Dokument ta' sessjoni

 

A7-0053/2013

8.4.2013

RAPPORT

dwar kummerċ u tkabbir ibbażat fuq l-investiment għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw

( 2012/2225(INI) )

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

Rapporteur: Tokia Saïfi

Rapporteur għal opinjoni (*):

Alf Svensson, Kumitat għall-Iżvilupp

 

(*)  Proċedura b'kumitati assoċjati – Artikolu 50 tar-Regoli ta’ Proċedura

 

 

PR_INI

WERREJ

Paġna

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW...................................3

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp....................................................................16

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT......................................................21

(*)       Proċedura b'kumitati assoċjati – Artikolu 50 tar-Regoli ta’ Proċedura

 

 

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar kummerċ u tkabbir ibbażat fuq l-investiment għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw

( 2012/2225(INI) )

Il-Parlament Ewropew,

– wara li kkunsidra l-Artikoli 207 u 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Il-kummerċ, it-tkabbir u l-iżvilupp - It-tfassil tal-politika tal-kummerċ u tal-investiment għal dawk il-pajjiżi l-iktar fil-bżonn" ( COM(2012)0022 ),

– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija – Il-Politika tal-Kummerċ bħala element prinċipali mill-Istrategija tal-UE 2020" ( COM(2010)0612 ),

– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "It-titjib tal-appoġġ tal-UE lil pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jimmobilizzaw il-finanzjament għall-iżvilupp" ( COM(2012)0366 ),

– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni" ( COM(2011)0303 ),

– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp – Aġenda għall-Bidla" ( COM(2011)0637 ),

– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Ewropa Globali: Approċċ Ġdid għall-iffinanzjar tal-azzjoni esterna tal-UE" ( COM(2011)0865 ),

– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Lejn politika komprensiva ta' investiment internazzjonali Ewropew" ( COM(2010)0343 ),

– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva" ( COM(2011)0681 ),

– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Lejn Strateġija tal-UE dwar Għajnuna għall-Kummerċ - il-kontribut tal-Kummissjoni" ( COM(2007)0163 ),

– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni "Kummerċ u Żvilupp – Ngħinu lill-Pajjiżi li qed Jiżviluppaw Jibbenefikaw mill-Kummerċ" ( COM(2002)0513 ),

– wara li kkunsidra r-Rapport tal-2012 dwar ir-Responsabbiltà tal-UE rigward il-Finanzjament għall-Iżvilupp, b'mod partikulari t-taqsima dwar l-għajnuna għall-kummerċ (SWD(2012)199),

– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u l-Unjoni Ewropea, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000, u r-reviżjonijiet tiegħu fl-2005 u l-2010,

– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-Ftehimiet ta' Kummerċ Internazzjonali[1], dwar il-Politika dwar il-Kummerċ Internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima[2] u dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali[3],

– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2007 dwar l-Għajnuna tal-UE għall-Kummerċ[4],

– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-ftehimiet ta' sħubija ekonomika mar-reġjuni u l-Istati tal-AKP[5],

– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar Politika Kummerċjali Ġdida għall-Ewropa fl-ambitu tal-Istrateġija EWROPA 2020[6],

– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati[7],

– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2012 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 fir-rigward tal-esklużjoni ta' għadd ta' pajjiżi mil-lista ta' reġjuni jew stati li kkonkludew in-negozjati[8],

– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2011 dwar il-politika Ewropea futura ta' investiment internazzjonali[9],

– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi arranġamenti tranżizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta' investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi[10],

– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2012 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji[11],

– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1063/2010 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju[12],

– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Marzu 2012 dwar l-approċċ tal-UE għall-kummerċ, it-tkabbir u l-iżvilupp fid-deċennju li jmiss u tal-15 ta' Ottubru 2012 dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp,

– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2010 dwar l-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fuq il-kooperazzjoni għall-iżvilupp[13],

– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta' Settembru 2012[14],

– wara li kkunsidra l-programm ta' ħidma tad-WTO fir-rigward tal-għajnuna għall-kummerċ għall-2012–2013,

– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-Kunsill u mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni dwar il-Politika ta' Żvilupp tal-Unjoni Ewropea bit-titolu "Il-Kunsens Ewropew"[15],

– wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ: It-tisħiħ tal-appoġġ tal-UE għall-ħtiġijiet relatati mal-kummerċ f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, adottata fil-15 ta' Mejju 2007,

– wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni ta' Almaty għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw mingħajr kosta tat-28-29 ta' Awwissu 2003,

– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċità tal-Għajnuna tat-2 ta' Marzu 2005 u s-Sħubija ta' Busan għal Kooperazzjoni Effikaċi li tkun taqdi l-Iżvilupp tal-1 ta' Diċembru 2011,

– wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni ta' Istanbul għall-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati għad-Deċennju 2011-2020[16],

– wara li kkunsidra "Il-Kunsens ta' Seul fir-rigward tal-Iżvilupp għal Tkabbir Kondiviż" adottat fis-Summit tal-G-20 ta' Seul tal-11-12 ta' Novembru 2010,

– wara li kkunsidra r-Rapport tal-UNCTAD dwar l-Investiment fid-Dinja tal-2012, il-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) tal-2011 dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-ftehimiet ta' kummerċ u ta' investiment fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-Prinċipji tal-UNCTAD/FAO/Bank Dinji/IFAD għal Investiment Agrikolu Responsabbli, ir-Reviżjoni tal-2011 tal-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali, il-Mandat ta' Doha adottat fil-Konferenza Ministerjali XIII tal-UNCTAD fl-2012 u l-Konferenza Rio+20 fl-2012,

– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp ( A7-0053/2013 ),

A. billi l-politika kummerċjali u ta' investiment tal-Unjoni għandha tkun gwidata mill-prinċipji ġenerali tal-azzjoni esterna tagħha kif stabbiliti fl-Artikoli 3 u 21 tat-Trattat UE, u għandha tikkontribwixxi "[għall-iżvilupp] sostenibbli tal-pjaneta, [...] il-kummerċ liberu u ġust, il-qerda tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem [...]";

B.  billi l-Artikoli 207 u 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea huma interkonnessi; billi l-Artikolu 207 jistabbilixxi li l-politika kummerċjali tal-UE għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni; billi l-Artikolu 208 jirrikjedi li l-politiki tal-Unjoni li x'aktarx jolqtu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom iqisu l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

C. billi l-kummerċ u l-investiment bejn l-UE, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-pajjiżi l-anqas żviluppati huma mezz biex dawn l-objettivi jinkisbu billi jitqanqal it-tkabbir sostenibbli u inklużiv tal-partijiet kollha b'mod li jiffaċilita t-trasferiment ta' teknoloġiji u ħiliet u jgħin fil-ħolqien tax-xogħol, waqt li jippermetti ż-żieda tal-kompetittività u l-produttività, il-kisba ta' koeżjoni soċjali akbar u l-ġlieda kontra l-inugwaljanza;

