Dokument ta' sessjoni
11.12.2012
RAPPORT
dwar l-ottimizzazzjoni tar-rwol tal-iżvilupp territorjali fil-politika ta' koeżjoni
( 2011/2312(INI) )
Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
Rapporteur: Derek Vaughan
PR_INI
WERREJ
Paġna
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW...................................3
NOTA SPJEGATTIVA.............................................................................................................12
OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali.......................15
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT......................................................20
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-ottimizzazzjoni tar-rwol tal-iżvilupp territorjali fil-politika ta' koeżjoni
( 2011/2312(INI) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-titolu XVIII tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi regoli ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1260/1999[1],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/702/KE tas-6 ta' Ottubru 2006 dwar il-linji ta' gwida strateġiċi dwar il-koeżjoni[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2011 dwar il-Ħames Rapport ta’ Koeżjoni tal-Kummissjoni u l-istrateġija għall-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2013[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ġunju 2011 dwar is-sitwazzjoni attwali u sinerġiji futuri għal effikaċja akbar bejn il-FEŻR u Fondi Strutturali oħra[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar "Ninvestu fil-ġejjieni: Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) ġdid għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklużiva"[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ġunju 2011 dwar l-Aġenda Urbana Ewropea u l-futur tagħha fil-politika ta’ koeżjoni[6],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2011 dwar l-għan 3: sfida għall-kooperazzjoni territorjali – l-aġenda futura tal-kooperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali[7],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-politika ta’ koeżjoni u dik reġjonali tal-UE wara l-2013[8],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar il-kontribut tal-Politika ta' Koeżjoni għall-kisba tal-objettivi ta' Lisbona u tal-istrateġija UE2020[9],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar l-implimentazzjoni tas-sinerġiji tal-fondi assenjati għar-riċerka u l-innovazzjoni fir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u s-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp fil-bliet u r-reġjuni kif ukoll fl-Istati Membri u fl-Unjoni[10],
– wara li kkunsidra l-istudju ppubblikat mill-Parlament Ewropew bl-isem ‘Il-politika ta’ koeżjoni wara l-2013: valutazzjoni kritika tal-proposti leġiżlattivi’,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza Pollakka tal-24-25 ta’ Novembru 2011 dwar id-dimensjoni territorjali tal-politiki tal-UE u l-Politika ta’ Koeżjoni futura[11],
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2011 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 ( COM(2011)0615 ),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2011 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, u l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi’, u jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 ( COM(2011)0614 ),
– wara li kkunsidra l-ħames rapport tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 bit-titolu "Il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika tal-koeżjoni" ( COM(2010)0642 ),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ottubru 2010 bit-titolu "Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE" ( COM(2010)0700 ) u l-annessi tekniċi tiegħu ( SEC(2010)7000 ),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 bit-titolu ‘Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020’ ( COM(2010)0553 ),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Marzu 2010 bl-isem ‘Il-politika ta’ koeżjoni: Rapport Strateġiku 2010 dwar l-implementazzjoni tal-programmi 2007-2013’ ( COM(2010)0110 ),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Marzu 2010 bl-isem ‘Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ ( COM(2010)2020 ),
– wara li kkunsidra r-rapport 'An agenda for a reformed cohesion policy – A place-based approach to meeting European Union challenges and expectations', rapport indipendenti mħejji fuq talba ta' Danuta Hübner, Kummissarju għall-Politika Reġjonali, minn Fabrizio Barca, April 2009,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali ( A7-0421/2012 ),
A. billi l-politika ta’ koeżjoni għandha l-miri li tnaqqas id-differenzi bejn ir-reġjuni tal-UE billi ssaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u billi kienet effikaċi fil-promozzjoni tal-integrazzjoni Ewropea permezz tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku;
B. billi r-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni (CPR) jippreskrivi r-regoli komuni applikabbli għall-ħames programmi Ewropej ta’ finanzjament (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS) li huma maħsuba għall-implimentazzjoni tal-politiki ta’ koeżjoni, rurali u tas-sajd;
C. billi l-Qafas Strateġiku Komuni jħares lejn il-mekkaniżmi għall-ħolqien ta’ aktar koordinament bejn il-fondi koperti mis-CPR (il-FEŻR, il-FSE, il-Fond ta' Koeżjoni, il-FAEŻR u l-FEMS) u lejn l-integrazzjoni aħjar tal-fondi koperti mis-CPR ma’ oqsma oħrajn ta’ politika tal-UE;
D. billi d-dimensjoni territorjali hija aspett li tolqot lil kulħadd tal-politika ta’ koeżjoni u li tagħti lir-reġjuni Eworpej l-opportunità li jagħmlu użu mill-potenzjal territorjali individwali ħalli jaħdmu lejn il-kisba tal-objettivi tal-politika ta’ koeżjoni;
E. billi l-koeżjoni territorjali issa hija rikonoxxuta mit-Trattat ta’ Lisbona bħala objettiv fundamentali tal-UE;
Tħassib ġenerali: it-tisħiħ tal-objettiv territorjali
