Dokument ta' sessjoni

 

A7-0437/2012

21.12.2012

RAPPORT

dwar ir-rwol tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE u tal-atturi tagħha fl-implimentazzjoni tal-politika Ewropea l-ġdida dwar l-enerġija

( 2012/2099(INI) )

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

Rapporteur: Lena Kolarska-Bobińska

 

PR_INI

WERREJ

Paġna

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW...................................3

OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija............11

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT......................................................16

 

 

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rwol tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE u tal-atturi tagħha fl-implimentazzjoni tal-politika Ewropea l-ġdida dwar l-enerġija

( 2012/2099(INI) )

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-10 ta’ Novembru 2010 bit-titolu ‘Enerġija 2020 - Strateġija għal enerġija kompetittiva, sostenibbli u b’sigurtà’ ( COM(2010)0639 ),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011 bit-titolu ‘Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050’ ( COM(2050)0885 ),

–   wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-effiċjenza enerġetika u li tirrevoka d-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE ( COM(2011)0370 ),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija ( A7-0437/2012 ),

A. billi l-objettivi komuni tal-politika Ewropea dwar l-enerġija huma s-sigurtà tal-provvista, is-sostenibilità u l-kompetittività;

B.  billi l-politika Ewropea dwar l-enerġija għandha tiżgura wkoll is-sikurezza tar-riżorsi tal-enerġija, id-diversifikazzjoni tal-provvisti u prezzijiet raġonevoli għall-utent aħħari;

C. billi l-objettivi primarji tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE huma l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tar-reġjuni tal-Ewropa permezz tal-investiment fit-tkabbir u fl-impjiegi;

D. billi l-investimenti tal-politika ta’ koeżjoni fil-qasam tal-enerġija għandhom jikkontribwixxu għat-twettiq tal-objettivi taż-żewġ politiki;

E.  billi dawn il-politiki għandhom jippromwovu t-tkabbir u l-ħolqien ta’ impjiegi lokali fir-reġjuni kollha, filwaqt li jiżguraw sorsi sostenibbli tal-enerġija u jiggarantixxu s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-UE kollha kemm hi;

F.  billi s-swieq tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea qegħdin jestendu dejjem aktar lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u billi din it-tendenza x’aktarx li tara żieda konsiderevoli fil-futur;

G.  billi skont il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni, tal-anqas 80 % tar-riżorsi tal-FEŻR f’reġjuni aktar żviluppati u 50 % f’reġjuni anqas żviluppati għandhom jiġu allokati għal “ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju”;

 

H. billi, f’dan il-qasam tematiku, hemm bżonn ta’ allokazzjoni minima ta’ 20 % u ta’ 6 % rispettivament għall-effiċjenza enerġetika u s-sorsi rinnovabbli, u billi dan hu ammont ta' finanzjament sostanzjali;

I.   billi, f’dawn l-aħħar snin, kien hemm żieda sinifikanti fil-prezz tal-enerġija u billi dan issa laħaq livelli storiċi, bil-ħolqien ta’ problemi ewlenin għall-industriji Ewropej;

J.   billi l-ammont minimu għal proġett eliġibbli għal ELENA hu ta’ EUR 50 miljun u l-ammont minimu għall-Programm Enerġija Intelliġenti jaqbeż is-EUR 6 miljun, ċifra li hi akbar mill-ispiża ta’ bosta proġetti f’komunitajiet żgħar u rurali;

K. billi l-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 jidentifika l-enerġija rinnovabbli bħala element li jaqdi rwol ewlieni fil-futur tal-politika dwar l-enerġija;

Approċċ ġenerali

 

1.  Jilqa’ l-approċċ ġenerali tar-rabta tal-politika ta’ koeżjoni mal-objettivi u l-inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020 biex jinkiseb progress fil-mixja lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u biex tiġi appoġġata l-bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u effiċjenti fl-użu tal-enerġija fis-setturi kollha; barra minn hekk, ifakkar fl-importanza tal-Fondi Strutturali u tal-Fond ta’ Koeżjoni għall-ilħiq ta’ dawn l-objettivi fuq perjodu qasir jew fit-tul skont l-ispirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri kif minqux fit-Trattat ta’ Lisbona, u għall-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku fir-reġjuni anqas żviluppati tal-UE u fil-familji l-aktar vulnerabbli;

2.  Jenfasizza, b’konsegwenza tal-effett negattiv tal-kriżi attwali fejn żdiedu d-disparitajiet lokali u reġjonali fl-Ewropa, il-ħtieġa li jingħata appoġġ qawwi mill-UE għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

3.  Jemmen li l-proġetti tal-enerġija Ewropej jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp reġjonali u kooperazzjoni transkonfinali aktar b’saħħitha billi jgħinu lir-reġjuni jkabbru l-kapaċità tagħhom għall-ġestjoni tar-riżorsi tal-enerġija; jemmen li l-investiment f'sorsi ta’ enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet u rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika u miżuri oħra jistgħu jirriżultaw fl-appoġġ għat-tkabbir u l-impjiegi;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn l-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni li jikkontribwixxu għall-Istrateġija Ewropa 2020, minn naħa, u l-għanijiet usa’ tal-politika tal-UE dwar l-enerġija, min-naħa l-oħra, li jaffettwaw ukoll lill-pajjiżi eliġibbli għall-finanzjament ta’ koeżjoni; jenfasizza li l-fondi ta’ koeżjoni jistgħu jintużaw bħala sors addizzjonali ta’ finanzjament għal proġetti tal-enerġija biss jekk proġett jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni;

