Dokument ta' sessjoni
24.6.2013
***I
RAPPORT
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR)
( COM(2011)0873 – C7‑0506/2011 – 2011/0427(COD) )
Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Jan Mulder
PR_COD_1amCom
Tifsira tas-simboli użati |
* Proċedura ta’ konsultazzjoni *** Proċedura ta’ approvazzjoni ***I Proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-ewwel qari) ***II Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tieni qari) (III) Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tielet qari)
(It-tip ta’ proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta’ att.)
|
Emendi għal abbozz ta’ att |
Fl-emendi li jsiru mill-Parlament, it-test emendat huwa indikat b’tipa grassa u korsiva. Test korsiv normali huwa indikazzjoni għas-servizzi tekniċi li turi partijiet tal-abbozz ta’ att li għalihom qed tkun proposta korrezzjoni bl-iskop li tgħin fil-preparazzjoni tat-test finali (pereżempju, żbalji ovvji jew nuqqasijiet f’verżjoni lingwistika partikolari). Il-korrezzjonijiet proposti huma soġġetti għall-qbil tas-servizzi tekniċi involuti.
L-intestatura ta’ kwalunkwe emenda għal att eżistenti, li l-abbozz ta’ att ikollu l-ħsieb li jemenda, ikun fiha t-tielet u r-raba’ linji li jidentifikaw rispettivament l-att eżistenti u d-dispożizzjoni kkonċernata f’dak l-att. Il-partijiet li jittieħdu kif inhuma minn dispożizzjoni eżistenti li l-Parlament jixtieq jemenda, imma li l-abbozz ta’ att ma jkunx emenda, huma indikati b’tipa grassa. It-tħassir eventwali li jikkonċerna dawn il-partijiet jiġi indikat kif ġej: [...].
|
WERREJ
Paġna
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW................5
NOTA SPJEGATTIVA.............................................................................................................42
OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits.......................................................................44
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR)
( COM(2011)0873 – C7‑0506/2011 – 2011/0427(COD) )
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill ( COM(2011)0873 ),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 77(2)(d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0506/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni motivata preżentata mil-Parlament Svediż, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità li tiddikjara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jimxix mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits ( A7-0232/2013 ),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Japprova l-istqarrija tiegħu annessa ma’ din ir-riżoluzzjoni;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tirreferi l-kwistjoni għal darb’oħra lill-Parlament jekk hija għandha l-intenzjoni li temenda l-proposta tagħha sostanzjalment jew tissostitwiha b’test ieħor;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.
EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW[1]*
għall-proposta tal-Kummissjoni
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR)
---------------------------------------------------------
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
Li
jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2)(d) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz ta’ att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1) L-istabbiliment tas-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-‘EUROSUR’) hija meħtieġa għat-tisħiħ tal-iskambju tal-informazzjoni u tal-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri, kif ukoll mal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta' Ottubru 2004 ▌[2]1 minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘l-Aġenzija’. L-EUROSUR tipprovdi l-infrastruttura u l-għodod meħtieġa lil dawn l-awtoritajiet u lill-Aġenzija biex itejbu l-għarfien tas-sitwazzjoni u l-kapaċità ta’ reazzjoni tagħhom fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għall-fini ta' kxif, prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u l-kriminalità transkonfinali u tikkontribwixxi għall-iżgurar tal-protezzjoni u s-salvataġġ tal-ħajjiet tal-migranti ▌.
(1a) Il-prassi ta' ivvjaġġar f'dgħajjes żgħar mhux tajbin għat-tbaħħir wassal għal żieda kbira fin-numru ta’ migranti li jegħrqu fil-fruntieri esterni marittimi fin-nofsinhar. L-EUROSUR għandha ttejjeb b'mod konsiderevoli l-kapaċità operazzjonali u teknika tal-Aġenzija u l-Istati Membri li jidentifikaw dawn id-dgħajjes żgħar u li jtejbu l-kapaċità ta' reazzjoni tal-Istati Membri biex b'hekk tikkontribwixxi għat-tnaqqis fl-imwiet ta' migranti.
(2) L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni ▌biex itejbu l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni għas-sorveljanza tal-fruntieri bejniethom u mal-Aġenzija. Għall-funzjonament tajjeb tal-EUROSUR huwa essenzjali li l-awtoritajiet nazzjonali kollha b’responsabbiltà għal sorveljanza fuq il-fruntiera esterna skont il-liġi nazzjonali jkunu qed jikkooperaw permezz taċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni.
(3) Dan ir-Regolament m’għandux itellef lill-Istati Membri milli jagħmlu ċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni tagħhom responsabbli wkoll mill-koordinazzjoni tal-iskambju tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni fir-rigward tas-sorveljanza tal-fruntieri tal-ajru u għall-kontrolli fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri.
(3a) Dan ir-Regolament jirrikjedi li l-Aġenzija ttejjeb il-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji l-oħra tal-Unjoni, bħall-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima u ċ-Ċentru Satellitari tal-UE, sabiex isir l-aħjar użu possibbli mill-informazzjoni, il-kapaċitajiet u s-sistemi eżistenti li huma diġà disponibbli fil-livell Ewropew, bħall-Programm Ewropew ta' Monitoraġġ tad-Dinja.
(4) Dan ir-Regolament jagħmel parti mill-mudell Ewropew għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri tal-fruntieri esterni u mill-Istrateġija għas-Sigurtà Interna tal-Unjoni Ewropea. L-EUROSUR tikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp tal-Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni għas-sorveljanza tad-dominju marittimu tal-UE (CISE), li jipprovdi qafas usa’ għall-għarfien tas-sitwazzjoni marittima permezz tal-iskambju tal-informazzjoni fost l-awtoritajiet pubbliċi bejn setturi differenti fl-Unjoni.
(4a) Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni li tinsab fl-EUROSUR tkun kemm jista' jkun sħiħa u aġġornata, partikolarment fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-pajjiżi terzi, l-Aġenzija għandha tikkoopera mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. Għal dan il-għan, id-delegazzjonijiet u l-uffiċċji tal-Unjoni Ewropea għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha li tista' tkun rilevanti għall-EUROSUR.
(5) L-Aġenzija għandha tipprovdi l-għajnuna meħtieġa għall-iżvilupp u l-operazzjoni tal-EUROSUR u, kif xieraq, għall-iżvilupp tas-CISE, inkluża l-interoperabilità tas-sistemi, b'mod partikolari permezz tat-twaqqif, iż-żamma u l-koordinazzjoni tal-qafas tal-EUROSUR.
(5a) L-Aġenzija għandha tingħata r-riżorsi finanzjarji u umani xierqa, sabiex tkun tista' tissodisfa b'mod adegwat il-kompiti addizzjonali li ngħatawlha skont dan ir-Regolament.
(6) Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikoli 2 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, speċjalment id-dritt għall-ħajja, id-dinjità tal-bniedem, il-projbizzjoni tat-tortura u trattament jew kastig inuman jew degradanti, il-projbizzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, id-dritt għal-libertà u s-sigurtà, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, id-dritt ta' aċċess għad-dokumenti, id-dritt għall-ażil u l-protezzjoni f'każijiet ta' tneħħija u tkeċċija, in-non-refoulement, in-nondiskriminazzjoni u d-drittijiet tat-tfal. Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat mill-Istati Membri u l-Aġenzija skont dawn id-drittijiet u l-prinċipji.
(6a) F'konformità mal-Artikoli 26a(4) tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004, l-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali u l-Forum Konsultattiv għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni kollha li tirrigwarda r-rispett għad-drittijiet fundamentali, b'rabta mal-attivitajiet kollha tal-Aġenzija fi ħdan il-qafas tal-Eurosur.
(6b) Ir-Regolament jirrikonoxxi li r-rotot migratorji jintużaw ukoll minn persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali.
(7) Kwalunkwe skambju ta’ data personali fl-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea u l-istampa ta’ intelligence prefruntiera komuni għandhom jibqgħu eċċezzjoni. Għandu jitwettaq fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u d-dispożizzjonijiet legali tal-Unjoni eżistenti u għandu jikkonforma mar-rekwiżiti speċifiċi tagħhom dwar il-protezzjoni tad-data. Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data ▌, ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data [3] u ▌d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tad-data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali [4] huma applikabbli f’każijiet fejn strumenti aktar speċifiċi, bħar-Regolament (KE) Nru 2007/2004, ma jkunux jipprovdu sistema sħiħa tal-protezzjoni tad-data.
(8) Minħabba li l-objettiv ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari l-istabbiliment tal-EUROSUR ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri weħidhom u għalhekk jista’, minħabba l-iskala u l-impatt tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fuq il-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif miġjub f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lilhinn milli hu meħtieġ biex jinkiseb dan il-għan.
(9) Sabiex tiġi implimentata tnedija gradwali fuq bażi geografika tal-EUROSUR, l-obbligu li jiġu maħtura u li jibdew joperaw iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni għandu japplika f'żewġ stadji suċċessivi, l-ewwel wieħed għall-Istati Membri li jinsabu fil-fruntieri esterni ▌tan-Nofsinhar ▌u ▌tal-Lvant tal-Istati Membri u, fit-tieni stadju għall-bqija tal-Istati Membri ▌.
(9a) Dan ir-Regolament jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi ġirien, għaliex kooperazzjoni strutturata sew u permanenti u skambju ta' informazzjoni ma' dawn il-pajjiżi, b'mod partikolari fir-reġjun tal-Mediterran, jikkostitwixxu element ewlieni għall-ilħiq tal-objettivi tal-EUROSUR. Huwa essenzjali li kwalunkwe kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi ġirien issir f'konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali u speċjalment il-prinċipju ta' non-refoulement.
(9b) Dan ir-Regolament jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-possibbiltà ta' kooperazzjoni mill-qrib mal-Irlanda u r-Renju Unit li tista' tgħin biex jinkisbu aħjar l-objettivi tal-EUROSUR.
(9c) L-Aġenzija u l-Istati Membri, meta jimplimentaw dan ir-Regolament, għandhom jisfruttaw bl-aħjar mod possibbli l-kapaċitajiet eżistenti f'termini ta' riżorsi umani kif ukoll ta' tagħmir tekninu, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll nazzjonali.
(9d) Il-Kummissjoni għandha tivvaluta b'mod regolari r-riżultati tal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament biex tiddetermina sa fejn ikunu ntlaħqu l-objettivi tal-EUROSUR.
(10) Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, kif anness mat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u għalhekk mhijiex marbuta minnu jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Peress li dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, ▌id-Danimarka, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, għandha tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament, jekk hix ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.
(11) Dan ir-Regolament huwa żvilupp tad-dispożizzjonijiet dwar l-acquis ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen [5]; Ir-Renju Unit għalhekk mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhuwiex marbut bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu .
(12) Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen ▌li l-Irlanda ma tiħux sehem fihom, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen[6], u għalhekk l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ▌tiegħu u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu .
(13) Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn tal-aħħar ▌mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen [7] li jaqgħu taħt il-qasam imsemmi fil-punt A tal-Artikolu 1, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim. Fir-rigward tan-Norveġja, l-Artikolu 5(1) għandu japplika mit-2 ta' Diċembru 2013.
(14) Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen [8] li jaqa' fl-ambitu msemmi fil-punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE[9].
(15) Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen [10] li jaqgħu fl-ambitu msemmi fil-punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE[11].
(16) L-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma taffettwax id-diviżjoni tal-kompetenza bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u lanqas l-obbligi tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar, il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar it-Tfittxija u s-Salvataġġ Marittimi, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Protokoll tagħha kontra t-Traffikar tal-Immigranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru, il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati, il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u strumenti internazzjonali oħrajn rilevanti.