1. Jirrikonoxxi sistema ta’ governanza multi-livell simplifikata bħala integrali għall-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet skont il-politika ta’ koeżjoni, bil-ħtieġa ta' kollaborazzjoni f’kull stadju ta’ livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali fl-ippjanar, l-iżvilupp u l-eżekuzzjoni tal-programmi Ewropej ta’ finanzjament; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li dan ikun rifless fl-iżvilupp ta’ kuntratti ċari u definiti tajjeb ta’ sħubija;
2. Jenfasizza l-importanza tal-kodiċi ta’ kondotta Ewropew għall-Istati Membri, ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali waqt it-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-programmi ta' finanzjament; jirrikonoxxi li, sabiex tinkiseb din il-kollaborazzjoni, huwa importanti li jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet jitwettqu fl-aktar livell qrib taċ-ċittadini possibbli;
3. Jenfasizza li, minkejja li sar progress sinifikanti lejn il-konverġenza fl-Unjoni Ewropea, id-differenzi bejn ir-reġjuni tal-UE (pereżempju f'termini ta' aċċessibilità) għadhom jeżistu u qed ikomplu jikbru; jenfasizza l-fatt li l-baġit għall-politika ta’ koeżjoni wara l-2013 irid tal-anqas jinżamm fil-livell attwali tiegħu ħalli jiġi żgurat li s-sostenn jibqa’ jasal f’dawk l-inħawi li jeħtieġu reġenerazzjoni ekonomika u soċjali fir-reġjuni kollha tal-UE;
4. Jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni li tiffoka fuq riżultati li jistgħu jitkejlu miksuba mill-politika ta’ koeżjoni ħalli tiżdied is-sostenabilità tal-investimenti u tiġi ggarantita l-effettività tal-programmi ta’ finanzjament; jenfasizza l-ħtieġa li l-fokus fuq sistema mmexxija mir-riżultati jinkludi l-flessibbiltà fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, filwaqt li jitqiesu s-simplifikazzjoni, il-prijoritajiet tal-ipprogrammar u s-sħubija, sabiex is-sistemi mmexxija mir-riżultati jkunu speċifiċi għar-reġjuni;
5. Jaqbel mal-proposti ġenerali tal-Kummissjoni għas-CPR kollu ħalli jitnaqqas il-piż amministrattiv; jenfasizza l-fatt, għalhekk, li r-regoli, il-verifiki u l-eliġibilità jeħtieġ li jkunu ċċarati sa mill-bidu nett u li s-simplifikazzjoni b’suċċess tal-proċeduri amministrattivi tista' tinkiseb permezz ta’ approċċ integrat għall-għoti tal-fondi;
6. Jenfasizza l-importanza, waqt li tkun qiegħda tissawwar u tiġi implimentata l-politika ta’ koeżjoni, li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn il-kontrolli meħtieġa għall-użu tal-fondi, u l-effettività tagħhom;
7. Jisħaq dwar il-ħtieġa li jkun żgurat approċċ flessibbli għall-istabbiliment ta’ objettivi lokali u reġjonali, bil-partijiet interessati f’livell reġjonali involuti fl-istadji kollha ħalli jkun żgurat li l-programmi Ewropej ta’ finanzjament jissodisfaw il-ħtiġijiet sabiex jiġu indirizzati d-differenzi soċjali u ekonomiċi;
8. Jisħaq li l-flessibilità għandha tinkludi wkoll possibilità akbar li l-proġetti joperaw fil-fondi differenti koperti mill-CPR u li din il-flessibilità akbar tgħin fis-simplifikazzjoni tat-twettiq tal-proġetti u żżid il-komplementarjetà u l-aspetti trasversali tal-finanzjament Ewropew;
9. Jenfasizza li l-objettivi tal-koeżjoni territorjali huma marbuta inseparabbli mal-isfidi ekonomiċi u soċjali u jagħraf li l-politika ta' koeżjoni tista' tagħti kontribut siewi għall-kisba tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, b’mod speċjali fl-oqsma tal-impjiegi, tal-edukazzjoni u tat-tnaqqis tal-faqar, billi tiġi introdotta dimensjoni territorjali għall-istrateġija tat-tkabbir tal-Ewropa;
10. Jenfasizza l-fatt li l-użu ta’ programmi oħrajn ta’ finanzjament (eż. Orizzont 2020), possibilment f’allinjament mal-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni, għandu jitqies ukoll meta ssir il-ħidma lejn l-ilħuq tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020;
11. Jirrikonoxxi l-enfasi miżjuda fuq bliet u żoni urbani bħala xprun għal tkabbir ekonomiku;
12. Jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tar-rabtiet urbani-rurali eżistenzi u tal-promozzjoni ta’ oħrajn ġodda; jenfasizza li dan jeħtieġ fokus u kollaborazzjoni b'saħħithom u fuq bosta livelli bejn il-partijiet interessati rurali u dawk urbani, u li għandhom jinħolqu l-kundizzjonijiet ideali permezz tat-trawwim ta' sħubiji u netwerks, sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni rurali fl-attivitajiet integrati ta’ entità ġeografika funzjonali partikolari;
13. Jenfasizza l-bżonn li jinħolqu konnessjonijiet bejn il-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali u strateġiji territorjali b’mod aktar effiċjenti u jenfasizza r-rwol potenzjali tar-Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT) biex dan jinkiseb;
14. Jenfasizza li, minħabba d-daqs, riżorsi u aspetti soċjali u ekonomiċi differenti tal-bliet u taż-żoni urbani tal-UE, id-definizzjoni ta' dawn l-inħawi hija deċiża fil-livell tal-Istati Membri;
15. Jenfasizza li l-koeżjoni territorjali tapplika wkoll għall-koeżjoni fit-territorji, jiġifieri l-garanzija li ż-żona kollha tagħti kontribut ekonomiku u mhux biss il-bliet il-kbar, u jenfasizza li l-potenzjal tal-irħula ż-żgħar u ta’ daqs medju f’żoni rurali li jagħtu kontribut sinifikanti lir-reġjun m’għandux ikun injorat;
16. Jenfasizza li sabiex jiġu indirizzati l-aspetti trasversali tal-koeżjoni territorjali bil-għan li jinkisbu riżultati tanġibbli f’livell reġjonali u li jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal individwali tar-reġjuni, jeħtieġ li jkun hemm Kuntratti ta' Sħubija ddefiniti sewwa; jenfasizza li dan jista' biss jinkiseb bl-involviment tal-atturi fil-livell lokali u reġjonali, sabiex il-partijiet kollha jkunu jistgħu jikkontribwixxu għat-tħejjija u t-twettiq tal-programmi; jenfasizza li dan huwa partikolarment importanti meta jkun hemm il-ħsieb li jiġu megħjuna territorji li jħabbtu wiċċhom ma' sfidi speċifiċi, bħar-reġjuni trasnkonfinali, muntanjużi, reġjuni gżejjer u dawk l-aktar periferali;
