Dokument ta' sessjoni
13.2.2014
***I
RAPPORT
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002
( COM(2013)0639 – C7‑0303/2013 – 2013/0313(COD) )
Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Ingeborg Gräßle
PR_COD_1consamCom
Tifsira tas-simboli użati |
* Proċedura ta' konsultazzjoni *** Proċedura ta' approvazzjoni ***I Proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-ewwel qari) ***II Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tieni qari) ***III Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tielet qari) (It-tip ta' proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta' att.)
|
Emendi għal abbozz ta' att |
Emendi tal-Parlament f'żewġ kolonni
It-tħassir huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa fil-kolonna tax-xellug. Is-sostituzzjoni hija indikata permezz tat-tipa korsiva u grassa fiż-żewġ kolonni. It-test ġdid huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa fil-kolonna tal-lemin.
L-ewwel u t-tieni linji tal-intestatura ta' kull emenda jidentifikaw il-parti tat-test ikkonċernata fl-abbozz ta' att inkwistjoni. Meta emenda tirrigwarda att eżistenti, li l-abbozz ta' att ikollu l-ħsieb li jemenda, l-intestatura jkun fiha wkoll it-tielet u r-raba' linji li jidentifikaw rispettivament l-att eżistenti u d-dispożizzjoni kkonċernata f'dak l-att.
Emendi tal-Parlament li jieħdu l-forma ta' test konsolidat
Il-partijiet tat-testi l-ġodda huma indikati permezz tat-tipa korsiva u grassa. Il-partijiet tat-test imħassra huma indikati permezz tas-simbolu ▌ jew huma ingassati. Is-sostituzzjoni hija indikata billi t-test il-ġdid jiġi indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa u billi jitħassar jew jiġi ingassat it-test sostitwit. Bħala eċċezzjoni, it-tibdil ta' natura strettament teknika magħmul mis-servizzi fil-preparazzjoni tat-test finali mhuwiex indikat.
|
WERREJ
Paġna
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW 5
ANNESS: STQARRIJA KONĠUNTA 12
NOTA SPJEGATTIVA 13
PROĊEDURA 16
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002
( COM(2013)0639 – C7‑0303/2013 – 2013/0313(COD) )
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ( COM(2013)0639 ),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7–0303/2013),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri tat-3 ta' Diċembru 2013[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits ( A7‑0108/2014 ),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Emenda 1
EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW[2]*
għall-proposta tal-Kummissjoni
---------------------------------------------------------
REGOLAMENT (UE, EURATOM) Nru …/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
ta' …
li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni▌
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 322 tiegħu,▌
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri[3],
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja[4],
Billi:
(1) Ir-Regolament (UE, EURATOM) Nru 966/2012[5] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ġie adottat fil-25 ta’ Ottubru 2012 u kien akkumpanjat minn dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fejn qablu li jirrevedu dak ir-Regolament ▌sabiex jitqies l-eżitu tan-negozjati dwar il-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020.
(2) B'segwitu għall-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013[6] u r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[7], u f’konformità mad-dikjarazzjoni konġunta, huwa neċessarju li jiġi emendat ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 biex jinkludi r-regoli dwar ir-riporti għar-Riżerva ta’ Għajnuna f'Emerġenza u għall-proġetti ffinanzjati taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.
(3) Rigward ir-Riżerva għal Għajnuna f'Emerġenza, l-approprjazzjonijiet korrispondenti huma mdaħħla fit-titolu "Riżervi" tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Għalhekk, hemm bżonn li jiġi emendat ir-Regolament (UE, EURATOM) Nru 966/2012 ▌sabiex jipprevedi ir-riport għas-sena n+1 tal-approprjazzjonijiet imqiegħda f’riżerva u mhux użati fis-sena n.
(4) Minħabba n-natura tagħhom, il-proġetti iffinanzjati taħt il-Faċilita' Nikkollegaw l-Ewropa f'ħafna każijiet se jirrikjedu proċeduri kontraenti kumplessi. Għaldaqstant, dewmien anki limitat fit-tlestija tat-tali proġetti jista' jwassal għal telf ta' approprjazzjonijiet ta' impenn annwali u jdgħajjef il-vijabbiltà ta' dawk il-proġetti u b'hekk tad-determinazzjoni politika tal-Unjoni sabiex timmodernizza n-netwerks u l-infrastruttura tagħha fl-oqsma tat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjonijiet. Sabiex jevita dan, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 għandu jippermetti r-riport awtomatiku għas-sena finananzjarja ta' wara tal-approprjazzjoni ta' impenn li ma jkunux intużaw sa tmiem ▌sena finanzjarja għall-proġetti ffinanzjati taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.