(17) L-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament ma taffettwax il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u lanqas ir-regoli għas-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operazzjonali kkoordinata mill-Aġenzija ▌.
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
TITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Is-suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas komuni għall-iskambju tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Aġenzija sabiex jitjieb l-għarfien tas-sitwazzjoni u biex tiżdied il-kapaċità ta’ reazzjoni fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri ▌tal-Unjoni Ewropea, minn hawn ’il quddiem imsejħa "EUROSUR", għall-fini tal-kxif, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u l-kriminalità transkonfinali u l-kontribuzzjoni għall-iżgurar tal-protezzjoni u s-salvataġġ tal-ħajjiet tal-migranti.
Artikolu 2
Kamp ta' applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament għandu japplika għas-sorveljanza tal-fruntieri esterni fuq l-art u fil-baħar tal-Istati Membri, inklużi ▌l-monitoraġġ, il-kxif, l-identifikazzjoni, it-traċċar, il-prevenzjoni u l-interċettazzjoni tal-qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri għall-fini tal-kxif, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u l-kriminalità transkonfinali u l-kontribut għall-iżgurar tal-protezzjoni u s-salvataġġ tal-ħajjiet tal-migranti.
1a. Dan ir-Regolament jista’ japplika wkoll għas-sorveljanza tal-fruntieri tal-ajru kif ukoll għall-kontrolli fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri jekk l-Istati Membri jipprovdu b’mod volontarju tali informazzjoni lill-EUROSUR.
2. Dan ir-Regolament m'għandux japplika għal kwalunkwe miżura legali jew amministrattiva meħuda ġaladarba l-awtoritajiet responsabbli ta' Stat Membru jkunu interċettaw il-movimenti ta' attivitajiet kriminali transkonfinali jew qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri esterni minn persuni.
3. L-Istati Membri u l-Aġenzija jikkonformaw mad-drittijiet fundamentali, inklużi l-prinċipji tan-non-refoulement u d-dinjità tal-bniedem u r-rekwiżiti għall-protezzjoni tad-data, meta japplikaw dan ir-Regolament. Huma jagħtu prijorità lill-ħtiġijiet speċjali tat-tfal, lill-minorenni mhux akkumpanjati, lill-vittmi tat-traffikar, lill-persuni li jkunu jeħtieġu assistenza medika urġenti, lill-persuni li jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, lill-persuni fil-periklu fuq il-baħar u lil persuni oħrajn f’sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(-a) "Aġenzija" tfisser l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kif stabbilita mir-Regolament Nru 2007/2004;
(a) ‘għarfien tas-sitwazzjoni’ tfisser il-kapaċità tal-monitoraġġ, il-kxif, l-identifikazzjoni, it-traċċar u l-fehim tal-attivitajiet transkonfinali illegali sabiex jinstabu raġunijiet loġiċi għall-miżuri ta’ reazzjoni billi l-informazzjoni l-ġdida tingħaqad flimkien mal-għarfien eżistenti, u biex ikun jista' jitnaqqas it-telf ta' ħajjiet ta' migranti fuq, tul, jew qrib il-fruntieri esterni;
(b) ‘kapaċità ta' reazzjoni’ tfisser il-kapaċità li jitwettqu azzjonijiet maħsuba sabiex jikkumbattu l-attivitajiet illegali transkonfinali fuq, tul jew qrib il-fruntieri esterni tal-Istati Membri, inklużi l-mezzi u l-iskedi taż-żmien biex wieħed jirreaġixxi b’mod adegwat ▌;
(c) ‘stampa tas-sitwazzjoni’ tfisser interfaċċja grafika għall-preżentazzjoni ta’ data u informazzjoni kważi f'ħin reali ▌ mingħand awtoritajiet, sensuri, pjattaformi differenti, u sorsi oħra, li tiġi kondiviża permezz tal-kanali ta' komunikazzjoni u tal-informazzjoni ma’ awtoritajiet oħrajn sabiex jinkiseb l-għarfien tas-sitwazzjoni u tiġi appoġġjata l-kapaċità ta' reazzjoni mal-fruntieri esterni tal-Istati Membri u ż-żona prefruntiera;
(d) ‘kriminalità transkonfinali’ tfisser kull kriminalità serja ▌b'dimensjoni transkonfinali li titwettaq fuq, tul jew fil-qrib tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri ▌;
(e) ‘sezzjoni tal-fruntiera esterna’ tfisser il-fruntiera kollha jew parti mill-fruntiera ta’ Stat Membru fuq l-art jew fil-baħar kif definita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew kif ġiet iddeterminata miċ-ċentru nazzjonali ta' koordinazzjoni jew kwalunkwe awtorità nazzjonali oħra responsabbli;
(f) 'żona prefruntiera' tfisser żona ġeografika lil hinn mill-fruntieri esterni tal-Istati Membri ▌.
(fa) 'sitwazzjonijiet ta' kriżi' tfisser kwalunkwe diżastru naturali jew magħmul mill-bniedem, inċidenti, kriżijiet umanitarji jew politiċi jew kwalunkwe sitwazzjoni serja oħra li tiġri fi, matul jew qrib il-fruntieri esterni tal-Istati Membri, li jista' jkollha impatt sinifikanti fuq il-kontroll tal-fruntieri esterni.
(fb) 'inċident' tfisser sitwazzjoni marbuta ma' immigrazzjoni illegali, kriminalità transkonfinali jew riskju għall-ħajjiet ta' migranti fuq, tul jew qrib il-fruntieri esterni tal-Istati Membri.
TITOLU II
QAFAS
KAPITOLU I
Komponenti
Artikolu 4
Il-qafas tal-EUROSUR
1. Għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni fil-qasam tas-sorveljanza tal-fruntieri u, filwaqt li jitqies l-iskambju ta' informazzjoni eżistenti u l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni, l-Istati Membri u l-Aġenzija għandhom jużaw il-qafas tal-EUROSUR, li jikkonsisti mill-komponenti li ġejjin:
(a) ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni ▌;
(b) stampi tas-sitwazzjoni nazzjonali;
(c) netwerk ta' komunikazzjoni;
(d) Stampa tas-sitwazzjoni Ewropea;
(e) Stampa ta’ intelligence prefruntiera komuni;
(f) l-applikazzjoni komuni ta’ għodod ta’ sorveljanza.
2. Iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni, permezz tan-netwerk ta’ komunikazzjoni, jipprovdu lill-Aġenzija bl-informazzjoni kollha mill-istampi tas-sitwazzjoni nazzjonali tagħhom li tkun meħtieġa għall-istabbiliment u ż-żamma tal-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea u tal-istampa ta' intelligence prefruntiera komuni.
3. L-Aġenzija, permezz tan-netwerk ta’ komunikazzjoni, tagħti liċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni aċċess bla limitu għall-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea u għall-istampa ta’ intelligence prefruntiera komuni.
4. Il-komponenti elenkati fil-paragrafu 1 jiġu stabbiliti u miżmuma f'konformità mal-prinċipji msemmija fl-Anness;
Artikolu 5
Iċ-Ċentru Nazzjonali ta' Koordinazzjoni
1. Kull Stat Membru ▌għandu jaħtar, jopera u jżomm ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni ▌, li għandu jikkoordina u jiskambja l-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kollha responsabbli għas-sorveljanza tal-fruntiera esterna fuq il-livell nazzjonali kif ukoll maċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni l-oħrajn u l-Aġenzija. L-Istat Membru jinnotifika l-istabbiliment taċ-ċentru lill-Kummissjoni, li tinforma minnufih lill-Istati Membri l-oħra u lill-Aġenzija.
2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16 u fi ħdan il-qafas tal-EUROSUR, iċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni għandu jkun il-punt ta’ kuntatt waħdieni għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni ma’ ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni oħrajn u mal-Aġenzija ▌.
3. Iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni:
(a) jiżgura l-iskambju f’waqtu ta’ informazzjoni u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kollha responsabbli għas-sorveljanza tal-fruntiera esterna ▌kif ukoll ma' ċentri nazzjonali ta' koordinazzjoni oħrajn u mal-Aġenzija;
(aa) jiżgura l-iskambju f'waqtu ta' informazzjoni mal-awtoritajiet ta' tfittxija u salvataġġ, tal-infurzar tal-liġi, tal-ażil u tal-immigrazzjoni fil-livell nazzjonali;
(b) jikkontribwixxi għall-ġestjoni effettiva u effiċjenti tar-riżorsi u l-persunal;
(c) jistabbilixxi u jżomm l-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali skont l-Artikolu 9;
(d) jagħti appoġġ għall-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet ▌ta’ sorveljanza tal-fruntiera nazzjonali;
(e) jikkoordina s-sistema ta’ sorveljanza tal-fruntiera nazzjonali, ▌skont il-liġi nazzjonali;
(f) jikkontribwixxi biex ikejjel regolarment l-effetti tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tal-fruntiera nazzjonali għall-finijiet ta' dan ir-Regolament;
(g) jikkoordina miżuri operazzjonali ma’ Stati Membri oħrajn, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Aġenzija u tal-Istati Membri.
4. Iċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni jopera erbgħa u għoxrin siegħa kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa.
Artikolu 6
L-Aġenzija
1. L-Aġenzija:
(a) tistabbilixxi u żżomm in-netwerk tal-komunikazzjoni għall-EUROSUR skont l-Artikolu 7;
(b) tistabbilixxi u żżomm l-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea skont l-Artikolu 10;
(c) tistabbilixxi u żżomm l-istampa ta’ intelligence prefruntiera komuni skont l-Artikolu 11;
(d) tikkoordina l-applikazzjoni komuni tal-għodod ta’ sorveljanza f’konformità mal-Artikolu 12.
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Aġenzija topera erbgħa u għoxrin siegħa kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa.
Artikolu 7
In-netwerk ta' komunikazzjoni
1. L-Aġenzija għandha tistabbilixxi u żżomm netwerk ta’ komunikazzjoni sabiex tipprovdi għodod ta’ komunikazzjoni u analitiċi u tippermetti l-iskambju ▌tal-informazzjoni sensittiva mhux klassifikata u l-informazzjoni klassifikata b'manjiera sigura u kważi fil-ħin reali ma’ u bejn iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni. In-netwerk jopera erbgħa u għoxrin siegħa kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa u jippermetti:
(a) l-iskambju ta’ informazzjoni bilaterali u multilaterali kważi fil-ħin reali;
(b) konferenzi bil-vidjo u bl-awdjo;
(c) it-trattament, il-ħżin, it-trażmissjoni u l-ipproċessar b’mod sigur ta’ informazzjoni sensittiva mhux klassifikata;
(d) l-immaniġġjar, il-ħżin, it-trażmissjoni u l-ipproċessar b’mod sigur tal-informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell ta’ ‘RESTREINT UE/RISTRETT GĦALL-UE’ jew livelli ta’ klassifika nazzjonali ekwivalenti, filwaqt li jiżgura li l-informazzjoni klassifikata tiġi trattata f'parti separata u debitament akkreditata tan-netwerk ta’ komunikazzjoni;
2. L-Aġenzija tipprovdi appoġġ tekniku u tiżgura li n-netwerk ta’ komunikazzjoni jkun interoperabbli ma' kull sistema oħra rilevanti ta' komunikazzjoni u informazzjoni mmexxija mill-Aġenzija
3. L-Aġenzija għandha tiskambja, tipproċessa u taħżen informazzjoni sensittiva mhux klassifikata u informazzjoni klassifikata fin-netwerk ta’ komunikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 11d tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004.