Integrazzjoni akbar tal-Fondi Ewropej għall-2014-2020
17. Jilqa’ l-proposti tas-CPR li jinkoraġixxu koordinament u integrazzjoni aħjar tal-programmi ta' finanzjament ħalli jkun żgurat impatt akbar tal-fondi, u l-preżenza akbar tad-dimensjoni territorjali tal-politika ta' koeżjoni fil-qafas għall-2014-2020;
18. Jenfasizza li approċċ territorjali aktar b’saħħtu u aktar integrat għall-finanzjament Ewropew, b'bini tal-kapaċità adegwat u l-involviment tas-sħab soċjali u tas-soċjetà ċivili fil-livelli lokali u reġjonali, kemm f'ambjenti urbani kif ukoll rurali, huwa mod pożittiv biex jiġi żgurat li l-flus jiġu diretti sabiex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali u ekonomiċi fit-tul tal-Ewropa;
19. Jisħaq li l-armonizzazzjoni mtejba bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-oqsma l-oħrajn tal-politika identifikati mis-CPR se tippermetti lir-reġjuni Ewropej jissoktaw jiżviluppaw ekonomikament billi jinqdew bil-punti f’saħħithom individwali tagħhom;
20. Isemmi bħala eżempju l-Wales European Funding Office (WEFO) u l-intenzjoni tiegħu li jintegra l-fondi Ewropej f’Wales bil-ħolqien ta’ ‘portal’ waħdieni li jkun jippermetti l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-fondi kollha koperti mis-CPR; jissottolinja l-potenzjal għal-‘portal’ tal-WEFO li jinkludi pjattaforma komuni bi proċess wieħed ta’ applikazzjoni, ħlas, monitoraġġ u valutazzjoni għall-fondi kollha koperti mis-CPR; jenfasizza li dan l-approċċ jippermetti identifikazzjoni eħfef tas-sinerġiji potenzjali u l-integrazzjoni bejn il-flussi ta’ finanzjament, biex b’hekk ikun armonizzat u ssimplifikat il-proċess tal-applikazzjoni għall-fondi Ewropej;
21. Jenfasizza li, minħabba l-karatteristiċi kondiviżi mill-fondi koperti mis-CPR u minn programmi oħrajn ta’ finanzjament (eż. Orizzont 2020, LIFE+), l-effikaċja tal-finanzjament Ewropew jista’ jittejjeb billi jkun esplorat l-allinjament potenzjali bejn dawn il-fondi;
Mekkaniżmi għall-integrazzjoni tal-Fondi Ewropej
22. Jilqa’ l-proposti għal qafas regolatorju b’fokus fuq l-iżvilupp lokali u integrat permezz ta’ ‘żvilupp lokali mmexxi mill-komunita’, ‘pjani konġunti ta’ azzjoni’, u ‘investiment territorjali integrat’;
23. Jisħaq li, wara l-proposti tal-Kummissjoni, l-investiment kollu jrid jikkumplimenta l-ħtiġijiet lokali u ma jiddupplikax fuq proġetti oħrajn;
24. Jitlob li jkun hemm approċċ integrat għall-istrumenti ta’ twettiq relatati (iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD), investimenti territorjali integrati (ITIs), pjanijiet konġunti ta' azzjoni (JAPs)), li jippermettu lis-sħubijiet lokali jagħżlu, skont il-ħtiġiet individwali tagħhom, kombinazzjonijiet differenti ta’ dawn l-istrumenti kif ikun xieraq, u sabiex tiġi kkunsidrata l-possibbilià li jiġu applikati aktar arranġamenti flessibbli biex jiġu kkonċentrati r-riżorsi, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-bżonnijiet speċifiċi tal-Istati Membri u tar-reġjuni;
25. Jenfasizza l-ħtieġa li l-applikazzjoni tal-istrument propost tinżamm sempliċi kemm jista’ jkun sabiex tiġi evitata ż-żieda fil-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet lokali u biex tinżamm konformità mal-għanijiet tas-simplifikazzjoni;
26. Iqis li l-kapaċità istituzzjonali f’livelli differenti ta’ intervent hija element sinifikanti li jiżgura l-applikazzjoni b'suċċess tal-approċċ territorjali;
27. Jaċċentwa l-eżempju tas-sottodelegazzjoni għall-kunsilli fil-Pajjiżi l-Baxxi, li tinkludi li partijiet mill-programmi ta’ finanzjament (eż. il-FERD) jiġu ddelegati mill-awtorità reġjonali lill-awtoritajiet lokali, bl-azzjonijiet implementati f’livell lokali ħalli jkunu indirizzati l-ħtiġijiet lokali; jisħaq li l-allokazzjoni tar-responsabbiltà ġestjonarja lill-awtoritajiet lokali tagħti potenzjal akbar għall-integrazzjoni tal-aqwa kombinazzjoni ta’ fondi maħsubin għall-ħtiġijiet lokali; jisħaq li, bl-istrutturi ta’ ġestjoni li diġà jeżistu fil-livell lokali, dan l-approċċ ikun jista’ jibbenefika t-twassil tal-ITIs, fil-livell lokali jew sublokali;
Żvilupp lokali mmexxi mill-Komunità (CLLD)
28. Jagħti s-sostenn tiegħu lill-proposti tal-Kummissjoni dwar is-CLLD bħala għoti importanti tas-CPR li se jiffoka fuq l-iżvilupp tas-sinerġiji bejn il-fondi kollha koperti mis-CPR;
29. Iqis li dan l-istrument huwa mezz eċċellenti ta’ kif tkun inkoraġġuta l-parteċipazzjoni minn isfel għal fuq minn sezzjoni trasversali tal-atturi tal-komunità lokali li jaħdmu għall-objettivi territorjali sostenibbli; jilqa', f'dan ir-rigward, it-tisħiħ ulterjuri tal-kapaċità amministrattiva fil-livell reġjonali u lokali għal azzjonijiet ta' bini ta' kapaċità maħsuba biex itejbu l-parteċipazzjoni kemm tal-awtoritajiet reġjonali kif ukoll tas-sħab soċjali lokali;
30. Jirrikonoxxi s-suċċess tal-passat tal-programm LEADER bħala għodda importanti għat-twettiq tal-politika għall-iżvilupp rurali u jemmen li permezz tas-CLLD dan il-mekkaniżmu ta’ twettiq jista’ jkun strumentali biex jirrispondi għall-isfidi lokali u reġjonali; jappoġġja wkoll l-użu tas-CLLD fl-iżvilupp urban;
31. Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara l-proposta tagħha dwar is-CLLD fil-fażi ta’ implimentazzjoni sabiex il-parteċipanti potenzjali jkunu jistgħu jiddeterminaw bis-sħiħ l-iskop, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-effett probabbli tas-CLLD; jistenna bil-ħerqa l-pubblikazzjoni ta’ gwida dwar is-CLLD għall-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni;
32. Jirrikonoxxi l-progress magħmul mill-2007 bil-Gruppi ta’ Azzjoni Lokali tas-Settur tas-Sajd mal-Gruppi ta’ azzjoni lokali tal-LEADER (LAGs) bħala eżempju ta’ kif il-CLLD futur jista’ jikkombina l-fondi f’livell lokali f'dak li għandu x'jaqsam mal-fondi kollha koperti mis-CPR; jenfasizza l-eżempju ta’ 11-il sħubija lokali fid-Danimarka li jużaw kemm il-Fond FAEŻR (LEADER) kif ukoll il-Fond Ewropew għas-Sajd (Assi 4) biex jiffinanzjaw il-proġetti li juża l-istess sistema ta’ twettiq u l-istess amministrazzjoni;
