Dokument ta' sessjoni
Par1
10.12.2012
RAPPORT
dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013 – it-Taqsimiet Kollha
(17195/2012 – C7‑0399/2012 – 2012/2307(BUD) )
Parti 1: Mozzjoni għal riżoluzzjoni
Kumitat għall-Baġits
Rapporteurs: Giovanni La Via (Taqsima III – il-Kummissjoni)
Derek Vaughan (it-tqsimiet l-oħra)
PR_BUD_1all
WERREJ
Paġna
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW...................................3
ANNESS.....................................................................................................................................6
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT.........................................................9
Ippubblikati separatament
–...Deċiżjonijiet meħuda mill-Kumitat għall-Baġits matul il-laqgħat tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2012 dwar l-abbozz tal-emendi għall-baġit ġenerali |
| Parti 2 – A7-0410/2012 |
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013 – it-Taqsimiet Kollha (17195/2012 – C7‑0399/2012 – 2012/2307(BUD) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej[1],
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[2],
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba[3],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill EUCO 76/12 tat-28 u d-29 ta' Ġunju 2012 dwar il-Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, maqbul mill-Istati Membri,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2012 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2013 - Taqsima III – Il-Kummissjoni[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-29 ta' Marzu 2012 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2013[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2012 dwar il-mandat għat-trilogu dwar l-Abbozz ta' Baġit 2013[6],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2012 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill għall-Abbozz ta' Baġit 2013[7],
– wara li kkunsidra l-fatt li l-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ma laħaqx qbil dwar test konġunt fi żmien il-wieħed u għoxrin ġurnata msemmija fl-Artikolu 314(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Abbozz ta’ Baġit Ġenerali l-ġdid tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, adottat mill-Kummissjoni fit-23 ta' Novembru 2012 ( COM(2012)0716 ),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-trilogu baġitarju tas-29 ta' Novembru 2012,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-Abbozz ta’ Baġit Ġenerali l-ġdid tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, adottata mill-Kunsill fis-6 ta’ Diċembru 2012 u mgħoddija lill-Parlament dakinhar stess (17195/2012 – C7‑0399/2012),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 75b tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits ( A7-0410/2012 ),
1. Ifakkar li "l-abbozz ta’ pakkett" maqbul, wara negozjati diffiċli, mill-Parlament u l-Kunsill matul it-Trilogu tad-29 ta’ Novembru 2012 jikkonsisti fi tliet elementi: il-Baġit Emendatorju Nru 6/2012 ta’ EUR 6 biljun, li parzjalment ikopri n-nuqqas ta’ pagamenti sal-31 ta' Ottubru 2012, il-Baġit tal-Unjoni għas-sena 2013 stabbilit għal livell ta’ EUR 150 898,391 miljun u EUR 132 836,988 miljun, f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u f’approprjazzjonijiet ta’ pagament rispettivament, kif ukoll tliet dikjarazzjonijet konġunti li jiżguraw li l-ħtiġijiet attwali ta’ pagament fl-2012 u l-2013 se jkunu koperti b'mod adegwat;
2. Jilqa’ l-livell kumplessiv maqbul ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament, li jirrappreżenta żieda ta’ EUR 1,1 biljun meta mqabbel mal-qari oriġinali tal-Kunsill; huwa kuntent li l-ikbar parti tal-prijoritajiet politiċi tiegħu huma żgurati fil-baġit tas-sena d-dieħla, b’enfasi partikolari fuq l-implimentazzjoni xierqa tal-impenn tal-UE għat-tkabbir u l-impjiegi, kif identifikat mill-Istrateġija Ewropa 2020;