D. billi waħedhom il-kummerċ u l-investiment ma jistax ikollhom impatt deċiżiv fuq it-tkabbir u l-iżvilupp sostenibbli, peress li d-dgħufijiet strutturali (livelli insuffiċjenti ta' kapital uman, ta' governanza u ta' infrastrutturi, settur privat dgħajjef, dipendenza qawwija fuq l-esportazzjonijiet tal-materja prima, diversifikazzjoni dgħajfa tal-esportazzjonjiet, spejjeż kummerċjali għoljin, eċċ.) li jbatu minnhom il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inklużi l-pajjiżi l-anqas żviluppati, ixekklu l-aċċess sħiħ tagħhom għall-kummerċ dinji;

E.  billi l-politika kummerċjali u ta' investiment tal-Unjoni Ewropea għall-appoġġ tat-tkabbir tal-pajjiżi benefiċjarji għandha tkun ikkoordinata mal-objettivi ta' żvilupp stabbiliti mill-awtoritajiet responsabbli, tikkonforma mal-prinċipju ta' koerenza għall-iżvilupp, tiġi akkumpanjata b'għajnuna teknika u finanzjarja, u fejn ikun xieraq, bl-iżvilupp ta' sħubijiet Tramuntana-Nofsinhar, transkonfinali u Nofsinhar-Nofsinhar bejn is-settur pubbliku u dak privat;

F.  billi, fl-2010, il-kummerċ Nofsinhar-Nofsinhar laħaq it-23% tal-kummerċ dinji; billi, skont ir-Rapport tad-WTO dwar il-Kummerċ Dinji tal-2011, il-ftehimiet preferenzjali Nofsinhar-Nofsinhar jirrappreżentaw żewġ terzi tat-totalità ta' dawn il-ftehimiet, meta mqabbel ma' kwart biss għall-ftehimiet Tramuntana-Nofsinhar; billi, skont ir-Rapport dwar l-Investiment fid-Dinja tal-2012, l-ekonomiji emerġenti jakkumulaw kważi nofs l-investiment dirett barrani (IDB) fid-dinja;

G. billi ħafna pajjiżi għadhom mhux qed jibbenefikaw kompletament mill-kummerċ, u l-proporzjon tal-pajjiżi l-anqas żviluppati fil-PDG tad-dinja qed jonqos; billi, minkejja rata għolja ta’ tkabbir ekonomiku, id-49 pajjiż l-anqas żviluppati jirrappreżentaw biss 1,12 % tal-kummerċ dinji; billi l-kummerċ ma pprovdiex benefiċċji ndaqs għall-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw u f’xi każijiet intensfika l-inugwaljanzi soċjali;

H. billi l-ekonomiji emerġenti l-kbar, li għadhom jaqgħu fil-kategorija ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw, huma fl-istess ħin kemm donaturi u kemm benefiċjarji tal-għajnuna għall-kummerċ; billi l-UE u l-pajjiżi żviluppati l-oħra għandhom jagħtu aktar kas tal-istatus kumpless ta' dawn il-protagonisti ġodda u tal-importanza u l-ispeċifiċitajiet tagħhom, sabiex jadattaw l-offerta tagħhom ta' għajnuna għall-kummerċ;

I.   billi l-miżuri kummerċjali u ta' investiment għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli jista' jkollhom oriġini u jistgħu jieħdu suriet ferm differenti; billi fit-territorju tal-istess pajjiż jistgħu jitwettqu diversi programmi u azzjonijiet, imma nuqqas ta' koordinament jista' jnaqqas l-effikaċja u r-rilevanza tagħhom, u fl-aħħar mill-aħħar idgħajjef il-fiduċja taċ-ċittadin f'dawn il-miżuri;

J.   billi l-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-akbar donaturi ta' għajnuna għall-kummerċ, bl-impenn ta' EUR 10,7 biljun fl-2010 (jew kważi terz tal-ammont totali tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp); billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja tqajjem il-kwistjoni tat-tnaqqis tal-fondi allokati għall-għajnuna pubblika għall-iżvilupp u b'mod partikulari għall-għajnuna għall-kummerċ, kif ukoll dik tal-effikaċja tal-mod kif jintużaw;

K. billi l-UE impenjat ruħha li żżid il-baġit totali tal-għajnuna tagħha għal 0,7 % tal-ING sal-2015;

1.  Jappoġġa l-objettiv tal-Kummissjoni li ssaħħaħ is-sinerġiji bejn il-politiki kummerċjali u dawk ta' żvilupp; jirrakkomanda li tqis il-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tal-pajjiżi benefiċjarji, waqt li tinkoraġġixxi l-użu ta' strumenti bħall-integrazzjoni reġjonali li jistgħu jiżguraw li t-tali sinerġiji jiġu sfruttati aħjar, u tagħti prijorità għall-miżuri mmirati lejn:

- il-promozzjoni ta' żvilupp sostenibbli u inklużiv;

- il-ħolqien tal-impjiegi u t-tisħiħ tal-ħiliet u l-iżvilupp tal-kapital uman waqt li jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali;

- it-titjib tar-reżistenza għax-xokkijiet ekonomiċi;

- l-appoġġ għall-iżvilupp tas-settur privat, b'mod partikolari l-operaturi żgħar, inklużi l-mikroimpriżi u l-impriżi żgħar u ta' daqs medju, sabiex titrawwem il-parteċipazzjoni tagħhom fil-kummerċ u l-investiment fil-livelli lokali, reġjonali, transkonfinali, bilaterali u multilaterali;

- it-titjib tal-governanza fiskali u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-frodi u l-evażjoni fiskali, il-ħasil tal-flus u r-rifuġji fiskali, anke billi jiġu stabbiliti mekkaniżmi għall-iskambju ta' informazzjoni u mekkaniżmi superviżorji fuq il-pagamenti korporattivi;

- it-titjib tal-ambjent kummerċjali u ta' investiment, inkluża l-implimentazzjoni ta' miżuri għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ;

- id-diversifikazzjoni tal-flussi kummerċjali u ta' investiment; kif ukoll,

- il-forniment tal-assistenza teknika meħtieġa biex jiġi żgurat l-iżvilupp xieraq ta’ dawn il-miżuri;

2.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea tirrispetta l-prinċipju ta' koerenza tal-politiki dwar l-iżvilupp fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tagħha fl-oqsma tal-kummerċ, l-agrikoltura, l-ambjent u l-enerġija u tivvaluta l-impatt ta' dawn il-politiki fuq l-iżvilupp tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u tal-pajjiżi l-anqas żviluppati;

3.  Jisħaq fuq l-importanza ta' livelli salarjali deċenti u standards deċenti ta' sikurezza fuq il-post tax-xogħol għal sistema kummerċjali globali sostenibbli u ktajjen ta' produzzjoni globali ġodda; ifakkar, f’dan ir-rigward, lill-Kummissjoni dwar il-komunikazzjoni tagħha bit-titolu "Promozzjoni tax-Xogħol Deċenti għal Kulħadd";