5.  Jemmen li r-reġjuni tal-Ewropa għandhom jippromwovu takbbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv li jikkunsidra l-ispeċifiċitajiet u l-kundizzjonijiet lokali, filwaqt li jħallu biżżejjed flessibilità lir-reġjuni biex jiffukaw fuq dawk is-sorsi tal-enerġija sostenibbli li huma l-aktar adatti għall-kundizzjonijiet u r-riżorsi lokali u reġjonali, sabiex jinkisbu l-miri tal-UE 2020, u li l-UE għandha tibda tkejjel u timplimenta l-objettivi tal-enerġija Ewropej fuq skala mifruxa fl-UE kollha;

6.  Jitlob għall-mobilizzazzjoni ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli fi ħdan l-UE biex isiru aktar effiċjenti billi jsir sforz lejn sistema ta’ inċentivi dwar sorsi rinnovabbli għall-UE kollha, li permezz tagħhom tipi ta’ sorsi rinnovabbli speċifiċi jkunu jistgħu jiġu mobilizzati f’dawk il-partijiet tal-UE fejn huma l-aktar effiċjenti, u b’hekk titnaqqas l-ispiża tal-promozzjoni tagħhom u l-allokazzjoni effiċjenti tal-fondi tkun garantita;

7.  Jirrakkomanda li jitqies il-fatt li s-swieq tal-enerġija Ewropej huma organizzati fi gruppi reġjonali u huwa tal-fehma li għandha titkompla tingħata attenzjoni akbar lill-fatturi speċifiċi tas-swieq nazzjonali u reġjonali sabiex ikun iggarantit l-infurzar xieraq tar-regolamenti leġiżlattivi;

8.  Huwa tal-fehma li l-Unjoni Ewropea għandha taġixxi malajr kemm jista’ jkun biex tiżgura l-futur enerġetiku tagħha u tipproteġi l-interessi tagħha f’dan il-qasam, u dan se jinvolvi li ssir pressjoni addizzjonali fuq ir-rappreżentanti lokali u reġjonali biex jikkonformaw mal-linji gwida tal-UE; huwa tal-fehma li fl-istess ħin għandhom jingħataw għajnuna finanzjarja sostanzjali għat-tfassil ta’ proġetti;

9.  Jenfasizza li ż-żidiet ippjanati fl-ipprezzar tal-enerġija jistgħu jqiegħdu fi żvantaġġ partikolari lil dawk iċ-ċittadini li jinsabu fir-reġjuni anqas żviluppati tal-UE; jitlob, għalhekk, li dan jiġi kkunsidrat fl-ippjanar tal-politika ta’ koeżjoni u jitlob li l-Istati Membri jieħdu miżuri addizzjonali biex jitnaqqsu l-effetti, speċjalment għall-konsumaturi protetti;

Bini tal-kapaċità

10. Jenfasizza li l-miri attwali fil-qasam tal-klima u l-enerġija, u kwalunkwe għan futur fil-qasam tal-enerġija lil hinn mill-2020, għandhom jiġu bbażati fuq il-kondiviżjoni ġusta tal-piż bejn ir-reġjuni Ewropej u għandhom jippermettulhom il-possibilità ta’ żvilupp futur li jkun meħtieġ;

11. Jenfasizza li l-burokrazija u n-nuqqas ta’ ċarezza proċedurali għamlu l-aċċess għall-Fondi Strutturali u għall-Fond ta’ Koeżjoni diffiċli u qatgħu qalb dawk l-atturi li għandhom l-aktar bżonn tali finanzjament milli japplikaw; jappoġġa, għalhekk, is-simplifikazzjoni tar-regoli u l-proċeduri, it-tneħħija tal-burokrazija u ż-żieda tal-flessibilità fl-allokazzjoni ta’ dawn il-fondi kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali; jemmen li s-simplifikazzjoni se tikkontribwixxi għall-allokazzjoni effiċjenti tal-fondi, rati ogħla ta’ assorbiment, anqas żbalji u perjodi aktar qosra ta’ ħlas u se tippermetti lill-ifqar Stati Membri u reġjuni jieħdu vantaġġ sħiħ mill-istrumenti finanzjarji maħsuba biex jitnaqqsu d-disparitajiet reġjonali u interstatali; iqis li jrid jinstab bilanċ bejn is-simplifikazzjoni u l-istabilità tar-regoli u l-proċeduri;

12. Jenfasizza l-importanza li tiżdied il-kapaċità amministrattiva – iżda bla ma jiżdied il-piż amministrattiv – fl-Istati Membri, fil-livell reġjonali u lokali u fost il-partijiet interessati sabiex isir użu sħiħ u effikaċi tal-finanzjament li jiġi allokat għall-proġetti tal-enerġija (fosthom fl-oqsma tal-effiċjenza enerġetika u tal-enerġija rinnovabbli) fil-politika ta’ koeżjoni, biex jingħelbu l-ostakli għal sinerġiji effikaċi bejn il-Fondi Strutturali u fondi oħrajn u biex jiġu appoġġati t-tfassil u l-implimentazzjoni effikaċi tal-politiki; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu aktar sforzi biex jattiraw u jżommu persunal ikkwalifikat għall-ġestjoni tal-fondi tal-UE;

13. Jirrimarka, fir-rigward tal-proġetti tal-enerġija fuq skala kbira, li hemm il-possibilità ta’ defiċjenzi fil-kapaċità ta’ diversi awtoritajiet reġjonali u lokali, li jistgħu jxekklu serjament l-implimentazzjoni; jemmen, għalhekk, mhux biss li JESSICA, ELENA u IEE-MLEI għandhom jissaħħu, imma li kwalunkwe allokazzjoni ta’ finanzjament għal konċentrazzjonijiet tematiċi tal-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet fi ħdan il-politika ta’ koeżjoni għandha tiġi rieżaminata sal-2018 minħabba r-rata ta’ assorbiment tagħha u għandha tiġi aġġustata skont il-bżonn, u sa mhux aktar tard minn hekk fi ħdan il-qafas tar-rieżami ġenerali prospettiv tal-QFP;