33. Jenfasizza l-ħtieġa li wieħed iħares lejn eżempji bħalma hu l-użu integrat tal-fondi FAEŻR u FEMS permezz tas-CLLD fil-perjodu futur ta' programmar bħala mezz tal-iżvilupp tas-sinerġiji bejn il-fondi kollha koperti mis-CPR;
Pjani ta’ azzjoni konġunta
34. Jappoġġja proposti tas-CPR li jkunu introdotti pjani konġunti ta’ azzjoni li jippermettu lill-gruppi ta' proġett ikunu ffinanzjati minn aktar minn programm operattiv wieħed;
35. Jirrikonoxxi l-pjani konġunti ta’ azzjoni bħala pass pożittiv lejn il-ġestjoni msejsa fuq ir-riżultati, b'konformità ma’ waħda mill-objettivi globali tal-politika ta' koeżjoni post-2013;
36. Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li dawn l-istrumenti jkunu żviluppati flimkien mas-CLLD ħalli jkun żgurat li s-CLLD jsir aktar minn sempliċiment għodda strateġika għall-iżvilupp tal-kapaċità lokali, minflok objettiv ta' investiment fih innifsu, filwaqt li jiġi promoss, fost l-oħrajn, l-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar;
37. Jitlob kjarifika dwar il-kamp ta' applikazzjoni u l-integrazzjoni tal-pjanijiet konġunti ta' azzjoni, u dwar jekk hux se jintużaw għat-twettiq tal-programmi sħaħ, jew ta' partijiet minnhom;
38. Jirrikonoxxi li pjanijiet ta’ azzjoni konġunti jistgħu joffru assistenza effettiva sabiex tinkiseb l-integrazzjoni bbilanċjata taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol; jindika, madankollu, li għandom jiġu evitati l-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet l-proċeduri amministrattivi eċċessivament twal;
Investiment territorjali integrat (ITI)
39. Jilqa’ l-proposti għall-ITIs, li lill-bliet jistgħu jagħtuhom l-opportunità li jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom billi jibbenefikaw minn fondi minn aktar minn assi wieħed ta' prijorità għall-implementazzjoni tal-programmi operattivi b'mod integrat;
40. Jilqa’ aktar kjarifika dwar il-kamp tal-applikazzjoni tal-ITIs u li l-potenzjal għall-istrument, jekk ikun jixraq għall-ħtiġijiet lokali, jintuża wkoll fiż-żoni mhux urbani u fiż-żoni periurbani, bl-użu tal-fondi kollha koperti mis-CPR; jenfasizza li għandha tiġi żgurata l-koerenza tal-ITIs mal-istrateġiji reġjonali tal-iżvilupp sostenibbli sabiex tittejjeb il-koeżjoni ekonomika u soċjali, mhux biss fost ir-reġjuni, iżda wkoll fost iż-żoni urbani u mhux urbani fir-reġjuni;
41. Jaċċentwa l-eżempju ta’ mudell propost għall-ITIs minn Greater Manchester, li jintegra l-finanzjament minn kemm jista’ jkun għejun relevanti possibbli għall-kisba ta’ valur aħjar mill-investiment; jenfasizza l-fatt li l-iżvilupp ta’ dan il-mudell għadu għaddej u jista’ potenzjalment jintuża biex tkun sostnuta strateġija li ġġib bosta benefiċċji ekonomiċi u soċjali għar-reġjun tal-belt; jisħaq li l-ITI propost jintegra l-prijoritajiet tal-FEŻR mal-miżuri tal-FSE u li, fid-dawl tal-fokus miżjud tal-FEŻR fuq l-SMEs u l-innovazzjoni, hemm il-potenzjal li l-ITI joħloq rabtiet mal-proġetti tal-Orizzont 2020 fil-futur;
Strumenti finanzjarji
42. Jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni għal użu akbar, u t-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni, tal-istrumenti finanzjarji permezz tal-ħolqien ta' regoli aktar sempliċi u aktar ċari li jiżguraw effikaċja akbar fost il-ħames fondi koperti mis-CPR;
43. Jenfasizza l-potenzjal tal-istrumenti finanzjarji, inkluż il-mikrokrediti, li jiftħu għejun alternattivi ta’ finanzjament għal medda wiesgħa ta’ atturi li jikkomplimentaw il-metodi tradizzjonali ta’ finanzjament; jenfasizza li fil-qafas ta’ finanzjament tal-futur, l-istrumenti finanzjarji għandu jkollhom l-abbiltà li jservu ta' lieva għall-finanzjament privat u joffru l-flessibbiltà lill-Istati Membri u lir-reġjuni sabiex is-setturi fil-mira u l-metodi ta’ implimentazzjoni jitfasslu apposta għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom;
44. Jisħaq li l-istrumenti finanzjarji, bħala mekkaniżmi li jippermettu l-kooperazzjoni bejn l-impriżi, l-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku u l-istituzzjonijiet edukattivi, għandhom jitħeġġu wkoll bħala mezz għall-iżvilupp ta’ approċċ integrat għall-finanzjament;
L-integrazzjoni tal-fondi koperti mis-CPR ma' politiki u strumenti oħra tal-UE
45. Jilqa’ l-proposti fil-Qafas Strateġiku Komuni għall-Kuntratti ta’ Sħubija biex jiddeskrivu l-allinjament potenzjali bejn il-fondi koperti mis-CPR u programmi oħra ta’ finanzjament, bħall-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (dak li qabel kien l-FP7, u li issa sar l-Orizzont 2020), il-LIFE + jew il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa;
46. Jirrikonoxxi li, filwaqt li l-programmi ta’ finanzjament bħalma hu l-Orizzont 2020 huma primarjament iffokati fuq l-eċċellenza, il-Fondi Strutturali preċedentement kellhom suċċess fi rwol ta’ ‘bini ta’ kapaċità’ bl-għoti ta' finanzjament għall-iżvilupp tan-negozji u l-organizzazzjonijiet li mbagħad issieħbu fl-FP7 jew fil-progetti tal-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP);
47. Jenfasizza li s-sinerġiji eżistenti bejn il-fondi koperti mis-CPR u l-Orizzont 2020 ifissru li ż-żewġ sorsi ta' finanzjament jistgħu potenzjalment jintużaw waqt li ssir ħidma lejn objettivi tematiċi komplimentari;
Aspetti tal-impjiegi u l-politika soċjali
48. Jenfasizza li l-impjiegi u l-politiki soċjali għandhom irwol importanti għal żvilupp territorjali sostenibbli u soċjalment ibbilanċjat u għandhom ħafna x'jikkontribwixxu biex inaqqsu d-differenzi reġjonali, u biex itejbu l-benessri taċ-ċittadini u jipprovdu opportunitajiet indaqs għal kulħadd;
