Sessjoni Plenarja
16.11.2012
***I
RAPPORT
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-programm ta' tikkettar tal-effiċjenza tal-enerġija għat-tagħmir fl-uffiċini li jemenda r-Regolament (KE) Nru 106/2008 dwar programm Komunitarju ta' tikkettar tal-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir tal-uffiċċju
( COM(2012)0109 – C7‑0077/2012 – 2012/0049(COD) )
Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
Relatur: Béla Kovács
PR_COD_1amCom
Tifsira tas-simboli użati |
* Proċedura ta’ konsultazzjoni *** Proċedura ta’ approvazzjoni ***I Proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-ewwel qari) ***II Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tieni qari) (III) Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tielet qari)
(It-tip ta’ proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta’ att.)
|
Emendi għal abbozz ta’ att |
Fl-emendi li jsiru mill-Parlament, it-test emendat huwa indikat b’tipa grassa u korsiva. Test korsiv normali huwa indikazzjoni għas-servizzi tekniċi li turi partijiet tal-abbozz ta’ att li għalihom qed tkun proposta korrezzjoni bl-iskop li tgħin fil-preparazzjoni tat-test finali (pereżempju, żbalji ovvji jew nuqqasijiet f'verżjoni lingwistika partikolari). Il-korrezzjonijiet proposti huma soġġetti għall-qbil tas-servizzi tekniċi involuti.
L-intestatura ta’ kwalunkwe emenda għal att eżistenti, li l-abbozz ta’ att ikollu l-ħsieb li jemenda, ikun fiha t-tielet u r-raba’ linji li jidentifikaw rispettivament l-att eżistenti u d-dispożizzjoni kkonċernata f’dak l-att. Il-partijiet li jittieħdu kif inhuma minn dispożizzjoni eżistenti li l-Parlament jixtieq jemenda, imma li l-abbozz ta’ att ma jkunx emenda, huma indikati b’tipa grassa. It-tħassir eventwali li jikkonċerna dawn il-partijiet jiġi indikat kif ġej: [...].
|
WERREJ
Paġna
ABBOZZ TA’ RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW 5
Il-PROĊEDURA 20
ABBOZZ TA’ RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-programm ta' tikkettar tal-effiċjenza tal-enerġija għat-tagħmir fl-uffiċini li jemenda r-Regolament (KE) Nru 106/2008 dwar programm Komunitarju ta' tikkettar tal-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir tal-uffiċċju
( COM(2012)0109 – C7‑0077/2012 – 2012/0049(COD) )
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill ( COM(2012)0109 ),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 194(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0077/2012),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-25 ta’ April 2012[1],
– wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill fl-ittra tal-26 ta' Ottubru 2012 biex japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regola 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija ( A7-0382/2012 ),
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari kif tinstab hawnhekk;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid
3. Jagħti lill-President tiegħu struzzjonijiet biex jibgħat il-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-parlamenti nazzjonali.
EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW[2]*
għall-proposta tal-Kummissjoni
---------------------------------------------------------
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
(UE) Nru .../2012
ta'
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 106/2008 dwar programm Komunitarju ta' tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir tal-uffiċċju
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[3]1, ,
Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwat li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja[4]2,
Billi:
(1) Ir-Regolament (KE) Nru 106/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[5] jimplimenta l-Programm Energy Star fl-Unjoni abbażi ta' Ftehim bejn il-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea dwar il-koordinazzjoni ta programmi ta’ tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir tal-uffiċċju[6]. Dak il-Ftehim skada fit-28 ta’ Diċembru 2011 u l-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim ġdid ta' ħames snin mal-Istati Uniti. In-negozjati rigward il-ftehim il-ġdid bejn il-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-koordinazzjoni ta programmi ta’ tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir tal-uffiċċju[7]+ ("il-Ftehim") ġew konklużi fid-29 ta' Novembru 2011. Għalhekk, għandha tiddaħħal referenza għall-Ftehim.
(2) Jeħtieġ ukoll li jiġu aġġornati r-referenzi għal skemi tal-Unjoni ta' tikkettar jew ta' ċertifikazzjoni tal-kwalità stabbiliti mid-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija[8], mid-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta' tikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija[9] u mir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta' Ekotikketta tal-UE[10].
