Dokument ta' sessjoni

 

A7-0436/2012

21.12.2012

***I

RAPPORT

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-Istatistika Ewropea

( COM(2012)0167 – C7‑0101/2012 – 2012/0084(COD) )

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur: Edward Scicluna

 

PR_COD_1amCom

 

 

Tifsira tas-simboli użati

  *  Proċedura ta' konsultazzjoni

  ***  Proċedura ta’ approvazzjoni

  ***I  Proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-ewwel qari)

  ***II  Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tieni qari)

  (III)  Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tielet qari)

 

(It-tip ta’ proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta’ att.)

 

 

 

 

 

Emendi għal abbozz ta’ att

Fl-emendi li jsiru mill-Parlament, it-test emendat huwa indikat b’tipa grassa u korsiva. Test korsiv normali huwa indikazzjoni għas-servizzi tekniċi li turi partijiet tal-abbozz ta’ att li għalihom qed tkun proposta korrezzjoni bl-iskop li tgħin fil-preparazzjoni tat-test finali (pereżempju, żbalji ovvji jew nuqqasijiet f’verżjoni lingwistika partikolari). Il-korrezzjonijiet proposti huma soġġetti għall-qbil tas-servizzi tekniċi involuti.

 

L-intestatura ta’ kwalunkwe emenda għal att eżistenti, li l-abbozz ta’ att ikollu l-ħsieb li jemenda, ikun fiha t-tielet u r-raba’ linji li jidentifikaw rispettivament l-att eżistenti u d-dispożizzjoni kkonċernata f’dak l-att. Il-partijiet li jittieħdu kif inhuma minn dispożizzjoni eżistenti li l-Parlament jixtieq jemenda, imma li l-abbozz ta’ att ma jkunx emenda, huma indikati b’tipa grassa. It-tħassir eventwali li jikkonċerna dawn il-partijiet jiġi indikat kif ġej: [...].

 

 

 

WERREJ

Paġna

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW  5

PROĊEDURA  31

 

 

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-Istatistika Ewropea

( COM(2012)0167 – C7‑0101/2012 – 2012/0084(COD) )

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill ( COM(2012)0167 ),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 338(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0101/2012),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji ( A7-0436/2013 ),

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

 

Emenda    1

Proposta għal regolament

Premessa 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(1) Is-Sistema Statistika Ewropea (is-SSE), bħala partenarjat, irnexxielha ġeneralment tikkonsolida b'suċċess l-attivitajiet tagħha biex tiżgura l-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea ta' kwalità għolja, inkluż bit-titjib tal-governanza tas-sistema.

(1) Is-Sistema Statistika Ewropea (is-SSE), bħala partenarjat, irnexxielha ġeneralment tikkonsolida b'suċċess l-attivitajiet tagħha biex tiżgura l-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea ta' kwalità għolja, regolata u affidabbli, inkluż bit-titjib tal-governanza tas-sistema.

 

 

Emenda    2

Proposta għal regolament

Premessa 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2) Madankollu, xi dgħufijiet ġew identifikati riċentement, b'mod partikolari fir-rigward tal-qafas tal-immaniġġar tal-kwalità statistika.

(2) Madankollu, dgħufijiet maġġuri ġew identifikati riċentement, b'mod partikolari fir-rigward tal-qafas tal-immaniġġar tal-kwalità statistika, li rriżultaw f'dejta statistika mhux eżatta, u f'ċerti każijiet, falza.

 

Emenda    3

Proposta għal regolament

Premessa 2a (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(2a) Dawn id-difetti strutturali enfasizzaw il-ħtieġa li tiġi żgurata l-indipendenza tal-awtoritajiet statistiċi minn possibilità ta' pressjoni politika fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni.

 

Emenda    4

Proposta għal regolament

Premessa 3

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(3) Il-Kummissjoni ssuġġeriet li tittieħed azzjoni biex jiġu indirizzati dawn id-dgħufijiet fil-Komunikazzjoni tagħha tal-15 ta' April 2011 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill "Lejn immaniġġjar sod tal-kwalità għall-Istatistika Ewropea". B'mod partikolari, din issuġġeriet emenda mmirata tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea.

(3) Il-Kummissjoni ssuġġeriet li tittieħed azzjoni biex jiġu indirizzati dawn id-dgħufijiet u biex tissaħħaħ il-governanza tas-SSE fil-Komunikazzjoni tagħha tal-15 ta' April 2011 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill "Lejn immaniġġjar sod tal-kwalità għall-Istatistika Ewropea". B'mod partikolari, din issuġġeriet emenda mmirata tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea.

 

Emenda    5

Proposta għal regolament

Premessa 6

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6) Dawk l-aspetti ma għandhomx jibqgħu limitati għall-istatistika prodotta għall-finijiet tas-sistema tas-sorveljanza fiskali u l-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv iżda għandhom japplikaw għall-istatistika Ewropea kollha żviluppata, prodotta u mxerrda mis-SSE.

(6) Dawk l-aspetti ma għandhomx jibqgħu limitati għall-istatistika prodotta għall-finijiet tas-sistema tas-sorveljanza fiskali u l-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv iżda għandhom japplikaw għall-istatistika Ewropea kollha żviluppata, prodotta u mxerrda mis-SSE, inkluża dik relatata mat-tkabbir u l-impjiegi, filwaqt li jiġi kkunsidrat u vvalutat il-valur miżjud tal-istatistika miġbura għall-ilħuq tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020.

 

Emenda    6

Proposta għal regolament

Premessa 7

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(7) Barra minn hekk, l-adegwatezza tar-riżorsi attribwiti fuq bażi annwali jew multiannwali u maħsuba biex jissodisfaw il-ħtiġijiet statistiċi, hija kundizzjoni meħtieġa għall-indipendenza professjonali tal-awtoritajiet tal-istatistika.

(7) Barra minn hekk, l-adegwatezza tar-riżorsi attribwiti fuq bażi annwali jew multiannwali u maħsuba biex jissodisfaw il-ħtiġijiet statistiċi, hija kundizzjoni meħtieġa għall-iżgurar tal-indipendenza professjonali tal-awtoritajiet tal-istatistika u tal-kwalità għolja tad-dejta tal-istatistika.