3a. Iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni jiskambjaw, jipproċessaw u jaħżnu informazzjoni sensittiva mhux klassifikata u informazzjoni klassifikata fin-netwerk ta’ komunikazzjoni f’konformità mar-regoli u l-istandards ▌ekwivalenti għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE li temenda r-Regoli ta’ Proċedura ▌tagħha ▌.
4. L-awtoritajiet tal-Istati Membri, l-aġenziji u korpi oħrajn li jużaw in-netwerk ta’ komunikazzjoni jiżguraw li jkun hemm konformità mar-regoli u l-istandards ta’ sigurtà ekwivalenti għal dawk applikati mill-Aġenzija għall-immaniġġjar ta’ informazzjoni klassifikata.
KAPITOLU II
L-Għarfien tas-Sitwazzjoni
Artikolu 8
L-istampi tas-sitwazzjoni
1. L-istampi tas-sitwazzjoni nazzjonali, l-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea u l-istampa ta’ intelligence prefruntiera komuni jinħolqu permezz tal-ġbir, il-valutazzjoni, il-kollazzjoni, l-analiżi, l-interpretazzzjoni, il-ġenerazzjoni, il-viżwalizzazzjoni u t-tixrid tal-informazzjoni.
2. L-istampi msemmija fil-paragrafu 1 ikunu magħmula mil-livelli li ġejjin:
(a) livell tal-avvenimenti ▌;
(b) livell operazzjonali ▌;
(c) livell ta' analiżi ▌.
Artikolu 9
L-Istampa tas-Sitwazzjoni Nazzjonali
1. Iċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni għandu jistabbilixxi u jżomm stampa tas-sitwazzjoni nazzjonali, sabiex jipprovdi lill-awtoritajiet kollha li għandhom responsabbiltajiet għall-kontroll u b'mod partikolari sorveljanza tal-fruntieri esterni fuq livell nazzjonali b'informazzjoni effettiva, preċiża u f’waqtha ▌.
2. L-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali tkun magħmula minn informazzjoni miġbura mis-sorsi li ġejjin:
(a) is-sistema nazzjonali ta’ sorveljanza tal-fruntiera ▌skont il-liġi nazzjonali;
(b) sensuri stazzjonarji jew mobbli operati mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għas-sorveljanza tal-fruntieri esterni;
(c) pattulji fuq is-sorveljanza tal-fruntieri u missjonijiet oħra ta’ monitoraġġ;
(d) ċentri ta’ koordinazzjoni lokali, reġjonali u oħrajn;
(e) sistemi u awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħrajn, inklużi uffiċjali ta' kollegament, ċentri operazzjonali u punti ta' kuntatt;
(f) l-Aġenzija;
(g) iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni fi Stati Membri oħrajn ▌;
(ga) awtoritajiet ta' pajjiżi terzi, abbażi ta' ftehimiet bilaterali jew multilaterali u netwerks reġjonali kif imsemmija fl-Artikolu 18;
▌
(i) sistemi ta’ rappurtar tal-vapuri f'konformità mal-bażijiet legali rispettivi tagħhom ▌;
(j) organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali oħrajn rilevanti;
(k) sorsi oħrajn.
3. Il-livell tal-avvenimenti tal-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali għandu jkun jikkonsisti mis-sottolivelli li ġejjin:
(a) sottolivell dwar qsim tal-fruntieri mhux awtorizzat inkluż informazzjoni, disponibbli għaċ-ċentru nazzjonali ta' koordinazzjoni, dwar inċidenti relatati ma' riskju għall-ħajja tal-migranti ▌;
(b) sottolivell dwar il-kriminalità transkonfinali ▌;
(c) sottolivell dwar sitwazzjonijiet ta' kriżi ▌;
(d) sottolivell dwar avvenimenti oħrajn, li jkun fih informazzjoni dwar ▌vetturi, bastimenti u mezzi oħra u persuni mhux identifikati u suspettużi li jkunu preżenti fuq, tul jew qrib il-fruntieri esterni tal-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll kull avveniment ieħor li jista’ jkollu impatt sinifikanti fuq il-kontroll tal-fruntieri esterni;
4. Iċ-ċentru ta' koordinazzjoni nazzjonali għandu jattribwixxi livell ta' impatt indikattiv waħdieni, li jvarja minn impatt ‘baxx’ u 'medju' sa wieħed ‘għoli’ għal kull inċident fil-livell tal-avvenimenti tal-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali. L-inċidenti kollha għandhom ikunu kondiviżi mal-Aġenzija.
5. Il-livell operazzjonali tal-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali jkun fih is-sottolivelli li ġejjin:
(a) sottolivell dwar ir-riżorsi proprji, inklużi riżorsi militari li jassistu missjoni ta' infurzar tal-liġi, u żoni operazzjonali, li jkun fih informazzjoni dwar il-pożizzjoni, ▌l-istatus u t-tip ta’ riżorsi proprji ▌ u dwar l-awtoritajiet involuti. Fir-rigward ta' riżorsi militari li jassistu missjoni ta' infurzar tal-liġi, iċ-ċentru nazzjonali ta' koordinazzjoni jista' jiddeċiedi, fuq talba tal-awtorità nazzjonali responsabbli għal dawk ir-riżorsi, li jillimita l-aċċess għal dik l-informazzjoni fuq il-bażi tal-ħtieġa li wieħed ikun jaf ▌;
▌
(c) sottolivell dwar informazzjoni ambjentali, li jkun fih jew jipprovdi aċċess għal informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tat-territorju u tat-temp fil-fruntieri esterni tal-Istat Membru kkonċernat.
5a. L-informazzjoni dwar l-assi tagħhom stess fil-livell operazzjonali tiġi kklassifikata bħala Ristretti għall-UE.
6. Il-livell ta’ analiżi tal-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali jkun jikkonsisti mis-sottolivelli li ġejjin:
(a) sottolivell ta' informazzjoni, li jkun fih żviluppi ewlenin u indikaturi rilevanti għall-finijiet ta' dan ir-Regolament;
(b) sottolivell analitiku, li jinkludi rapporti analitiċi, xejriet ta' klassifikazzjoni tar-riskju, monitoraġġi reġjonali u noti ta’ informazzjoni rilevanti għall-finijiet ta' dan ir-Regolament;
(c) sottolivell ta' ▌intelligence, li jinkludi informazzjoni analizzata rilevanti għall-finijiet ta' dan ir-Regolament u, b'mod partikolari, għall-attribuzzjoni tal-livelli ta' impatt ▌għat-taqsimiet tal-fruntieri esterni ▌;
(d) sottolivell dwar l-użu ta’ xbihat u d-data ġeografika, li jinkludi xbihat ta’ referenza, mapep tal-isfond, ▌validazzjoni ta' informazzjoni analizzata u analiżi tal-bidliet (xbihat ta' osservazzjoni tad-dinja) kif ukoll l-identifikazzjoni ta' bidliet, data ġeoreferenzjata u mapep esterni li juru l-permeabilità tal-fruntieri esterni.
7. L-informazzjoni li tinsab fil-livell ta’ analiżi u dwar l-informazzjoni ambjentali fil-livell operazzjonali tal-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali tista’ tkun ibbażata fuq l-informazzjoni pprovduta fl-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea u fl-istampa ta' intelligence prefruntiera komuni.
▌
9. Iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni tal-Istati Membri ġirien jaqsmu ma’ xulxin direttament u qrib għall-ħin reali l-istampa tas-sitwazzjoni tas-sezzjonijiet tal-fruntiera esterna ġirien, li hija relatata ma’:
(a) ▌ inċidenti ▌u avvenimenti sinifikanti oħrajn li jinsabu fil-livell tal-avvenimenti;
▌
(d) ir-rapporti dwar l-analiżi tattika tar-riskju kif ikunu jinsabu fil-livell ta’ analiżi.
9a. Iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni tal-Istati Membri ġirien jistgħu jaqsmu ma’ xulxin direttament u kważi fil-ħin reali l-istampa tas-sitwazzjoni tas-sezzjonijiet tal-fruntieri esterni ġirien, li hija relatata mal-pożizzjonijiet, l-istatus u t-tip ta' riżorsi proprji li qed joperaw fis-sezzjonijiet tal-fruntieri esterni ġirien kif tinsab fil-livell operazzjonali.
Artikolu 10
L-Istampa tas-Sitwazzjoni Ewropea
1. L-Aġenzija għandha tistabbilixxi u żżomm stampa tas-sitwazzjoni Ewropea sabiex tipprovdi liċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni b'informazzjoni u analiżi effettiva, preċiża u f'waqtha ▌.
2. L-Istampa tas-Sitwazzjoni Ewropea tkun magħmula minn informazzjoni miġbura mis-sorsi li ġejjin:
(a) stampi tas-sitwazzjoni nazzjonali sa fejn mitlub minn dan l-Artikolu ▌,
(b) l-Aġenzija;
(ba) il-Kummissjoni Ewropea, li tipprovdi informazzjoni strateġika dwar kontroll fuq il-fruntieri, inklużi n-nuqqasijiet fit-twettiq tal-kontrolli fuq il-fruntieri esterni;
(bb) Delegazzjonijiet u uffiċċji tal-Unjoni Ewropea;
(c) korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti oħra tal-Unjoni u organizzazzjonijiet ▌internazzjonali kif imsemmija fl-Artikolu 17;
(d) sorsi oħrajn.
3. Il-livell tal-avvenimenti tal-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea jkun jinkludi informazzjoni relatata ma’:
(a) inċidenti ▌ li jinsabu fil-livell tal-avvenimenti tal-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali ▌;
(b) inċidenti ▌u avvenimenti oħra li jkunu jinsabu fl-Istampa ta' Intelligence Prefruntiera Komuni ▌;
(c) inċidenti ▌fiż-żona operazzjonali ta' operazzjoni konġunta, proġetti pilota jew intervent rapidu kkoordinat mill-Aġenzija.
4. Fl-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea, l-Aġenzija għandha tieħu kont tal-livell tal-impatt li kien ġie assenjat miċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni għal inċident speċifiku fl-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali.
5. Il-livell operazzjonali tal-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea għandu jikkonsisti mis-sottolivelli li ġejjin:
(a) sottolivell dwar ir-riżorsi proprji, li jkun fih informazzjoni dwar il-pożizzjoni, il-ħin, ▌l-istatus u t-tip ta’ riżorsi li jkunu qed jieħdu sehem fl-operazzjonijiet konġunti, proġetti pilota u interventi rapidi tal-Aġenzija jew għad-dispożizzjoni tal-Aġenzija, u l-pjan ta’ skjerament, inkluża ż-żona tal-operazzjoni, l-iskedi tal-viġilanzi u l-kodiċijiet tal-komunikazzjoni;
(b) sottolivell dwar operazzjonijiet, li jkun fih informazzjoni dwar l-operazzjonijiet konġunti, il-proġetti pilota u l-interventi rapidi kkoordinati mill-Aġenzija, inkluża l-istqarrija tal-missjoni, il-pożizzjoni, l-istatus, it-tul taż-żmien, l-informazzjoni dwar l-Istati Membri u atturi oħrajn involuti, rapporti tas-sitwazzjoni ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa, data statistika u pakketti ta’ informazzjoni għall-mezzi tal-informazzjoni;
(c) sottolivell dwar l-informazzjoni ambjentali, li jkun fih informazzjoni dwar it-territorju u l-kundizzjonijiet tat-temp fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri.
5a. L-informazzjoni dwar l-assi tagħhom stess fil-livell operazzjonali tal-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea tiġi kklassifikata bħala Ristretta għall-UE.