14. Jilqa’ t-tnedija tas-Sħubija Ewropea għall-Innnovazzjoni ta’ Bliet u Komunitajiet Intelliġenti u jistieden lill-imsieħba rilevanti involuti fil-proċessi tal-ippjanar għal żvilupp urban sostenibbli sabiex jagħmlu aktar biex jippromwovu u jieħdu vantaġġ sħiħ mill-benefiċċji disponibbli fl-inizjattivi JESSICA u ELENA għall-investiment f’enerġija sostenibbli fil-livell lokali, bl-għan li l-bliet u r-reġjuni jingħataw l-għajnuna jibdew proġetti ta’ investiment vijabbli fl-oqsma tal-effiċjenza enerġetika, tal-fjuwils li ma tantx iniġġsu, tas-sorsi rinnovabbli tal-enerġija u tat-trasport urban sostenibbli;

15. Jenfasizza l-importanza tar-rieżami regolari tal-allokazzjoni tal-fondi ta’ koeżjoni għall-proġetti tal-enerġija, sabiex tiżdied ir-rata ta’ assorbiment u sabiex il-fondi jitwasslu fi programmi li għandhom rekord ippruvat ta’ assorbiment, valur miżjud u effikaċja;

16. Jenfasizza, filwaqt li jappoġġa strumenti finanzjarji ġodda (self, garanziji ta’ self u ekwità), li dan għandu jkun addizzjonali għall-għotjiet diretti u għall-kofinanzjament tal-proġetti tal-enerġija u mhux joħdilhom posthom;

17. Jiġbed l-attenzjoni tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni għall-fatt li l-bliet, speċjalment il-bliet żgħar u ta’ daqs medju, u l-komunitajiet rurali għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna ta’ finanzjament dirett għall-effiċjenza enerġetika u għall-proġetti tar-rinnovament tal-bini, kif ukoll proġetti transreġjonali u transkonfinali, peress li x'aktarx li dawn ikollhom nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva biex jużaw strumenti finanzjarji oħra b’mod komplet; jissuġġerixxi lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, li hemm bżonn titfassal strateġija għall-effiċjenza enerġetika għall-komunitajiet iż-żgħar;

18. Jemmen li l-inizjattivi ta’ appoġġ għall-kapaċitajiet lokali u reġjonali li jittrattaw l-iffrankar tal-enerġija għandhom jiġu sostnuti mill-investimenti tal-FEŻR u l-FSE, fost l-oħrajn;

19. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi programm ta’ kooperazzjoni fl-UE kollha, ibbażat fuq l-esperjenza tal-programmi ta’ ġemellaġġ, sabiex titjieb il-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni b’rati għolja ta’ assorbiment tal-fondi tal-UE u dawk b’rati baxxi ta’ assorbiment u sabiex jiġi ffaċilitat it-tixrid tal-aħjar prattiki;

Ftehimiet ta' sħubija

20. Jinnota li, biex il-proġetti jiġu implimentati kif suppost, l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom jiġu kkonsultati dwar il-ftehimiet ta’ sħubija b’tali mod li tingħatalhom opportunità reali li jinfluwenzaw l-għanijiet tagħhom, il-kontenut tan-nefqa u l-implimentazzjoni tagħhom; jitlob, għalhekk, li l-prinċipju ta’ sħubija jissaħħaħ;

21. Jappoġġa, għaldaqstant, governanza f’diversi livelli u approċċ deċentralizzat għall-politika dwar l-enerġija u għall-effiċjenza enerġetika, inklużi, fost l-oħrajn, il-Patt tas-Sindki u żviluppi ulterjuri fl-inizjattiva Bliet Intelliġenti, kif ukoll il-promozzjoni tal-aħjar soluzzjonijiet fil-livell reġjonali u lokali permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni;

22. Jirrimarka li l-arranġamenti tal-finanzjament mill-politika ta’ koeżjoni għandhom jiżguraw li l-karatteristiċi ekonomiċi, soċjali u territorjali differenti tar-reġjuni jiġu kkunsidrati għalkollox; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol tar-reġjuni li jinsabu fil-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea;

23. Jemmen li, filwaqt li r-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni jipprevedi assenjament ġenerali u miri tematiċi oħra, dawn il-miżuri għandhom jiġu applikati b’mod flessibbli fi ħdan il-ftehimiet ta’ sħubija biex ir-reġjuni jkunu jistgħu jsegwu l-aktar mogħdija effikaċi lejn il-kisba tal-għanijiet tal-UE 2020 u l-objettivi tal-politika ta’ koeżjoni;

24. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu applikati l-kriterji wesgħin fil-valutazzjoni tal-proġetti tal-enerġija mressqa għall-finanzjament mill-politika ta’ koeżjoni; jinnota, b’mod partikolari, li l-kundizzjonijiet ġeografiċi differenti jfissru li ma jistax ikun hemm politika dwar l-enerġija waħda għar-reġjuni kollha;