4.  Iħeġġeġ lill-UE, lil donaturi tal-għajnuna oħrajn, lill-awtoritajiet tal-pajjiżi sħab u lill-atturi privati lokali u internazzjonali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jesploraw l-oqsma ta' kooperazzjoni possibbli għall-iżvilupp sostenibbli sabiex jiġi mmassimizzat il-kontribut tal-attivitajiet kummerċjali għall-ksib tal-għanijiet tal-iżvilupp;

5.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE, biex tkattar il-ġid u żżid l-istandards tal-għajxien fost l-ifqar persuni, timmira b'mod speċifiku ftit mill-assistenza tagħha relatata mal-kummerċ għal żvilupp responsabbli u sostenibbli lejn it-tisħiħ tal-kapaċitajiet kummerċjali lokali u reġjonali fi ħdan dawn il-pajjiżi u bejniethom; jilqa’ l-objettivi tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, li jenfasizza l-prijoritajiet tal-impjiegi u t-tkabbir fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

6.  Jikkunsidra li wieħed mill-fatturi deċiżivi sabiex il-programmi intenzjonati għall-iżvilupp tal-kummerċ u tal-investiment jirnexxu hu li l-pajjiżi benefiċjarji jkunu s-sidien tagħhom; jemmen li l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll is-soċjetà ċivili, iridu jiġu sistematikament involuti, b'mod konformi mal-istat tad-dritt, fit-tfassil u l-monitoraġġ tal-programmi nazzjonali;

7.  Jinkoraġġixxi lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jintegraw fil-politiki predominanti tagħhom l-objettiv ta' żvilupp ekonomiku sostenibbli, bħala objettiv politiku nazzjonali trasversali stabbilit fl-istrateġiji u l-inizjattivi rispettivi tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni taħdem, inter alia billi toffri aktar assistenza, biex iżżid il-kapaċità tal-gvernijiet li jinkorporaw il-kwistjonijiet marbutin ma' żvilupp ekonomiku sostenibbli u inklużiv fl-istrateġiji u l-programmi kummerċjali nazzjonali tagħhom;

8.  Jinnota li taħriġ aħjar dwar kwistjonijiet ta’ żvilupp kieku jippermetti l-identifikazzjoni aktar ċara ta' ħtiġijiet konkreti ta' żvilupp u ta' modi possibbli kif dawn jiġu ssodisfatti sabiex jiġu ggwidati u ffaċilitati l-kompiti tan-negozjaturi kummerċjali u ta' uffiċjali kummerċjali oħrajn;

9.  Jikkunsidra bħala deċiżiv l-investiment intenzjonat għall-ħolqien, l-iżvilupp, it-tisħiħ u l-manutenzjoni tal-infrastruttura essenzjali fl-oqsma tat-trasport sostenibbli, tal-enerġija sostenibbli u tat-telekomunikazzjonijiet, b'mod partikulari l-infrastruttura transkonfinali u l-hubs intermodali;

10. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi stabbilita trasparenza sħiħa fir-rigward tal-pagamenti lill-gvernijiet mill-impriżi Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa strateġiji ta' industrijalizzazzjoni sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw immirati lejn il-kummerċ ta' prodotti b'valur miżjud minflok il-kummerċ ta' materja prima biss;

11. Jikkunsidra li meta jintużaw bħala muturi għal tkabbir u żvilupp ekonomiku sostenibbli, il-kummerċ u l-investiment għandhom jindirizzaw b'mod partikolari l-objettivi li ġejjin, filwaqt li jiġu żviluppati l-produzzjoni u l-infrastruttura meħtieġa:

  Agrikoltura:

- appoġġ għall-bdiewa li jaħdmu għal rashom u għall-kooperattivi żgħar, kif ukoll għall-iżvilupp ta' prattiki sostenibbli fl-oqsma tal-agrikoltura, tal-pixxikoltura u tat-trobbija tal-annimali, b'mod li jkunu jistgħu jiġu stabbiliti, ikkonsolidati u ddiversifikati l-ktajjen ta' provvista;

- titjib tal-aċċess tagħhom għall-finanzjament u għall-mikrofinanzjament;

- appoġġ għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jaċċessaw l-informazzjoni u biex jallinjaw ruħhom mal-istandards internazzjonali fl-oqsma tas-saħħa u tas-saħħa tal-pjanti, sabiex jiġu garantiti kompetizzjoni ġusta u aċċess aktar estensiv għas-swieq, inkluż aċċess aħjar min-naħa tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għas-swieq tal-pajjiżi industrijalizzati waqt li l-popolazzjonijiet tagħhom igawdu minn livell aħjar ta' protezzjoni;

- eliminazzjoni progressiva tar-restrizzjonjiet fuq l-esportazzjoni u azzjoni biex jiġu nnewtralizzati l-ispekulazzjoni u l-volatilità tal-prezzijiet agrikoli;

- appoġġ għall-introduzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u servizzi b'effett soċjali u ambjentali pożittiv, inkluż l-ekoturiżmu, bl-intenzjoni li jiġi żgurat valur miżjud għall-produtturi u rispett tal-kriterji ta' sostenibilità;

- ġestjoni sostenibbli u trasparenti tar-riżorsi naturali;

- programmi biex il-bdiewa jkollhom aċċess ġust għall-art;

- il-ħolqien ta' aċċess għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, speċjalment fir-rigward tad-diversifikazzjoni tal-prodotti; it-tisħiħ tal-valur miżjud tal-prodotti u assistenza biex ikun hemm konformità mal-istandards u r-rekwiżiti tekniċi għas-swieq lokali, reġjonali u internazzjonali;

- l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ inċentivi pożittivi fis-Subintestaturi dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-ftehimiet kummerċjali, sabiex tiġi inkoraġġita l-importazzjoni lejn l-UE tal-prodotti agrikoli li jikkonformaw mal-istandards internazzjonali fl-oqsma ambjentali, soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari billi jiġi żgurat introjtu ġust għall-produtturi u pagi li jiggarantixxu l-għajxien għall-ħaddiema agrikoli, kif mitlub mir-rappporteur speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel;

- appoġġ għall-ħtieġa tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u tal-pajjiżi l-anqas żviluppati li jeskludu xi prodotti agrikoli sensittivi mil-liberalizzazzjoni reċiproka;

  Industrija:

- il-ħolqien, it-tisħiħ u d-diversifikazzjoni tal-kapaċitajiet ta' produzzjoni u żvilupp ta' manifattura sostenibbli li tiġġenera, permezz ta' ktajjen ta' provvista ġusti u inklużivi, benefiċċji għall-atturi lokali involuti;