(5) B'segwitu għall-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[8], hemm bżonn li r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 jiġi emendat b'mod li l-approprjazzjonijiet diżimpenjati jerġgħu jsiru disponibbli għal finijiet tal-implimentazzjoni tar-riżerva tal-prestazzjoni u l-garanzija bla limiti massimi u l-istrumenti finanzjarji ta' titolizzazzjoni għall-vantaġġ tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi għar-Regolament (UE, EURATOM) Nru 966/2012
Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 b'dan għandu jiġi emendat kif ġej:
(1) L-Artikolu 13 għandu jiġi emendat kif ġej:
(a) Il-paragrafu 2 għandu jiġi emendat kif ġej:
(i) il-punti ▌li ġejjin għandhom jiżdiedu mal-ewwel subparagrafu:
"(c) ammonti li jikkorrispondu mal-approprjazzjonijiet ta' impenn għar-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza.
(d) ammonti li jikkorrispondu għall-approprjazzjonijiet ta' impenn għall-proġetti ffinanzjati taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa”.
(ii) ▌għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:
"L-ammonti msemmija fil-punti (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu jistgħu jiġu riportati għas-sena finanzjarja segwenti biss.";
(b) Il-paragrafu 6 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
"6. Mingħajr preġudizzju għall-punt (c) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u l-Artikolu 14, l-approprjazzjonijiet imqiegħda f’riżerva u l-approprjazzjonijiet għall-infiq għall-persunal ma jistgħux jiġu riportati. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-infiq għall-persunal jinkludi r-remunerazzjoni u l-allowances għall-membri u l-persunal tal-istituzzjonijiet li għalihom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal.".
(2) Fl-Artikolu 178, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:
"2a. L-approprjazzjonijiet diżimpenjati għandhom jerġgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fil-każ ta':
(a) id-diżimpenjar tal-approprjazzjonijiet minn programm skont l-arranġamenti għall-applikazzjoni tar-riżerva għall-prestazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*;
(b) id-diżimpenjar tal-approprjazzjonijiet minn programm iddedikat għall-istrument finanzjarju speċifiku favur l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, wara li Stat Membru ma jkunx kompla l-parteċipazzjoni tiegħu fl-istrument finanzjarju, kif imsemmi fis-seba' subparagrafu tal-Artikolu 39(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.
_______________________________
* Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).".
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi ...,
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President
ANNESS: STQARRIJA KONĠUNTA
Dikjarazzjoni konġunta dwar il-kwittanza separata għall-Impriżi Konġunti skont l-Artikolu 209 tar-Regolament Finanzjarju
1. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li sabiex l-Impriżi Konġunti jibbenefikaw minn regoli finanzjarji simplifikati li jkunu adattati aħjar għan-natura pubblika-privata tagħhom, dawn għandhom jiġu stabbiliti taħt l-Artikolu 209 tar-Regolament Finanzjarju.
Madankollu, huma jaqblu wkoll li:
– Fid-dawl tan-natura speċifika u l-istatus attwali tal-Impriżi Konġunti, u biex tkun żgurata l-kontinwità mas-7 Programm Qafas, l-Impriżi Konġunti għandhom ikomplu jkunu soġġetti għal kwittanza separata li għandha tingħata mill-Parlament Ewropew fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill. Għal din ir-raġuni, derogi speċifiċi mill-Artikolu 209 tar-Regolament Finanzjarju għandhom jiġu introdotti fl-atti kostitwenti tal-Impriżi Konġunti li għandhom li stabbiliti taħt il-Programm Orizzont 2020. Dawn id-derogi ser jirreferu għall-kwittanza separata u ser jinkludu kwalunkwe adattament addizzjonali meħtieġ.