Implimentazzjoni u suġġerimenti ta’ politika

25. Jinnota li, filwaqt li l-Istati Membri qed ibiddlu t-taħlitiet enerġetiċi tagħhom skont l-għanijiet klimatiċi tal-UE, ħafna reġjuni għadhom dipendenti mill-fjuwils fossili; jemmen, għalhekk, li dawn ir-reġjuni kollha għandhom jitħeġġu jużaw sorsi tal-enerġija kompatibbli mal-għanijiet tat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, inklużi dawk ta’ natura tranżitorja, jekk jiġi ppruvat li dawn ma għandhomx effetti kollaterali jew konsegwenzi negattivi fuq in-nies jew iż-żoni fejn huma prodotti jew użati;

26. Jenfasizza l-bżonn li jintgħażlu b’mod għaqli sorsi lokali ta’ ħolqien tal-enerġija, b’tali mod li jkun żgurat li dawn jintegraw bl-aħjar mod possibbli max-xenarju reġjonali;

27. Huwa tal-fehma li hemm bżonn regoli konsistenti fil-livell Ewropew flimkien ma’ mekkaniżmu biex l-awtoritajiet jaċċessaw l-informazzjoni minn madwar l-Unjoni sabiex jifhmu bis-sħiħ l-iżviluppi tas-suq tal-enerġija;

28. Huwa tal-fehma li l-politika ta’ koeżjoni tista’ taqdi rwol ewlieni fl-isfruttament tal-potenzjal li joffru l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, sabiex l-isfidi futuri fil-qasam tal-enerġija jkunu jistgħu jinbidlu f’opportunità biex tingħata spinta ġdida lis-saħħa ekonomika tal-Unjoni;

29. Jappoġġa l-użu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u tal-politika dwar l-enerġija għall-proġetti transkonfinali ma’ pajjiżi terzi sħab u l-konnessjonijiet bejn in-netwerks nazzjonali; jenfasizza li r-reġjuni ta’ mal-konfini għandhom jiġu inkorporati fis-sistema tal-UE kemm jista’ jkun biex jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli fuq iż-żewġ naħat tal-konfini; jenfasizza li tali finanzjament għandu jkun soġġett għall-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar is-suq tal-enerġija, inkluż it-tielet pakkett tal-enerġija;

30. Jilqa’ l-proposta l-ġdida dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa bħala strument addizzjonali u komplementari għall-politika ta’ koeżjoni, bl-għan li tiġi indirizzata l-ħtieġa estensiva għall-investiment fil-modernizzazzjoni u l-espansjoni tal-infrastrutturi tal-enerġija tal-Ewropa, u b’hekk jingħata kontribut biex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmassimizza l-livell ta’ koordinament bejn il-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni, minn naħa, u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, min-naħa l-oħra;

31. Iħeġġeġ l-użu tal-objettiv ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea u tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa biex jiġu implimentati strateġiji transkonfinali dwar il-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-użu effiċjenti tal-enerġija; jenfasizza l-importanza li r-regoli tal-UE dwar dawk responsabbli għall-ġestjoni tal-infrastruttura tal-enerġija jiġu adattati għall-kuntest transkonfinali;

32. Jemmen li l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni għandhom ikunu disponibbli biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-SMEs u l-individwi jingħataw informazzjoni b’mod strutturat dwar l-iskemi nazzjonali tal-enerġija rinnovabbli; jinnota li dan huwa meħtieġ, b’mod partikolari, f’dawk l-Istati Membri fejn tkun ġiet adottata sistema ta’ ‘ċertifikat ta’ oriġini’, li għandha mnejn tiffavorizza biss il-proġetti tal-enerġija fuq skala kbira;

33. Jitlob li jsir użu sħiħ tas-sinerġiji bejn il-fondi pubbliċi u privati fil-finanzjament tal-proġetti tal-enerġija;

34. Jappoġġa r-reviżjoni tar-Regolament tal-UE dwar il-VAT (2006/112/KE) biex ikun jista’ jsir tnaqqis tar-rata tal-VAT applikata għall-proġetti reġjonali, lokali u transkonfinali li jfittxu li jżidu l-effiċjenza enerġetika u għax-xiri ta’ prodotti li jinsabu fl-ogħla klassi tal-effiċjenza enerġetika skont id-Direttiva 2010/30/UE;

35. Jemmen li għandhom jiġu esklużi mill-FEŻR u mill-Fond ta’ Koeżjoni dawk il-proġetti biss immirati lejn it-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra li jiffukaw fuq impjanti elenkati fl-Anness 1 għad-Direttiva 2003/87/KE, sabiex ma jinħoloqx effett sproporzjonat fuq ir-reġjuni anqas żviluppati u sabiex ma tiddewwimx it-tranżizzjoni tagħhom lejn reġjuni b’livell baxx ta’ emissjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiċċara u tiddefinixxi liema setturi enerġetiċi ma jkunux eliġibbli għall-finanzjament mill-politika ta’ koeżjoni u tirtira din l-esklużjoni mill-proġetti li jinsabu fir-reġjuni ta’ konverġenza;

36. Jinnota li l-impjanti ta’ tisħin distrettwali u ta’ koġenerazzjoni huma mifruxa ħafna speċjalment fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant; jemmen li t-tiġdid ta’ tali impjanti u tan-netwerk ta’ distribuzzjoni tagħhom u, fejn meħtieġ, il-ħolqien ta’ impjanti ġodda ta’ effiċjenza għolja għandu jkollhom impatt ambjentali pożittiv u għalhekk għandhom jiġu inkoraġġiti u appoġġati mill-politika ta’ koeżjoni;

Effiċjenza enerġetika, sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u infrastruttura

