar.
Emenda 13
Abbozz ta' regolament
Artikolu 11a (ġdid)
| |
Abbozz tal-Kunsill | Emenda |
| Artikolu 11a |
| Migrazzjoni tal-uffiċċji SIRENE |
| Il-migrazzjoni tal-uffiċċji SIRENE għan-netwerk S-TESTA għandha sseħħ b'mod parallel mal-bidla msemmija fl-Artikolu 11(3) u għandha tintemm immedjatament wara l-bidla. |
Ġustifikazzjoni
Is-sistemi SIS 1+ u SIRENE bħalissa joperaw fuq in-netwerk ta' komunikazzjoni tas-SISNET. It-tnedija tal-operazzjonijiet tas-SIS II tirrikjedi wkoll il-migrazzjoni tal-uffiċċji SIRENE għan-netwerk tal-S-TESTA għall-iskambju ta' informazzjoni addizzjonali.
Emenda 14
Abbozz ta' regolament
Artikolu 12 – paragrafu 2
| |
Abbozz tal-Kunsill | Emenda |
Mill-bidla tal-ewwel Stat Membru mill-N.SIS għall-N.SIS II, kif imsemmija fit-tieni subġaragrafu tal-Artikolu 11 (3) ta’ dan ir-Regolament, id-Deċiżjoni 533/2007/ĠAI għandha tapplika. | Mill-bidla b'suċċess tal-ewwel Stat Membru mill-N.SIS għall-N.SIS II, kif imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11 (3) ta' dan ir-Regolament, id-Deċiżjoni 533/2007/ĠAI għandha tapplika. |
Ġustifikazzjoni
Għandu jiġi speċifikat li huwa biss fil-każ li l-bidla sseħħ b'suċċess li l-qafas ġuridiku tas-SIS II għandu jsir applikabbli.
Emenda 15
Abbozz ta' regolament
Artikolu 15 – paragrafu -1 (ġdid)
| |
Abbozz tal-Kunsill | Emenda |
| -1. Minbarra r-reġistrazzjoni ta' tiftix awtomatizzat, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li, matul il-migrazzjoni skont dan ir-Regolament, ir-regoli applikabbli tal-protezzjoni tad-dejta jkunu rispettati għalkollox u li l-kompiti speċifikati fl-Artikolu 3(f) u fl-Artikolu 11 jiġu rreġistrati kif xieraq fis-SIS II Ċentrali. Ir-reġistrazzjoni ta' dawn l-attivitajiet għandha, b'mod partikolari, tiżgura l-integrità u l-legalità tad-dejta matul il-migrazzjoni u l-bidla għas-SIS II. |
Ġustifikazzjoni
Milli jidher, id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta tal-proposta tal-Kummissjoni u sussegwentement tal-abbozz tal-Kunsill ġew abbozzati aktar bil-ħsieb tal-operazzjoni tas-SIS II milli tal-proċess tal-migrazzjoni li dan ir-Regolament jittratta. Din l-emenda għalhekk iżżid ir-regoli tal-protezzjoni tad-dejta li għandhom jiġu applikati matul il-proċess tal-migrazzjoni qabel ma jsir applikabbli l-qafas ġuridiku tas-SIS II.
Emenda 16
Abbozz ta' regolament
Artikolu 15 – paragrafu 4
| |
Abbozz tal-Kunsill | Emenda |
4. Ir-reġistri għandhom juru, b’mod partikolari, id-data u l-ħin tad-dejta trażmessa, id-dejta użata biex isiru tfittxijiet, ir-referenza għad-dejta trasmessa u l-isem tal-awtorità kompetenti responsabbli għall-ipproċessar tad-dejta. | 4. Ir-reġistri għandhom juru, b'mod partikolari, id-data u l-ħin tad-dejta trażmessa, id-dejta użata biex isiru tfittxijiet, ir-referenza għad-dejta trasmessa u l-isem tal-awtorità kompetenti responsabbli għall-ipproċessar tad-dejta u l-isem tal-utent aħħari. |
Emenda 17
Abbozz ta' regolament
Artikolu 15 – paragrafu 5
| |
Abbozz tal-Kunsill | Emenda |
5. Ir-reġistri jistgħu jintużaw biss għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u għandhom jitħassru mhux qabel sena u mhux iktar tard minn tliet snin wara li jkunu nħolqu. | 5. Ir-reġistri jistgħu jintużaw biss għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 3 u għandhom jitħassru mhux qabel sena u mhux iktar tard minn tliet snin wara li jkunu nħolqu. |
Ġustifikazzjoni
Ir-referenza għandha tkun għall-paragrafu 3 tal-Artikolu 15 peress li dan jittratta ż-żamma tar-reġistri.