- titjib tal-ambjent kummerċjali u ta' investiment sabiex jiġu ffaċilitati l-parteċipazzjoni tas-settur privat, inklużi n-negozji żgħar lokali, u fejn xieraq l-iżvilupp ta’ sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat;

- l-eliminazzjoni progressiva tar-restrizzjonijiet kummerċjali, waqt li titqies il-ħtieġa għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jiddiversifikaw l-ekonomija tagħhom u l-ħtieġa li l-industriji li jkunu għadhom kemm jibdew jiġu protetti sabiex jibnu bażi industrijali domestika sostenibbli;

- protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali, inklużi l-indikazzjonijiet ġeografiċi, waqt li jitqies il-livell ta' żvilupp tal-pajjiżi u bil-ħsieb li tingħata importanza lit-trasferiment ta' teknoloġiji (inkluża t-teknoloġija ekoloġika), b'mod konformi mad-Dikjarazzjoni ta' Doha dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika;

- promozzjoni ta' kundizzjonijiet ta' xogħol diċenti, tat-trasparenza u tas-sostenibilità; trawwim ta' suriet ta' xogħol sostenibbli u ekwitabbli; tisħiħ tal-istandards ta' sikurezza tax-xogħol u tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali, b'referenza partikolari għar-rakkomandazzjonijiet tal-ILO dwar il-livelli minimi tal-protezzjoni soċjali nazzjonali;

  Servizzi:

- tisħiħ tal-istat tad-dritt u tal-governanza tajba sabiex jittejbu ċ-ċertezza ġuridika, it-trasparenza u l-legalità tal-investimenti privati, u b'mod partikolari tal-IDB;

- skrutinju b'attenzjoni tad-dispożizzjonijiet eżistenti u d-direttivi għan-negozjar rigward is-servizzi finanzjarji fil-ftehimiet kummerċjali u fir-rigward tagħhom, peress li dawn m'għandhomx ixekklu r-regolamentazzjoni finanzjarja xierqa fi ħdan l-UE u s-sħab kummerċjali tagħha;

- titjib fil-kundizzjonijiet tal-akkwist pubbliku;

- tisħiħ tal-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi;

- promozzjoni tas-servizzi li jiffaċilitaw il-kummerċ u l-investiment, u b'mod partikulari s-servizzi b'effett ambjentali pożittiv, inklużi t-turiżmu, il-loġistika u l-investiment;

 Amministrazzjoni:

- għajnuna għall-gvernijiet nazzjonali biex jiddeċiedu dwar il-politiki u l-istrateġiji kummerċjali nazzjonali tagħhom b’livell adegwat ta’ trasparenza u parteċipazzjoni;

- it-tfassil ta’ għodda u riżorsi komuni biex il-pajjiżi l-anqas żviluppati kkonċernati jingħataw informazzjoni prattika u metodi;

- appoġġ għar-riforma tal-amministrazzjonijiet doganali u fiskali, kif ukoll għall-miżuri intenzjonati biex jiġi limitat is-sehem tas-settur informali fl-ekonomija, kif ukoll għar-riintegrazzjoni tas-settur informali fl-ekonomija regolata;

- titjib tal-effikaċja, tal-governanza u tal-organizzazzjoni tas-sistemi ta' tranżitu, kif ukoll ta' ċaqliq ta' beni, persuni u servizzi;

- it-twaqqif ta' istituzzjonijiet li jiffaċilitaw il-kummerċ u l-investiment u l-ħolqien ta' fondi ta' garanzija u ta' kapital ta' riskju, inklużi l-kapital inizjali u l-investituri informali (business angels);

12. Jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni li tiddifferenzja l-għajnuna tagħha għall-kummerċ u li tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq il-pajjiżi l-aktar fil-bżonn, speċifikament il-pajjiżi l-anqas żviluppati; jirrakomanda madankollu li l-Kummissjoni tqis il-livell ġenerali ta’ żvilupp ta' pajjiż u l-bżonnijiet, il-kapaċitajiet u l-ingwaljanzi interni ta' żvilupp tiegħu, apparti l-indikaturi standard (Prodott Nazzjonali Gross, kapital uman u vulnerabbiltà għax-xokkijiet ekonomiċi); iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis il-prinċipji tal-Qafas Integrat Imsaħħaħ għall-pajjiżi l-anqas żviluppati;

13. Jenfasizza li l-intraprenditorija soċjali u l-innovazzjoni soċjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jikkostitwixxu l-muturi tat-tkabbir għall-iżvilupp, u jistgħu jgħinu għat-tnaqqis tal-inugwaljanza u għall-promozzjoni tat-tkabbir sakemm il-profitti jiġu investiti mill-ġdid fl-ekonomija;

14. Hu tal-fehma li waqt li t-trasferimenti ta’ fondi u l-mikrofinanza jibqgħu għodda rilevanti, waħedhom ma jistgħux jissodisfaw il-bżonnijiet kollha ta’ finanzjament; jistieden lid-donaturi kollha jfittxu u jippromwovu suriet innovattivi ta' finanzjament u sħubija; jappoġġa t-twaqqif ta' sħubijiet Nofsinhar-Nofsinhar u sħubijiet triangolari; jirrakkomanda li jkun hemm użu aktar mifrux tal-iskemi interreġjonali ta' finanzjament, bħal dawk li ġew implimentati fil-qafas tal-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Infrastruttura fl-Afrika;

15. Jappoġġa l-pakkett għall-promozzjoni tal-kummerċ għall-operaturi ż-żgħar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw li tħabbar fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel progress fl-iżvilupp ta’ dan il-pakkett u jistieden lid-donaturi kollha jallokaw biżżejjed fondi għall-implimentazzjoni tiegħu, u b’mod speċifiku jappoġġaw il-parteċipazzjoni tan-negozji ż-żgħar fl-iskemi kummerċjali li jiżguraw valur miżjud għall-produtturi, inklużi dawk li jirrispondu għas-sostenibilità (pereżempju Kummerċ Ġust); jitlob aġġornamenti regolari dwar l-implimentazzjoni;

16. Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu dwar l-adozzjoni tal-komunikazzjoni bit-titolu "It-titjib tal-appoġġ tal-UE lil pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jimmobilizzaw il-finanzjament għall-iżvilupp"; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-proposti tagħha malajr, bil-ħsieb li jiġi mobilizzat finanzjament addizzjonali sostenibbli, prevedibbli u effikaċi; jilqa' l-linji gwida stabbiliti fis-Sett ta' Għodda tal-Qafas Politiku għall-Investiment tal-OECD; jilqa’ r-riżultati tas-Sħubija Globali ta’ Busan għal Kooperazzjoni Effikaċi għall-Iżvilupp u l-Prinċipji ta' Istanbul dwar l-Effikaċja tal-Iżvilupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili;

17. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tkattir tal-prattiki ta' għajnuna marbuta; iħeġġeġ lill-pajjiżi żviluppati u lill-ekonomiji emerġenti l-kbar ma jibqgħux jirrikorru għal prattiki ta' dan it-tip, iżda pjuttost iwettqu sforzi biex jisfruttaw ir-riżorsi reġjonali u lokali, inkluż il-kapital uman, fil-qafas tal-proġetti tagħhom għall-iżvilupp ekonomiku ffukati fuq il-kummerċ u l-investiment;

18. Jirrikonoxxi l-ħidma mwettqa mill-istituzzjonijiet internazzjonali (id-WTO, l-UNCTAD, l-UNIDO, l-OECD, il-G20, il-Bank Dinji u l-banek għall-iżvilupp multilaterali) f'dak li jirrigwarda l-għajnuna għall-kummerċ; jiffavorixxi, fil-qafas tal-programmi ta' għajnuna għall-kummerċ, l-inklużjoni ta' miżuri li jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jikkumpensaw it-telf li jirriżulta mil-liberalizzazzjoni kummerċjali; jikkunsidra li għandha tiġi stabbilita sistema li tiffaċilita l-kooperazzjoni internazzjonali, nazzjonali u lokali bejn id-donaturi taħt il-koordinament tal-UNCTAD u d-WTO; ifakkar fl-impenn tal-UE biex tippromwovi u tiffaċilita r-rappreżentanza u l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw f’dawn l-istituzzjonijiet internazzjonali;

19. Jiddeplora n-nuqqas ta' koordinament tal-politiki ta' investiment, inkluż fil-livell internazzjonali; jilqa' l-qbil li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar l-arranġamenti tranżitorji għall-ftehimiet bilaterali ta' investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiżviluppa politika tal-UE dwar l-investiment internazzjonali li tiżgura l-protezzjoni xierqa tal-investiment, issaħħaħ iċ-ċertezza ġuridika, u tirrifletti l-kapaċità tal-istati li jipproduċu regoli u standards komuni, filwaqt li tqis il-ħtiġijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali partikolari bħal, inter alia, dawk stabbiliti fil-Qafas tal-UNCTAD rigward il-Politika ta' Investiment għall-Iżvilupp Sostenibbli; ifakkar li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ibatu b'mod sproporzjonat mill-ispejjeż għoljin tar-riżoluzzjoni tat-tilwim dirett mill-investitur lejn l-istat;

20. Jikkunsidra li r-riforma tal-FII hi essenzjali sabiex tissaħħaħ id-dimensjoni ta’ żvilupp tagħhom, billi jiġu bbilanċjati d-drittijiet u l-obbligi tal-istati u l-investituri, billi jiġi żgurat spazju politiku suffiċjenti għall-politiki dwar l-iżvilupp sostenibbli u billi d-dispożizzjonijiet relatati mal-promozzjoni tal-investiment isiru aktar konkreti u allinjati aktar mill-qrib mal-objettivi ta' żvilupp sostenibbli;

21. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproduċi data diżaggregata dwar l-Investiment Dirett Barrani (IDB) indirizzat mill-UE lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-pajjiżi l-anqas żviluppati, filwaqt li tikkunsidra dawn il-kategoriji ta' investiment li ġejjin: fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet, riorganizzazzjoni ta’ assi fi ħdan l-istess kumpanija, investiment spekulattiv u investiment ekoloġiku;

22. Jemmen li l-kooperazzjoni għandha tiffoka wkoll fuq it-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-bini tal-istituzzjonijiet sabiex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu jistgħu jsawru qafas għall-kundizzjonijiet meħtieġa għall-investiment, bħat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-ġbir tat-taxxa, il-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali u l-implimentazzjoni tal-aktar standards stretti għall-kontabilità;

23.  Jilqa' d-deċiżjoni tad-WTO li tiffaċilita l-adeżjoni għall-pajjiżi l-anqas żviluppati; jistieden lill-pajjiżi żviluppati u lill-ekonomiji emerġenti l-kbar li huma membri tad-WTO jagħmlu użu mid-deroga applikabbli għas-servizzi fil-każ tal-pajjiżi l-anqas żviluppati u jagħtu trattament preferenzjali għas-servizzi u l-fornituri ta' servizzi mill-pajjiżi l-anqas żviluppati, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-Modulu 4 li huwa ta’ prijorità għall-pajjiżi l-anqas żviluppati;

24. Jittama li l-UE u l-Istati Membri tagħha jużaw l-influwenza tagħhom, b'mod speċjali fuq l-ekonomiji emerġenti l-kbar, biex tintlaħaq konklużjoni rapida tal-ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-kummerċ innegozjat fil-kuntest taċ-Ċiklu ta' Doha;

25. Jilqa' l-impenn li l-pajjiżi BRICS ħadu favur it-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistedinhom jorbtu l-azzjonijiet tagħhom mar-rispett u l-promozzjoni tal-prinċipji demokratiċi u ta' governanza tajba; jitlob lill-Kummissjoni tkompli tinkludi l-klawsola dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet kummerċjali kollha mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

26. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi soluzzjonijiet konkreti intenzjonati biex jissaħħaħ l-appoġġ tagħha għal integrazzjoni reġjonali aktar mgħaġġla u aktar profonda fost il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bil-ħsieb li jiġu żviluppati s-swieq reġjonali u li jinħolqu ktajjen ta' valur reġjonali; jistieden, għal dan il-għan, lill-Kummissjoni tippromwovi l-integrazzjoni reġjonali fil-ftehimiet kummerċjali tagħha fil-livelli bilaterali u reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra s-semplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar l-oriġini, kif ukoll il-mezzi biex jiġi ffaċilitat l-użu tagħhom minn esportaturi ta' volumi żgħar; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ is-sħubjiet tagħha mal-istituzzjonijiet reġjonali eżistenti, u b'mod partikolari, il-Bank Afrikan tal-Żvilupp; jindika r-rwol kruċjali li jiżvolġi s-settur privat fir-rigward tal-integrazzjoni kummerċjali u l-iżvilupp ekonomiku;

27. Jilqa' r-riforma tar-regoli dwar l-oriġini u d-dħul fis-seħħ tas-sistema ta' preferenzi ġeneralizzati (SPĠ) riformata; jittama li l-Kummissjoni se tippreżenta rapport dwar il-konsegwenzi tat-tibdil tal-iskema għall-pajjiżi benefiċjarji, b'mod partikulari għal dawk il-pajjiżi li fir-rigward tagħhom ġew irtirati l-preferenzi, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40 tar-regoli l-ġodda;