49. Jenfasizza li l-ġlieda kontra l-faqar tinkludi l-ġlieda kontra l-esklużjoni, u li r-reġjuni rurali b'densità tal-popolazzjoni baxxa jew b'popolazzjonijiet li qed jixjieħu jridu jħabbtu wiċċhom ma' għoti insuffiċjenti ta' servizzi tas-saħħa, li jistgħu jiġu kkumpensati sa ċertu punt mill-aċċess imtejjeb għal teknoloġiji broadband u l-promozzjoni tat-telemediċina;
50. Iqis li l-approċċ territorjali għandu jkun mekkaniżmu effettiv għall-appoġġ ta’ SMEs biex joħolqu impjiegi ġodda u sostenibbli u biex jinbdew jew jiġu żviluppati programmi għal taħriġ professjonali; iqis li l-attività intraprenditorjali mmirata lejn it-tkabbir u l-impjieg u l-isfruttar tal-potenzjal tista' taħdem bejn konfini amministrattiva reġjonali u oħra, u jitlob lill-Istati Membri jtejbu l-kundizzjonijiet eżistenti għall-intraprendituri ġodda sabiex ikunu jistgħu jisfruttaw aħjar il-potenzjal għoli tagħhom biex joħolqu impjiegi ġodda u sostenibbli;
51. Jenfasizza l-importanza li jinħolqu sinerġiji b’saħħithom bejn il-politika ta’ koeżjoni u politiki oħra tal-UE, sabiex tiġi ssalvagwardjata l-effettività tal-politika ta' koeżjoni fl-indirizzar ta’ sfidi attwali soċjali u tal-impjieg;
52. Jirrimarka li l-kooperazzjoni territorjali u l-istrateġiji makroreġjonali jistgħu jkunu strumenti utli għall-identifikazzjoni u l-ġlieda kontra d-disparitajiet reġjonali, bħall-aċċess għall-edukazzjoni u l-impjiegi, u għall-promozzjoni tal-konverġenza bejn ir-reġjuni Ewropej;
53. Jemmen li l-mobilità volontarja tal-ħaddiema u l-gradwati żgħażagħ fl-UE tista’ tkun soluzzjoni għan-nuqqasijiet tas-suq tax-xogħol reġjonali u lokali u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jużaw din il-mobilità b’mod aktar effettiv sabiex iħeġġu l-iżvilupp u l-koeżjoni territorjali;
54. Iqis li huwa essenzjali li jiġu kkoordinati l-azzjonijiet appoġġjati mill-FSE f’livelli tal-politika differenti sabiex ikun possibbli approċċ territorjali effiċjenti; iqis li huwa neċessarju, b'mod partikolari, li ssir konnessjoni bejn is-servizzi ta' edukazzjoni u l-faċilitajiet għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol lokali;
55. Jemmen li huwa ta’ importanza ewlenija li jiġu promossi skambji tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, fil-kuntest ta’ ppjanar fit-tul għall-iżvilupp territorjali, sinifikanti u effettiv, u permezz tal-promozzjoni ta’ impjiegi deċenti u sostenibbli bl-għan tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar u l-qgħad;
56. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
NOTA SPJEGATTIVA
Dan ir-Rapport ta' Inizjattiva Proprja għandu bħala fokus l-esplorazzjoni ta' mekkaniżmi effikaċi u effiċjenti għall-ħolqien tas-sinerġiji bejn il-programmi ta’ finanzjament Ewropej koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni tal-Kummissjoni; l-integrazzjoni tat-twassil tal-programmi ta’ finanzjament se jtejjeb l-effikaċja tal-finanzjament Ewropew f’livell lokali u reġjonali. Dan id-dokument jinkludi eżempji ta’ mekkaniżmi li qed jaħdmu bħalissa jew dawk li qed jiġu kkunsidrati għall-implementazzjoni fir-reġjuni Ewropej. Ir-rapporteur jilqa’ aktar diskussjonijiet u eżempji addizzjonali tal-integrazzjoni ta’ programmi Ewropej ta’ finanzjament, b’mod partikolari bl-analiżi tal-possibilità li jkun ikkombinat għadd ta’ programmi separati ta’ finanzjament biex jinħoloq fond wieħed.
Il-pakkett leġiżlattiv għall-politika ta’ koeżjoni 2014-2020, ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea nhar is-6 ta’ Ottubru 2011, jinkludi dispożizzjonijiet komuni għall-ħames fondi koperti mis-CPR kollha (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd).
Il-mandat tal-Parlament Ewropew għan-negozjati dwar il-leġiżlazzjoni issa ġie stabbilit, u fih prijoritajiet li jinkludu involviment akbar mill-awtoritajiet lokali u reġjonali u flessibilità akbar għar-reġjuni biex iwaqqfu prijoritajiet skont il-ħtiġiet territorjali tagħhom. Il-pożizzjoni tal-Parlament tissottolinja wkoll il-ħtieġa ta’ fokus akbar fuq l-istimoli għat-tkabbir u għall-kompettitività, bl-istrumenti finanzjarji aċċentwati bħala mekkaniżmu importanti għall-kisba ta’ dawn l-objettivi.
Issa li l-koeżjoni territorjali sfat miżjuda mal-koeżjoni ekonomika u soċjali bħala objettiv tat-Trattat skont it-termini tal-Artikolu 174, hemm ħtieġa akbar għal approċċ minn isfel ’il fuq għall-mobilizzazzjoni tal-potenzjal tal-iżvilupp lokali u reġjonali. Ir-rapporteur jemmen li, sabiex dan jinkiseb, huwa essenzjali li jkun hemm regoli komuni u koordinazzjoni mill-qrib tal-fondi koperti mis-CPR. Barra minn hekk, l-implementazzjoni tal-istrateġiji fil-livell lokali għandha tkun ir-responsabilità tal-atturi u tal-awtoritajiet lokali, bl-objettiv li jkun żgurat li l-ħtiġiet ekonomiċi u soċjali jiġu sodsifatti fil-livell li jkun l-eqreb lejn iċ-ċittadin.
Tħassib ewlieni: It-tisħiħ tal-objettiv territorjali
Fil-klima ekonomika ta’ bħalissa huwa ċar li l-finanzjament għall-politika ta’ koeżjoni qed kulma jmur jikber fl-importanza għar-reġjuni tal-Ewropa u hemm ħtieġa li qed tikber li jkun żgurat li l-flus jintefqu b’mod aktar effettiv ħalli ċ-ċittadini jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-finanzjament Ewropew. L-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’kull stadju tal-ippjanar, l-iżvilupp u t-twettiq tal-programmi Ewropej ta’ finanzjament huwa essenzjalment ħalli jkun żgurat li jiġu indirizzat l-ħtiġiet lokali.
Bħala aspett li jolqot kull lat tal-politika ta’ koeżjoni, id-dimensjoni territorjali tagħti lir-reġjuni Eworpej l-opportunità li jagħmlu użu mill-potenzjal territorjali individwali filwaqt li jaħdmu lejn il-kisba tal-objettivi tal-politika ta’ koeżjoni. Ir-rapporteur jilqa’ l-proposti dwar is-simplifikazzjoni u approċċ immexxi aktar mir-riżultati għall-politika ta’ koeżjoni għall-2014-2020. Approċċ immexxi mir-riżultati jista’ jagħti kontribut validu għal koeżjoni effettiva u effiċjenti filwaqt li l-isforzi sabiex jiġi żgurat li t-twettiq u l-implementazzjoni tal-programmi jkunu ssimplifikati jibbenefikaw lill-awtoritajiet u lill-benefiċjarji.