6. Il-livell ta’ analiżi tal-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea għandu jkun strutturat bl-istess mod bħal fl-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali.
▌
Artikolu 11
L-Istampa ta’ Intelligence Prefruntiera Komuni
1. L-Aġenzija għandha tistabbilixxi u żżomm stampa ta’ intelligence prefruntiera komuni sabiex liċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni tipprovdilhom informazzjoni u analiżi effettivi, preċiżi u f'waqthom dwar iż-żona prefruntiera ▌.
2. L-istampa ta' intelligence prefruntiera komuni tkun magħmula minn informazzjoni miġbura mis-sorsi li ġejjin:
(a) ċentri nazzjonali ta' koordinazzjoni, inkluż informazzjoni u rapporti li waslu mill-uffiċjali ta' kollegament tal-Istati Membri permezz tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti;
▌
(ba) Delegazzjonijiet u uffiċċji tal-Unjoni Ewropea;
(c) l-Aġenzija, inkluż informazzjoni u rapporti pprovduti mill-uffiċjali ta' kollegament tagħha;
(d) korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti oħra tal-Unjoni u organizzazzjonijiet ▌internazzjonali ▌kif imsemmija fl-Artikolu 17;
(e) awtoritajiet ta' pajjiżi terzi, abbażi ta' ftehimiet bilaterali jew multilaterali u netwerks reġjonali kif imsemmija fl-Artikolu 18, permezz taċ-ċentri nazzjonali ta' koordinazzjoni;
(f) sorsi oħrajn.
3. L-istampa ta’ intelligence prefruntiera komuni tista' tinkludi informazzjoni li tkun rilevanti għall-operazzjonijiet ta' sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-ajru u l-kontrolli fil-punti ta' qsim tal-fruntieri esterni.
4. Il-livelli tal-avvenimenti, dawk operazzjonali u tal-analiżi tal-istampa ta’ intelligence prefruntiera komuni ▌għandhom ikunu strutturati fl-istess manjiera bħal fl-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea.
5. L-Aġenzija tassenja livell tal-impatt indikattiv wieħed lil kull inċident fil-livell tal-avvenimenti tal-istampa ta' intelligence prefruntiera komuni. L-Aġenzija għandha tinforma liċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni dwar kull inċident fiż-żona prefruntiera ▌ .
▌
Artikolu 12
L-applikazzjoni komuni tal-għodod ta’ sorveljanza
1. L-Aġenzija għandha tikkoordina l-applikazzjoni komuni tal-għodod ta’ sorveljanza ▌ sabiex tforni liċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni u lilha nnifisha informazzjoni ta' sorveljanza fir-rigward tal-fruntieri esterni u dwar iż-żona prefruntiera fuq bażi regolari, affidabbli u kosteffettiva.
2. L-Aġenzija, fuq talba tagħha, għandha tipprovdi lil ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni informazzjoni dwar il-fruntieri esterni tal-Istat Membru li jkun għamel it-talba u dwar iż-żona prefruntiera li tista' tittieħed minn:
(a) monitoraġġ selettiv ta’ portijiet u kosti ta’ pajjiż terz magħżula li jkunu ġew identifikati permezz tal-analiżi tar-riskju u informazzjoni bħala punti ta’ imbarkazzjoni jew ta’ transitu għal bastimenti u mezzi oħra li jintużaw għal immigrazzjoni illegali jew il-kriminalità transkonfinali;
(b) traċċar ta’ bastiment jew mezzi oħra fl-ibħra miftuħa li jkun issuspettat jew li jkun ġie identifikat bħala li jkun qed jintuża għall-immigrazzjoni illegali jew kriminalità transkonfinali;
(c) monitoraġġ ta’ żoni magħżula fil-qasam marittimu sabiex jiġu skoperti, identifikati u traċċati bastimenti u mezzi oħra ssuspettati li qed iwettqu immigrazzjoni illegali jew kriminalità transkonfinali jew li jkunu qed jintużaw għal dan l-għan;
(d) valutazzjoni ambjentali ta’ żoni deżinjati fil-qasam marittimu u fil-fruntiera esterna fuq l-art sabiex jitjiebu kemm jista’ jkun l-attivitajiet ta’ monitoraġġ u pattulja;
(e) monitoraġġ selettiv ta’ żoni prefruntiera magħżula fil-fruntieri esterni, li jkunu ġew identifikati permezz tal-analiżi tar-riskju u informazzjoni bħala żoni ta’ tluq u ta’ transitu potenzjali għall-immigrazzjoni illegali jew il-kriminalità transkonfinali.
3. L-Aġenzija għandha tipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 billi tgħaqqad u tanalizza data li tista' tinġabar mis-sistemi, is-sensuri u l-pjattaformi li ġejjin:
(a) sistemi ta’ rappurtar tal-vapuri f'konformità mal-bażijiet legali rispettivi tagħhom;
(b) xbihat bis-satellita;
(c) sensuri li jitpoġġew fuq kwalunkwe ▌vettura, bastiment jew mezz ieħor.
4. L-Aġenzija tista’ tirrifjuta talba minn ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni fuq il-bażi ta’ raġunijiet tekniċi, finanzjarji jew operazzjonali. L-Aġenzija għandha tinnotifika fi żmien debitu liċ-ċentru nazzjonali ta' koordinazzjoni bir-raġunijiet għal tali rifjut.
5. L-Aġenzija tista' tagħmel użu mill-għodod ta' sorveljanza msemmija fil-paragrafu 2 fuq l-inizjattiva tagħha stess, biex tiġbor informazzjoni li tkun rilevanti għall-istampa ta' intelligence prefruntiera komuni.
Artikolu 12a
L-ipproċessar ta’ data personali
1. Meta l-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali tintuża għall-ipproċessar ta' data personali, dik id-data għandha tiġi pproċessata f'konformità mad-Direttiva 95/46/KE[12], id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI u d-dispożizzjonijiet rilevanti nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data.
2. L-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea u l-istampa ta’ intelligence prefruntiera komuni jistgħu jintużaw biss għall-ipproċessar ta' data personali dwar numri ta' identifikazzjoni tal-vapuri.
Din id-data personali għandha tiġi pproċessata f'konformità mal-Artikolu 11ca tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004. Din id-data għandha tiġi pproċessata biss għall-fini tal-individwazzjoni, l-identifikazzjoni u t-traċċar tal-bastimenti kif ukoll għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 11c(3) tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004. Din għandha titħassar awtomatikament fi żmien sebat ijiem jew, f'każ li jkun meħtieġ aktar ħin biex ikun traċċat bastiment, fi żmien xahrejn wara li d-data rilevanti tkun waslet għand l-Aġenzija.
KAPITOLU III
Il-Kapaċità ta’ Reazzjoni
Artikolu 13
Id-determinazzjoni tas-sezzjonijiet tal-fruntiera esterna
Għall-fini ta' dan ir-Regolament, kull Stat Membru għandu jaqsam il-fruntieri esterni tiegħu fuq l-art u fil-baħar f’sezzjonijiet tal-fruntiera li għandhom jiġu notifikati lill-Aġenzija.
Artikolu 14
L-attribuzzjoni tal-livelli tal-impatt lil sezzjonijiet tal-fruntiera esterna
1. Fuq il-bażi tal-analiżi tar-riskju tal-Aġenzija u fi qbil mal-Istat Membru kkonċernat, l-Aġenzija għandha tattribwixxi jew tbiddel il-livelli tal-impatt li ġejjin għal kull waħda mis-sezzjonijiet tal-fruntiera esterna fuq l-art u fil-baħar tal-Istati Membri:
(a) livell tal-impatt baxx f’każ li l-inċidenti relatati mal-immigrazzjoni illegali jew il-kriminalità transkonfinali li jseħħu fis-sezzjoni tal-fruntiera inkwistjoni jkollhom impatt mhux sinifikanti fuq is-sigurtà tal-fruntiera;
(b) livell tal-impatt medju f’każ li l-inċidenti relatati mal-immigrazzjoni illegali jewil-kriminalità transkonfinali li jseħħu fis-sezzjoni tal-fruntiera inkwistjoni jkollhom impatt moderat fuq is-sigurtà tal-fruntiera;
(c) livell tal-impatt għoli f’każ li l-inċidenti relatati mal-immigrazzjoni illegali jew il-kriminalità transkonfinali li jseħħu fis-sezzjoni tal-fruntiera inkwistjoni jkollhom impatt sinifikanti fuq is-sigurtà tal-fruntiera.
2. Iċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni għandu jwettaq valutazzjoni regolari biex jara jkunx hemm ħtieġa li jinbidel il-livell tal-impatt ta’ kwalunkwe sezzjoni tal-fruntiera billi jittieħed kont tal-informazzjoni li tinsab fl-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali.
3. L-Aġenzija twettaq viżwalizzazzjoni tal-livelli tal-impatt attribwiti lill-fruntieri esterni fl-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea.
Artikolu 15
Reazzjoni li tikkorrispondi għal-livelli tal-impatt
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-attivitajiet ta’ sorveljanza ▌li jitwettqu fis-sezzjonijiet tal-fruntieri esterni jkunu jikkorrispondu mal-livelli tal-impatt attribwiti bil-mod segwenti:
(a) meta jiġi attribwit livell tal-impatt baxx lil sezzjoni tal-fruntiera esterna, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għas-sorveljanza fuq il-fruntiera esterna għandhom jorganizzaw sorveljanza regolari fuq il-bażi tal-analiżi tar-riskju u jiżguraw li jkunu qed jinżammu biżżejjed persunal u riżorsi fiż-żona tal-fruntiera lesti għat-traċċar, l-identifikazzjoni u l-interċettazzjoni;
(b) meta jiġi attribwit livell tal-impatt medju lil sezzjoni tal-fruntiera esterna, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għas-sorveljanza fuq il-fruntiera esterna għandhom, flimkien mal-miżuri meħuda taħt punt (a), jiżguraw li qed jittieħdu miżuri adatti ta' sorveljanza f'din is-sezzjoni tal-fruntiera. Meta jittieħdu dawk il-miżuri, iċ-ċentru nazzjonali ta' koordinazzjoni għandu jiġi notifikat kif adatt. Iċ-ċentru nazzjonali ta' koordinazzjoni għandu jikkoordina kwalunkwe appoġġ mogħti f'konformità mal-paragrafu 3 tal-Artikolu 5;
(c) meta jiġi attribwit livell tal-impatt għoli lil sezzjoni tal-fruntiera esterna, l-Istat Membru kkonċernat għandu , flimkien mal-miżuri meħuda taħt punt (b), jiżgura, permezz taċ-ċentru nazzjonali ta' koordinazzjoni, li l-awtoritajiet nazzjonali li joperaw f'din is-sezzjoni tal-fruntiera jingħataw l-appoġġ meħtieġ u li jittieħdu miżuri rinforzati ta' sorveljanza. Dak l-Istat Membru jista' jitlob lill-Aġenzija għal appoġġ soġġett għall-kundizzjonijiet għall-bidu ta' operazzjonijiet konġunti jew interventi rapidi kif stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2007/2004.
2. Iċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni għandu jinforma regolarment lill-Aġenzija dwar il-miżuri meħuda fuq il-livell nazzjonali skont il-punt (c) tal-paragrafu 1 ▌.
3. Meta jiġi attribwit livell tal-impatt medju jew għoli lil sezzjoni tal-fruntiera esterna li tkun tinsab maġenb is-sezzjoni tal-fruntiera ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż li miegħu hemm ftehimiet jew netwerks reġjonali, kif jingħad fl-Artikoli 17a u 18, iċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni għandu jikkuntattja liċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni tal-Istat Membru jew l-awtorità kompetenti ġara tal-pajjiż ġar u għandu jipprova jikkoordina l-miżuri transkonfinali neċessarji.