Emenda 18
Abbozz ta' regolament
Artikolu 15 – paragrafu 7
| |
Abbozz tal-Kunsill | Emenda |
7. L-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-kontroll dwar jekk it-tfittxija tkunx skont il-liġi jew le, mill-monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar ta’ dejta, mill-awtomonitoraġġ u biex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-SIS II Ċentrali, l-integrità u s-sigurtà tad-dejta, għandu jkollhom aċċess, sal-limiti tal-kompetenzi tagħhom u fuq talba tagħhom, għal dawk ir-reġistri bil-għan li jaqdu l-kompiti tagħhom. | 7. L-awtoritajiet kompetenti msemmijin fl-Artikolu 60(1) u fl-Artikolu 61(1) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI responsabbli mill-kontroll dwar jekk it-tfittxija tkunx skont il-liġi jew le, mill-monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar ta' dejta, mill-awtomonitoraġġ u biex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-SIS II Ċentrali, l-integrità u s-sigurtà tad-dejta, għandu jkollhom aċċess, skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI, sal-limiti tal-kompetenzi tagħhom u fuq talba tagħhom, għal dawk ir-reġistri bil-għan li jaqdu l-kompiti tagħhom. |
Ġustifikazzjoni
Huwa importanti li ssir referenza għar-Regolament tas-SIS II biex jiġi ċċarat liema "awtoritajiet kompetenti" huma koperti minn din id-dispożizzjoni. Dawn huma l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali.
Emenda 19
Abbozz ta' regolament
Artikolu 15 – paragrafu 7a (ġdid)
| |
Abbozz tal-Kunsill | Emenda |
| 7a. L-awtoritajiet kollha tal-protezzjoni tad-dejta b'responsabilità jew għas-SIS 1+ jew għas-SIS II għandhom ikunu involuti mill-qrib fil-fażijiet kollha tal-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II. |
Ġustifikazzjoni
Il-migrazzjoni għas-SIS II hija proċess kumpless anke mill-perspettiva tas-superviżjoni tagħha. Biex tiġi żgurata tranżizzjoni mingħajr xkiel għall-qafas ġuridiku tas-SIS II u biex jiġu evitati lakuni fis-superviżjoni f'termini prattiċi, huwa importanti li l-awtoritajiet kollha b'responsabilitajiet ikunu involuti mill-qrib fil-fażi tal-migrazzjoni kollha kemm hi.