(3) Huwa wkoll opportun li jiġi emendat l-isem tal-Bord tal-Energy Star.(4) ▌ Għandu jittieħed kont tal-Artikolu VI tal-Ftehim li jipprevedi żewġ skemi separati għaċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti (awtoċertifikazzjoni għal prodotti mqiegħda fis-suq tal-Unjoni u ċertifikazzjoni ta’ parti terza għal prodotti mqiegħda fis-suq tal-Istati Uniti).
(5) Ir-rabta mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2012/ ... /UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza enerġetika ▌[11] għandha tkun iċċarata ▌.
(6) Għandhom jiġu ċċarati l-obbligi rispettivi tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni għall-infurzar tal-Programm tal-Energy Star ▌.
(7) Il-valutazzjoni tal-Programm tal-Energy Star għandha tinkludi konsiderazzjoni ta’ għażliet alternattivi ta' politika u tipprevedi żmien biżżejjed għal deċiżjoni infurmata dwar tiġdid possibbli tal-Ftehim.
(8) Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 106/2008 għandu jiġi emendat kif meħtieġ,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 106/2008 huwa b'dan emendat kif ġej:
(-1) it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:
"Regolament (KE) Nru 106/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar programm tal-Unjoni ta' tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir tal-uffiċċju";
(-1a) L-Artikolu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:
"Artikolu 1
Għan
Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-programm tal-Unjoni ta' tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika għat-tagħmir tal-uffiċċju (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-Programm Energy Star) kif definit fil-Ftehim bejn il-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar il-koordinazzjoni ta' programmi ta' tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetikagħal tagħmir tal-uffiċċju*ta' ...[12]+ (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim") .
__________________
* ĠU L …[13]++";
(1) L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:
(a) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
"1. Il-Programm Energy Star għandu jikkontribwixxi biex jissodisfa l-miri fl-effiċjenza enerġetika tal-Istati Membri u tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikoli 1 u 3 tad-Direttiva 2012/27 /UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza enerġetika*. Huwa għandu jkun ikkoordinat, kif meħtieġ, ma' arranġamenti oħra tal-Unjoni ▌dwar l-ittikkettar jew iċ-ċertifikazzjoni ta' kwalità kif ukoll ma' skemi bħal, b'mod partikolari, l-iskema tal-Unjoni tal-għoti ta' Ekotikketta, stabbilita bir-Regolament (KEE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE**, l-indikazzjoni permezz ta' ttikkettar u ta' informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u ta' riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija, stabbilita bid-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*** u miżuri li jimplimentaw id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija****. Dik il-koordinazzjoni għandha tinkludi l-iskambju ta’ evidenza u, skont kif ikun xieraq, l-istabbiliment ta’ livelli komuni ta’ speċifikazzjonijiet u rekwiżiti fl-iskemi differenti.
__________________
* ĠU L …[14]+
** ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.
*** ĠU L 153, 18.6.2010, p. 1.
**** ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.";
(b) il-paragrafi 4 u 5 huma sostitwiti b'dan li ġej:
"4. Skemi volontarji oħrajn eżistenti u ġodda ta' tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika għal prodotti tat-tagħmir tal-uffiċċju fl-Istati Membri jistgħu jeżistu flimkien mal-programm Energy Star.
▌
5. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regola tal-Unjoni ▌dwar il-valutazzjoni tal-konformità u l-immarkar tal-konformità u/jew għal kwalunkwe ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Unjoni ▌u pajjiżi terzi rigward aċċess għas-suq tal-Unjoni ▌, prodotti koperti minn dan ir-Regolament li jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni ▌ jistgħu jiġu ttestjati mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri sabiex jivverifikaw il-konformità tagħhom mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.";
(2) L-Artikolu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:
"Artikolu 6
Promozzjoni ta' kriterji ta' effiċjenza enerġetika
1. Għat-tul ta' żmien tal-validità tal-Ftehim, l-awtoritajiet tal-gvern ċentrali fis-sens tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi*, għandhom, mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni u għal-liġijiet nazzjonali, u għall-kriterji ekonomiċi, jispeċifikaw ir-rekwiżiti ta' effiċjenza enerġetika mhux inqas eżiġenti mill-Ispeċifikazzjonijiet Komuni għal kuntratti ta' provvista pubblika ta' valur ugwali għal, jew li jeċċedi, il-limiti massimi stipulati fl-Artikolu 7 ta' dik id-Direttiva. L-awtoritajiet kontraenti fil-livell reġjonali u lokali għandhom jitħeġġu mill-Istati Membri biex jużaw dawk ir-rekwiżiti. Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/27/UE u fil-punt (c) tal-Anness III għal dik id-Direttiva.