Ir-rapporteur jilqa’ l-fokus akbar fuq l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam mat-twaqqif ta’ kuntratti ta’ sħubija b'konformità mal-governanza fuq bosta livelli. Il-kuntratt ta’ sħubija għandu jiddelinea approċċ integrat għall-iżvilupp territorjali billi jinkludi miżuri bħalma huma l-iżgurar li l-mekkaniżmi nazzjonali u reġjonali jkunu qed jaħdmu ħalli jitħeġġeġ koordinament bejn il-Fondi koperti mis-CPR u strumenti Ewropej u nazzjonali oħra ta’ finanzjament.
Integrazzjoni akbar tal-Fondi Ewropej għall-2014-2020
Il-maġġoranza tal-istituzzjonijiet Ewropej (Kunsill Ewropew, Parlament Ewropew, Kumitat tar-Reġjuni) talbu li jkun hemm integrazzjoni akbar tal-flussi ta’ finanzjament għall-2014-2020; l-istess għamlu l-gvernijiet reġjonali u l-istakeholders lokali u reġjonali madwar l-UE.
Ir-rapporteur jemmen li meta l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali jingħatawlhom l-opportunitajiet li jużaw aktar minn programm Ewropew wieħed ta’ finanzjament biex ikunu sostnuti l-proġetti, dan itejjeb l-effikaċja tal-finanzjament Ewropew, iżid il-livelli ta’ simplifikazzjoni u jagħti lill-benefiċjarji potenzjali aċċess eħfef għall-finanzjament.
Bosta strumenti ġodda ddaħħlu fis-CPR għat-titjib tad-dimensjoni lokali tal-politika ta’ koeżjoni, biex jiżdied il-fokus strateġiku tal-kooperazzjoni territorjali u biex jiġi introdott0 approċċ aktar ikkoordinat fil-livelli kollha tal-gvern.
B’dana kollu, għad li l-proposti jiddelinejaw strumenti għall-integrazzjoni potenzjali tal-finanzjament Ewropew, l-implementazzjoni ta’ dawn l-istrumenti tirrikjedi aktar spjegazzjoni. Barra minn hekk, il-mezzi li bihom dawn l-istrument jistgħu jintużaw għadhom vagi u jeħtieġ li jkun hemm aktar kjarifika mill-Kummissjoni Ewropea.
Ir-rapporteur enfasizza eżempji ta' kif approċċi simili għall-istrumenti proposti (CLLD, ITIs) intużaw minn awtoritajiet reġjonali u lokali fil-perjodu ta' finanzjament preċedenti. Dawn l-eżempji jistgħu jipprovdu lil awtoritajiet reġjonali u lokali oħrajn ideat potenzjali għall-użu tas-CLLD u l-ITIs.
Is-CLLD, bħala għażla għall-FEŻR u l-FSE u bħala element tassattiv tal-FAEŻR u tal-FEMS, għandu l-għan li jkun vitali għall-implementazzjoni tal-inizjattivi għall-iżvilupp lokali minn isfel għal fuq. Is-CLLD jista’ jintuża fl-indirizzar tat-tipi kollha ta’ sfidi territorjali (urbani, rurali, transkonfinali, eċċ) u jkun iffinanzjat minn bosta strumenti tal-UE. B’danakollu, huwa ċar li sabiex is-CLLD ikun għodda ta’ suċċess, għandu jkun iddelineat b’mod adegwat fis-CSF u fil-Kodiċi ta’ Kondotta. Il-programmi operattivi jridu jaċċentwaw ukoll il-kontribut partikolari tiegħu għall-integrazzjoni tal-fondi billi jkunu identifikati l-oqsma li fihom tista' ssir l-implementazzjoni tas-CLLD.
L-eżempju mogħti minn Greater Manchester jaċċentwa mudell potenzjali għalbiex l-ITIs isiru mezz li jwassal għall-finanzjament minn programmi usa’ tal-UE. Ir-rapporteur jilqa' l-iżvilupp ta' mudelli bħal dan bħala eżempju tal-kamp ta' applikazzjoni potenzjali tal-istrumenti l-ġodda għall-perijodu ta' finanzjament 2014-2020.
Fid-dokument, ir-rapporteur aċċentwa wkoll eżempju ta’ mekkaniżmu li qed jitħejja għall-implementazzjoni f’Wales, fejn il-Wales European Funding Office (WEFO) huwa l-awtorità tal-ġestjoni u ċertifikanti għall-Fondi Strutturali kollha. Il-Gvern tar-Renju Unit jiddelega l-awtorità għall-iżvilupp, l-implementazzjoni u l-monitoraġġ tal-Fondi Strutturali uil-Fondi għall-Iżvilupp Rurali f’Wales lill-Gvern ta’ Wales. F'Wales, il-fondi Ewropej kollha jidħlu fl-istess portafoll ministerjali, li jassisti fl-integrazzjoni potenzjali ulterjuri tal-flussi Ewropej tal-finanzjament. Il-‘portal’ kif propost mill-WEFO se jagħti sistema ċentralizzata għall-organizzazzjonijiet kollha pubbliċi, privati u tat-tielet settur ħalli jaċċedu l-informazzjoni dwar il-finanzjament Ewropew potenzjali.
L-użu tal-fondi strutturali fi rwol ta’ bini ta’ kapaċità bħala mezz ta’ twassil għall-investiment għar-riċerka u l-innovazzjoni (eż. il-Programm tas-Saħħa u l-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li qabel kien l-FP7, issa Orizzont 2020) diġà jeżisti. Dan jaċċentwa li s-sinerġiji li jeżistu bħalissa bejn il-Fondi koperti mis-CPR u l-programmi l-oħrajn ta’ finanzjament, u dawn is-sinerġiji, għandhom ikunu utilizzati kompletament għall-ħidma favur l-objettivi tematiċi komplimentari. Ngħidu aħna, il-Fondi koperti mis-CPR u minn Orizzont 2020 jistgħu t-tnejn jiġu applikati għall-proġetti mmirati għat-‘tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni teknoliġiċi’. L-objettiv iffokat fuq it-titjib tal-użu u l-kwalità tal-ICT bħala eżempju ta’ kif il-FSE jista’ jikkoordina mal-‘Erasmus għal Kulħadd’ għall-għoti ta’ finanzjament, filwaqt li l-proġetti li bdew jaħdmu lejn l-Objettivi Tematiċi 5, 6 jew 7, li għandhom x'jaqsmu mal-użu baxx tal-karbonju, mat-tibdil fil-klima u mal-ambjent, jistgħu jutilizzaw il-Fondi koperti mis-CPR flimkien mal-programm LIFE+ jew il-programm NER300.