 

Emenda    7

Proposta għal regolament

Premessa 8

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(8) Għal dan il-għan, l-indipendenza professjonali tal-awtoritajiet tal-istatistika għandha tissaħħaħ u għandhom jiġu infurzati standards minimi, b'mod partikolari fir-rigward tal-kapijiet tal-istituti nazzjonali tal-istatistika (NSIs), li għalihom għandhom jiġu pprovduti garanziji speċifiċi f'termini tal-prestazzjoni tal-kompiti statistiċi, l-immaniġġar organizzazzjonali u l-allokazzjoni tar-riżorsi.

(8) Għal dan il-għan, l-indipendenza professjonali tal-awtoritajiet tal-istatistika għandha tissaħħaħ u għandhom jiġu infurzati standards minimi, armonizzati fil-livell Ewropew, b'mod partikolari fir-rigward tal-kapijiet tal-istituti nazzjonali tal-istatistika (NSIs), li għalihom għandhom jiġu pprovduti garanziji speċifiċi f'termini tal-prestazzjoni tal-kompiti statistiċi, l-immaniġġar organizzazzjonali u l-allokazzjoni tar-riżorsi. Għal dan il-għan, il-parlamenti nazzjonali għandhom rwol importanti fir-rigward tal-leġittimità tal-proċess u f'termini ta' kontroll parlamentari.

 

Emenda    8

Proposta għal regolament

Premessa 8a (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(8a) Filwaqt li statistika Ewropea kredibbli teħtieġ indipendenza professjonali b'saħħitha min-naħa tal-istatistiċi, l-oqsma li fihom huma prodotti l-istatistiki jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-gvernijiet u l-parlamenti fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni.

 

Emenda    9

Proposta għal regolament

Premessa 8b (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(8b) Apparti l-indipendenza tal-istituti nazzjonali tal-istatistika (NSIs), huwa neċessarju li l-indipendenza tal-Eurostat tiġi kkonsolidata u garantita permezz ta' skrutinju u kontroll parlamentari effikaċi.

 

Emenda    10

Proposta għal regolament

Premessa 9

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(9) Barra minn hekk, ir-rwol ta' koordinazzjoni li diġà ġie attribwit lill-NSIs għandu jiġi ċċarat fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni, sabiex tinkiseb koordinazzjoni aktar effiċjenti tal-attivitajiet statistiċi fil-livell nazzjonali, inkluż l-immaniġġar tal-kwalità.

(9) Barra minn hekk, ir-rwol ta' koordinazzjoni li diġà ġie attribwit lill-NSIs għall-istatistika Ewropea prodotta permezz tas-SSE għandu jiġi ċċarat fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni, sabiex tinkiseb koordinazzjoni aktar effiċjenti tal-attivitajiet statistiċi fi ħdan is-SSE fil-livell nazzjonali, inkluż l-immaniġġar tal-kwalità. Huwa xieraq li jiżdiedu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-NSIs u l-Eurostat u jiġi solvut kull nuqqas f'dan ir-rigward.

 

Emenda    11

Proposta għal regolament

Premessa 9a (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(9a) Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 u l-Artikolu 2a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta' Novembru 1998 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew1, is-SSE u s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw statistika Ewropea kompluta u koerenti prodotta miż-żewġ sistemi tal-istatistika fl-oqsma ta' kompetenza tagħhom b'konformità mal-programmi ta' ħidma rispettivi tagħhom. Oqsma partikolari ta' kooperazzjoni jinkludu l-istatistika dwar il-kontijiet nazzjonali u l-bilanċ tal-pagamenti, kif ukoll il-provvediment ta' konsulenza lill-Kummissjoni dwar l-istatistika relatata mal-proċedura ta' defiċit eċċessiv.

 

______________

 

1 ĠU L 318, 27.11.1998, p.8.

 

Emenda    12

Proposta għal regolament

Premessa 10

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(10) Sabiex jitnaqqas il-piż fuq l-awtoritajiet tal-istatistika u dawk li jwieġbu, l-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra għandhom ikollhom aċċess immedjat u bla ħlas għar-rekords amminsitrattivi, inklużi dawk mimlija b'mod elettroniku, u jkunu jistgħu jużaw u jintegraw dawn ir-rekords mal-istatistika.

(10) Sabiex jitnaqqas il-piż fuq l-awtoritajiet tal-istatistika u dawk li jwieġbu, l-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra għandhom ikollhom aċċess immedjat u bla ħlas għar-rekords amminsitrattivi ta' informazzjoni pubblikament disponibbli, inklużi dawk mimlija b'mod elettroniku, u jkunu jistgħu jużaw u jintegraw dawn ir-rekords mal-istatistika.

 

Emenda    13

Proposta għal regolament

Premessa 10a (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(10a) Id-dejta statistika nazzjonali u Ewropea għandha tkun komparabbli u aċċessibbli faċilment u għandha tiġi aġġornata minnufih u regolarment sabiex ikun żgurat li l-politiki u l-inizjattivi ta' finanzjament tal-Unjoni jqisu b'mod sħiħ l-iżviluppi fl-Ewropa, b'mod partikolari l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika.

 

Emenda    14

Proposta għal regolament

Premessa 11

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(11) L-NSIs għandhom ukoll jiġu kkonsultati fi stadju bikri dwar it-tfassil tar-rekords amministrattivi ġodda li jistgħu jipprovdu d-dejta għal finijiet statistiċi u dwar it-tibdil ippjanat jew it-twaqqif tas-sorsi amministrattivi eżistenti. Dawn għandhom ukoll jirċievu metadejta rilevanti mingħand is-sidien tad-dejta amministrattiva u jikkoordinaw l-attivtajiet ta' standardizzazzjoni dwar ir-rekords amministrattivi li jkunu rilevanti għall-produzzjoni tad-dejta statistika.

(11) L-NSIs għandhom ukoll jiġu kkonsultati fi stadju bikri dwar it-tfassil tar-rekords amministrattivi ġodda li jistgħu jipprovdu d-dejta għal finijiet statistiċi u dwar it-tibdil ippjanat jew it-twaqqif tas-sorsi amministrattivi eżistenti. Dawn għandhom ukoll jirċievu metadejta rilevanti mingħand is-sidien tad-dejta amministrattiva u jikkoordinaw l-attivtajiet ta' standardizzazzjoni dwar ir-rekords amministrattivi li jkunu rilevanti għall-produzzjoni tad-dejta statistika. L-attivitajiet tal-NSIs u awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħra relatati mal-aċċess, l-użu, l-istandardizzazzjoni, it-tfassil inizjali, l-iżvilupp sussegwenti u l-waqfien tar-rekords amministrattivi tas-SEBĊ m'għandhomx jinterferixxu mal-prestazzjoni tal-kompiti tas-SEBĊ speċifikati fl-Artikolu 127 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u mas-salvagwardji dwar l-indipendenza tal-banek ċentrali stabbiliti fl-Artikolu 130 u l-Artikolu 282(3) tat-TFUE u l-Artikolu 7 u 37 tal-Protokoll Nru 4 dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew.