2. Għat-tul ta' żmien tal-validità tal-Ftehim, il-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni għandhom, mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni u l-liġijiet nazzjonali u l-kriterji eknomiċi, jispeċifikaw ir-rekwiżiti ta' effiċjenza enerġetika mhux inqas eżiġenti mill-Ispeċifikazzjonijiet Komuni għall-kuntratti ta’ provvista pubblika ta’ valur ugwali għal, jew li jeċċedi, il-limiti massimi stipulati fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/18/KE.
___________________
* ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.";
(3) L-Artikolu 7 huwa mħassar;
(4) L-Artikolu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:
"Artikolu 8
Bord tal-Energy Star tal-Unjoni Ewropea
1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Bord tal-Energy Star tal-Unjoni Ewropea (BESUE) li jkun magħmul minn rappreżentanti nazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 9 u minn rappreżentanti tal-partijiet interessati. Il-BESUE għandu jirrivedi l-implimentazzjoni tal-programm tal-Energy Star fi ħdan l-Unjoni u għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b'konsulenza u assistenza, kif xieraq, biex jippermettilha twettaq il-funzjoni tagħha bħala Entità Amministrattiva, kif imsemmi fl-Artikolu IV tal-Ftehim.
2. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, safejn possibbli fit-tmexxija tal-attivitajiet tagħha, il-BESUE josserva, fir-rigward ta' kull grupp ta' prodotti ta' tagħmir għall-uffiċċju, il-parteċipazzjoni bilanċjata tal-partijiet interessati rilevanti kollha kkonċernati minn dak il-grupp ta' prodotti bħal manifatturi, bejjiegħa bl-imnut, importaturi, gruppi ta' protezzjoni tal-ambjent u organizzazzjonijiet tal-konsumatur.
3. Il-Kummissjoni, assistita mill-BESUE, għandha twettaq monitoraġġ tal-penetrazzjoni fis-suq ta' prodotti li jkollhom il-Logo Komuni u l-iżvilupp tal-effiċjenza enerġetika ta' tagħmir tal-uffiċċji bil-għan li ssir reviżjoni f'waqtha tal-Ispeċifikazzjonijiet Komuni.
4. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tal-BESUE, b'kont meħud tal-fehmiet tar-rappreżentanti nazzjonali fil-BESUE. ";
(4a) fl-Artikolu 10, il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:
"(a) l-objettivi għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika, b'kont meħud tal-ħtieġa li jkun segwit standard għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur u tal-ambjent u tal-penetrazzjoni fis-suq li l-programm Energy Star għandu jfittex li jikseb fil-livell tal-Unjoni;";
(5) L-Artikolu 11 huwa sostitwit b'dan li ġej:
"Artikolu 11
Proċeduri preparatorji għar-reviżjoni ta' kriterji tekniċi
1. Sabiex issir it-tħejjija għar-reviżjoni tal-Ispeċifikazzjonijet Komuni u tal-gruppi ta' prodotti tat-tagħmir tal-uffiċċju koperti mill-Anness C għall-Ftehim, u qabel ma jiġi preżentat abbozz ta' proposta jew tingħata tweġiba lill-USEPA skont il-proċeduri stabbiliti fil-Ftehim u fid-Deċiżjoni tal-Kunsill … ta’ …[15]+ dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-koordinazzjoni ta' programmi tat-tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetikagħat-tagħmir tal-uffiċċji*, għandhom jittieħdu l-passi stipulati fil-paragrafi 2 sa 5.
2. Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-BESUE biex iħejji proposta għar-reviżjoni tal-Ftehim jew tal-Ispeċifikazzjonjiet Komuni għal prodott. Il-Kummissjoni tista’ tressaq proposta quddiem il-BESUE għar-reviżjoni tal-Ispeċifikazzjonjiet Komuni għal prodott jew il-Ftehim. Il-BESUE jista' ukoll iressaq proposta lill-Kummissjoni fuq inizjattiva tiegħu stess.
3. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-BESUE kull meta tirċievi proposta għal reviżjoni tal-Ftehim mill-USEPA.