4. Meta Stat Membru jissottometti talba skont il-punt (c) tal-paragrafu 1, l-Aġenzija tista', meta tkun qed twieġeb għal dik it-talba, tagħti appoġġ lil dak l-Istat Membru partikolarment billi:
(a) tagħti trattament prijoritarju għall-applikazzjoni komuni tal-għodod ta’ sorveljanza;
(b) tikkoordina l-iskjerament ta' Timijiet tal-Għassa tal-Fruntiera Ewropea f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 2007/2004;
(c) tiżgura l-iskjerament ta’ tagħmir tekniku għad-dispożizzjoni tal-Aġenzija skont ir-Regolament (KE) Nru 2007/2004;
(d) tikkoordina kwalunkwe appoġġ addizzjonali offrut minn Stati Membri oħrajn.
5. L-Aġenzija għandha tevalwa flimkien mal-Istati Membri l-attribuzzjoni tal-livelli tal-impatt u l-miżuri korrispondenti meħuda fuq il-livell nazzjonali u tal-Unjoni fir-rapporti tal-analiżi tar-riskju tagħha.
TITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI
Artikolu 16
Allokazzjoni ta’ kompiti lil awtoritajiet oħrajn fl-Istati Membri
1. L-Istati Membri jistgħu jafdaw lil ċentri reġjonali, lokali, funzjonali jew awtoritajiet oħrajn, li jkunu f'pożizzjoni li jieħdu deċiżjonijiet operazzjonali, biex jiżguraw l-għarfien tas-sitwazzjoni u l-kapaċità ta' reazzjoni fiż-żona rispettiva ta’ kompetenza, inklużi l-kompiti u l-kompetenzi msemmija fil-punti (b), (d) u (e) tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 5 ▌.
2. Id-deċiżjoni tal-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 1 ma taffettwax liċ-ċentru ta’ koordinazzjoni nazzjonali fil-kapaċità tiegħu li jikkoopera u jiskambja informazzjoni ma’ ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni oħrajn u mal-Aġenzija.
3. F’każijiet predefiniti, kif determinati fil-livell nazzjonali, iċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni jista’ jawtorizza lil awtorità msemmija fil-paragrafu 1 biex tikkomunika u tiskambja informazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali jew iċ-ċentru ta’ koordinazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor jew l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz sakemm dan jinforma liċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni tiegħu stess regolarment dwar tali komunikazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni.
Artikolu 17
Kooperazzjoni tal-Aġenzija ma’ partijiet terzi
1. L-Aġenzija għandha tagħmel użu mill-informazzjoni, kapaċitajiet u sistemi eżistenti disponibbli f’korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, fl-oqfsa legali rispettivi.
2. F'konformità mal-paragrafu 1, l-Aġenzija għandha tikkoopera b'mod partikolari mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, u l-organizzazzjonijiet internazzjonali li ġejjin:
(a) L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) ▌ biex tiġi skambjata informazzjoni dwar il-kriminalità transkonfinali li għandha tiġi inkluża fl-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea;
(b) Iċ-Ċentru Satellitari tal-UE, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima u l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd fil-provvediment tal-applikazzjoni komuni tal-għodod ta’ sorveljanza;
(c) il-Kummissjoni Ewropea, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-korpi, l-uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni inkluż l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil, li jistgħu jipprovdu lill-Aġenzija informazzjoni rilevanti għaż-żamma tal-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea u l-istampa ta’ intelligence prefruntiera komuni;
(d) organizzazzjonijiet internazzjonali li jistgħu jipprovdu lill-Aġenzija informazzjoni rilevanti għaż-żamma tal-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea u l-istampa ta’ intelligence prefruntiera komuni.
2a. F'konformità mal-paragrafu 1, l-Aġenzija tista' tikkoopera maċ-Ċentru għall-Analiżi u l-Operazzjonijiet Marittimi - Narkotiċi (MAOC-N) u s-Centre de Coordination pour la lutte antidrogue en Méditerranée (CeCLAD-M) (iċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni għall-ġlieda kontra d-drogi fil-Mediterran) biex tiġi skambjata informazzjoni dwar il-kriminalità transkonfinali li għandha tiġi inkluża fl-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea.
3. Informazzjoni bejn l-Aġenzija u l-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u l-organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija fil-paragrafu 2 u 2a għandha tiġi skambjata permezz tan-netwerk ta' komunikazzjoni msemmi fl-Artikolu 7 jew netwerks ta’ komunikazzjoni oħrajn li jissodisfaw il-kriterji ta’ disponibbiltà, kunfidenzjalità u integrità.
4. Il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija u l-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u l-organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija fil-paragrafi 2 u 2a għandha tiġi rregolata f’arranġamenti ta’ ħidma skont ir-Regolament (KE) Nru 2007/2004 u l-bażi legali rispettiva tal-korp, l-uffiċċju u l-aġenzija tal-Unjoni, jew l-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernata. Fir-rigward tal-immaniġġjar ta’ informazzjoni klassifikata, dawn l-arranġamenti għandhom jipprevedu li l-korp, l-uffiċċju u l-aġenzija tal-Unjoni u l-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernati jkunu jikkonformaw mar-regoli u l-istandards tas-sigurtà ekwivalenti għal dawk applikati mill-Aġenzija.
5. Il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 2a għandhom jużaw l-informazzjoni li jirċievu fil-kuntest tal-EUROSUR biss fil-limiti tal-qafas legali tagħhom u b’mod konformi mad-drittijiet fundamentali, inklużi r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data.
Artikolu 17a
Kooperazzjoni mal-Irlanda u mar-Renju Unit
1. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni mal-Irlanda u mar-Renju Unit jistgħu jseħħu abbażi ta’ ftehimiet bilaterali jew multilaterali bejn l-Irlanda u r-Renju Unit u Stat Membru ġar wieħed jew iktar permezz ta' netwerks reġjonali bbażati fuq dawn il-ftehimiet. Iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni tal-Istati Membri għandhom ikunu l-punt ta’ kuntatt għall-iskambju tal-informazzjoni mal-awtorità korrispondenti tal-Irlanda u tar-Renju Unit fil-EUROSUR. Meta dawn il-ftehimiet ikunu konklużi, għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni.
2. Il-ftehimiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu limitati għall-iskambju tal-informazzjoni sussegwenti bejn iċ-ċentri nazzjonali ta' koordinazzjoni ta' Stat Membru u l-Irlanda u r-Renju Unit:
(a) informazzjoni li tinsab fl-Istampa tas-Sitwazzjoni Nazzjonali ta' Stat Membru safejn dan ikun trażmess lill-Aġenzija għall-iskopijiet tal-Istampa tas-Sitwazzjoni Ewropea u l-Istampa ta’ Intelligence Prefruntiera Komuni,
(b) informazzjoni miġbura mill-Irlanda u mir-Renju Unit li tkun rilevanti għall-iskopijiet tal-Istampa tas-Sitwazzjoni Ewropea u l-Istampa ta’ Intelligence Prefruntiera Komuni,
(c) informazzjoni kif stabbilita fl-Artikolu 9(9).
3. L-approvazzjoni minn qabel ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor jew tal-Aġenzija, li tkun ipprovdiet l-informazzjoni fil-kuntest tal-EUROSUR u li mhijiex parti minn ebda ftehim imsemmi fil-paragrafu 1, għandha tintalab qabel dik l-informazzjoni tkun tista’ tiġi kondiviża mal-Irlanda u mar-Renju Unit skont dak il-ftehim.
4. Trażmissjoni jew kwalunkwe komunikazzjoni oħra ta' informazzjoni skambjata taħt dan l-Artikolu lil pajjiżi terzi jew kwalunkwe partijiet terzi oħra għandha tkun ipprojbita.
5. Il-ftehimiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar spejjeż finanzjarji li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni tal-Irlanda u tar-Renju Unit fl-implimentazzjoni ta' dawk il-ftehimiet.
Artikolu 18
Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi ġirien
(1) Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jiskambjaw informazzjoni u jikkooperaw ma' pajjiż terz wieħed ġar jew diversi pajjiżi terzi ġirien. Dak l-iskambju ta' informazzjoni u kooperazzjoni għandu jseħħ fuq il-bażi ta' ftehimiet bilaterali jew multilaterali jew permezz ta' netwerks reġjonali stabbiliti fuq il-bażi ta' dawk il-ftehimiet. Iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni tal-Istati Membri għandhom ikunu l-punt ta’ kuntatt għall-iskambju ta' informazzjoni ▌ma’ pajjiżi terzi ġirien.
(1aa) Qabel ma jiġi konkluż kwalunkwe ftehim imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jagħtu notifika dwaru lill-Kummissjoni, li għandha tivverifika l-konformità tal-partijiet tal-ftehimiet rilevanti għall-EUROSUR ma' dan ir-Regolament. Ladarba jiġu konklużi, għandha tingħata notifika dwarhom lill-Kummissjoni li għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Aġenzija.
1a. Dawn il-ftehimiet għandhom ikunu f'konformità mal-Liġi tal-Unjoni u l-liġi internazzjonali rilevanti dwar id-drittijiet fundamentali u dwar il-protezzjoni internazzjonali, inkluż il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati, b'mod partikolari l-prinċipju ta' non-refoulement.
1b. Kwalunkwe skambju ta' data personali ma' pajjiżi terzi fil-qafas tal-EUROSUR għandu jkun strettament limitat għal dak li huwa assolutament meħtieġ għall-finijiet ta' dan ir-Regolament. Għandu jsir f'konformità mad-Direttiva 95/46/KE[13], id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI u d-dispożizzjonijiet rilevanti nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data.
2. Kull skambju ta’ informazzjoni skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u skont il-punt (ga) tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 9, li jipprovdi pajjiż terz b'informazzjoni li tista' tintuża biex tidentifika persuni jew gruppi ta’ persuni li t-talba tagħhom għal aċċess għall-protezzjoni internazzjonali qed tiġi ezaminata jew li qegħdin f’riskju serju li jkunu soġġetti għal tortura, trattament inuman u degradanti jew kastig jew kull ksur ieħor ta’ drittijiet fundamentali, għandu jkun ipprojbit.
3. Kull skambju ta’ informazzjoni taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u skont il-punt ( ▌ga) tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 9 ▌ għandu jsir f'konformità mal-kundizzjonijiet tal-ftehimiet bilaterali u multilaterali konklużi mal-pajjiżi terzi ġirien.
4. Hija meħtieġa l-approvazzjoni minn qabel ta’ kull Stat Membru ieħor jew tal-Aġenzija, li tkun ipprovdiet informazzjoni fil-kuntest tal-EUROSUR u li ma tkunx parti minn l-ebda wieħed mill-ftehimiet imsemmija fil-paragrafu 1 u min-netwerks imsemmijin fil-punt (ga) tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 9 ▌, qabel dik l-informazzjoni tkun tista’ tiġi kondiviża ma’ kull pajjiż terz skont dak il-ftehim jew in-netwerk; L-Istati Membri u l-Aġenzija għandhom ikunu marbuta bit-talba li ma jiskambjawx dik l-informazzjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat.
4b. It-trażmissjoni jew kwalunkwe komunikazzjoni oħra ta' informazzjoni skambjata taħt dan l-Artikolu lil pajjiżi terzi jew partijiet terzi oħrajn għandha tkun ipprojbita.