37. Jaqbel li l-effiċjenza enerġetika hija vitali għall-għanijiet enerġetiċi tal-UE u għandha tiġi promossa fuq kollox fi ħdan l-istruttura tal-konċentrazzjoni tematika u l-programmi operazzjonali; jemmen li l-miżuri tal-UE għandhom jappoġġaw l-effiċjenza enerġetika fil-fażijiet ta’ produzzjoni, distribuzzjoni u konsum tal-enerġija; jinnota li, filwaqt li l-finanzjament għall-enerġija mill-politika ta’ koeżjoni bħalissa qed jintefaq l-aktar fuq sorsi rinnovabbli, irid jintlaħaq bilanċ aħjar sabiex ikun jista’ jiġi allokat persentaġġ ogħla għall-proġetti mmirati lejn l-effiċjenza enerġetika;

38. Jikkunsidra ta’ importanza ewlenija li jsiru investimenti fl-effiċjenza enerġetika u l-użu tal-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari fis-settur tad-djar;

39. Huwa tal-fehma li l-użu intelliġenti tal-fondi Komunitarji għall-perjodu ta’ pprogrammar li jmiss 2014-2020 jippermetti li tintlaħaq il-mira ta’ 20 % għall-effiċjenza enerġetika u b’hekk li jintlaħqu l-objettivi tas-sostenibilità u tal-kompetittività fl-Unjoni Ewropea; jenfasizza li t-tnaqqis fil-konsum permezz tal-effiċjenza enerġetika huwa l-aktar mod sostenibbli kif titnaqqas id-dipendenza mill-fjuwils fossili, billi jwassal għal tnaqqis ta’ madwar 25 % fl-importazzjonijiet;

40. Jenfasizza l-importanza tal-politika ta’ koeżjoni, u tar-riżorsi finanzjarji allokati għaliha, għall-iżvilupp sħiħ ta’ infrastruttura u netwerks għall-ħżin u t-trażmissjoni tal-enerġija (b’referenza partikolari għan-netwerks u d-distribuzzjoni intelliġenti) bejn l-Istati Membri u r-reġjuni kollha tal-UE, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi, għall-ikkompletar u l-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija, għall-forniment ta’ provvista tal-enerġija bi prezz raġonevoli, sikura u sostenibbli u biex jintlaħaq l-għan tal-konverġenza fost ir-reġjuni tal-UE, filwaqt li jitqiesu l-bżonnijiet taċ-ċittadini tal-UE f’kull Stat Membru; jenfasizza li l-ebda reġjun tal-Istati Membri m’għandu jibqa’ iżolat min-netwerks Ewropej tal-gass u tal-elettriku wara l-2015 jew ikollu konnessjoni mhux adegwata għan-netwerks tal-enerġija;

41. Jenfasizza l-bżonn ta’ żvilupp ta’ sistema enerġetika integrata u interkonnessa, u netwerks lokali u reġjonali intelliġenti ta’ distribuzzjoni u trażmissjoni għall-elettriku u l-gass, flimkien ma’ faċilitajiet għall-ħżin; jemmen li l-konċentrazzjoni tematika tal-enerġija għandha tappoġġa l-ħolqien u r-rinnovament tan-netwerks għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, jiġifieri l-produzzjoni sostenibbli ta’ bijogass;

42. Iqis li, fid-dawl tat-talbiet reġjonali, il-finanzjament għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għandu jiffoka primarjament fuq id-distribuzzjoni lokali tal-enerġija/fjuwil prodotti u fuq il-proġetti tal-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira; jinnota li l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli fuq skala kbira spiss jew jiffokaw fuq it-trażmissjoni ta’ din l-enerġija barra mir-reġjun tal-produzzjoni tagħha jew isibu li n-netwerks lokali ma għandhomx il-kapaċità li jassorbu din l-enerġija intermittenti;

43. Jinnota li l-politika ta’ koeżjoni għandha tikkontribwixxi għall-bilanċ tal-flussi tal-enerġija bejn il-fruntieri tal-Istati Membri sabiex ikun evitat kemm jista’ jkun it-theddid ta’ qtugħ tad-dawl (pereżempju permezz ta’ transformers);

44. Jinnota l-ħtieġa tal-effiċjenza enerġetika u l-iżvilupp ta’ enerġija rinnovabbli fiż-żoni rurali; jenfasizza l-potenzjal dejjem akbar ta’ ffrankar ta’ enerġija fl-unitajiet domestiċi rurali, li jafu jeħtieġu skemi ta’ finanzjament innovattivi peress li dawn il-komunitajiet ma għandhomx l-istituzzjonijiet finanzjarji meħtieġa bil-kapaċità li jappoġġaw tali proġetti; jappoġġa passi biex jiġi aġevolat l-aċċess għal teknoloġiji ġodda għaż-żoni rurali, speċjalment fil-qasam tal-mikroġenerazzjoni;

45. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-politika dwar l-enerġija tkun ‘tajba għaż-żoni rurali’ billi tindirizza l-isfidi ffaċċjati miż-żoni rurali fl-użu tal-enerġija u fil-produzzjoni b’mod aktar komprensiv u kkoordinat;

46. Jenfasizza li minħabba raġunijiet finanzjarji ovvji, in-netwerk ta’ gass naturali qatt mhu se jkopri ċerti partijiet tat-territorju rurali fl-UE u, għalhekk, l-LPG u l-LNG jista’ jkollhom rwol ta’ sostenn għall-enerġiji rinnovabbli f’ċerti żoni barra min-netwerk, biex b’hekk jagħtu l-istess benefiċċji ambjentali tal-gass naturali;