Emenda 20
Abbozz ta' regolament
Artikolu 19
| |
Abbozz tal-Kunsill | Emenda |
Il-Kummissjoni għandha tippreżenta sal-aħħar ta’ kull perijodu ta’ sitt xhur, u għall-ewwel darba sal-aħħar tal-ewwel perijodu ta’ sitt xhur tal-2009, rapport ta’ progress lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżvilupp tas-SIS II u l-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II. | Il-Kummissjoni għandha tippreżenta sal-aħħar ta' kull perjodu ta' sitt xhur, u għall-ewwel darba sal-aħħar tal-ewwel perijodu ta' sitt xhur tal-2009, rapport ta' progress lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżvilupp tas-SIS II u l-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II. Il-Kummissjoni għandha tinforma l-Parlament Ewropew dwar ir-riżultati tat-testijiet imsemmija fl-Artikoli 8, 9 u 10. |
Emenda 21
Abbozz ta' regolament
Artikolu 21
| |
Abbozz tal-Kunsill | Emenda |
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu jiskadi hekk kif tintemm il-migrazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 11(3), it-tielet subparagrafu. Jekk dik id-data ma tkunx tista' tiġi rispettata minħabba diffikultajiet tekniċi pendenti relatati mal-proċess ta' migrazzjoni, huwa għandu jiskadi f’data li trid tiġi stabbilita mill-Kunsill, li jaġixxi konformement mal-Artikolu 71 (2) tad-Deċiżjoni 2007/533. | Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu jiskadi hekk kif tintemm il-migrazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 11(3), it-tielet subparagrafu. Jekk dik id-data ma tkunx tista' tiġi rispettata minħabba diffikultajiet tekniċi pendenti relatati mal-proċess ta' migrazzjoni, huwa għandu jiskadi f'data li trid tiġi stabbilita mill-Kunsill, li jaġixxi konformement mal-Artikolu 71 (2) tad-Deċiżjoni 2007/533 u f'kull każ sat-30 ta' Ġunju 2013. |
Ġustifikazzjoni
Ir-rapporteur jemmen li jeħtieġ li jkun hemm data finali għat-tmiem tal-migrazzjoni u għall-iskadenza tar-Regolament. Inkella hemm il-periklu li l-migrazzjoni għas-SIS II tkompli tiġi posposta. Huwa ta' importanza fundamentali li issa s-SIS II jkun finalment operattiv. Id-data proposta mir-rapporteur tagħti iktar żmien milli meħtieġ peress li l-bidla għas-SIS II hija ppjanata għall-aħħar ta' April 2013.
NOTA SPJEGATTIVA
Kuntest ġenerali
Is-SIS (Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen) hija ċertament l-aktar strument importanti għas-sigurtà taż-Żona ta' Schengen, li bir-raġun hija meqjusa bħala s-sinsla ta' Ewropa mingħajr fruntieri u taż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.
Is-SIS II (is-SIS tat-tieni ġenerazzjoni) tagħmilha possibbli li tiżdied dejta ġdida (b'mod partikolari dejta bijometrika), tipi ġodda ta' indikazzjoni u funzjonijiet ġodda li jistgħu jżidu s-sigurtà u jwasslu għal użu aktar intelliġenti tal-informazzjoni permezz ta' twissijiet interkonnessi.
Id-dispożizzjonijiet dwar it-twaqqif, it-tħaddim u l-użu tas-SIS II ġew miftehmin fl-2006 mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew fl-ewwel qari permezz tal-kodeċiżjoni, bil-għan li jiġi evitat aktar dewmien (Regolament 1987/2006). B'mod parallel, kien hemm qbil dwar att taħt it-tielet pilastru (Deċiżjoni 2007/533/ĠAI). Dawn l-istrumenti jipprevedu li se jibdew japplikaw għall-Istati Membri li jipparteċipaw fis-SIS 1+ minn dik id-data biss li trid tiġi stabbilita mill-Kunsill, li jaġixxi bl-unanimità tal-Membri tiegħu li jirrappreżentaw lill-gvernijiet tal-Istati Membri li jipparteċipaw fis-SIS 1+ (skont l-Artikolu 55(2) tar-Regolament 1987/2006).
Is-sistema l-ġdida teħtieġ li tiġi ttestjata b'mod sħiħ qabel ma tkun tista' tidħol fis-seħħ, biex jiġi vverifikat jekk is-SIS II tissodisfax ir-rekwiżiti tekniċi u funzjonali neċessarji (kif definiti mill-istrumenti ġuridiċi rispettivi) u biex jiġu kkonfermati s-solidità, id-disponibilità u l-prestazzjoni tagħha.
Il-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II għandha tibda ladarba t-testijiet ikunu kollha ġew konklużi b'suċċess, probabbilment f'Janar 2013.
Il-proposta tal-Kummissjoni
Il-migrazzjoni tas-SIS 1+ li qed jintuża bħalissa għas-SIS II hija rregolata b'żewġ strumenti ġuridiċi: ir-Regolament tal-Kunsill 1104/2008 f'dak li qabel kien l-ewwel pilastru u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI f'dak li qabel kien it-tielet pilastru. Il-Kummissjoni ressqet proposta ta’ riformulazzjoni taż-żewġ atti ġuridiċi f'att wieħed, filwaqt li b’hekk tkun riflessa t-tneħħija tal-pilastri ( COM(2012)81 ).