 

Emenda    15

Proposta għal regolament

Premessa 12

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(12) Il-kunfidenzjalità tad-dejta miksuba mir-rekords amministrattivi għandha titħares skont il-linji gwida u l-prinċipji komuni applikabbli għad-dejta kunfidenzjali kollha użata għall-produzzjoni tal-istatistika Ewropea. Għandhom jiġu stabbiliti wkoll oqfsa għall-valutazzjoni tal-kwalità applikabbli għal din id-dejta.

(12) Il-kunfidenzjalità tad-dejta miksuba mir-rekords amministrattivi għandha titħares skont il-linji gwida u l-prinċipji komuni applikabbli għad-dejta kunfidenzjali kollha użata għall-produzzjoni tal-istatistika Ewropea. Għandhom jiġu stabbiliti wkoll oqfsa għall-valutazzjoni tal-kwalità u t-trasparenza armonizzati applikabbli għal din id-dejta.

 

Emenda    16

Proposta għal regolament

Premessa 12a (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(12a) L-utenti kollha għandu jkollhom aċċess għall-istess dejta fl-istess ħin u l-embargi għandhom ikunu strettament rispettati. L-NSIs għandhom jistabbilixxu dati vinkolanti għall-pubblikazzjoni ta' dejta perjodika.

 

Emenda    17

Proposta għal regolament

Premessa 13

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(13) Il-kwalità tal-istatistika Ewropea tista' tissaħħaħ u l-fiduċja tal-utenti tista' tiġi infurzata, billi jiġu involuti l-gvernijiet nazzjonali fir-responsabbiltà tal-applikazzjoni tal-Kodiċi tal-Prattika tal-Istatistika Ewropea. Għal dan il-għan, għandu jiġi stabbilit "Impenn dwar il-Fiduċja fl-Istatistika" f'kull Stat Membru u jinkludi impenji speċifiċi minn kull gvern biex jimplimenta l-Kodiċi u l-oqfsa għall-assigurazzjoni tal-kwalità, inklużi l-awtovalutazzjonijiet u l-azzjonijiet ta' titjib.

(13) Il-kwalità tal-istatistika Ewropea tista' tissaħħaħ u l-fiduċja tal-utenti tista' tiġi infurzata, billi jiġu involuti l-gvernijiet nazzjonali fir-responsabbiltà tal-applikazzjoni rigoruża tal-Kodiċi tal-Prattika tal-Istatistika Ewropea. Għal dan il-għan, għandu jiġi stabbilit "Impenn dwar il-Fiduċja fl-Istatistika" f'kull Stat Membru u jinkludi impenji speċifiċi minn kull gvern biex jimplimenta l-Kodiċi u l-oqfsa għall-assigurazzjoni ta' kwalità għolja, inklużi l-awtovalutazzjonijiet u l-azzjonijiet ta' titjib bil-parteċipazzjoni u s-superviżjoni tal-parlamenti nazzjonali.

 

Emenda    18

Proposta għal regolament

Premessa 13a (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(13a) Peress li s-sistema tal-immaniġġar tal-kwalità se tirrikjedi koordinazzjoni u kollaborazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni (Eurostat) u l-korpi nazzjonali responsabbli għall-verifika tad-dejta upstream marbuta mal-finanzi pubbliċi, huma meħtieġa riformi biex isaħħu l-indipendenza u l-mandat tal-qrati nazzjonali tal-awdituri.

 

Emenda    19

Proposta għal regolament

Premessa 13b (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(13b) Il-websajt tal-Kummissjoni (Eurostat) għandha tippermetti aċċess faċli biex tikkompleta serje ta' dejta faċli għall-utent u għandha tinkludi graffs bil-kulur li jinftiehmu mingħajr diffikultà u li jistgħu jiġu paragunati. Dan għandu japplika għas-settijiet kollha tad-dejta, u għandha tkun garantita rappreżentazzjoni ugwali ta' dawk is-settijiet. Fejn possibbli, aġġornamenti perjodiċi għandhom jipprovdu informazzjoni minn sena għal sena u minn xahar għal xahar dwar kull Stat Membru.

Ġustifikazzjoni

Din l-emenda tkompli tibni fuq l-emenda tar-rapporteur. Huwa importanti li pereżempju d-dejta u l-graffs dwar id-dejn privat jkunu aċċessibbli daqs dawk dwar id-dejn pubbliku.

 

Emenda    20

Proposta għal regolament

Premessa 18

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(18) Jinħtieġ li jkunu previsti kundizzjonijiet uniformi biex jiġi implimentat l-aċċess għad-dejta kunfidenzjali għal finijiet xjentifiċi. Is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jiġu konferiti lill-Kummissjoni bl-għan li jiġu stabbiliti dawn l-arranġamenti, ir-regoli u l-kundizzjonijiet li jirregolaw dan l-aċċess fil-livell tal-Unjoni, skont il-proċedura ta' eżami stabbilita fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni

(18) Jinħtieġ li jkunu previsti kundizzjonijiet uniformi biex jiġi implimentat l-aċċess għad-dejta kunfidenzjali għal finijiet xjentifiċi mingħajr ma tkun kompromessa t-trasparenza. Is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jiġu konferiti lill-Kummissjoni bl-għan li jiġu stabbiliti dawn l-arranġamenti, ir-regoli u l-kundizzjonijiet li jirregolaw dan l-aċċess fil-livell tal-Unjoni, skont il-proċedura ta' eżami stabbilita fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjon.

 

Emenda    21

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 2

Regolament Nru 223/2009

Artikolu 5 – paragrafu 1 – subparagrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. L-awtorità nazzjonali tal-istatistika maħtura minn kull Stat Membru bħala l-korp responsabbli għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet kollha fil-livell nazzjonali għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea (l-NSI) għandha taġixxi f'dan ir-rigward bħala l-uniku punt ta' kuntatt għall-Kummissjoni (Eurostat) f'materji ta' statistika.

1. L-awtorità nazzjonali tal-istatistika maħtura minn kull Stat Membru bħala l-korp responsabbli għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet kollha għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea (l-NSI) fil-livell nazzjonali skont dan ir-Regolament għandha taġixxi f'dan ir-rigward bħala l-uniku punt ta' kuntatt għall-Kummissjoni (Eurostat) f'materji ta' statistika.