47. Jindika li l-potenzjal ta’ effiċjenza enerġetika fis-setturi tal-kostruzzjoni u tat-trasport għadu mhux sfruttat, fejn l-investimenti fit-tisħin tal-bini u t-trasport pubbliku effiċjenti fl-użu tal-enerġija jirrappreżentaw opportunità ta’ żieda ta’ impjieg fis-setturi kkonċernati; jemmen li, f’dan ir-rigward, għandhom jiġu stabbiliti objettivi multiannwali;

48. Jinnota l-iżbilanċ li hemm fl-użu tar-riżorsi sostenibbli bejn l-Istati Membri differenti; jinsisti dwar l-ekonomiji ta’ skala li huma possibbli permezz tal-kooperazzjoni transkonfinali fir-rigward tal-użu sostenibbli tar-riżorsi u tal-effiċjenza enerġetika; huwa tal-fehma li għandhom jiżdiedu l-miżuri għall-għoti ta’ appoġġ lill-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u r-riċiklaġġ tal-materjali; jenfasizza r-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta’ karbonju u l-effett tiegħu fuq l-iżvilupp reġjonali u l-koeżjoni soċjali u, għalhekk, jemmen li għandu jinħoloq bilanċ bejn l-implimentazzjoni tal-objettivi klimatiċi tagħna u s-sigurtà enerġetika tar-reġjuni Ewropej, billi dan huwa meħtieġ għat-tkabbir sostenibbli u kompetittiv;

49. Jenfasizza l-vantaġġ sinifikanti li l-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni jintużaw għall-implimentazzjoni ta’ netwerks ta’ informazzjoni u komunikazzjoni meħtieġa sabiex jiġi żviluppat netwerk tal-enerġija intelliġenti tal-UE li jkun sikur u robust;

Il-kompetittività, l-impjiegi u l-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku

50. Jenfasizza li l-investimenti fl-infrastruttura tal-enerġija u fil-kostruzzjoni u t-trasport effiċjenti fl-użu tal-enerġija se jwasslu direttament għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda;

51. Jitlob skambju tal-aħjar prattiki madwar l-UE sabiex ikun jista’ jsir monitoraġġ tal-impatt fuq il-faqar enerġetiku tal-politiki adottati fil-qasam tal-enerġija;

52. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi indirizzata l-frammentazzjoni tas-suq tal-enerġija tal-UE billi jitneħħew l-ostakli u l-konġestjonijiet fl-oqfsa leġiżlattivi rilevanti u fis-sistema ta’ aċċess għall-fondi pubbliċi u privati għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ proġetti;

53. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

8.11.2012

OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar ir-rwol tal-politika ta' koeżjoni tal-UE u l-atturi tagħha fl-implimentazzjoni tal-politika Ewropea l-ġdida dwar l-enerġija

( 2012/2099(INI) )

Rapporteur għal opinjoni: Ioan Enciu

 

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-approċċ ġenerali tar-rabta tal-politika ta' koeżjoni mal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin tagħha għall-mixja lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u biex tiġi appoġġata l-bidla lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u effiċjenti fl-użu tal-enerġija fis-setturi kollha; barra minn hekk, ifakkar fl-importanza tal-Fondi Strutturali u tal-Fond ta' Koeżjoni biex jintlaħqu dawn l-objettivi fuq perjodu qasir jew fit-tul skont l-ispirtu ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri kif minqux fit-Trattat ta' Lisbona, u għall-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku fir-reġjuni l-anqas żviluppati tal-UE u fil-familji l-aktar vulnerabbli;

2.  Huwa tal-fehma li l-objettiv tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea tal-politika ta' koeżjoni, flimkien mal-istrateġiji makroreġjonali, jistgħu jżidu l-opportunitajiet ta' kooperazzjoni għal proġetti transkonfinali bl-għan li jinkisbu interkonnessjonijiet effiċjenti u intelliġenti bejn sorsi tal-enerġija lokali u reġjonali u grids kbar tal-enerġija; għalhekk, jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni reġjonali effettiva fl-identifikazzjoni tal-prijoritajiet tal-infrastruttura reġjonali u fl-implimentazzjoni ta' proġetti ta' interess komuni; jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni f'livell nazzjonali u Ewropew bejn il-muniċipalitajiet u r-reġjuni, li tista' tikkontribwixxi biex jitneħħew il-gżejjer tal-enerġija, jitlesta s-suq intern tal-enerġija u jiġu implimentati proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi programm ta' kooperazzjoni fl-UE kollha, ibbażat fuq l-esperjenza tal-programmi ta' ġemellaġġ, sabiex titjieb il-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni b'rati għolja ta' assorbiment ta' fondi tal-UE u dawk b'rati baxxi ta' assorbiment u biex jiġi ffaċilitat it-tixrid tal-aħjar prattiki;