3. Jieħu nota li l-livell kumplessiv ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament għall-2013 jonqos bi 2,15 % meta mqabbel mal-Baġit 2012 wara l-adozzjoni ta’ EUR 6 biljun fil-Baġit emendatorju 6/2012;
4. Jieħu nota li, minħabba l-pożizzjoni intransiġenti tal-Kunsill fin-negozjati, il-livell kumplessiv ta’ pagamenti stabbilit huwa EUR 5 biljun inqas mill-estimi tal-Kummissjoni rigward il-ħtiġijiet ta' pagamenti fl-Abbozz ta' Baġit tagħha għall-2013; huwa mħasseb li dan il-livell ta’ approprjazzjonijiet mhux se jkun biżżejjed biex ikorpi l-pagamenti li realment huma meħtieġa għas-sena d-dieħla u biex jiġi implimentat bil-ħeffa "l-patt għat-tkabbir u l-impjiegi" maqbul mill-Kunsill Ewropew f'Ġunju 2012; huwa konvint, madankollu, li nuqqas ta' qbil jimplika konsegwenzi wisq aktar serji u impatt ħafna aktar negattiv għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet u l-programmi tal-Unjoni; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi rapporti ta' kull xahar lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-evoluzzjoni tat-talbiet għal pagament mill-Istati Membri (imqassma skont l-Istat Membru u skont il-fond) fir-rigward tal-fondi strutturali, il-fond ta' koeżjoni, il-fondi għall-iżvilupp rurali u għas-sajd mill-31 ta' Ottubru 2012 'il quddiem; jitlob li jitwaqqaf grupp ta' ħidma interistituzzjonali dwar il-pagamenti, fejn iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja għandhom jippreżentaw konklużjonijiet konġunti dwar kif wieħed għandu jipproċedi;
5. Jagħti, għaldaqstant, l-ogħla importanza politika għad-dikjarazzjonijiet konġunti maqbula bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni; se jissorvelja fil-livelli kollha u bil-mezzi kollha possibbli li dawn id-dikjarazzjonijiet jiġu rrispettati u li r-riżorsi addizzjonali meħtieġa jiġu pprovduti mill-Istati Membri s-sena d-dieħla sabiex l-Unjoni tkun tista’ tħallas il-kontijiet u tippreserva l-kredibilità u s-solvenza istituzzjonali tagħha;
6. Jagħti l-vot favorevoli tiegħu dwar il-Baġit 2013 għall-ksib ta' garanziji speċifiċi fl-ogħla livell politiku tat-tliet istituzzjonijiet dwar il-finanzjament ta’ EUR 2,9 biljun f’pagamenti li kienu nieqsa għall-2012, u li bl-ebda mod ma jimplika tnaqqis ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament għall-2013;
7. Jerġa’ jsostni li l-uniku mod kif tinstab soluzzjoni għal dan l-impass, li jwassal biex kull sena n-negozjati baġitarji jsiru aktar diffiċli, hu li l-kwistjoni tal-finanzjament tal-Unjoni tissolva b’urġenza u b’mod responsabbli, permezz ta’ sistema ġenwina ta' riżorsi proprji li għandha tidħol fis-seħħ mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, u li tneħħi darba għal dejjem id-diviżjoni tal-UE bejn kontributuri netti u benefiċjarji netti;
8. Jerġa' jafferma l-fehma tiegħu li, sadattant, il-Kummissjoni għandha tesplora l-possibilità li, fi spirtu ta' solidarjetà u konsistenza, teskludi, mill-kalkolu tad-defiċit strutturali kif definit fit-'two pack' u fit-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-kontribuzzjonijiet gross tal-Istati Membri għall-Baġit tal-Unjoni ibbażati fuq l-introjtu nazzjonali gross (ING);
9. Japprova mingħajr emenda l-Abbozz ta' Baġit il-ġdid għall-2013 kif modifikat mill-Kunsill;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet u lill-korpi l-oħra kkonċernati kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
ANNESS
Dikjarazzjonijiet Konġunti tat-tliet istituzzjonijiet maqbula fil-kuntest tan-negozjati dwar il-baġit 2013
l-10 ta’ Diċembru 2012
Il-President tal-Parlament Ewropew, il-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-President tal-Kummissjoni Ewropea jiddikjaraw li t-tliet dikjarazzjonijiet konġunti hawn isfel inqablu mit-tliet istituzzjonijiet fil-qafas tal-adozzjoni tal-Baġit 2013:
Dikjarazzjoni konġunta dwar l-approprjazzjonijiet ta’ pagament għall-2013
B’kunsiderazzjoni tal-isforzi li qed isiru fl-Istati Membri għall-konsolidament fiskali, il-l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, filwaqt li jieħdu nota tal-livell ta’ pagamenti propost mill-Kummissjoni għall-2013, jaqblu fuq tnaqqis tal-livell ta’ approprjazzjonijiet ta' pagament għall-2013 meta mqabbel mal-Abbozz ta’ Baġit tal-Kummissjoni. Jitolbu li l-Kummissjoni tagħti bidu għal kwalunkwe azzjoni meħtieġa skont it-Trattat, u b’mod partikolari, titlob approprjazzjonijiet ta’ pagament addizzjonali f’baġit emendatorju jekk jirriżulta li l-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit 2013 ma jkunux suffiċjenti biex ikopru l-infq taħt is-subintestatura 1a (Kompetittività għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi), is-subintestatura 1b (Koeżjoni għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi), l-intestatura 2 (Preservazzjoni u ġestjoni tar-riżorsi naturali), l-intestatura 3 (Ċittadinanza, libertà, sigurtà u ġustizzja) u l-intestatura 4 (L-UE bħala attur globali).
Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iħeġġu lill-Kummissjoni biex, sa mhux aktar tard minn nofs Ottubru 2013, tippreżenta l-aħħar ċifri aġġornati rigward is-sitwazzjoni attwali u l-estimi rigward l-approprjazzjonijiet ta’ pagament taħt is-subintestatura 1b (Koeżjoni għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi) u l-iżvilupp rurali taħt l-intestatura 2 (Preservazzjoni u ġestjoni tar-riżorsi naturali) u, jekk ikun meħtieġ, tippreżenta abbozz ta' baġit emendatorju. Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew huma konxji li abbozz ta' baġit emendatorju jista' possibbilment ikun meħtieġ sa minn nofs l-2013. Bil-għan li jiffaċilitaw id-deċiżjoni dwar il-livell ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament fil-kuntest tal-proċedura baġitarja annwali, it-tliet istituzzjonijiet jaqblu li jesploraw kif jistgħu, b’ġestjoni konġunta, itejbu l-kongruwenza bejn l-estimi tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament u l-ħtiġijiet korrispondenti.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill se jieħdu pożizzjoni dwar kwalunkwe abbozz ta' baġit emendatorju malajr kemm jista’ jkun bil-għan li jiġi evitat kull nuqqas fl-approprjazzjonijiet ta’ pagament. Barra minn hekk, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jimpenjaw ruħhom li jipproċessaw malajr kull trasferiment possibbli ta' approprjazzjonijiet ta’ pagament, inkluż bejn intestaturi tal-qafas finanzjarju, sabiex isir l-aħjar użu possibbli ta' approprjazzjonijiet ta’ pagament imdaħħla fil-baġit u jallinjawhom mal-implimentazzjoni u l-ħtiġijiet attwali.
Bi qbil mal-punt 18 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ifakkru fil-ħtieġa li tkun żgurata, fid-dawl tal-implimentazzjoni, progressjoni ordnata tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kollha f’relazzjoni mal-approprjazzjonijiet ta' impenn, biex nevitaw kwalunkwe evoluzzjoni mhux normali ta’ impenji pendenti(“RAL”).
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni se jissorveljaw attivament l-istat tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-2013 matul is-sena, b’attenzjoni fuq l-implimentazzjoni tal-pagamenti, it-talbiet għar-rifużjonijiet riċevuti u l-previżjonijiet riveduti, abbażi tal-informazzjoni dettaljata mogħtija mill-Kummissjoni.
F’kull każ, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni jfakkru fir-responsabbiltà konġunta tagħhom, kif stabbilita mill-Artikolu 232 tat-TFUE, li “l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jassiguraw li jkun hemm disponibbli l-mezzi finanzjarji sabiex jippermettu li l-Unjoni tissodisfa l-obbligi legali tagħha fir-rigward ta' partijiet terzi”.