L-innovazzjoni ewlenija tal-proposta tal-Kummissjoni hija li tipprevedi d-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni tal-qafas ġuridiku għas-SIS II mill-mument li l-ewwel Stat Membru jlesti l-bidla għas-sistema l-ġdida. Din hija reazzjoni għall-oġġezzjonijiet imqajma minn diversi Stati Membri li (bir-raġun) ilmentaw li jekk dan ma kienx ikun il-każ, l-ewwel Stati Membri li jagħmlu l-migrazzjoni għas-SIS II kien ikollhom jiddiżattivaw il-funzjonijiet il-ġodda tagħha sakemm l-Istati Membri li jkun għad fadal ikunu lestew ukoll il-migrazzjoni tagħhom, minħabba nuqqas ta' bażi legali. Sitwazzjoni bħal din, minbarra l-assurdità tagħha, kienet tinvolvi l-kost addizzjonali tal-installazzjoni ta' filtri li ma kinux oriġinarjament ippjanati.
Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li tipprevedi l-possibilità li jingħata kofinanzjament (sa 75 %) mill-baġit tal-UE għal ċerti attivitajiet nazzjonali relatati mal-migrazzjoni. Fid-dikjarazzjoni finanzjarja l-Kummissjoni tistma li l-impatt baġitarju tal-proposta se jammonta għal total ta' EUR 35 240 000 għall-perjodu 2012 sa 2013. Il-maġġoranza ta' dan l-ammont huwa marbut mal-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fl-attivitajiet għat-tħejjija tal-migrazzjoni, b'mod partikolari l-koordinament tat-testijiet. L-ebda baġit emendatorju ma kien ġie previst peress li kienu disponibbli ammonti mhux minfuqa mill-2011. Meta titqies l-adozzjoni tard tal-proposta mill-Kummissjoni fit-30 ta' April din is-sena u ż-żmien normalment meħtieġ biex jiġu impenjati l-fondi ladarba tkun adottata bażi ġuridika, dawn il-kalkoli, għall-inqas safejn jirrigwardaw l-2012, jidhru li m'għadhomx jgħoddu.
Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li telimina d-data ta' skadenza tal-31 ta' Marzu 2013 (jew il-21 ta' Diċembru 2013, jekk tintuża soluzzjoni teknika alternattiva) proposta fl-istrumenti ġuridiċi attwalment fis-seħħ. Bidliet oħra proposti jirreferu għall-istruttura interna tal-migrazzjoni.
Il-bażi ġuridika għal din il-proposta hija l-Artikolu 74 TFUE (kooperazzjoni amministrattiva) li tipprovdi biss għal konsultazzjoni mal-Parlament.
Il-migrazzjoni għas-SIS II hija programmata li tibda fil-bidu ta' Jannar tas-sena d-dieħla. Minn dan il-mument l-Istati Membri jibdew jittrasferixxu d-dejta mill-N.SIS 1+ tagħhom li qed jintuża bħalissa għall-N.SIS II. Lejn l-aħħar ta' Marzu 2012 il-bidla tal-Istati Membri kollha hija programmata li sseħħ f'perjodu ta' mhux iktar minn 12-il siegħa. Huwa ħafna iktar probabbli li jkun meħtieġ ħafna inqas żmien. Il-bidla se tkun segwita b'perjodu ta' monitoraġġ intensiv ta' massimu ta' 30 jum. Dan il-kalendarju jwassal għal SIS II jiffunzjona għalkollox sa mhux aktar tard mill-aħħar ta' April 2013.
Il-kalendarju ristrett ifisser li l-adozzjoni rapida ta' din il-proposta leġiżlattiva hija neċessarja.
It-testi tal-Kunsill
Wara d-diskussjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Kunsill jikkunsidra li hu aktar adegwat li l-proposta tal-Kummissjoni tinqasam f’żewġ testi: wieħed li fih jieħdu sehem ir-Renju Unit u l-Irlanda u wieħed li fih ma jiħdux sehem.
Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill informa lill-Parlament dwar dan u “jikkonsulta l-Parlament Ewropew dwar dan il-qsim u l-istrumenti ġuridiċi li jirriżultaw.”
Iż-żewġ testi tal-Kunsill li jirriżultaw kważi jikkorrispondu mal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni. Rigward l-emendi introdotti mill-Kunsill, ir-Rapporteur jilqa’ b’mod partikolari l-fatt li ż-żieda ġiet ifformulata b’mod aktar preċiż.
Il-pożizzjoni tar-Rapporteur
Għal bosta snin, il-Parlament saħaq dwar il-ħtieġa ta' soluzzjoni Komunitarja ċara u rrifjuta l-użu kontinwu ta' struttura intergovernattiva. Din hija waħda mir-raġunijiet għalfejn nappoġġaw is-SIS II.
Ir-rapporteur jifraħ lill-Kummissjoni għall-proposta tagħha, li tiċċara l-qafas ġuridiku applikat għall-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II, u b'mod partikolari jifraħ dwar l-applikazzjoni tal-qafas ġuridiku tas-SIS II mill-mument li l-ewwel Stat Membru jlesti l-migrazzjoni tiegħu. Din il-proposta ssaħħaħ iċ-ċertezza tad-dritt u tipprevjeni spejjeż mhux meħtieġa fl-Istati Membri.
Aspett ieħor ugwalment pożittiv huwa d-dispożizzjoni għal kofinanzjament Komunitarju tal-ispejjeż li jistgħu jiġġarrbu mill-Istati Membri matul il-proċess ta' migrazzjoni. Ir-rapporteur jiddispjaċih dwar id-dewmien fil-preżentazzjoni ta' din l-inizjattiva mill-Kummissjoni, li jista' jfisser li l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jibbenefikaw mill-intestatura eżistenti fil-baġit 2012. Dan id-dewmien ippermettielna biss perjodu qasir ħafna ta' żmien biex nivvalutaw din il-proposta.
Ir-rapporteur għalhekk jirrakkomanda li l-Parlament jieħu azzjoni rapida biex jadotta l-proposta. M'għandux ikun ħtija tagħna jekk il-kundizzjonijiet ma jippermettux li s-SIS II tidħol fis-seħħ kif programmat u fl-aħħar tipprovdilna sistema verament Ewropea.
Ir-rapporteur jaqbel mal-qsim tal-proposta f’żewġ partijiet. Dan ma jbiddel xejn rigward il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda iżda jipprevedi soluzzjoni aktar trasparenti li għandha tintlaqa’.
Ir-rapporteur jiddispjaċih, madankollu, li l-Parlament ingħata biss rwol konsultattiv, minħabba l-importanza politika tad-dossier u l-baġit sinifikanti tiegħu.
Ir-rapporteur jipproponi numru ta' emendi u jitlob lill-Kunsill jikkunsidrahom.
Il-proċess ta' migrazzjoni se jipprevedi li tibda titħaddem struttura intermedja ta' migrazzjoni, fejn iż-żewġ sistemi (SIS 1+ u SIS II) jaħdmu b'mod parallel għal ċertu perjodu ta' żmien, filwaqt li jiddependu fuq konvertitur li permezz tiegħu jaraw u jaġġornaw lil xulxin, u li jżommhom sinkronizzati l-ħin kollu. Din l-istruttura interim se tinżamm operattiva għall-perjodu meħtieġ biex jiġu evitati kontinġenzi, filwaqt li tkun suġġetta għal monitoraġġ intensiv.
Protezzjoni tad-dejta
Ir-rapporteur iqisha essenzjali li jissaħħu r-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta u ppreżenta numru ta' emendi b'dan l-iskop.