5. Kull skambju ta' informazzjoni ma' pajjiżi terzi miksuba permezz tal-applikazzjoni komuni tal-għodod ta' sorveljanza huwa soġġett għal-leġislazzjoni u r-regoli li jirregolaw dawk l-għodod u s-sistemi kif ukoll għad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 95/46/KE, ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI.
Artikolu 19
Manwal
1. Il-Kummissjoni Ewropea għandha, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, ▌ mal-Aġenzija, u ma' kwalunkwe korp, uffiċċju jew aġenzija oħra rilevanti tal-Unjoni, tagħmel disponibbli Manwal Prattiku għall-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-EUROSUR (minn hawn ’il quddiem il-‘Manwal’), li jipprovdi linji gwida tekniċi u operazzjonali, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki inkluż dwar il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terżi. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tadotta l-Manwal fil-forma ta’ rakkomandazzjoni.
2. Il-Kummissjoni Ewropea tista' tiddeċiedi, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-Aġenzija, li tikklassifika partijiet mill-Manwal bħala EU RESTRICTED f'konformità mar-regoli mniżżla fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE li temenda r-Regoli Interni tal-Proċedura.
Artikolu 20
Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni
1. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, l-Aġenzija u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri jkunu stabbiliti għall-monitoraġġ tal-funzjonament tekniku u operazzjonali tal-EUROSUR meta mqabbel mal-objettivi li jinkisbu għarfien tas-sitwazzjoni u kapaċità ta' reazzjoni adegwati fil-fruntieri esterni u r-rispett tad-drittijiet fundamentali inkluż il-prinċipju ta' non-refoulement.
2. L-Aġenzija għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tal-EUROSUR fl-1 ta’ Diċembru 2015 u kull sentejn minn dakinhar.
3. Il-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni ġenerali tal-EUROSUR lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-1 ta’ Diċembru 2016 u kull erba’ snin minn dakinhar. Din l-evalwazzjoni għandha tinkludi valutazzjoni tar-riżultati miksuba meta mqabbla mal-objettivi▌, tal-validità kontinwa tar-raġunijiet sottostanti, tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fl-Istati Membri u mill-Aġenzija▌ u tal-konformità ma' u l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali, u evalwazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji. Fejn meħtieġ, dik l-evalwazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn proposti adegwati biex jiġi emendat dan ir-Regolament.
4. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Aġenzija bl-informazzjoni meħtieġa biex jiġi abbozzat ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 2. L-Aġenzija għandha tipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa biex twettaq l-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 3.
Artikolu 20a
Emendi għar-Regolament (KE) Nru 2007/2004
Ir-Regolament Nru (KE) 2007/2004 huwa b'dan emendat kif ġej:
1. Fl-Artikolu 2(1), il-punt (i) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:
"(i) tipprovdi l-għajnuna neċessarja għall-iżvilupp u l-operazzjoni ta' sistema Ewropea ta' sorveljanza tal-fruntieri u, kif adatt, għall-iżvilupp ta' ambjent komuni għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni, inkluża l-interoperabbiltà ta' sistemi, b'mod partikolari permezz tal-istabbiliment, iż-żamma u l-koordinazzjoni tal-qafas tal-EUROSUR f'konformità mar-Regolament XXX tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR)."
2. Għandu jiddaħħal l-Artikolu 11ca l-ġdid li ġej:
"L-Artikolu 11ca
L-ipproċessar ta' data personali fil-qafas tal-EUROSUR
L-Aġenzija tista' tipproċessa data personali kif stabbilit fl-Artikolu 12a(2) tar-Regolament XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR), li għandu jkun applikat f’konformità mal-miżuri msemmija fl-Artikolu 11a. B'mod partikolari, l-ipproċessar ta' tali data għandu jirrispetta l-prinċipji tan-neċessità u l-proporzjonalità u t-trasmissjoni suċċessiva jew komunikazzjoni oħra ta' tali data personali pproċessata mill-Aġenzija għal pajjiżi terzi għandhom ikunu pprojbiti."
Artikolu 21 Dħul fis-seħħ u applikabbiltà
1. Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. Dan ir-Regolament japplika mit-2 ta' Diċembru 2013.
3. L-Artikolu 5 (1) għandu japplika għall-Istati Membri li jinsabu fil-fruntieri esterni ▌ tan-Nofsinhar u ▌l-Lvant ▌ (il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka, is-Slovenja u Spanja) mit-2 ta' Diċembru 2013.
4. L-Artikolu 5(1) għandu japplika għall-bqija tal-Istati Membri ▌ sa mill-1 ta’ Diċembru 2014.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President
ANNESS
Il-prinċipji li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati meta jiġu stabbiliti, operati u miżmuma l-komponenti differenti tal-qafas tal-EUROSUR:
(a) Il-Prinċipju ta’ komunitajiet ta’ interess: Iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni u l-Aġenzija jiffurmaw komunitajiet ta’ interess partikolari għall-qsim tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni fil-qafas tal-EUROSUR. Il-komunitajiet ta’ interess jintużaw biex jiġu organizzati ċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni differenti u l-Aġenzija biex jiskambjaw informazzjoni fit-tfittxija ta’ għanijiet, rekwiżiti u interessi komuni.
(b) Il-Prinċipji ta’ ġestjoni koerenti u tal-użu ta’ strutturi eżistenti: L-Aġenzija tiżgura l-koerenza bejn il-komponenti differenti tal-qafas tal-EUROSUR, inklużi l-provvediment ta’ gwida u ta’ appoġġ liċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni u l-promozzjoni tal-interoperabbiltà tal-informazzjoni u t-teknoloġija. Sa fejn ikun possibbli, il-qafas tal-EUROSUR jagħmel użu minn sistemi u kapaċitajiet eżistenti, sabiex il-baġit tal-Unjoni jintuża bl-aħjar mod possibbli u tiġi evitata d-duplikazzjoni. F’dan il-kuntest, l-EUROSUR tiġi stabbilita b’mod kompatibbli għal kollox mal-inizjattiva għal Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni għas-sorveljanza tad-dominju marittimu tal-UE (CISE), u għalhekk tkun tikkontribwixxi għal approċċ ikkoordinat u kosteffiċjenti u tibbenefika minnu għall-iskambju tal-informazzjoni transsettorjali fl-Unjoni.
(c) Il-Prinċipji tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni u tal-assigurazzjoni tal-informazzjoni: L-informazzjoni magħmula disponibbli fil-qafas tal-EUROSUR tkun disponibbli għaċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni kollha u għall-Aġenzija, sakemm ma jkunux ġew stabbiliti restrizzjonijiet speċifiċi jew sakemm ma jkunx sar ftehim dwarhom. Iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni jiggarantixxu d-disponibbiltà, il-kunfidenzjalità u l-integrità tal-informazzjoni li tkun se tiġi skambjata fuq il-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali. L-Aġenzija għandha tiggarantixxi d-disponibbiltà, il-kunfidenzjalità u l-integrità tal-informazzjoni li tkun ser tiġi skambjata fuq il-livell Ewropew u internazzjonali.
(d) Il-Prinċipji tal-orjentament lejn is-servizzi u tal-istandardizzazzjoni: Il-kapaċitajiet differenti tal-EUROSUR jiġu implimentati permezz ta’ approċċ orjentat lejn is-servizz. L-Aġenzija tiżgura li, safejn ikun possibbli, il-qafas tal-EURSUR ikun ibbażat fuq standards miftiehma internazzjonalment.
(e) Il-Prinċipju tal-flessibbiltà: L-organizzazzjoni, l-informazzjoni u t-teknoloġija jkunu mfassla sabiex il-partijiet interessati tal-EUROSUR ikunu jistgħu jirreaġixxu għas-sitwazzjonijiet li jkunu qed jinbidlu b’mod flessibbli u strutturat.
ANNESS GĦALL-ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew
Il-Parlament Ewropew jisħaq li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jagħmlu ħilithom u jużaw terminoloġija xierqa u newtra fit-testi leġiżlattivi meta jindirizzaw il-kwestjoni ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li l-preżenza tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri ma tkunx ġiet awtorizzata mill-awtoritajiet tal-Istati Membri jew ma tkunx għadha awtorizzata. F'każijiet bħal dawn, l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jevitaw li jużaw it-terminu "illegali" fejn ikun possibbli li jinstabu kliem oħra, u fi kwalunkwe każ, meta jirreferu għal persuni, għandha tintuża "migranti irregolari".
NOTA SPJEGATTIVA
Il-moviment ħieles huwa prinċipju bażi tal-Unjoni Ewropea u l-possibbiltà ta' moviment fi ħdan l-Unjoni Ewropea mingħajr ma wieħed ikollu jħabbat wiċċu ma’ kontrolli fil-fruntieri interni hi waħda mill-kisbiet bl-akbar suċċess tal-UE. Ħafna persuni jużaw din il-libertà u l-opinjoni pubblika ripetutament tqis il-libertà li tivvjaġġa bħala waħda mill-aktar benefiċċji sinifikanti li ġabet magħha l-Unjoni. Għall-ekonomija tagħna wkoll, il-moviment liberu huwa ċentrali għas-suċċess tas-suq uniku. Schengen ma jistax jinġieb lura. Minflok, dan għandu jissaħħaħ permezz ta' ġestjoni mtejba tal-fruntieri esterni tal-UE li tiżgura fiduċja reċiproka sħiħa fost l-Istati Membri.
Għal din ir-raġuni, ir-Rapporteur jappoġġa b'mod ġenerali l-proposta tal-Kummissjoni. Il-qsim ta' informazzjoni u t-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u bejn l-aġenziji involuti huma passi essenzjali sabiex ikun titjib fil-qsim tal-piżijiet fir-rigward tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE. Huma wkoll kruċjali biex jgħinu lill-Istati Membri jirrispettaw il-laġiżlazzjoni marittima internazzjonali u jsalvaw ħajjet il-migranti.
Ir-Rapporteur għandu l-ħsieb li jsaħħaħ il-punti li ġejjin:
1) Kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva
Ir-Rapporteur jaqbel mal-inklużjoni taż-żoni ta' prefruntiera fl-EUROSUR, inkluż punti/ajruporti ta' qsim tal-fruntieri, iżda huwa tal-fehma li dan għandu jsir fi stadju iktar tard. Għalissa, għandha tibqa' l-għażla tal-Istati Membri. Huwa jappoġġa wkoll l-inklużjoni ta' klawsola ta' reviżjoni ma' rapport li jivvaluta l-impatt ta' din l-inklużjoni, bil-possibilità li jiġu proposti emendi għar-Regolament.
2) Kooperazzjoni ma' aġenziji oħra
Ir-Rapporteur jappoġġa bis-saħħa l-kooperazzjoni ma' aġenziji oħra, speċjalment l-Europol, l-EASO, l-EMSA (Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima), EFCA (Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd) u l-ESC (Ċentru Ewropew Satellitari).
3) Kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi
Ir-Rapporteur huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-pajjiżi terzi ġirien biex jipproteġu ħajjet il-migranti, jipprevjenu l-migrazzjoni irregolari u jiġġieldu l-kriminalità transkonfinali. Dawk il-ftehimiet għandhom jiġu mgħarrfa lill-Kummissjoni.
4) Parteċipazzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda
Ir-Rapporteur jappoġġa l-possibilità li r-Renju Unit u l-Irlanda jipparteċipaw fl-EUROSUR. Il-kooperazzjoni għandha sseħħ fuq il-bażi ta' ftehimiet bilaterali jew multilaterali bejn l-Irlanda u r-Renju Unit u Stat Membru ġar wieħed jew iktar.