Dikjarazzjoni konġunta dwar il-ħtiġijiet ta’ pagament għall-2012
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jinnotaw li l-livell ta’ pagamenti propost mill-Kummissjoni fl-abbozz ta’ baġit tagħha għall-2013 kien imsejjes fuq il-preżunzjoni li l-ħtiġijiet ta’ pagament fl-2012 jkunu ġew indirizzati b’approprjazzjonijiet disponibbli fil-baġit tal-2012. Madankollu, l-approporjazzjonijiet ta’ pagament addizzjonali awtorizzati fil-Baġit Emendatorju 6/2012 tbaxxew b’EUR 2,9 biljun fil-konfront tal-ammont propost mill-Kummissjoni, u mhumiex fil-livell tat-talbiet ta’ pagament kollha riċevuti.
Għaldaqstant, il-Kummissjoni timpenja ruħha li tippreżenta, fi stadju bikri tal-2013, abbozz ta’ baġit emendatorju ddedikat għall-fini uniku li jkopri t-talbiet sospiżi tal-2012 malli jitneħħew is-sospensjonijiet, kif ukoll l-obligazzjonijiet legali pendenti l-oħra bla preġudizzju għall-implimentazzjoni tajba tal-baġit tal-2013.
Bil-għan li jiżguraw baġitjar tajjeb u akkurat, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew se jieħdu pożizzjoni fuq dan il-baġit emendatorju mill-aktar fis possibbli biex ikopru kwalunkwe lakuna pendenti.
Dikjarazzjoni konġunta dwar l-Intestatura 5 u l-aġġustament tas-salarji u l-pensjonijiet
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaqblu li, f’dan l-istadju, ma jinkludux fil-Baġit 2013 l-impatt baġitarju tal-aġġustament tas-salarji tal-2011. Bla preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Kunsill fil-kawżi c-66/12, c-63/12, c-196/12 u c-453/12, jagħmlu talba konġunta lill-Kummisjsoni li din, jekk u malli l-Qorti tiddeċiedi favur il-Kummissjoni, tressaq abbozz ta’ baġit emendatorju ddedikat għall-finanzjament, skont ma jkun meħtieġ, tal-impatt tal-aġġustament tal-2011 għall-istituzzjonijiet, inkluż dak tal-effett retroattiv fuq snin preċedenti u l-interessi ritardati possibbli.
Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew b’hekk jikkommettu ruħhom li japprovaw tali baġit emendatorju mill-aktar fis possibbli u li jipprovdu l-approporjazzjonijiet addizzjonali meħtieġa bla ma jipperikolaw il-prijoritajiet politiċi.
I-dikjarazzjonijiet ta’ hawn fuq huma maqbula soġġetti għall-approvazzjoni mill-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 314(4)(a), tal-pożizzjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Diċembru dwar il-Baġit tal-2013.
President tal-Parlament President tal-Kunsill President tal-Kummissjoni
Ewropew tal-Unjoni Ewropea Ewropea
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni | 10.12.2012 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 33 5 0 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Marta Andreasen, Francesca Balzani, Zuzana Brzobohatá, Jean Louis Cottigny, Isabelle Durant, Göran Färm, Eider Gardiazábal Rubial, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Jutta Haug, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Anne E. Jensen, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Giovanni La Via, George Lyon, Barbara Matera, Jan Mulder, Juan Andrés Naranjo Escobar, Dominique Riquet, Alda Sousa, László Surján, Derek Vaughan, Angelika Werthmann | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Burkhard Balz, Maria Da Graça Carvalho, Frédéric Daerden, Derk Jan Eppink, Gerben-Jan Gerbrandy, Edit Herczog, Jürgen Klute, Erminia Mazzoni, Georgios Papastamkos, Georgios Stavrakakis, Nils Torvalds | |||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali | Jean-Pierre Audy, Sergio Berlato | |||