Fl-aħħar nett, ir-rapporetur jilqa’ aktar negozjati fuq il-pakkett leġiżlattiv tal-Kummissjoni u fuq id-diskussjoni mal-Kummissjoni, mal-eżerċenti u l-benefiċjarji reġjonali dwar il-mekkaniżmi possibbli għall-armonizzazzjoni tal-finanzjament Ewropew. Ir-rapporteur jittama li l-istrumenti ssuġġeriti mill-Kummissjoni Ewropea għall-inkoraġġiment ta’ sinerġiji akbar bejn il-fondi jgawdu fl-aħħar mill-aħħar mis-sostenn ta’ mekkaniżmi konkreti għall-implementazzjoni f’livell reġjonali u lokali.
5.6.2012
OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
għall-Kumitat dwar l-Iżvilupp Reġjonali
dwar l-ottimizzazzjoni tar-rwol tal-iżvilupp territorjali fil-Politika ta' Koeżjoni
Rapporteur: Filiz Hakaeva Hyusmenova
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jitlob lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jenfasizza li l-impjiegi u l-politiki soċjali jilagħbu rwol importanti għal żvilupp territorjali sostenibbli u soċjalment ibbilanċjat u għandhom ħafna x'jikkontribwixxu biex inaqqsu d-disparitajiet reġjonali, itejbu l-benessri u jipprovdu opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini kollha;
2. Jemmen li l-approċċ territorjali huwa mekkaniżmu effettiv għall-implimentazzjoni tal-politiki li jippromwovu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u li jħeġġu l-iżvilupp, l-impjieg sostenibbli u deċenti, l-edukazzjoni, it-tnaqqis tal-faqar u l-inklużjoni soċjali, li jikkostitwixxu l-għanijiet ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020;
3. Jenfasizza li l-ġlieda kontra l-faqar tinkludi l-ġlieda kontra l-esklużjoni, u li r-reġjuni rurali b'densità tal-popolazzjoni baxxa jew b'popolazzjonijiet li qed jixjieħu jkollhom jindirizzaw nuqqas fl-għoti ta' servizzi tas-saħħa, li jistgħu jiġu kkumpensati sa ċertu punt mill-aċċess imtejjeb għal teknoloġiji broadband u l-promozzjoni tat-telemediċina;
4. Iqis li l-approċċ territorjali għandu jkun mekkaniżmu effettiv għall-appoġġ ta’ SMEs biex joħolqu impjiegi ġodda u sostenibbli u biex jinbdew jew jiġu żviluppati programmi għal taħriġ professjonali; iqis li l-attività intraprenditorjali mmirata lejn it-tkabbir u l-impjieg u l-isfruttar tal-potenzjal jistgħu jaħdmu bejn konfini amministrattiva reġjonali u oħra, u jitlob lill-Istati Membri jtejbu l-kundizzjonijiet eżistenti għall-intraprendituri ġodda sabiex ikunu jistgħu jisfruttaw aħjar il-potenzjal għoli tagħhom biex joħolqu impjiegi ġodda u sostenibbli;
5. Jemmen li approċċ territorjali integrat għall-FSE u għall-fondi tal-UE l-oħra huwa vitali għall-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà permezz ta' governanza f'diversi livelli; Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat il-bini tal-kapaċità adegwat, l-involviment tas-sħab soċjali u tas-soċjetà ċivili u s-sjieda fil-livelli lokali, reġjonali, u mikroreġjonali, kemm f'ambjenti rurali kif ukoll urbani, inter alia permezz ta' taħriġ relatat mal-proċeduri għall-ippjanar, l-allokazzjoni ta' fondi u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet fil-kuntest tal-politika ta' koeżjoni, kif ukoll għal aċċess imtejjeb għall-informazzjoni dwar kif jistgħu jintużaw aħjar ir-riżorsi tal-UE għall-iżvilupp reġjonali;
6. Jenfasizza l-importanza li jinħolqu sinerġiji b’saħħithom bejn il-politika ta’ koeżjoni u politiki Ewropej oħra, sabiex tiġi ssalvagwardjata l-effettività tagħha fl-indirizzar ta’ sfidi attwali soċjali u tal-impjieg;
7. Jenfasizza l-importanza, waqt li tkun qiegħda tissawwar u tiġi implimentata l-politika ta’ koeżjoni, li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn il-kontrolli meħtieġa għall-użu tal-fondi, u l-effettività tagħhom;
8. Jirrimarka li l-kooperazzjoni territorjali u l-istrateġiji makroreġjonali jistgħu jkunu strumenti utli għall-identifikazzjoni u l-ġlieda kontra disparitajiet reġjonali, bħall-aċċess għall-edukazzjoni u l-impjiegi, u għall-promozzjoni tal-konverġenza bejn ir-reġjuni Ewropej;
9. Jinnota li hemm disparitajiet konsiderevoli soċjali u fl-impjiegi kemm bejn u fi ħdan ir-reġjuni li ma jistgħux dejjem jiġu riflessi mill-indikatur eżistenti; jemmen li fejn hemm konċentrament tal-faqar l-aktar fuq livell makroreġjonali, għandu jiġi indirizzat kif ikun xieraq; jemmen li l-programmi għandhom ikunu adattati għall-bżonnijiet reġjonali u subreġjonali u għandhom jikkonċentraw fuq prijoritajiet li joffru rispons għall-isfidi speċifiċi li qegħdin jiġu affrontati; iqis li l-fondi tal-FSE u fondi tal-UE oħra għandhom jitqiesu bħala l-istrument prinċipali għall-indirizzar, fuq livell lokali, tal-bżonnijiet fil-qasam tal-impjieg (b'mod partikolari l-impjieg taż-żgħażagħ), l-aċċess għal kura tas-saħħa, l-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar;
10. Jemmen li sabiex jiġu indirizzati b'mod adegwat disparitajiet soċjali u ekonomiċi huwa importanti li l-ipprogrammar li jqis l-kumplimentarjetà bejn miżuri li jistgħu jitqiesu rispettivament "iebsin" (bħall-ERDF, eż. l-infrastruttura) u 'rotob' (l-aktar bħall-FSE, eż. it-taħriġ); jemmen li miżuri xierqa għal rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika għandhom iqisu dawn il-bżonnijiet u jippermettu riżorsi kumplimentari adegwati biex jintużaw speċjalment fl-oqsma tal-edukazzjoni u tal-infrastruttura tas-saħħa;
11. Jistieden lill-Kummissjoni tispeċifika l-proċeduri għall-allokazzjoni ta' riżorsi tal-politika ta’ Koeżjoni għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażaġħ u l-faqar;
12. Jenfasizza li r-rispons effettiv għal ħafna problemi fil-qasam tal-esklużjoni soċjali u l-faqar jirrikjedi approċċ aġġustat u differenzjat li għandu jqis il-bżonnijiet speċifiċi ta’ territorju partikolari (eż. żoni metropolitani jew żoni rurali);
13. Jikkunsidra li huwa essenzjali li l-politika ta' koeżjoni għandha tkopri t-territorju totali tal-UE, u għalhekk jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex toħloq kategorija "reġjuni ta' tranżizzjoni", li se tgħin biex tiġi żgurata reazzjoni proporzjonata u mmirata għas-sitwazzjoni fiż-żewġ reġjuni fejn il-PGD qiegħed jiżdied u f'dawk fejn qiegħed jaqa';