 

Emenda    22

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 2

Regolament (KE) Nru 223/2009

Artikolu 5 – paragrafu 1 – subparagrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Ir-responsabbiltà ta' koordinazzjoni tal-NSI għandha tkopri l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra kollha responsabbli għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea. B'mod partikolari, l-NSI għandu jkun responsabbli li jikkoordina, fil-livell nazzjonali, l-ipprogrammar u r-rappurtar tal-istatisika, il-monitoraġġ tal-kwalità, il-metodoloġija, it-trażmissjoni tad-dejta u l-komunikazzjoni dwar l-azzjonijiet statistiċi tas-SSE."

Ir-responsabbiltà ta' koordinazzjoni tal-NSI għandha tkopri l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra kollha responsabbli għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea prodotta skont dan ir-Regolament. B'mod partikolari, l-NSI għandu jkun responsabbli li jikkoordina, fil-livell nazzjonali, l-ipprogrammar u r-rappurtar tal-istatistika, il-monitoraġġ tal-kwalità, il-metodoloġija, it-trażmissjoni tad-dejta u l-komunikazzjoni dwar l-azzjonijiet statistiċi tas-SSE u għandu jikkoopera mal-bank ċentrali nazzjonali (BĊN) rispettiv biex jiżgura produzzjoni kompluta u koerenti ta' statistika Ewropea permezz tas-SSE u s-SEBĊ fl-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom.

 

Emenda    23

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 3

Regolament (KE) Nru 223/2009

Atikolu 5a – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Fis-sistema nazzjonali tal-istatistika tagħhom, il-Kapijiet tal-NSIs għandu jkollhom ir-responsabbiltà esklussiva li jiddeċiedu dwar il-proċessi, il-metodi tal-istatistika, l-istandards u l-proċeduri, u dwar il-kontenut u l-għażla taż-żmien tar-rilaxxi u tal-pubblikazzjonijiet tal-istatistika għall-istatistika Ewropea kollha. Dawn għandhom jingħataw is-setgħa li jiddeċiedu dwar il-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw l-immaniġġar intern tal-NSI. Għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet statistiċi tal-awtoritajiet nazzjonali li jikkontribwixxu għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea. Waqt li jwettqu dawn il-ħidmiet, il-kapijiet tal-NSIs għandhom jaġixxu b'mod indipendenti; huma ma għandhom jitolbu jew jirċievu struzzjonijiet mill-ebda gvern jew istituzzjoni, korp, uffiċċju jew entità oħra; għandhom joqogħdu lura minn kull azzjoni li tkun inkompatibbli mat-twettiq ta' dawn il-ħidmiet.

1. Fis-sistema nazzjonali tal-istatistika tagħhom, il-Kapijiet tal-NSIs għandu jkollhom ir-responsabbiltà esklussiva li jikkoordinaw il-proċessi, il-metodi tal-istatistika, l-istandards u l-proċeduri, u dwar il-kontenut u l-għażla taż-żmien tar-rilaxxi u tal-pubblikazzjonijiet tal-istatistika għall-istatistika Ewropea kollha. Dawn għandhom jingħataw is-setgħa li jiddeċiedu dwar il-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw l-immaniġġar intern tal-NSI. Għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet statistiċi tal-awtoritajiet nazzjonali li jikkontribwixxu għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea prodotta permezz tas-SSE. Barra minn hekk, huma għandhom jikkooperaw mal-BĊN rispettiv dwar kwistjonijiet relatati mal-produzzjoni tal-istatistika Ewropea li tkun komuni għas-SSE u s-SEBĊ. L-NSIs għandhom ikunu responsabbli għall-organizzazzjoni interna tagħhom sabiex ikunu konformi ma' dan ir-Regolament. Waqt li jwettqu dawn il-ħidmiet, il-kapijiet tal-NSIs għandhom jaġixxu b'mod indipendenti; huma ma għandhom jitolbu jew jirċievu struzzjonijiet mill-ebda gvern jew istituzzjoni, korp, uffiċċju jew entità oħra; għandhom joqogħdu lura minn kull azzjoni li tkun inkompatibbli mat-twettiq ta' dawn il-ħidmiet.

 

Emenda    24

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 3

Regolament (KE) Nru 223/2009

Atikolu 5a – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Il-proċeduri għar-reklutaġġ, it-trasferiment u s-sensja tal-kapijiet tal-NSIs għandhom ikunu trasparenti u msejsa biss fuq kriterji professjonali.

2. Il-proċeduri għar-reklutaġġ, it-trasferiment u s-sensja tal-kapijiet tal-NSIs għandhom ikunu trasparenti, imsejsa fuq kriterji professjonali u ppubblikati fil-websajts tagħhom. Il-kapijiet tal-NSIs għandhom jinħatru mill-gvernijiet nazzjonali wara li jikkonsultaw mal-Parlament Nazzjonali. Huma għandhom jiżguraw li jkollhom opportunitajiet ugwali, speċjalment fir-rigward tas-sessi, u li l-pożizzjonijiet kollha jkollhom kandidati rġiel u nisa. Il-kandidati għandhom jiġu mistiedna jidhru quddiem il-kumitati parlamentari nazzjonali rilevanti qabel il-ħatra tagħhom.

 

Emenda    25

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 3

Regolament (KE) Nru 223/2009

Artikolu 5a – paragrafu 2a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

2a. Għandhom jingħataw raġunijiet dettaljati għas-sensja ta' Kap ta' NSI. Sensja bħal din m'għandhiex issir minħabba raġunijiet politiċi.

 

Emenda    26

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 3

Regolament (KE) Nru 223/2009

Atikolu 5a – paragrafu 3

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3. Il-kapijiet tal-NSIs għandhom ikunu responsabbli għall-attivitajiet statistiċi u għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-NSI; dawn għandhom jippubblikaw rapport annwali u jistgħu jesprimu kummenti dwar kwistjonijiet ta' allokazzjoni tal-baġit marbuta mal-attivitajiet statistiċi tal-NSI.

3. Il-kapijiet tal-NSIs għandhom ikunu responsabbli għall-attivitajiet statistiċi u għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-NSI; dawn għandhom jippubblikaw rapport annwali u jistgħu jiġu mistiedna jidhru quddiem il-kumitat rilevanti tal-parlament nazzjonali biex jiddiskutu kwistjoni relatata mal-governanza tal-istatistika u jesprimu kummenti dwar kwistjonijiet ta' allokazzjoni tal-baġit marbuta mal-attivitajiet statistiċi tal-produtturi nazzjonali tal-istatistika.