L-ewwel nett, huwa kruċjali li tiġi żgurata superviżjoni effikaċi tal-migrazzjoni kumplessa. Dan għandu jintlaħaq permezz ta' kooperazzjoni effikaċi bejn l-awtoritajiet superviżorji attwali u dawk futuri. Is-SIS 1+ kienet koperta minn Konvenzjoni, filwaqt li s-SIS II tiddependi fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri għas-superviżjoni nazzjonali u fuq il-KEPD għall-unità ċentrali, ħaġa li tirrikjedi kooperazzjoni mill-qrib bejniethom, biex tkun żgurata tranżizzjoni mingħajr intoppi.
It-tieni nett, huwa ta' importanza kbira li tiġi żgurata l-kwalità tad-dejta li eventwalment se tintuża mill-utenti tas-SIS II fil-qafas ġuridiku tas-SIS II. Id-dejta personali hija partikolarment sensittiva f'dan ir-rigward peress li l-iżbalji jista' jkollhom konsegwenzi estremament negattivi għall-persuni, pereżempju arresti mhux ġustifikati jew rifjuti fil-fruntieri. Għalhekk huwa neċessarju li tiġi vverifikata l-korrettezza tad-dejta, permezz tal-identifikazzjoni ta' kwalunkwe żball ta' diskrepanzi fid-dejta li tkun is-suġġett ta' migrazzjoni minn sistema għall-oħra.
It-tielet nett, is-salvagwardji tal-protezzjoni tad-dejta tal-qafas ġuridiku tas-SIS II imbagħad biss jistgħu jilħqu l-objettiv tagħhom, jekk ma tinżamm l-ebda dejta attwali tas-SIS f'postijiet oħra li ma jkunux is-SIS II bir-riskju li tintuża mingħajr superviżjoni xierqa. Għalhekk għandu jingħad biċ-ċar li kwalunkwe dejta tas-SIS barra mis-SIS II għandha titħassar b'mod definittiv wara perjodu ta' tranżizzjoni.
Riformulazzjoni
Numru ta' emendi jaffettwaw partijiet tat-test mhux skurati bil-griż mill-Kummissjoni, jiġifieri fil-veru sens tal-kelma mhux parti minn din il-proposta tal-Kummissjoni iżda parti mill-kodifikazzjoni ta' atti adottati qabel. Il-modifika ta' dawn il-partijiet l-oħra madankollu hi konformi mar-regoli ta' proċedura tal-Parlament, b'mod partikolari l-Artikolu 87, paragrafu 3, it-tielet subparagrafu. Dan l-artikolu jirrikjedi li l-kumitat jinnotifika l-intenzjoni tiegħu li jressaq emendi għall-partijiet kodifikati tal-proposta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u jirreferi għall-punt 8 tal-ftehim interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 dwar użu aktar strutturat tat-teknika ta' riformulazzjoni ta' atti ġuridiċi, li jgħid:
8. Fejn, fil-kors tal-proċedura leġiżlattiva, ikun meħtieġ li jiddaħħlu emendi sostantivi fl-att tal-kitba mill-ġdid għal dawk id-dispożizzjonijiet li jibqgħu mhux mibdula fil-proposta tal-Kummissjoni, dawn l-emendi għandhom isiru f'dak l-att f'konformità mal-proċedura stabbilita bit-Trattat skont il-bażi ġuridika applikabbli.
Ir-rapporteur jirrimarka li anke l-Kunsill fl-aħħar verżjoni tat-test li qed jiġi diskuss tat-13 ta' Lulju introduċa emendi fil-parti kodifikata.
Konklużjoni
Is-SIS II hija strument essenzjali li bih tiżdied is-sigurtà taż-Żona ta' Schengen, tintemm il-ġestjoni intergovernattiva tas-sistema u jittejbu b'mod konsiderevoli l-protezzjoni tad-dejta u d-drittijiet fundamentali tal-individwi. Is-SIS II għandha għalhekk tidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibbli.
ANNESS 1: ITTRA LILL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI
Ref.: D(2012)52183
L-Onor. Juan Fernando López Aguilar
President tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
ASP 11G306
Brussell
Suġġett: Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (riformulazzjoni)
( COM(2012)0081 – C7‑0124/2012 – 2012/0033(NLE) )
Għażiż President,
Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, li għandi l-unur nippresjedi, eżamina l-proposta msemmija hawn fuq, skont it-termini tal-Artikolu 87 dwar ir-riformulazzjoni, kif iddaħħal fir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament.