5) Id-data personali
Ir-Rapporteur jinsisti li d-data personali għandha tiġi skambjata u pproċessata permezz tal-EUROSUR biss meta dan ikun neċessarju u f'każijiet ġustifikati kif xieraq, bis-salvagwardji adegwati. Huwa jqis ukoll li m'għandu jkun hemm l-ebda skambju ta' data personali ma' pajjiżi terzi.
6) Definizzjonijiet
Ir-Rapporteur ressaq xi emendi sabiex jiġu definiti aħjar xi kunċetti bħal "inċident" u "interċezzjoni". Ir-Rapporteur jinsisti wkoll dwar definizzjoni mtejba ta' sitwazzjonijiet ta' pressjoni u tensjoni partikolari fejn il-vlutazzjoni ta' impatt "baxx", "medju" u "għoli" għandha ssir fil-livell tal-Frontex.
7) Koordinazzjoni
Ir-Rapporteur jappoġġa l-ħatra ta' ċentru nazzjonali ta' koordinazzjoni uniku f'kull Stat Membru, inkarigat mill-kooperazzjoni mal-EUROSUR, filwaqt li titħalla ftit flessibilità b'rabta mal-organizzazzjoni reġjonali interna tal-Istati Membri.
8) Drittijiet fundamentali
Ir-Rapporteur jintroduċi xi referenzi għal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE dwar l-ażil (inkluż il-prinċipju tan-non-refoulement) u r-ritorn li għandu japplika wara l-interċezzjoni.
9) Obbligu ta' rendikont
Ir-Rapporteur jiffavorixxi l-inklużjoni ta' klawsola ta' reviżjoni kull 4 snin, b'rapport lill-Parlament Ewropew.
17.10.2012
OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits
għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR)
( COM(2011)0873 – C7-0506/2011 – 2011/0427(COD) )
Rapporteur għal opinjoni: Dominique Riquet
ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA
1. Kamp ta' applikazzjoni tal-proposta
Il-proposta rigward is-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) hija parti mill-isforzi tal-Unjoni intiżi li jżidu l-kapaċità ta' reazzjoni tal-Istati Membri tal-awtoritajiet ta' kontroll fuq il-fruntieri fil-fruntieri esterni (taż-żona Schengen). Hija għandha tgħin lill-Istati Membri jiksbu għarfien totali tas-sitwazzjoni mal-fruntieri esterni tagħhom u jżidu ċ-ċirkolazzjoni ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn dawn tal-aħħar u l-Aġenzija, b'mod aktar koerenti u sistematiku. Għal dak li għandu x'jaqsam mad-dimensjoni esterna tal-ġestjoni tal-fruntieri, l-EUROSUR għandha tagħti sostenn biex tiżdied il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u jissaħħu l-kapaċitajiet tagħhom ta' sorveljanza u ta' ġestjoni tal-fruntieri f'oqsma li għandhom impatt dirett fl-UE (pereżempju l-kollegament tas-sistemi u tal-infrastrutturi ta' pajjiżi terzi ma' dawk tal-UE biex ikun permess skambju regolari ta' informazzjoni).
2. Implimentazzjoni
Il-komponenti differenti tal-EUROSUR se jkunu implimentati prinċipalment mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea[14] (Frontex) u mill-Istati Membri kif deskritt fil-komunikazzjoni tal-2008 dwar l-EUROSUR[15].
Għall-kuntrarju taż-żewġ programmi paralleli "Fond għas-Sigurtà Interna" u "Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil" l-EUROSUR mhijiex se tkun imfassla bħal fond tal-UE, iżda tforni qafas tekniku komuni u tiżviluppa standards meħtieġa għar-razzjonalizzazzjoni tal-kooperazzjoni kif anki komunikazzjoni kontinwa u bla waqfien bejn l-awtoritajiet (kemm tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri). Ir-regolament tal-EUROSUR propost għandu jidħol fis-seħħ fi tmiem l-2013. Id-dikjarazzjoni finanzjarja mehmuża mal-proposta[16] hija limitata għall-perjodu 2014-2020 anki jekk il-memorandun ta' spjegazzjoni tar-regolament jipprevedi wkoll finanzjament fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali attwali, billi l-EUROSUR tnediet bħala proġett pilota fl-2011. Għall-perjodu 2014-2020, tipprevedi finanzjament mhux permezz ta' linja baġitarja separata iżda minn żewġ sorsi fi ħdan il-baġit tal-UE (diġà eżistenti jew li għad iridu jinħolqu):
· Attwalment, l-Istati Membri jirċievu appoġġ mill-approprjazzjonijiet tal-Fond tal-UE għall-Fruntieri Esterni (linja baġitarja 18 02 06) sa tmiem il-QFP attwali (tmiem l-2013). Mill-2014 'il quddiem, se tinħoloq linja baġitarja ġdida (18 02 XX XX - "Fond għas-Sigurtà Interna - Fruntieri u Viżi") fl-istruttura tal-baġit il-ġdida wara l-QFP 2014-2020 u parti minnha tkun tiffinanzja l-iżvilupp ta' xi wħud mill-komponenti differenti tal-EUROSUR (eż. ħolqien taċ-ċentri nazzjonali ta' koordinament).
· Min-naħa l-oħra, għandha tkun l-aġenzija Frontex (linja 18 02 03 02) li se tuża l-baġit tagħha stess biex tistabbilixxi n-netwerk ta' komunikazzjoni u komponenti orizzontali oħrajn tal-EUROSUR, bħall-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea u l-istampa ta' intelligence prefruntiera komuni, u fejn meħtieġ dan se jsir bl-appoġġ fl-ambitu tal-Fond għas-Sigurtà Interna (ġestjoni finanzjarja ċentralizzata diretta jew indiretta).
L-impatt totali stmat fuq in-nefqa tal-UE fuq seba' snin (2014-2020) ikun bejn wieħed u ieħor EUR 244 021 miljun. Madwar EUR 112-il miljun se jkunu ffinanzjati mill-approprjazzjonijiet mil-linja l-ġdida "Fond għas-Sigurtà Interna - Fruntieri u Viżi" u EUR 132 miljun mill-aġenzija Frontex (linja 18 02 03 02) li jidher li huwa sehem pjuttost importanti tal-baġit totali stmat ta' Frontex għal seba' snin li jammonta għal EUR 614-il miljun.
Meta mqabbel ma' dan, għall-Intestaura 3 A attwali, il-Kummissjoni pproponiet fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali baġit kumplessiv indikattiv ta' EUR 10 911-il miljun għall-perjodu 2014-2020.
Din iċ-ċifra tkopri l-infiq għall-programmi finanzjarji u l-aġenziji tal-UE attivi fil-qasam tal-affarijiet interni. L-aġenziji jilħqu l-ammont ta' EUR 1 572 miljun fi prezzijiet kurrenti.
Il-bżonn stmat ta' riżorsi umani għall-implimentazzjoni tal-qafas (monitoraġġ u sostenn tal-ġestjoni ta' kuljum tal-EUROSUR) ikun biss 2 postijiet AD fis-sede tal-Kummissjoni, li ġejjin mid-DĠ HOME. Skont il-proposta, dan il-persunal diġà huwa assenjat għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew riassenjati fi ħdan id-DĠ. F'każ li tirriżulta neċessarja xi allokazzjoni addizzjonali, ir-rapporteur tagħkom jinsisti li din tkun tista' tingħata biss lid-DĠ responsabbli skont il-proċedura ta' allokazzjoni annwali u fid-dawl tar-restrizzjonijiet baġitarji.
3. Il-pożizzjoni tar-rapporteur
Ir-rapporteur tagħkom huwa favur it-tkomplija u l-iżvilupp tal-EUROSUR għax is-sorveljanza tal-fruntieri tirrappreżenta qasam li fih l-azzjoni tal-Unjoni bla dubju tagħti valur miżjud Ewropew meta mqabbel ma' miżuri purament nazzjonali. Tabilħaqq, l-immigrazzjoni illegali u l-kriminalità transkonfinali huma, min-natura tagħhom, fenomeni li jmorru lil hinn mit-territorju tal-Istati Membri.
Madankollu ta' min jinnota li l-iskema ta' finanzjamenti proposta għall-EUROSUR hija kumplessa ħafna. Dan jirriżulta kemm mit-tliet livelli ta' ġestjoni possibbli (ġestjoni ċentralizzata diretta, ġestjoni ċentralizzata indiretta, ġestjoni kondiviża) kif ukoll mill-kalendarju tal-finanzjamenti (il-qafas finanzjarju plurienneali attwali u l-QFP 2014-2020) u għalhekk joriġina minn pakketti differenti fi ħdan dawn iż-żewġ oqfsa.
Sakemm ma jiġix adottat il-baġit 2013, se tkun diffiċli l-analiżi tad-diversi ammonti li għandhom jittieħdu mil-linji baġitarji kkonċernati fl-ambitu tal-QFP attwali (Fond għall-Fruntieri Esterni, Frontex, is-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp u Strument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp). Fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-EUROSUR[17] hemm ippreżentata distribuzzjoni tal-kostijiet, iżda din ma tidhirx fil-proposta stess.
Rigward l-infiq li għandu jsir matul il-QFP 2014-2020 - u mingħajr preġudizzju għall-eżitu tan-negozjati dwar il-QFP li jmiss, jiddispjaċina li l-Kummissjoni ma tagħmel l-ebda riferiment baġitarju fil-parti ġuridikament vinkolanti tal-proposta dwar l-EUROSUR.
Barra minn hekk, għal dak li għandu x'jaqsam mal-infiq dwar iċ-ċentri nazzjonali ta' koordinament u l-miżuri fil-pajjiżi terzi ġirien, ir-rapporteur tagħkom jenfasizza l-assenza ta' kriterji għall-assenjazzjoni tar-riżorsi.