14. Jemmen li l-mobilità tal-ħaddiema u l-gradwati żgħażagħ fl-UE tista’ tkun soluzzjoni għan-nuqqasijiet tas-suq tax-xogħol reġjonali u lokali u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jużawha b’mod aktar effettiv sabiex iħeġġu l-iżvilupp u l-koeżjoni territorjali;
15. Jikkunsidra li l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet appoġġjati mill-FSE f’livelli tal-politika differenti hija essenzjali sabiex ikun permess approċċ territorjali effiċjenti; iqis li huwa neċessarju, b'mod partikolari, li ssir konnessjoni bejn is-servizzi ta' edukazzjoni u l-faċilitajiet għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol lokali;
16. Iqis li huwa importanti li l-kuntratti ta' sħubija u l-programmi operattivi għandhom jipprovdu analiżi komprensiva tad-differenzi f'sitwazzjonijiet soċjali u tal-impjieg u tal-bżonnijiet għall-iżvilupp ta' żoni partikolari, kif ukoll strateġiji integrati li jinvolvu fondi relevanti biex jindirizzaw il-bżonnijiet speċifiċi reġjonali u lokali ta' dawk iż-żoni ġeografiċi affettwati l-aktar mill-qgħad, il-faqar u servizzi għall-kura tas-saħħa insuffiċjenti jew ta' gruppi fil-mira fl-akbar riskju ta' diskriminazzjoni jew esklużjoni soċjali; għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-komunitajiet marġinalizzati f’dan il-kuntest;
17. Jikkunsidra li huwa ta’ importanza ewlenija li jiġu promossi skambji tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, fil-kuntest ta’ ppjanar fit-tul għall-iżvilupp territorjali, sinifikanti u effettiv, u permezz tal-promozzjoni ta’ impjiegi deċenti u sostenibbli bl-għan tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar u l-qgħad;
18. Jemmen li l-programmi operazzjonali u l-proġetti għandhom jiġu ddisinjati u implimentati fil-livell xieraq u li r-rwol tal-ibliet, tat-territorji ġeografiċi funzjonali, u taż-żoni li qed jiffaċċjaw problemi ġoegrafiċi jew demografiċi speċifiċi għandu jingħata attenzjoni;
19. Ifakkar li għandhom isiru sforzi biex jiġu żgurati l-impjieg u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol għal dawk fl-aktar ċirkostanzi żvantaġġjati;
20. Jikkunsidra li l-kapaċità istituzzjonali f’livelli differenti ta’ intervent hija element sinifikanti li jiżgura s-suċċess tal-applikazzjoni tal-approċċ territorjali;
21. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw, permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta' sħubija[12]djalogu miftuħ bil-konsultazzjoni u l-involviment tal-partijiet interessati, bħalma huma l-awtoritajiet lokali, is-sħab soċjali u l-NGOs, fil-kuntest tat-tħejjija ta' kuntratti ta' sħubija u l-firxa sħiħa ta' programmi operattivi, partikolarment f'oqsma bħall-ambjent, l-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-opportunitajiet indaqs; jemmen li, sabiex l-approċċ territorjali jkun użat b’mod effiċjenti għal azzjonijiet iffinanzjati mill-FSE, huwa essenzjali li tinbena fiduċja reċiproka bejn il-partijiet interessati kollha msemmija hawn fuq;22. Ifakkar fl-importanza li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta' pjattaformi ta' koordinazzjoni għal proġetti innovattivi li jkunu kisbu riżultati eċċellenti fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u li jkunu tejbu l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa;
23. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq pjan għall-iffaċilitar tal-użu effiċjenti tal-FSE minn dawk il-pajjiżi li qed jiffaċċjaw l-akbar diffikultajiet finanzjarji;
24. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea biex jiżviluppaw rakkomandazzjonijiet xierqa għat-tisħiħ ta’ approċċ tal-politika bbażat fuq ir-riżultati u evidenza ddokumentata sabiex tiżdied l-implimentazzjoni effettiva tal-politika ta’ koeżjoni;
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni | 31.5.2012 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 39 1 1 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Heinz K. Becker, Jean-Luc Bennahmias, Phil Bennion, Pervenche Berès, Vilija Blinkevičiūtė, Philippe Boulland, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Minodora Cliveti, Marije Cornelissen, Frédéric Daerden, Karima Delli, Sari Essayah, Richard Falbr, Thomas Händel, Marian Harkin, Nadja Hirsch, Ádám Kósa, Jean Lambert, Veronica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Csaba Őry, Konstantinos Poupakis, Elisabeth Schroedter, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck, Inês Cristina Zuber | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Tamás Deutsch, Filiz Hakaeva Hyusmenova, Iliana Malinova Iotova, Svetoslav Hristov Malinov, Ramona Nicole Mănescu, Anthea McIntyre, Jens Nilsson, Ria Oomen-Ruijten, Antigoni Papadopoulou, Evelyn Regner, Csaba Sógor | |||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni | 27.11.2012 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 42 0 1 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | François Alfonsi, Luís Paulo Alves, Victor Boştinaru, John Bufton, Salvatore Caronna, Nikos Chrysogelos, Francesco De Angelis, Tamás Deutsch, Rosa Estaràs Ferragut, Danuta Maria Hübner, Filiz Hakaeva Hyusmenova, María Irigoyen Pérez, Seán Kelly, Mojca Kleva Kekuš, Constanze Angela Krehl, Petru Constantin Luhan, Ramona Nicole Mănescu, Vladimír Maňka, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Miroslav Mikolášik, Jens Nilsson, Jan Olbrycht, Younous Omarjee, Markus Pieper, Tomasz Piotr Poręba, Monika Smolková, Ewald Stadler, Georgios Stavrakakis, Nuno Teixeira, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák, Kerstin Westphal, Hermann Winkler, Joachim Zeller | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Jan Březina, Andrea Cozzolino, Ivars Godmanis, Karin Kadenbach, Lena Kolarska-Bobińska, Heide Rühle, Vilja Savisaar-Toomast, Elisabeth Schroedter | |||