Il-Paragrafu 3 ta' dak l-Artikolu jgħid hekk:
"Jekk il-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali jikkonkludi li l-proposta ma tinkludi l-ebda bidla sostanzjali għal-leġiżlazzjoni minbarra dawk identifikati bħala tali, għandu jinforma lill-kumitat responsabbli dwar dan.
F'każ ta' dan it-tip, minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 156 u 157, l-emendi għandhom ikunu ammissibbli mill-kumitat responsabbli biss jekk jikkonċernaw dawk il-partijiet tal-proposta li jinkludu bidliet.
Madankollu, jekk, f'konformità mal-punt 8 tal-Ftehim Interistituzzjonali, il-kumitat responsabbli jkollu l-ħsieb ukoll li jressaq emendi għall-partijiet ikkodifikati tal-proposta, għandu jinnotifika minnufih l-intenzjoni tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u din tal-aħħar għandha tinforma lill-kumitat, qabel il-votazzjoni skont l-Artikolu 54, dwar il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-emendi kif ukoll dwar jekk għandhiex il-ħsieb li tirtira l-proposta ta' riformulazzjoni."
B'segwitu għall-opinjoni tas-Servizz Legali, li r-rappreżentanti tiegħu pparteċipaw fil-laqgħat tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv li eżamina l-proposta għal riformulazzjoni, u b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-rapporteur għal opinjoni, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jikkunsidra li l-proposta msemmija ma tinkludi l-ebda tibdil sustanzjali ħlief dak identifikat bħala tali fil-proposta u billi, f'dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma' dan it-tibdil, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tal-atti eżistenti mingħajr tibdil sustanzjali.
Il-fatt li fit-3 ta' Mejju 2012, il-Kunsill qasam il-proposta tal-Kummissjoni f'żewġ testi identiċi ta' proposti għal Regolament tal-Kunsill (id-dokument 11142/12 u d-dokument 11143/12) sabiex jirrifletti l-pożizzjonijiet partikolari tal-Irlanda u r-Renju Unit, ma jibdilx din il-pożizzjoni.
Bħala konklużjoni, wara li ddiskutieha fil-laqgħa tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2012, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, b'20 vot favur u tliet astensjonijiet[2], irrakkomanda li l-Kumitat tiegħek, bħala l-kumitat responsabbli, jipproċedi bl-eżami tal-proposta msemmija hawn fuq bi qbil mal-Artikolu 87.
Dejjem tiegħek,
Klaus-Heiner LEHNE
Mehmuż: L-Opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv.
ANNESS 2 : OPINJONI TAL-GRUPP TA' ĦIDMA KONSULTATTIV TAS-SERVIZZI LEGALI TAL-PARLAMENT EWROPEW, TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI
Anness
|
GRUPP TA' ĦIDMA KONSULTATTIV TAS-SERVIZZI LEGALI |
Brussell, 3 ta' Awwissu 2012
OPINJONI
GĦALL-ATTENZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
TAL-KUNSILL
TAL-KUMMISSJONI
Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) COM(2012)0081 finali tat-30.4.2012 - 2012/0033 (NLE)
Wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 fuq l-użu iktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid ta' atti ġuridiċi, u b'mod partikulari l-punt 9 tiegħu, il-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv, li jikkonsisti fis-servizzi legali rispettivi tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, iltaqa' fit-24 ta' Mejju u fit-9 ta' Lulju 2012 sabiex janalizza, fost oħrajn, il-proposta msemmija hawn fuq imressqa mill-Kummissjoni.
F'dawk il-laqgħat[3], eżami tal-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jirriformula r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1104/2008 tal-24 ta' Ottubru 2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI tal-24 ta' Ottubru 2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) stabbilixxa, bi qbil komuni, dan li ġej:
1) Fir-rigward tal-memorandum ta' spjegazzjoni, bil-għan li l-abbozzar isir f'konformità sħiħa mar-rekwiżiti relevanti stabbiliti mill-Ftehim Interistituzzjonali dan id-dokument kellu jispeċifika liema dispożizzjonijiet tal-att aktar bikri ma jinbidlux fil-proposta, kif previst fil-punt 6(a)(iii) ta' dak il-ftehim.