 

Emenda    27

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 4

Regolament (KE) Nru 223/2009

Artikolu 6 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Fil-livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha taġixxi b'mod indipendenti biex tiżgura l-produzzjoni tal-istatistika Ewropea skont ir-regoli stabbiliti u l-prinċipji tal-istatistika. F'dan ir-rigward, għandu jkollha r-responsabbiltà esklussiva biex tiddeċiedi dwar il-proċessi, il-metodi tal-istatistika, l-istandards u l-proċeduri, u dwar il-kontenut u l-għażla taż-żmien tar-rilaxxi tal-istatistika.

2. Fil-livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha taġixxi b'mod indipendenti biex tiżgura l-produzzjoni tal-istatistika Ewropea skont ir-regoli stabbiliti u l-prinċipji tal-istatistika, permezz ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni mal-istituzzjonijiet nazzjonali tal-istatistika (NSIs). F'dan ir-rigward, għandu jkollha r-responsabbiltà biex tiddeċiedi dwar il-proċessi, il-metodi tal-istatistika, l-istandards u l-proċeduri, u dwar il-kontenut u l-għażla taż-żmien tar-rilaxxi tal-istatistika, mingħajr preġudizzju għal gwida leġiżlattiva skont l-Artikolu 12(2).

 

 

Emenda    28

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 4a (ġdid)

Regolament (KE) Nru 223/2009

Artikolu 6a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(4a) għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

 

"Artikolu 6a

 

Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni (Eurostat)

 

1. L-uffiċċju tal-istatistika tal-Kummissjoni (Eurostat) għandu jkun immexxi minn Direttur Ġenerali. Id-Direttur Ġenerali għandu jinħatar mill-Kummissjoni, għal mandat ta' seba' snin li ma jiġġeddidx, skont il-proċedura speċifikata fil-paragrafu 2.

 

2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika sejħa għall-applikazzjonijiet fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea mhux aktar tard minn sitt xhur qabel it-tmiem tal-mandat tad-Direttur Ġenerali fil-kariga. Il-proċedura għar-reklutaġġ tad-Direttur Ġenerali għandha tkun trasparenti u bbażata biss fuq kriterji professjonali. Il-Kummissjoni għandha tfassal lista ta' kandidati kkwalifikati kif xieraq, li jkollha tal-anqas kandidat wieħed ta' kull sess. Il-Kummissjoni għandha taħtar id-Direttur Ġenerali, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill.

 

3. Id-Direttur Ġenerali għandu jkollu r-responsabbiltà esklussiva li jiddeċiedi dwar il-proċessi, il-metodi tal-istatistika, l-istandards u l-proċeduri, u dwar il-kontenut u l-għażla taż-żmien tar-rilaxxi u tal-pubblikazzjonijiet tal-istatistika kollha prodotta mill-Kummissjoni (Eurostat). Id-Direttur Ġenerali għandu jkollu s-setgħa li jiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw il-ġestjoni interna tal-Kummissjoni (Eurostat). Meta jwettaq dawn il-kompiti, id-Direttur Ġenerali għandu jaġixxi b'mod indipendenti u m'għandux la jitlob u lanqas jieħu istruzzjonijiet minn kwalunkwe gvern jew istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija. Jekk id-Direttur Ġenerali jqis li miżura meħuda mill-Kummissjoni tpoġġi l-indipendenza tiegħu f'dubju, hu għandu jinforma minnufih lill-Parlament Ewropew.

 

4. Id-Direttur Ġenerali għandu jkun responsabbli għall-attivitajiet statistiċi u għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kummissjoni (Eurostat). Hu għandu jidher kull sena fil-qafas ta' Djalogu tal-Istatistika quddiem il-kumitat rilevanti tal-Parlament Ewropew biex jiġu diskussi kwistjonijiet relatati mal-governanza tal-istatistika, il-metodoloġija, l-innovazzjoni statistika, u jiġu espressi kummenti dwar kwistjonijiet tal-allokazzjoni tal-baġit relatati mal-attivitajiet tal-istatistika tal-Kummissjoni (Eurostat).

 

5. Qabel ma timponi kwalunkwe penali dixxiplinari fuq id-Direttur Ġenerali, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Parlament Ewropew. L-impożizzjoni ta' kwalunkwe penali dixxiplinari fuq id-Direttur Ġenerali għandha tkun soġġetta għal deċiżjoni motivata, li għandha tintbagħat għal skopijiet ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-ESGAB."

 

 

 

Emenda    29

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 4b (ġdid)

Regolament (KE) Nru 223/2009

Artikolu 7a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(4b) għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

 

"Artikolu 7a

 

Kooperazzjoni mal-qrati tal-awdituri

 

1. Sabiex jiġi żgurat li d-dejta dwar is-settur pubbliku tkun preċiża u tirrifletti b'mod ġust is-sitwazzjoni tal-kontijiet pubbliċi, l-SSE għandha tikkoopera u tikkollabora mill-qrib mal-qrati tal-awdituri, mingħajr preġudizzju għall-indipendenza tagħhom.

 

2. L-NSIs għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni (Eurostat) b'kull dubju li jista' jkollhom dwar l-eżattezza tad-dejta mhux ipproċessata li ngħatatilhom għall-iskop tal-kompilazzjoni tad-dejta. F'każijiet fejn id-dejta hija riveduta b'ammont sinifikanti li għandu jiġi determinat mill-Kummissjoni (Eurostat), għandha tiġi inkluża nota ta' qiegħ il-paġna li tikkwalifika d-dejta."

 

Emenda    30

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 4c (ġdid)

Regolament (KE) Nru 223/2009

Artikolu 7b (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(4c) jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

 

"Artikolu 7b

 

Multi għall-manipulazzjoni tal-istatistika

 

1. Sakemm il-Kunsill ma jopponix b'maġġoranza kwalifikata, il-Kummissjoni tista' timponi multa fuq Stat Membru li bi ħsieb jew, minħabba negliġenza kbira, jagħti dejta statistika serjament żbaljata.