EMENDI
IL-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora l-emendi li ġejjin fir-rapport tiegħu:
Emenda 1
Abbozz ta' riżoluzzjoni leġiżlattiva
Paragrafu 1a (ġdid)
| |
Abbozz ta' riżoluzzjoni leġiżlattiva | Emenda |
| 1a. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar "Ninvestu fil-ġejjieni: Qafas Finanzjarju Multiannwali (QFM) ġdid għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklużiva"1; itenni li jinħtieġu biżżejjed riżorsi addizzjonali fl-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss sabiex l-Unjoni tkun tista' tilħaq il-prijoritajiet eżistenti tal-politika u tissodisfa l-kompiti l-ġodda previsti fit-Trattat ta' Lisbona, kif ukoll sabiex tindirizza sitwazzjonijiet mhux mistennija; jindika li anke b'żieda ta' mill-inqas 5 % fil-livell tar-riżorsi għall-QFP li jmiss meta mqabbel mal-livell tal-2013, tkun tista' ssir biss kontribuzzjoni limitata għall-ilħuq tal-objettivi u l-impenji miftiehma tal-Unjoni u għall-prinċipju tas-solidarjetà tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Kunsill, f'każ li ma jaqbilx ma' dan l-approċċ, jidentifika b'mod ċar liema mill-prijoritajiet politiċi jew mill-proġetti tiegħu jista' jiġu abbandunati totalment, minkejja l-garanzija ta' valur miżjud Ewropew tagħhom; |
| _______________ |
| 1 Testis adottati, P7_TA(2011)0266 |
Emenda 2
Abbozz ta' riżoluzzjoni leġiżlattiva
Paragrafu 1b (ġdid)
| |
Abbozz ta' riżoluzzjoni leġiżlattiva | Emenda |
| 1b. Jenfasizza li l-punt 47 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda għandu japplika għall-estensjoni tal-mandat għall-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva (l-"Aġenzija") fil-fruntieri esterni; jenfasizza li kwalunkwe deċiżjoni tal-awtorità leġiżlattiva favur tali estensjoni tkun bla ħsara għad-deċiżjonijiet tal-awtorità tal-baġit fil-kuntest tal-proċedura annwali tal-baġit; |
| ________________ |
| 1 ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1. |
Emenda 3
Abbozz ta' riżoluzzjoni leġiżlattiva
Paragrafu 1c (ġdid)
| |
Abbozz ta' riżoluzzjoni leġiżlattiva | Emenda |
| 1c. Jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta dikjarazzjoni finanzjarja ġdida li tikkunsidra b'mod sħiħ ir-riżultat tal-ftehim leġiżlattiv bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex jintlaħqu r-rekwiżiti baġitarji u dawk tal-persunal fl-Aġenzija u fis-servizzi tal-Kummissjoni; |
Emenda 4
Proposta għal regolament
Premessa 1
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
(1) L-istabbiliment tas-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (minn hawn quddiem imsejħa l-'EUROSUR') hija meħtieġa għat-tisħiħ tal-iskambju tal-informazzjoni u tal-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri, kif ukoll mal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta' Ottubru 2004 (Frontex), minn hawn 'il quddiem imsejħa 'l-Aġenzija'. L-EUROSUR għandha tipprovdi lil dawn l-awtoritajiet u lill-Aġenzija l-infrastruttura u l-għodod meħtieġa biex itejbu l-għarfien tas-sitwazzjoni u l-kapaċità ta' reazzjoni tagħhom fid-detezzjoni u l-prevenzjoni tal-migrazzjoni illegali u l-kriminalità transkonfinali kif ukoll meta jipproteġu u jsalvaw il-ħajjiet ta' migranti fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni. | (1) L-istabbiliment tas-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (minn hawn quddiem imsejħa l-'EUROSUR') hija meħtieġa għat-tisħiħ tal-iskambju tal-informazzjoni u tal-kooperazzjoni operattiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri, kif ukoll mal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta' Ottubru 2004 (Frontex), minn hawn 'il quddiem imsejħa 'l-Aġenzija'. L-EUROSUR għandha tipprovdi lil dawn l-awtoritajiet u lill-Aġenzija l-infrastruttura u l-għodod meħtieġa biex itejbu l-għarfien tas-sitwazzjoni u l-kapaċità ta' reazzjoni tagħhom fid-detezzjoni u l-prevenzjoni tal-migrazzjoni illegali u l-kriminalità transkonfinali, b'hekk tikkontribwixxi aħjar għall-protezzjoni u għas-salvataġġ tal-ħajjiet ta' migranti fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni. |
Emenda 5
Proposta għal regolament
Premessa 5a (ġdida)
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
| (5a) L-Aġenzija għandha tingħata r-riżorsi finanzjarji u umani xierqa, sabiex tkun tista' tissodisfa b'mod adegwat il-kompiti addizzjonali li ngħatawlha skont dan ir-Regolament. Għal dan il-għan, il-proċedura għall-istabbiliment, l-implimentazzjoni u l-kontroll tal-baġit tagħha kif stabbilita fl-Artikoli 29 u 30 tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004 għandha tqis dawn il-kompiti kif xieraq. L-awtorità baġitarja għandha tiżgura li jiġu sodisfatti l-aqwa standards ta' effiċjenza. |
Emenda 6
Proposta għal regolament
Premessa 9a (ġdida)
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
| (9a) Jeżisti bżonn ta' koordinament aħjar tal-infiq tal-fondi tal-Unjoni u tal-Istati Membri fil-qasam tal-affarijiet interni bil-għan li jiġi ottimizzat l-użu tal-baġits tagħhom stess. Dan għandu jikkontribwixxi għal komplementarjetà, effiċjenza u viżibilità aħjar tal-infiq tagħhom. L-EUROSUR, b'mod partikolari, għandha tisfrutta bl-aħjar mod possibbli l-kapaċitajiet eżistenti f'termini ta' riżorsi umani kif ukoll ta' tagħmir tekniku, f'livell tal-UE u nazzjonali, filwaqt li tippromwovi kooperazzjoni militari-ċivili. |
Emenda 7
Proposta għal regolament
Premessa 9b (ġdida)
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
| (9b) Il-mekkaniżmi li jinvolvu l-baġit tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-EUROSUR għandhom ikunu trasparenti, responsabbli u suġġetti għal skrutinju demokratiku. |
Emenda 8
Proposta għal regolament
Premessa 9c (ġdida)
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
| (9c) Jeżisti bżonn ta' garanzija ta' ġestjoni finanzjarja tajba tas-sistema u tal-implimentazzjoni tagħha bl-aktar mod effikaċi possibbli, filwaqt li tinżamm iċ-ċertezza tad-dritt u l-aċċessibilità tas-sistema għall-parteċipanti kollha. |
Emenda 9
Proposta għal regolament
Premessa 9d (ġdida)
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
| (9d) Il-Kummissjoni għandha tivvaluta regolarment ir-riżultati tal-implimentazzjoni tal-EUROSUR bl-għajnuna ta' indikaturi ċari, sempliċi u li jistgħu jitkejlu. Tali indikaturi għandhom jagħtu l-bażi sabiex jiġi determinat sa liema punt intlaħqu l-objettivi tas-sistema. |
Emenda 10
Proposta għal regolament
Artikolu 1
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas komuni għall-iskambju tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Aġenzija sabiex jitjiebu l-għarfien tas-sitwazzjoni u l-kapaċità ta' reazzjoni fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea, minn hawn 'il quddiem imsejħa: Is-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri Esterni (EUROSUR). | Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas komuni għall-iskambju tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Aġenzija sabiex jitjiebu l-għarfien tas-sitwazzjoni u l-kapaċità ta' reazzjoni fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea, b'hekk jikkontribwixxi aħjar għall-protezzjoni u għas-salvataġġ tal-ħajjiet ta' migranti fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni, minn hawn 'il quddiem imsejħa: Is-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri Esterni (EUROSUR). |
Emenda 11
Proposta għal regolament
Artikolu 3 – punt ga (ġdid)
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
| (g) 'Aġenzija' tfisser l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kif stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004; |
Emenda 12
Proposta għal regolament
Artikolu 4 – paragrafu 1 – punt c
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
(c) netwerk ta' komunikazzjoni; | (c) skambju ta' data u netwerk ta' komunikazzjoni; |
Emenda 13
Proposta għal regolament
Anness – punt b
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
(b) Il-Prinċipji ta' ġestjoni koerenti u tal-użu ta' strutturi eżistenti: L-Aġenzija tiżgura l-koerenza bejn il-komponenti differenti tal-qafas tal-EUROSUR, inklużi l-provvediment ta' gwida u ta' appoġġ liċ-ċentri nazzjonali ta' koordinazzjoni u l-promozzjoni tal-interoperabbiltà tal-informazzjoni u t-teknoloġija. Safejn ikun possibbli, il-qafas tal-EUROSUR jagħmel użu minn sistemi u kapaċitajiet eżistenti. F'dan il-kuntest, l-EUROSUR tiġi stabbilita b'mod kompatibbli għal kollox mal-inizjattiva għal Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni għas-sorveljanza tad-dominju marittimu tal-UE (CISE), u għalhekk tkun tikkontribwixxi għal approċċ ikkoordinat u kosteffiċjenti u tibbenefika minnu għall-iskambju tal-informazzjoni transsettorjali fl-Unjoni. | (b) Il-Prinċipji ta' ġestjoni koerenti u tal-użu ta' strutturi eżistenti: L-Aġenzija tiżgura l-koerenza bejn il-komponenti differenti tal-qafas tal-EUROSUR, inklużi l-provvediment ta' gwida u ta' appoġġ liċ-ċentri nazzjonali ta' koordinament u l-promozzjoni tal-interoperabbiltà tal-informazzjoni u t-teknoloġija. Safejn ikun possibbli, il-qafas tal-EUROSUR jagħmel użu minn sistemi u kapaċitajiet eżistenti, bil-għan li jiġi ottimizzat l-użu tal-baġit tal-Unjoni u jiġu evitati d-duplikazzjonijiet. F'dan il-kuntest, l-EUROSUR tiġi stabbilita b'mod kompatibbli għal kollox mal-inizjattiva għal Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni għas-sorveljanza tad-dominju marittimu tal-UE (CISE), u għalhekk tkun tikkontribwixxi għal approċċ ikkoordinat u kosteffiċjenti u tibbenefika minnu għall-iskambju tal-informazzjoni transsettorjali fl-Unjoni. |
PROĊEDURA
Titolu | L-istabbiliment tas-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) | |||
Referenzi | COM(2011)0873 – C7-0506/2011 – 2011/0427(COD) | |||
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja | LIBE 2.2.2012 |
|
|
|
Opinjoni mogħtija minn Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja | BUDG 2.2.2012 | |||
Rapporteur għal opinjoni Data tal-ħatra | Dominique Riquet 15.2.2012 | |||
Data tal-adozzjoni | 10.10.2012 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 28 4 1 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Marta Andreasen, Richard Ashworth, Francesca Balzani, Zuzana Brzobohatá, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Jens Geier, Ivars Godmanis, Lucas Hartong, Jutta Haug, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Ivailo Kalfin, Sergej Kozlík, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Giovanni La Via, George Lyon, Barbara Matera, Juan Andrés Naranjo Escobar, Nadezhda Neynsky, Dominique Riquet, Potito Salatto, Alda Sousa, Helga Trüpel, Derek Vaughan, Angelika Werthmann | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Alexander Alvaro, Jürgen Klute, Georgios Papastamkos, Nils Torvalds, Catherine Trautmann | |||
PROĊEDURA
Titolu | L-istabbiliment tas-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) | |||
Referenzi | COM(2011)0873 – C7-0506/2011 – 2011/0427(COD) | |||
Data meta ġiet ippreżentata lill-PE | 12.12.2011 |
|
|
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja | LIBE 2.2.2012 |
|
|
|
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja | AFET 2.2.2012 | DEVE 2.2.2012 | BUDG 2.2.2012 |
|
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija Data tad-deċiżjoni | AFET 6.3.2012 | DEVE 25.1.2012 |
|
|
Rapporteur(s) Data tal-ħatra | Jan Mulder 9.2.2012 |
|
|
|
Eżami fil-kumitat | 25.4.2012 | 3.9.2012 | 11.10.2012 | 27.11.2012 |
| 19.6.2013 |
|
|
|
Data tal-adozzjoni | 19.6.2013 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 41 8 1 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Jan Philipp Albrecht, Rita Borsellino, Emine Bozkurt, Arkadiusz Tomasz Bratkowski, Salvatore Caronna, Philip Claeys, Carlos Coelho, Ioan Enciu, Tanja Fajon, Hélène Flautre, Kinga Gál, Kinga Göncz, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Ágnes Hankiss, Anna Hedh, Salvatore Iacolino, Sophia in ‘t Veld, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Timothy Kirkhope, Juan Fernando López Aguilar, Baroness Sarah Ludford, Svetoslav Hristov Malinov, Véronique Mathieu Houillon, Anthea McIntyre, Nuno Melo, Roberta Metsola, Antigoni Papadopoulou, Georgios Papanikolaou, Carmen Romero López, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Renate Sommer, Rui Tavares, Nils Torvalds, Kyriacos Triantaphyllides, Axel Voss, Renate Weber, Josef Weidenholzer, Tatjana Ždanoka, Auke Zijlstra | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Elena Oana Antonescu, Dimitrios Droutsas, Monika Hohlmeier, Jan Mulder, Marco Scurria | |||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali | Jürgen Creutzmann, Jelko Kacin | |||
Data tat-tressiq | 24.6.2013 | |||