4. Meta l-membri tal-BESUE jagħtu l-opinjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni, huma għandhom iqisu r-riżultati tal-istudji ta' fattibbiltà u tas-suq, u l-aħjar teknoloġija disponibbli għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija.
5. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra partikolarment l-għan li tistabbilixxi Speċifikazzjonijiet Komuni f'livell ambizzjuż, kif previst fl-Artikolu I, paragrafu 3, tal-Ftehim, bl-għan li jitnaqqas il-konsum tal-enerġija u għandha tqis debitament it-teknoloġija disponibbli u l-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja relatati. B'mod partikolari, qabel ma tagħti l-opinjonijiet tagħha dwar kwalunkwe Speċifikazzjoni Komuni ġdida, il-BESUE għandu jqis l-aħħar riżultati tal-istudji tal-ekodisinn.
_______________
* ĠU L …[16]+";
(6) L-Artikolu 12(3) huwa sostitwit b’dan li ġej:
" ▌
3. Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-użu korrett tal-Logo Komuni billi tieħu jew tikkoordina l-azzjoni deskritta fl-Artikolu IX, il-paragrafi 2, 3 u 4, tal-Ftehim. L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni adegwata, partikolarment kif deskritta fl-Artikolu IX, il-paragrafu 5, tal-Ftehim biex jiżguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament fit-territorju tagħhom u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni. L-Istati Membri jistgħu jirriferu prova ta' nonkonformità minn parteċipanti fil-programm lill-Kummissjoni għal azzjoni inizjali.";
(6a) L-Artikolu 13 huwa sostitwit b'dan li ġej:
"Artikolu 13
Rieżami u reviżjoni
Qabel mal-Partijiet għall-Ftehim jiddiskutu t-tiġdid tiegħu skont l-Artikolu XIV, paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk il-programm Energy Star jippermettix effettivament li tiżdied l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir tal-uffiċċju, li jinħolqu impjiegi ġodda u jkunu offerti opportunitajiet tas-suq għall-manifatturi, u tanalizza għażliet alternattivi ta’ politika bħal dawk ipprovduti mil-leġislazzjoni tal-Unjoni, partikolarment id-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE. Ir-riżultati ta’ tali evalwazzjoni u valutazzjoni għandhom jiġu rrappurtati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mill-anqas sentejn qabel l-iskadenza tal-Ftehim.";
(7) L-Artikolu 14 huwa mħassar.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President
________________________
Il-PROĊEDURA
Titolu | EU Energy-efficiency labelling programme for office equipment amending Regulation (EC) No 106/2008 | |||
Referenzi | COM(2012)0109 – C7-0077/2012 – 2012/0049(COD) | |||
Data meta ġiet ippreżentata lill-PE | 15.3.2012 |
|
|
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja | ITRE 29.3.2012 |
|
|
|
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja | ENVI 29.3.2012 |
|
|
|
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija Data tad-deċiżjoni | ENVI 26.4.2012 |
|
|
|
Rapporteur Data tal-ħatra | Béla Kovács 14.5.2012 |
|
|
|
Eżami fil-kumitat | 11.7.2012 |
|
|
|
Data tal-adozzjoni | 5.11.2012 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 39 1 1 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Gabriele Albertini, Josefa Andrés Barea, Jean-Pierre Audy, Ivo Belet, Jan Březina, Giles Chichester, Jürgen Creutzmann, Pilar del Castillo Vera, Vicky Ford, Adam Gierek, Fiona Hall, Jacky Hénin, Kent Johansson, Romana Jordan, Krišjānis Kariņš, Béla Kovács, Angelika Niebler, Jaroslav Paška, Aldo Patriciello, Vittorio Prodi, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Michèle Rivasi, Amalia Sartori, Salvador Sedó i Alabart, Francisco Sosa Wagner, Britta Thomsen, Evžen Tošenovský, Claude Turmes, Adina-Ioana Vălean | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Yves Cochet, Ioan Enciu, Roger Helmer, Jolanta Emilia Hibner, Gunnar Hökmark, Yannick Jadot, Werner Langen, Zofija Mazej Kukovič, Silvia-Adriana Ţicău | |||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali | Phil Bennion, Christian Engström | |||
Data tat-tressiq | 20.11.2012 | |||