2) Fil-proposta ta' riformulazzjoni, fl-ewwel kunsiderazzjoni tal-preambolu, il-kliem "l-Artikoli 30(1)(a) u (b), 31(1)(a) u (b)", li jidhru fl-ewwel kunsiderazzjoni tal-preambolu tad-Deċiżjoni 2008/839/ĠAI, kellu jkun preżenti u ried jiġi identifikat permezz tas-sinjal li jikkonsisti f'linja ta' qtugħ doppja u tipa ta' kulur griż li ġeneralment tintuża sabiex jiġu mmarkati bidliet sostanzjali li jinvolvu tħassir ta' testi eżistenti.
3) Il-partijiet li ġejjin tal-abbozz ta' test riformulat riedu jiġu mmarkati permezz ta' tipa ta' kulur griż li ġeneralment tintuża sabiex jiġu identifikati bidliet sostanzjali:
it-test kollu tal-premessi 36 u 37;
fl-ewwel u t-tieni paragrafu ta' Artikolu 6, il-kliem "għandhom ikunu atti ta' implimentazzjoni" u l-kelma "eżami";
- fl-Artikolu 15(5), il-kliem "fil-paragrafu 1";
- it-test kollu ta' paragrafu 2 tal-Artikolu 17;
- fl-Artikolu 21, it-tħassir tal-kliem finali "u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2013 jew fil-31 ta' Diċembru 2013 f'każ li ssir bidla għal xenarju tekniku alternattiv kif imsemmi fl-Artikolu 1(3) ta' dan ir-Regolament".
4) L-Artikolu 8(1) jinkludi fih referenza żbaljata għal “fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2008/839/ĠAI”. Jeħtieġ li tiddaħħal referenza korretta.
5) Il-kliem eżistenti tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament (KE) Nru 1104/2008 u tal-Artikolu 15(3) ta' Deċiżjoni 2008/839/ĠAI kellu jkun preżenti fit-test tal-abbozz ta' riformulazzjoni u ried jiġi identifikat permezz tas-sinjal li jikkonsisti f'linja ta' qtugħ doppja u tipa ta' kulur griż li ġeneralment tintuża sabiex jiġu mmarkati bidliet sostanzjali li jinvolvu tħassir ta' testi eżistenti.
6) Fl-Anness I, l-indikazzjoni "Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 541/2010" għandha tiġi kkoreġuta u ssir "Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 541/2010", u l-indikazzjoni "Deċiżjoni tal-Kunsill 542/2010/ĠAI" għandha tiġi kkoreġuta u ssir "Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 542/2010".
Għaldaqstant, l-eżami tal-proposta ippermetta lill-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv li jikkonkludi, bi qbil komuni, li l-proposta ma tinkludi l-ebda emenda sostanzjali ħlief dawk identifikati bħala tali. Il-Grupp ta' Ħidma kkonkluda wkoll, fir-rigward tal-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-att iżjed bikri ma' dawk l-emendi sostantivi, li l-proposta tinkludi fiha kodifikazzjoni ċara tat-test ġuridiku eżistenti, mingħajr ebda tibdil fis-sostanza tiegħu.
C. PENNERA H. LEGAL L. ROMERO REQUENA
Ġurikonsult Ġurikonsult Direttur Ġenerali
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Taqsima | Draft Council regulation on migration from the Schengen Information System (SIS 1+) to the second generation Schengen Information System (SIS II) (recast)
|
Referenzi | 11142/1/2012 – C7-0330/2012 – 2012/0033A(NLE) |
Committee Responsible Date announced in Plenary | LIBE |
Rapporteur għal opinjoni Data tal-ħatra | Carlos Coelho 16.5.2012 |
Simplified Procedure - date of decision | 11.10.2012 |
Data tal-adozzjoni | 5.11.2012 |