3.  Jenfasizza li l-burokrazija u n-nuqqas ta' ċarezza proċedurali għamlu l-aċċess għall-Fondi Strutturali u għall-Fond ta' Koeżjoni diffiċli u qatgħu qalb dawk l-atturi li għandhom l-aktar bżonn tali finanzjament milli japplikaw; għalhekk, jappoġġa s-simplifikazzjoni tar-regoli u l-proċeduri, it-tneħħija tal-burokrazija, u ż-żieda tal-flessibbiltà fl-allokazzjoni ta' dawn il-fondi kemm f'livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE; jemmen li s-simplifikazzjoni tikkontribwixxi għall-allokazzjoni effiċjenti tal-fondi, rati ogħla ta' assorbiment, anqas żbalji u perjodi aktar qosra ta' pagament u tippermetti lill-ifqar Stati Membri u reġjuni jieħdu vantaġġ sħiħ mill-istrumenti finanzjarji maħsuba biex jitnaqqsu d-disparitajiet reġjonali u interstatali; iqis li jrid jinstab bilanċ bejn is-simplifikazzjoni u l-istabbiltà tar-regoli u l-proċeduri;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi indirizzata l-frammentazzjoni tas-suq tal-enerġija tal-UE billi jitneħħew l-ostakli u l-konġestjonijiet fl-oqfsa leġiżlattivi rilevanti u fis-sistema ta' aċċess għall-fondi pubbliċi u privati għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' proġetti;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn l-għanijiet tal-politika ta' koeżjoni li jikkontribwixxu għall-istrateġija Ewropa 2020, minn naħa waħda, u l-għanijiet usa' tal-politika tal-enerġija tal-UE, min-naħa l-oħra, li jaffettwaw ukoll lill-pajjiżi eliġibbli għall-finanzjament ta' koeżjoni; jenfasizza li l-fondi ta' koeżjoni jistgħu jintużaw bħala sors addizzjonali ta' finanzjament għal proġetti ta' enerġija biss jekk proġett jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-politika ta' koeżjoni;

6.  Jilqa' t-tnedija tas-Sħubija Ewropea għall-Innnovazzjoni ta' Bliet u Komunitajiet Intelliġenti u jistieden lill-imsieħba rilevanti involuti fil-proċessi tal-ippjanar għal żvilupp urban sostenibbli biex jagħmlu aktar biex jippromwovu, u jieħdu vantaġġ sħiħ minn, il-benefiċċji disponibbli fl-inizjattivi JESSICA u ELENA għall-investiment f'enerġija sostenibbli fil-livell lokali, bl-għan li l-bliet u r-reġjuni jiġu megħjuna jibdew proġetti ta' investiment vijabbli fl-oqsma tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, tal-fjuwils li ma tantx iniġġsu, tas-sorsi rinnovabbli ta' enerġija u tat-trasport urban sostenibbli;

7.  Jenfasizza l-importanza tal-politika ta' koeżjoni, u tar-riżorsi finanzjarji allokati għaliha, għall-iżvilupp sħiħ ta' infrastruttura u netwerks għall-ħżin u t-trażmissjoni tal-enerġija (b'referenza partikolari għall-grids u d-distribuzzjoni intelliġenti) bejn l-Istati Membri u r-reġjuni kollha tal-UE, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi, għall-ikkompletar u l-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija, għall-forniment ta' provvista tal-enerġija għall-but ta' kulħadd, sikura u sostenibbli u biex jintlaħaq l-għan tal-konverġenza fost ir-reġjuni tal-UE, filwaqt li jitqiesu l-bżonnijiet taċ-ċittadini tal-UE f'kull Stat Membru; jenfasizza li l-ebda reġjun tal-Istati Membri m'għandu jibqa' iżolat min-netwerks Ewropej tal-gass u tal-elettriku wara l-2015 jew ikollu konnessjoni mhux adegwata għan-netwerks tal-enerġija;

8.  Jinnota li l-użu tal-Fondi Strutturali u tal-Fond ta' Koeżjoni għal programmi li jiffinanzjaw il-proġetti dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli s'issa kien ta' suċċess u kkontribwixxa għall-ilħuq tal-għanijiet tal-politika tal-UE;

9.  Iqis li huwa ta' importanza fundamentali li jkunu jistgħu jintużaw il-Fondi Strutturali, il-Fond ta' Koeżjoni u strumenti finanzjarji oħra u ta' lieva biex jiġu ffinanzjati l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-użu tal-enerġija rinnovabbli, b'mod partikolari fis-settur tad-djar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, biex jistabbilixxu mekkaniżmi finanzjarji innovattivi u biex jiffaċilitaw l-użu tal-fondi msemmija hawn fuq biex jiġu ffinanzjati proġetti fil-qasam tal-bini effiċjenti fl-użu tal-enerġija, il-ġenerazzjoni u t-trasport tal-enerġija, f'livell lokali u reġjonali, billi joffru inċentivi, għotjiet u self, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jxerrdu informazzjoni ċara u faċilment aċċessibbli dwar l-istrumenti finanzjarji, l-inċentivi, l-għotjiet u s-self disponibbli bħala appoġġ għal proeġtti ta' servizz ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija; jenfasizza li, sabiex titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ta' bini residenzjali ġdid u eżistenti u jiżdied l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, il-miżuri ppjanati skont il-Fondi Strutturali għandhom jidhru wkoll fil-programmi operattivi reġjonali tal-Istati Membri, biex b'hekk ikun żgurat li d-deċiżjonijiet finali jittieħdu f'livell reġjonali.

10. Jenfasizza l-importanza tal-integrazzjoni tad-dimensjonijiet tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-istrateġiji ta' riċerka u innovazzjoni għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti li l-Istati Membri u r-reġjuni se jkollhom ifasslu biex jaċċessaw il-finanzjament tal-innovazzjoni skont il-politika ta' koeżjoni tal-ġejjieni; jinnota li l-awtoritajiet u l-partijiet interessati reġjonali u lokali għandhom rwol ewlieni x'jaqdu fl-implimentazzjoni tal-innovazzjonijiet l-aktar meħtieġa fis-settur tal-enerġija jekk l-UE trid li tilħaq il-miri tagħha rigward l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

11. Jenfasizza l-fatt li l-politika ta' koeżjoni u l-fondi allokati lilha għandhom jingħataw b'mod aktar effettiv, abbażi tal-prinċipji tal-proporzjonalità, il-kosteffikaċja u r-responsabbiltà; għalhekk, jappoġġa l-użu ta' strumenti finanzjarji bħala lieva għall-investiment tas-settur privat, b'mod speċjali fir-rigward ta' proġetti kbar marbutin mal-infrastruttura tal-enerġija, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli;