28. Jieħu nota tal-applikazzjoni provviżorja tal-ewwel Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (FSE) ma' grupp ta' pajjiżi Afrikani; jinkoraġġixxi l-Kummissjoni tikkunsidra b'attenzjoni u b'mod kritiku n-nuqqas ta' progress li sar s'issa fil-konklużjoni ta' FSE oħrajn li jqisu kompletament l-interessi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-qasam tal-iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni tisfrutta dan l-impetu sabiex terġa' tniedi n-negozjati li għaddejjin attwalment fir-rigward tal-FSE bejn l-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw interessati, b'mod li s-swieq tagħhom jiġu gradwalment integrati fil-qafas kummerċjali multilaterali; jisħaq fuq l-importanza li jiġi stabbilit qafas ġuridiku u kummerċjali solidu u ġust għall-promozzjoni tal-investiment tal-UE fil-pajjiżi AKP b’mod li jkun ta’ benefiċċju reċiproku; jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament rigward it-tgħawwir tal-preferenzi, il-flessibilità u l-ambitu taż-żarmar tat-tariffi, kif ukoll jistedinha tagħti attenzjoni partikolari għall-implimentazzjoni tal-FSE;

29. Jemmen li l-UE żviluppat għodod fil-qasam tal-assistenza għall-iżvilupp permezz tal-kummerċ u l-investiment, speċifikament l-SPĠ u l-FSE, li huma effikaċi sakemm id-dispożizzjonijiet u l-kriterji ta’ implimentazzjoni tagħhom ma’ jirriżultawx la f’diskriminazzjonijiet u lanqas f’limitazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw li jkunu żvantaġġużi għall-benefiċjarji potenzjali tagħhom; iħeġġeġ madankollu lill-Kummissjoni tgħaqqad l-istrumenti eżistenti kollha fi strateġija tassew globali, li tkun tinkludi wkoll miżuri fl-oqsma tal-assistenza teknika għall-kummerċ, tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u ta' aġġustamenti marbuta mal-kummerċ, inkluż fil-qasam tal-istandardizzazzjoni; jemmen li l-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandhom jiżviluppaw sinerġiji sabiex ikomplu jsaħħu d-diplomazija kummerċjali tal-Unjoni madwar id-dinja;

30. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tinkludi kapitoli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali bilaterali b’regoli vinkolanti fil-qasam tal-ambjent u tax-xogħol, kif ukoll klawsoli dwar ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva; jikkunsidra, barra minn hekk, li l-Kummissjoni għandha toffri kooperazzjoni biex tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u lill-pajjiżi l-anqas żviluppati jilħqu dawk l-istandards; jemmen li involviment b’saħħtu tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-kapitoli jżid l-għarfien u l-aċċettazzjoni tal-istandards ambjentali u soċjali;

31. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tinnegozja l-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet vinkolanti u infurzabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem, apparti d-dispożizzjonijiet soċjali u ambjentali, fil-ftehimiet kummerċjali kollha tal-ġejjieni sabiex tiżdied l-effikaċja u l-kredibilità tal-politika tal-UE dwar il-kundizzjonalità;

32. Iħeġġeġ lill-UE tfassal il-ftehimiet kummerċjali tagħha b’mod li titrawwem imġiba responsabbli min-naħa tal-investituri u l-konformità mal-aqwa prattiki internazzjonali ta' responsabbiltà soċjali korporattiva u ta' governanza korporattiva tajba; jisħaq, b'mod partikolari, fuq il-fatt li, sabiex it-tkabbir ikun inklużiv u effiċjenti fir-rigward tat-tnaqqis tal-faqar, għandu jipprova jintlaħaq fis-setturi li fihom huma attivi l-foqra, għandu jkun ta' benefiċċju għan-nisa u jagħtihom is-setgħa, u għandu jkun assoċjat mal-ħolqien tal-impjiegi kif ukoll mal-iżvilupp ta’ finanzjament għall-mikroimpriżi u għan-negozji ż-żgħar;

33. Jistieden lill-kumpaniji li huma bbażati fl-UE u li għandhom faċilitajiet ta' produzzjoni f'pajjiżi li qed jiżviluppaw jagħtu l-eżempju billi jimxu mal-obbligi li jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem, l-istandards soċjali u ambjentali, l-istandards fundamentali tax-xogħol u l-ftehimiet internazzjonali;

34. Jistieden lill-korporazzjonijiet Ewropej li s-sussidjarji jew il-ktajjen ta’ provvista tagħhom jinsabu f'pajjiżi li qed jiżviluppaw jikkonformaw mal-obbligi ġuridiċi nazzjonali u internazzjonali tagħhom fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, l-istandards tax-xogħol u r-regoli ambjentali;

35. Jilqa’ l-fatt li firxa wiesgħa ta’ industriji u kumpaniji transnazzjonali adottaw kodiċijiet ta’ kondotta li jispeċifikaw l-istandards ta’ prestazzjoni soċjali u ambjentali għall-ktajjen ta’ provvista globali tagħhom; ifakkar, madankollu, li standards differenti fl-oqsma tal-kontabilità, tal-awditjar u tar-rapportaġġ għal dawn il-kodiċijiet jagħmluha diffiċli li jitqabblu bejniethom; jisħaq fuq il-fatt li implimentazzjoni aħjar tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem se tikkontribwixxi lejn l-ilħuq tal-objettivi tal-UE fir-rigward ta' kwistjonijiet speċifiċi marbutin mad-drittijiet tal-bniedem u standards fundamentali tax-xogħol;

36. Jisħaq fuq il-fatt li l-assistenza li l-UE tagħti lill-gvernijiet ta' pajjiżi terzi biex jimplimentaw ir-regolamentazzjoni soċjali u ambjentali hi fattur komplementari neċessarju sabiex ikun hemm progress fir-responsabilità soċjali korporattiva tan-negozji Ewropej fid-dinja kollha;

37. Jinnota li, minkejja l-implimentazzjoni tal-Proċess ta’ Kimberly għaċ-ċertifikazzjoni tad-djamanti minn żoni ta' kunflitt, il-kummerċ fir-riżorsi naturali għadu qed jalimenta lir-ribelli, u għadhom iseħħu abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fiż-żoni tal-minjieri; jenfasizza għalhekk il-ħtieġa urġenti għal sistema ta' diliġenza dovuta għall-estrazzjoni u l-kummerċ tal-ħaġar prezzjuż u minerali oħrajn minn żoni ta' kunflitt; hu tal-fehma li miżura ta' dan it-tip tista' tikkontribwixxi għall-indirizzar tal-isfida predominanti tas-seħta tar-riżorsi u żżid il-benefiċċji għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jwettqu kummerċ tal-prodotti komoditarji tagħhom;

38. Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni hija sieħba fl-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI); jistieden lill-Kummissjoni u lill-partijiet attivi fl-industrija estrattiva jinkoraġġixxu b’mod attiv lil aktar pajjiżi produtturi jingħaqdu ma’ din l-inizjattiva;

39. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, meta tkun qed tikkonkludi ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment, timplimenta l-gwida mħejjija mir-Rapporteur tan-NU dwar id-dritt għall-ikel li tappella għall-użu tal-valutazzjonijiet tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem ("il-Prinċipji Gwida dwar il-Valutazzjonijiet tal-Impatt tal-Ftehimiet Kummerċjali u ta’ Investiment fuq id-Drittijiet tal-Bniedem") sabiex tiżgura li dawn ikunu konsistenti mal-obbligi skont l-istrumenti internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

40. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

23.1.2013

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar kummerċ u tkabbir ibbażat fuq l-investiment għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw

( 2012/2225(INI) )

Rapporteur għal opinjoni (*): Alf Svensson

 

(*)       Kumitat assoċjat – Artikolu 50 tar-Regoli ta’ Proċedura

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar fl-importanza tal-prinċipju tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp; huwa tal-fehma li l-ftehimiet kummerċjali u l-investiment li jsir mill-UE għandhom jappoġġjaw il-kapaċitajiet ta' dawn il-pajjiżi biex jindustrijalizzaw, jiddiversifikaw il-produzzjoni tagħhom, jitilgħu f'livelli ogħla tal-katina tal-valur u jiżviluppaw is-settur tas-servizzi tagħhom, għall-benefiċċju ta' żvilupp responsabbli u sostenibbli; jenfasizza li l-politiki tal-kummerċ u tal-iżvilupp għandhom iħaddnu objettivi fil-qasam tal-agrikoltura, b’mod partikolari l-abolizzjoni ta’ kwalunkwe sussidju agrikolu tal-UE li jista’ jipperikola s-sigurtà tal-ikel, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u strateġiji integrati ta’ tkabbir lokali, reġjonali u nazzjonali;

2.  Jenfasizza li l-politika dwar l-investiment tqanqal żewġ sfidi prinċipali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw: fil-livell nazzjonali, jeħtieġ li l-politika dwar l-investiment tiġi inkluża fl-istrateġija dwar l-iżvilupp, u tinkorpora objettivi ta' żvilupp sostenibbli; fil-livell internazzjonali, huwa neċessarju li tissaħħaħ id-dimensjoni ta’ żvilupp tal-ftehimiet internazzjonali dwar l-investiment (IIAs) u jiġu bbilanċjati d-drittijiet u l-obbligi tal-istati u l-investituri;

3.  Jiddispjaċih li, skont ir-Rapport dwar l-Investiment Dinji 2012 tal-UNCTAD, ċerti IIAs konklużi fl-2011 iżommu mal-mudell tradizzjonali tat-Trattat li jiffoka fuq il-protezzjoni tal-investiment bħala l-unika mira; jilqa', madankollu, il-fatt li xi IIAs ġodda jinkludu dispożizzjonijiet biex jiġi żgurat li t-Trattat ma jfixkilx strateġiji tal-iżvilupp sostenibbli li jiffokaw fuq l-impatti ambjentali u soċjali tal-investimenti fil-pajjiżi kkonċernati, iżda minflok jikkontribwixxi għalihom;

4.  Jirrimarka li r-reviżjoni tal-2012 tal-Mudell tal-Istati Uniti tat-Trattat Bilaterali fuq l-Investiment (BIT) tbiddel f’obbligu vinkolanti l-impenn sabiex isir l-aqwa sforz ħalli l-liġijiet nazzjonali relatati mal-ambjent u max-xogħol ma jsirux anqas stretti;

5.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jagħmlu ħilithom biex jintegraw dispożizzjonijiet dwar is-sostenibbiltà fil-ftehimiet tal-investiment tagħha li jkunu konformi mal-adozzjoni u mal-ħdima ta' segwitu tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, il-Prinċipji UNCTAD/FAO/Bank Dinji/IFAD għal Investiment Agrikolu Responsabbli, ir-Reviżjoni tal-2011 tal-Linji Gwida tal-OECD għal Impriżi Multinazzjonali, il-Mandat ta' Doha adottat waqt it-XIII-il Konferenza Ministerjali tal-UNCTAD fl-2012 u l-Konferenza Rio+20 fl-2012;

6.  Iqis essenzjali li jiġu riformati l-IIAs sabiex tissaħħaħ id-dimensjoni ta’ żvilupp tagħhom billi jiġu bbilanċjati d-drittijiet u l-obbligi tal-istati u l-investituri, billi jiġi żgurat spazju ta’ politika suffiċjenti għall-politiki sostenibbli dwar l-iżvilupp u billi d-dispożizzjonijiet relatati mal-promozzjoni tal-investiment jiġu konkretizzati u allinjati aktar mal-objettivi ta' żvilupp sostenibbli;

7.  Jinnota li taħriġ imtejjeb fi kwistjonijiet ta’ żvilupp jippermetti l-identifikazzjoni aktar ċara ta' ħtiġijiet konkreti ta' żvilupp u ta' modi possibbli kif dawn jiġu ssodisfati sabiex jiġu ggwidati u ffaċilitati l-kompiti tan-negozjaturi kummerċjali u uffiċjali kummerċjali oħrajn;

 

8.  Ifakkar li l-mobilizzazzjoni ta’ investiment għal żvilupp sostenibbli tibqa’ tirrappreżenta sfida prinċipali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b’mod partikolari għall-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati; jenfasizza, f’dan il-kuntest, li l-UNCTAD żviluppat qafas komprensiv ta’ politika dwar l-investiment għall-iżvilupp sostenibbli li jqiegħed enfasi partikolari fuq ir-relazzjoni bejn l-investiment barrani u l-iżvilupp sostenibbli;

9.  Ifakkar li l-impatti pożittivi tal-investiment dirett barrani fuq l-iżvilupp ma jimmaterjalizzawx awtomatikament, iżda jeħtieġu fost l-oħrajn regolamentazzjoni adegwata li tkopri oqsma ta’ politika lilhinn mill-politiki dwar l-investiment per se, bħall-kummerċ, it-tassazzjoni, il-proprjetà intellettwali, il-kompetizzjoni, ir-regolamentazzjoni tas-suq tax-xogħol, il-politiki ambjentali u l-aċċess għall-art;

10. Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE, biex tkattar il-ġid u żżid l-istandards tal-għajxien fost l-ifqar persuni, timmira b'mod speċifiku ftit mill-assistenza tagħha relatata mal-kummerċ għal żvilupp responsabbli u sostenibbli lejn il-bini ta' kapaċitajiet kummerċjali lokali u reġjonali f'dawn il-pajjiżi u fost dawn l-istess pajjiżi; jilqa’ l-objettivi tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, li jenfasizza l-prijoritajiet tal-impjiegi u t-tkabbir fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

11. Iħeġġeġ lill-UE tfassal il-ftehimiet kummerċjali tagħha b’mod li titrawwem imġiba responsabbli tal-investituri u l-konformità mal-aqwa prassi internazzjonali tar-responsabbiltà soċjali korporattiva (RSK) u tal-governanza korporattiva tajba; jenfasizza, b'mod partikolari, li sabiex it-tkabbir ikun inklużiv u effiċjenti f'termini ta' tnaqqis tal-faqar, għandu jipprova jintlaħaq f'setturi li fihom huma attivi l-persuni fqar, għandu jkun ta' benefiċċju għan-nisa u jagħtihom is-setgħa, u għandu jkun assoċjat mal-ħolqien tal-impjiegi kif ukoll mal-iżvilupp ta’ finanzjament għall-mikroimpriż u għan-negozji ż-żgħar;