 

2. Sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta' ksur imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista' twettaq l-investigazzjonijiet neċessarji kollha. Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibda investigazzjoni meta ssib li hemm indikazzjonijiet ċari ta' distorsjoni gravi tad-dejta. Il-Kummissjoni għandha twettaq l-investigazzjoni tagħha b'kunsiderazzjoni ta' kwalunkwe kummenti sottomessi mill-Istat Membru soġġett għal investigazzjoni. Sabiex twettaq il-kompiti tagħha, il-Kummissjoni tista' titlob li l-Istat Membru soġġett għal investigazzjoni jipprovdi informazzjoni. Il-Kummissjoni tista' twettaq ukoll spezzjonijiet fuq il-post u jkollha aċċess għad-dejta kollha prodotta minn NSI fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Jekk ikun mitlub mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru soġġett għal investigazzjoni, għandha tintalab awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja qabel kwalunkwe spezzjoni fil-post.

 

Meta tlesti l-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-Istat Membru soġġett għal investigazzjoni l-opportunità li jikkummenta dwar il-kwistjonijiet li jkunu qed jiġu investigati. Il-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq il-fatti biss li l-Istat Membru kellu l-opportunità li jikkkummenta dwarhom.

 

Id-drittijiet għad-difiża tal-Istat Membru soġġett għal investigazzjoni għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ matul l-investigazzjonijiet.

 

3. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 26a  dwar:

 

(a) kriterji dettaljati li jistabbilixxu l-ammont tal-multa; kif ukoll

 

(b) regoli dettaljati dwar il-proċedura tal-investigazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, miżuri assoċjati u r-rappurtar, kif ukoll regoli dettaljati dwar il-proċedura mmirati biex jiggarantixxu d-drittijiet għad-difiża, l-aċċess għall-fajl, ir-rappreżentanza legali, il-kunfidenzjalità u l-limiti ta' żmien u l-ġbir ta' multi.

 

4. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kunsill ikun stipula multa bi qbil mal-paragrafu 1. Hija tista' tannulla, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta."

 

Emenda    31

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 4d (ġdid)

Regolament (KE) Nru 223/2009

Artikolu 7c (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(4d) jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

 

"Artikolu 7c

 

Trażmissjoni u kwalità tad-dejta

 

Meta l-Kummissjoni ma tkunx sodisfatta bil-fluss tad-dejta mill-NSIs lill-Kummissjoni (Eurostat) jew bil-kwalità tad-dejta, hi għandha tibgħat twissija pubblika lill-Istat Membru kkonċernat, tippublikaha fuq il-websajt tal-Kummissjoni (Eurostat), u tinkludi referenza għaliha fis-sett ta' dejta korrispondenti. Jekk, fi żmien sitt xhur ta' din il-pubblikazzjoni, il-problemi ma jkunux ġew solvuti, il-Kummissjoni tista' timponi multi skont l-Artikolu 7b."

 

Emenda    32

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 5

Regolament (KE) Nru 223/2009

Artikolu 11 – paragrafu 3 – subparagrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimplimentaw il-Kodiċi tal-Prattika sabiex tinżamm il-fiduċja fl-istatistika tagħhom. Għal dan il-għan, kull Stat Membru, irrappreżentat mill-gvern tiegħu, għandu jiffirma u jimplimenta "Kodiċi dwar il-Fiduċja fl-Istatistika" li permezz tiegħu jittieħdu impenji biex jiġi implimentat il-Kodiċi u jiġi stabbilit qafas nazzjonali għall-iżgurar tal-kwalità, inklużi l-awtovalutazzjonijiet u l-azzjonijiet ta' titjib. L-Impenn għandu jiġi kontrofirmat mill-Kummissjoni.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimplimentaw il-Kodiċi tal-Prattika sabiex tinżamm il-fiduċja fil-kontribuzzjoni tagħhom għall-istatistika Ewropea prodotta mis-SSE. Għal dan il-għan, kull Stat Membru, irrappreżentat mill-gvern tiegħu, għandu jiffirma u jimplimenta "Kodiċi dwar il-Fiduċja fl-Istatistika" li permezz tiegħu jittieħdu impenji biex jiġi implimentat il-Kodiċi u jiġi stabbilit qafas nazzjonali għall-iżgurar tal-kwalità għolja, inklużi l-awtovalutazzjonijiet u l-azzjonijiet ta' titjib soġġetti għall-monitoraġġ mill-qrib mill-parlamenti nazzjonali. L-Impenn għandu jiġi kontrofirmat mill-Kummissjoni u għandu jiġi ppubblikat flimkien ma' taqsira għall-pubbliku fuq il-websajts tal-NSI u l-Eurostat. L-NSIs għandhom jippubblikaw fuq il-websajt tagħhom jekk hemmx "Kodiċi dwar il-Fiduċja fl-Istatistika" stabbilit fl-Istat Membru tagħhom.

 

Emenda    33

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 5

Regolament (KE) Nru 223/2009

Artikolu 11 – paragrafu 3 – subparagrafu 2a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi mudell għar-reviżjoni bejn il-pari u għall-iskambji tal-aħjar prattika bejn l-NSIs u għandha tinkorraġihom.

 

Emenda    34

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 6

Regolament (KE) Nru 223/2009

Artikolu 12 – paragrafu 2 – subparagrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Ir-rekwiżiti speċifiċi tal-kwalità, bħall-valuri fil-mira u l-istandards minimi għall-produzzjoni tal-istatistika, jistgħu jiġu stabbiliti fil-leġiżlazzjoni settorjali. Fejn il-leġiżlazzjoni settorjali ma tipprovdix dan, il-Kummissjoni tista' tadotta, permezz tal-atti delegati skont l-Artikolu 26a, tali rekwiżiti speċifiċi tal-kwalità u gwida dwar il-metodoloġija.

Ir-rekwiżiti speċifiċi tal-kwalità, bħall-valuri fil-mira u l-istandards minimi għall-produzzjoni tal-istatistika, jistgħu jiġu stabbiliti fil-leġiżlazzjoni settorjali.

Ġustifikazzjoni

Ir-rekwiżiti tal-kwalità jistgħu jinkludu, pereżempju, rekwiżiti ta' preċiżjoni, li għandhom impatt qawwi fir-rigward tal-inflazzjoni statistika, l-ispejjeż li dejjem jiżdiedu, u l-piż itqal impost fuq dawk li jwieġbu. Dawn għandhom jiġu koperti permezz ta' att tal-implimentazzjoni u mhux permezz ta' atti delegati.