12. Jenfasizza l-importanza tar-rieżami regolari tal-allokazzjoni tal-fondi ta' koeżjoni għall-proġetti tal-enerġija, sabiex tiżdied ir-rata ta' assorbiment u twassal il-fondi fi programmi li għandhom rekord ippruvat ta' assorbiment, valur miżjud u effikaċja;

13. Jenfasizza l-vantaġġ sinifikanti li l-Fondi Strutturali u l-Fond ta' Koeżjoni jintużaw għall-implimentazzjoni ta' netwerks ta' informazzjoni u komunikazzjoni meħtieġa sabiex jiġi żviluppat grid tal-enerġija intelliġenti tal-UE li jkun sikur u robust;

14. Huwa tal-istess fehma tal-Kummissjoni rigward il-fatt li jitħeġġeġ u jiżdied l-użu tal-istrumenti finanzjarji bħala parti mill-politika ta' koeżjoni, filwaqt li jitqiesu l-iskarsezza finanzjarja attwali u l-ħtiġijiet finanzjarji tal-UE sabiex titwettaq l-istrateġija Ewropa 2020; iqis li dawn l-istrumenti jistgħu jipprovdu appoġġ effiċjenti u effikaċi għal investiment fi proġetti b'vijabbiltà ekonomika potenzjali u joħolqu effett ta' lieva billi jimmobilizzaw koinvestimenti pubbliċi jew privati addizzjonali sabiex jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq fis-settur tal-enerġija filwaqt li jiġu minimizzati d-distorsjonijiet tas-suq; jemmen li l-istrumenti finanzjarji għandhom jitfasslu għall-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni u tar-riċevituri speċifiċi tagħhom, biex b'hekk jittejjeb b'mod sinifikanti l-aċċess għall-finanzjament għal firxa wiesgħa ta' atturi soċjoekonomiċi fil-prattika;

15. Jenfasizza l-importanza li tiżdied il-kapaċità amministrattiva – iżda bla ma jiżdied il-piż amministrattiv – fl-Istati Membri, f'livell reġjonali u lokali u fost il-partijiet interessati sabiex isir użu sħiħ u effikaċi tal-finanzjament li jiġi allokat għall-proġetti tal-enerġija (fosthom fl-oqsma tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli) fil-politika ta' koeżjoni, biex jingħelbu l-ostakli għal sinerġiji effikaċi bejn il-Fondi Strutturali u fondi oħrajn u biex jiġu appoġġati t-tfassil u l-implimentazzjoni effikaċi tal-politiki; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu aktar sforzi biex jattiraw u jżommu persunal ikkwalifikat għall-ġestjoni tal-fondi tal-UE;

16. Jilqa' l-proposta l-ġdida dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa bħala strument addizzjonali u komplementari għall-politika ta' koeżjoni, bl-għan li tiġi indirizzata l-ħtieġa estensiva għall-investiment fil-modernizzazzjoni u l-espansjoni tal-infrastrutturi tal-enerġija tal-Ewropa, u b'hekk jingħata kontribut biex jintlaħqu l-miri tal-istrateġija Ewropa 2020; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmassimizza l-livell ta' koordinazzjoni bejn il-Fondi Strutturali u l-Fond ta' Koeżjoni, minn naħa waħda, u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, min-naħa l-oħra.

 

 

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

 

Data tal-adozzjoni

5.11.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

43

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriele Albertini, Josefa Andrés Barea, Jean-Pierre Audy, Ivo Belet, Jan Březina, Giles Chichester, Jürgen Creutzmann, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Vicky Ford, Adam Gierek, Fiona Hall, Jacky Hénin, Kent Johansson, Romana Jordan, Krišjānis Kariņš, Béla Kovács, Angelika Niebler, Jaroslav Paška, Aldo Patriciello, Vittorio Prodi, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Michèle Rivasi, Amalia Sartori, Salvador Sedó i Alabart, Francisco Sosa Wagner, Britta Thomsen, Evžen Tošenovský, Catherine Trautmann, Claude Turmes, Marita Ulvskog, Adina-Ioana Vălean, Alejo Vidal-Quadras

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Yves Cochet, Ioan Enciu, Roger Helmer, Jolanta Emilia Hibner, Gunnar Hökmark, Yannick Jadot, Werner Langen, Zofija Mazej Kukovič, Franck Proust, Silvia-Adriana Ţicău

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Phil Bennion, Christian Engström

 

 

 

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.12.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

17

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Luís Paulo Alves, Charalampos Angourakis, Victor Boştinaru, John Bufton, Nikos Chrysogelos, Tamás Deutsch, Rosa Estaràs Ferragut, Danuta Maria Hübner, María Irigoyen Pérez, Seán Kelly, Mojca Kleva Kekuš, Constanze Angela Krehl, Jacek Olgierd Kurski, Petru Constantin Luhan, Ramona Nicole Mănescu, Vladimír Maňka, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Miroslav Mikolášik, Ana Miranda, Jan Olbrycht, Wojciech Michał Olejniczak, Younous Omarjee, Markus Pieper, Georgios Stavrakakis, Csanád Szegedi, Nuno Teixeira, Lambert van Nistelrooij, Justina Vitkauskaite, Oldřich Vlasák, Joachim Zeller, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Ivars Godmanis, Karin Kadenbach, Evgeni Kirilov, Lena Kolarska-Bobińska, Maurice Ponga, Elisabeth Schroedter, Derek Vaughan

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Olle Ludvigsson