12. Jenfasizza li l-intraprenditorija soċjali u l-innovazzjoni soċjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jikkostitwixxu l-muturi ta' tkabbir għall-iżvilupp, u jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-inugwaljanza u għall-promozzjoni ta' tkabbir sakemm il-profitti jiġu investiti mill-ġdid fl-ekonomija;

13. Jistieden lill-kumpaniji li huma bbażati fl-UE u li għandhom faċilitajiet ta' produzzjoni f'pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jagħtu eżempju billi jissodisfaw l-obbligi li jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem, l-istandards soċjali u ambjentali, l-istandards ewlenin tax-xogħol u l-ftehimiet internazzjonali;

14. Jistieden lill-korporazzjonijiet Ewropej li s-sussidjarji jew il-ktajjen ta’ provvista tagħhom jinsabu f’pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jikkonformaw mal-obbligi legali nazzjonali u internazzjonali tagħhom fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, l-istandards tax-xogħol u r-regoli ambjentali;

15. Jilqa’ l-fatt li firxa wiesgħa ta’ industriji u kumpaniji transnazzjonali adottaw kodiċijiet ta’ kondotta li jispeċifikaw l-istandards ta’ prestazzjoni soċjali u ambjentali għall-ktajjen ta’ provvista globali tagħhom; ifakkar, madankollu, li standards differenti tal-kontabbiltà, tal-awditu u tar-rapportaġġ għal dawn il-kodiċijiet jagħmilha diffiċli li dawn jitqabblu; jenfasizza li l-implimentazzjoni aħjar tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem se tikkontribwixxi għall-objettivi tal-UE fir-rigward ta' kwistjonijiet speċifiċi marbutin mad-drittijiet tal-bniedem u standards ewlenin tax-xogħol;

16. Jenfasizza li l-għajnuna li l-UE tagħti lill-gvernijiet ta' pajjiżi terzi biex jimplimentaw regolamentazzjoni soċjali u ambjentali tikkostitwixxi l-komplement meħtieġ sabiex ir-RSK tan-negozji Ewropej tikseb progress fid-dinja kollha;

17. Jenfasizza l-importanza tal-appoġġ tal-UE u tal-esperjenza kondiviża fil-promozzjoni ta' governanza tajba, amministrazzjoni fiskali li tiffunzjona sew, ġlieda effikaċi kontra l-korruzzjoni u l-formulazzjoni ta' strateġiji nazzjonali fil-qasam tal-iżvilupp li jkollhom bħala għan it-tkabbir sostenibbli u inklużiv u t-tnaqqis tal-faqar u ta' impenn qawwi favur l-implimentazzjoni tagħhom b'suċċess; jenfasizza li l-ilħiq ta' dawn l-objettivi għandu jippreċedi, jakkumpanja u jinfluwenza n-negozjar tal-ftehimiet kummerċjali;

18. Jinnota li, minkejja l-implimentazzjoni tal-Proċess ta’ Kimberly għaċ-ċertifikazzjoni ta’ djamanti minn żoni ta' kunflitt, il-kummerċ fir-riżorsi naturali għadu jipprovdi lir-ribelli, u għadhom iseħħu abbużi ta’ drittijiet tal-bniedem fiż-żoni tal-minjieri; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa urġenti ta’ sistema ta’ diliġenza dovuta għall-estrazzjoni u għall-kummerċ tal-ħaġar prezzjuż u minerali oħra hekk imsejħa minerali minn żoni ta’ kunflitt, u huwa tal-fehma li miżura bħal din tikkontribwixxi sabiex tiġi indirizzata l-isfida prinċipali tas-seħta tar-riżorsi u jiżdiedu l-benefiċċji, għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li dawn jikkumerċjalizzaw il-prodotti bażiċi tagħhom;

19. Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni hija sieħba fl-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI); jistieden lill-Kummissjoni u lill-partijiet attivi fl-industrija estrattiva jinkoraġġixxu b’mod attiv aktar pajjiżi produtturi jingħaqdu ma’ din l-inizjattiva;

20. Iħeġġeġ lill-UE, lil donaturi oħra ta' għajnuna, lill-awtoritajiet tal-pajjiżi sħab u lill-atturi privati lokali u internazzjonali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jesploraw oqsma possibbli ta' kooperazzjoni għal żvilupp sostenibbli, sabiex jimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-attivitajiet kummerċjali għall-ilħiq tal-għanijiet tal-iżvilupp.

 

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

22.1.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Michael Cashman, Corina Creţu, Véronique De Keyser, Nirj Deva, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Filip Kaczmarek, Miguel Angel Martínez Martínez, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Bill Newton Dunn, Maurice Ponga, Birgit Schnieber-Jastram, Michèle Striffler, Alf Svensson, Keith Taylor, Eleni Theocharous, Patrice Tirolien, Anna Záborská, Iva Zanicchi

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Enrique Guerrero Salom, Gesine Meissner, Judith Sargentini

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

21.2.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

1

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Nora Berra, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, María Auxiliadora Correa Zamora, George Sabin Cutaş, Marielle de Sarnez, Christofer Fjellner, Yannick Jadot, Metin Kazak, Franziska Keller, Bernd Lange, David Martin, Vital Moreira, Paul Murphy, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Henri Weber, Paweł Zalewski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Josefa Andrés Barea, Catherine Bearder, Syed Kamall, Jörg Leichtfried, Tokia Saïfi

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Paul Rübig

 

 

[1] Testi adottati, P7_TA(2010)0434
[2] Testi adottati, P7_TA(2010)0445
[3] Testi adottati, P7_TA(2010)0446
[4] Testi adottati, P6_TA(2007)0203
[5] Testi adottati, P6_TA(2009)0175 , P6_TA(2009)0176, P6_TA(2009)0177 , P6_TA(2009)0178 , P6_TA(2009)0179 , P6_TA(2009)0180 , P6_TA(2009)0181 , P6_TA(2009)0182 , P6_TA(2009)0183 , P6_TA(2009)0184
[6] Testi adottati, P7_TA(2011)0412
[7] ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1.
[8] Testi adottati, P7_TA(2012)0342
[9] Testi adottati, P7_TA(2011)0141
[10] Testi adottati, P7_TA(2012)0471
[11] Testi adottati, P7_TA(2012)0060
[12] ĠU L 307, 23.11.2010, p. 1.
[13] Testi adottati, P7_TA(2010)0089
[14] ĠU C 43,15.2.2012, p. 73.
[15] ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1. 
[16] Programme of Action for the Least Developed Countries for the Decade 2011-2020, Istanbul, 11.5.2011.