 

Emenda    35

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 6a (ġdid)

Regolament (KE) Nru 223/2009

Artikolu 12 – paragrafu 3a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6a) Fl-Artikolu 12, jiżdied il-paragrafu li ġej:

 

"3a. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha b'mod pubbliku u minnufih tesprimi kull tħassib serju li jista' jkollha dwar il-kwalità tad-dejta trażmessa.

 

Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tinforma b'mod pubbliku ksur serju tal-Kodiċi tal-Prattika."

 

Emenda    36

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 7a (ġdid)

Regolament (KE) Nru 223/2009

Artikolu 16 – paragrafu 1a

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(7a) Fl-Artikolu 16(1), il-punt (a) jinbidel b’dan li ġej:

 

"(a) il-massimizzazzjoni tad-disponibbiltà tal-aggregati statistiċi fil-livell Ewropew biex b'hekk titwessa' l-kopertura tagħha għal attivitajiet ekonomiċi ta' negozji tal-familja u tat-tielet settur, inkluża l-ekonomija soċjali u titjieb il-puntwalità tal-istatistika Ewropea, speċjalment fir-rigward tal-indikaturi li fuqhom huma bbażati l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020,"

 

Emenda    37

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 8

Regolament (KE) Nru 223/2009

Artikolu 17a – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(1) Sabiex jitnaqqas il-piż fuq dawk li jwieġbu, l-NSIs, awtoritajiet nazzjonali oħra kif imsemmija fl-Artikolu 4 u l-Kummissjoni (Eurostat) għandu jkollhom id-dritt għal aċċess immedjat u mingħajr ħlas għar-rekords amministrattivi kollha, kif ukoll id-dritt li jużaw dawn ir-rekords amministrattivi u jintegrawhom mal-istatistika, sa fejn hu meħtieġ għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea.

1. Sabiex jitnaqqas il-piż fuq dawk li jwieġbu, l-NSIs, awtoritajiet nazzjonali oħra kif imsemmija fl-Artikolu 4 u l-Kummissjoni (Eurostat) għandu jkollhom id-dritt għal aċċess immedjat u mingħajr ħlas għar-rekords amministrattivi kollha, kif ukoll id-dritt li jużaw dawn ir-rekords amministrattivi u jintegrawhom mal-istatistika, iżda biss safejn hu meħtieġ għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea prodotta skont dan ir-Regolament.

 

Emenda    38

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 8

Regolament (KE) Nru 223/2009

Artikolu 17a – paragrafu 3

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3. L-aċċess u l-involviment tal-NSIs, ta' awtoritajiet nazzjonali oħra u tal-Kummissjoni (Eurostat) skont il-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu limitati għar-rekords amministrattivi fis-sistema amministrattiva pubblika rispettiva tagħhom stess.

3. L-arranġamenti prattiċi u l-kundizzjonijiet sabiex jinkiseb aċċess effettiv għandhom ikunu stabbiliti, kif ikun meħtieġ, minn kull Stat Membru u l-Kummissjoni (Eurostat) fi ħdan l-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom. Fir-rigward tar-rekords amministrattivi prodotti u miżmuma mis-SEBĊ, it-twettiq mill-NSIs, awtoritajiet nazzjonali oħra u l-Kummissjoni (Eurostat) tal-kompetenzi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 m'għandux jinterferixxi mat-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ speċifikati fl-Artikolu 127 tat-TFUE jew mas-salvagwardji dwar l-indipendenza u s-sigriet professjonali tal-banek ċentrali kif stabbilit fl-Artikolu 130 u l-Artikolu 282 (3) tat-TFUE u l-Artikoli 7 u 37 tal-Protokoll (Nru 4) dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew.

 

Emenda    39

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 8

Regolament (KE) Nru 223/2009

Artikolu 17a – paragrafu 4

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

4. L-NSIs għandhom jirċievu l-metadejta rilevanti mis-sidien tar-rekords amministrattivi użati għal skopijiet statistiċi.

4. L-aċċess u l-użu tar-rekords mill-NSIs, awtoritajiet nazzjonali oħra u l-Kummissjoni (Eurostat) skont il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu limitati għar-rekords amministrattivi fis-sistema amministrattiva pubblika rispettiva tagħhom stess.

 

Emenda    40

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 8

Regolament (KE) Nru 223/2009

Artikolu 17a – paragrafu 4a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

4a. L-NSIs għandhom jirċievu l-metadejta rilevanti mingħand is-sidien tar-rekords amministrattivi użati għal skopijiet statistiċi.

 

Emenda    41

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 11

Regolament (KE) Nru 223/2009

L-Artikolu 26a – paragrafu 5

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 12(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill."

5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 12(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni jew mill-Parlament Ewropew jew inkella mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika tal-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

 

Emenda    42

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu jkun disponibbli f'forma kkonsolidata fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ tiegħu.

 

 

NOTA SPJEGATTIVA

 

Statistiċi Ewropej affidabbli u preċiżi għandhom żewġ skopijiet vitali bħala benefiċċju pubbliku: dawn huma l-pedamenti li fuqhom ikunu bbażati d-deċiżjonijiet li jittieħdu mil-leġiżlaturi; u huma jaġġixxu bħala barometru li jaqra l-istat tal-ekonomija u s-soċjetà tagħna billi jipprovdi assigurazzjoni lil gvernijiet oħra u s-swieq finanzjarji.

 

Madankollu, avvenimenti fi snin riċenti naqqsu sew il-fiduċja tal-pubbliku u tas-swieq. Minn stħarriġ tal-Eurobarometer fl-2008 rriżulta li 45% taċ-ċittadini stqarru li huma ma jafdawx l-istatistiki ekonomiċi, prattikament l-istess bħas-46% li qalu li jafdaw.

 

Minn dak iż-żmien 'l hawn, aħna rajna kif statistiki foloz u qarrieqa jistgħu jżidu l-inkwiet politiku u ekonomiku. Tabilħaqq, m'hemmx dubju li l-kriżi tad-dejn sovran żdiedet minħabba x-xettiċiżmu pubbliku u tas-suq lejn l-eżattezza tal-istatistika dwar id-dejn tal-gvern u l-livelli tad-defiċit. Aħna nistgħu nimmaġinaw biss li jekk l-istħarriġ tal-2008 kellu jerġa' jirrepeti ruħu, il-livelli tal-fiduċja jmorru għall-agħar. Dan għandu jservi bħala sinjal ta' twissija peress li l-fiduċja tal-pubbliku dwar il-veraċità tal-istatistika hija vitali biex aħna jkollna kultura ta' tfassil ta' politika bbażata fuq l-evidenza u responsabilità.

 

F'dan il-kuntest, dan ir-regolament wasal fi żmien opportun. Hemm bżonn li nerġgħu nibnu l-fiduċja tal-pubbliku fid-data statistika. Hemm kliem proverbjali li jgħid li hekk kif l-istatistika ssir politiċizzata, din titneħħilha l-valur minnufih. Għalhekk huwa essenzjali li titneħħa l-politika mill-produzzjoni tal-istatistika. Pereżempju, dan ir-rapport jipproponi li l-Istati Membri għandhom ikunu pprojbiti milli jdewmu r-rilaxx tad-data perjodika.

 

Huwa jkompli jibni wkoll fuq ir-Regolament dwar il-Programm Qafas tal-Istatistika tal-2013-17. Jekk il-Programm jiffoka dwar liema data l-SSE għandha tiġbor u dwar kif għandha titħallas, dan ir-Regolament jiffoka fuq ir-regoli li jirregolaw l-uffiċċji tal-istatistika u kif għandhom jiffunzjonaw.

 

Rapport ippubblikat f'Settembru mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri huwa istruttiv u konformi ma' ħafna proposti ta' dan ir-Rapporteur. Hu jitlob li jsir pass lejn "sistema ta' statistika Ewropea li tiggarantixxi indipendenza professjonali, biżżejjed riżorsi u superviżjoni b'saħħitha li tinkludi sanzjonijiet għal każijiet fejn l-istandards tal-kwalità ma jiġux rispettati."

 

Għalhekk, il-mistoqsija li jeħtieġ tingħata tweġiba għaliha f'dan ir-rapport hija din li ġejja: liema huma l-aħjar mezzi biex jiġi żgurat li l-funzjonament tal-SSE jkun konsistenti, affidabbli u trasparenti?

 

Ċerti regoli fundamentali bażiċi għall-produzzjoni tal-istatistika huma ċari: L-NSIs iridu jkunu kompletament liberi minn kull interferenza politika f'livell nazzjonali jew Ewropew. Il-ħatra tal-kapijiet tal-NSIs għandha ssir b'mod trasparenti u ġust bi skrutinju parlamentari.

Għandna bżonn ukoll sistema ta' kontrolli u bilanċi, fejn isir skrutinju tal-produzzjoni tal-istatistika mill-NSIs, l-Eurostat, kif ukoll minn awdituri fil-livell nazzjonali u Ewropew.

 

Fl-istess ħin, hemm ukoll il-ħtieġa għal sistema ta' spezzjonijiet, reviżjonijiet bejn il-pari u, f'każijiet fejn korp tal-istatistika jkun ħati ta' misinterpretazzjoni serja tad-data, sanzjonijiet possibbli, sabiex l-istandards tal-produzzjoni tal-istatistika jinżammu fi standard konsistentement għoli. L-NSIs kollha għandhom ikunu soġġetti għal spezzjoni dettaljata tal-ħidma tagħhom darbtejn fis-sena meta dan ikun possibbli.

 

Il-Kummissjoni Ewropea ressqet ċerti inizjattivi inkoraġġanti, iżda dawn jeħtieġ li jissaħħu. Il-Kodiċi tal-Prattika tal-Istatistika li sar qbil dwaru mill-Kummissjoni u l-Istati Membri jeħtieġ li tiġi implimentata u infurzata b'mod rigoruż.

 

Ir-rwol tad-Direttur Ġenerali tal-Eurostat għandu jinvolvu wkoll interazzjoni mill-qrib mal-Parlament biex iżid il-livell ta' skrutinju u responsabilità demokratika. Sabiex jiżgura l-indipendenza tiegħu, id-Direttur Ġenerali għandu jinħatar għal mandat b'terminu fiss li ma jistax jiġġedded wara konsultazzjoni mal-ESGAB, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Barra minn hekk, bħala l-Kap responsabbli mill-Istatistika tal-UE, hu għandu jidher quddiem il-Parlament biex jiddiskuti politiki relatati mal-produzzjoni u l-governanza tal-istatistika.

 

Fl-istess ħin, għandna napplikaw dawn il-kriterji għall-kapijiet tal-NSIs biex jiġi żgurat li mhux biss ikunu indipendentement operattivi u politikament newtrali, iżda jagħtu kont lill-parlamenti rispettivi tagħhom ukoll.

 

L-Eurostat hija parti żgħira iżda importanti tal-Kummissjoni. Il-kważi 800 uffiċjal tal-Eurostat jikkoordinaw madwar 50,000 uffiċjal tal-istatistika fil-livell nazzjonali u Ewropew fis-Sistema tal-Istatistika Ewropea (SSE). Fl-istess ħin, medja ta' Eur 90 miljun huma allokati għall-Eurostat mill-baġit tal-UE. Il-ħidma tal-SSE għandha tifforma s-sinsla tat-tfassil tal-politika fl-Ewropea.

 

Fl-aħħar sentejn saru riformi kbar dwar il-governanza ekonomika tal-UE mmirati biex ittejbu l-fiduċja fis-sistema. Huwa neċessarju li jsir l-istess fis-Sistema Statistika Ewropea.

PROĊEDURA

Titolu

L-Istatistika Ewropea

Referenzi

COM(2012)0167 – C7-0101/2012 – 2012/0084(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

10.4.2012

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ECON

20.4.2012

 

 

 

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

REGI

20.4.2012

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

REGI

21.6.2012

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Edward Scicluna

7.5.2012

 

 

 

Eżami fil-kumitat

10.7.2012

6.11.2012

6.12.2012

 

Data tal-adozzjoni

18.12.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Burkhard Balz, Elena Băsescu, Jean-Paul Besset, Sharon Bowles, Udo Bullmann, George Sabin Cutaş, Leonardo Domenici, Derk Jan Eppink, Diogo Feio, Elisa Ferreira, Ildikó Gáll-Pelcz, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Liem Hoang Ngoc, Gunnar Hökmark, Wolf Klinz, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Philippe Lamberts, Werner Langen, Astrid Lulling, Ivari Padar, Alfredo Pallone, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Edward Scicluna, Peter Simon, Theodor Dumitru Stolojan, Kay Swinburne, Sampo Terho, Marianne Thyssen, Pablo Zalba Bidegain

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Herbert Dorfmann, Sari Essayah, Vicky Ford, Ashley Fox, Robert Goebbels, Sophia in ‘t Veld, Thomas Mann

Data tat-tressiq

21.12.2012