– Sabiex l-Impriżi Konġunti jkunu jistgħu jibbenefikaw minnufih mis-simplifikazzjonijiet introdotti fil-qafas finanzjarju l-ġdid, jeħtieġ li jidħol fis-seħħ ir-regolament delegat tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2013 dwar ir-regolament finanzjarju mudell għal korpi ta' SPP skont l-Artikolu 209 tar-Regolament Finanzjarju.
2. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jieħdu nota li l-Kummissjoni:
– ser tiżgura li r-regoli finanzjarji tal-Impriżi Konġunti ser jinkludu derogi mir-Regolament Finanzjarju Mudell għal korpi ta' SPP biex tiġi riflessa l-introduzzjoni tal-kwittanza separata fl-atti kostitwenti tagħhom;
– biħsiebha tipproponi modifiki rilevanti għall-Artikoli 209 u 60(7) tar-Regolament Finanzjarju fil-qafas tar-reviżjoni futura tar-Regolament Finanzjarju.
NOTA SPJEGATTIVA
Proposta tal-Kummissjoni
Fil-qafas tan-negozjati dwar ir-Regolament Finanzjarju, li ġew konklużi fi tmiem l-2012, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu li jirreveduh sabiex jinkludu l-eżitu tan-negozjati dwar il-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020.
Fis-27 ta’ Ġunju 2013, intlaħaq ftehim politiku bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-pakkett tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 (QFP) u dwar l-abbozz ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE), inklużi, fost affarijiet oħra, regoli speċifiċi għar-riporti.
Fi tmiem l-2013, intlaħaq ftehim dwar ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni li jkopru l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, b'mod partikolari fir-rigward tal-istabbiliment ta' riżerva għall-prestazzjoni u tal-inizjattiva tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.
Il-proposta tal-Kummissjoni timmodifika l-Artikolu 13 tar-Regolament Finanzjarju sabiex tinkludi r-regoli dwar ir-riporti għar-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza u għall-proġetti ffinanzjati taħt il-FNE, bi qbil mal-Artikolu 9(2) tar-Regolament dwar il-QFP fir-rigward tar-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza u mal-memorandum ta’ spjegazzjoni għall-proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014-2020[9] fir-rigward tal-FNE.
Emenda proposta: ir-riżerva għall-prestazzjoni u l-inizjattiva tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju
Peress li l-proposta tal-Kummissjoni ġiet preżentata qabel l-adozzjoni tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, ma setgħetx tinkludi wħud mill-aġġustamenti rikjesti mid-dispożizzjonijiet inklużi fil-ftehim politiku finali dwarha. Ikun għalhekk xieraq ukoll li, fir-Regolament Finanzjarju, jiġu inklużi dispożizzjonijiet speċifiċi li jkopru l-istabbiliment ta' riżerva għall-prestazzjoni u dwar l-inizjattiva tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fir-reviżjoni attwali relatata mal-QFP tar-Regolament Finanzjarju.
Kif inhu l-każ għar-Regolamenti dwar il-QFP u l-FNE, dan jirrigwarda sempliċiment ir-riflessjoni fir-Regolament Finanzjarju tal-konsegwenzi, f'termini ta' regoli u mekkaniżmi baġitarji, ta' atti leġiżlattivi li diġà ntlaħaq qbil dwarhom. Fil-każ tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, dan ġie inkorporat f'dikjarazzjoni konġunta mit-tliet istituzzjonijiet.
Id-dikjarazzjoni konġunta: kwittanza diretta lis-sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat
Finalment, dan ir-rapport jappoġġa, bi qbil mat-talba espressa fl-ittra D(2014)5889 mill-President tal-Kumitat CONT lill-President tal-Kumitat BUDG, dikjarazzjoni konġunta speċifika li ntlaħaq qbil dwarha fil-kuntest tan-negozjati dwar ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni dwar il-mudell tar-regolament finanzjarju għal korpi ta’ sħubija pubblika-privata.
Sussegwentement għall-preżentazzjoni mill-Kummissjoni, nhar it-30 ta' Settembru 2013, ta' regolament ta’ delega dwar il-mudell tar-regolament finanzjarju għal korpi ta’ sħubija pubblika-privata (Artikolu 209 tar-Regolament Finanzjarju), il-Kumitati BUDG u CONT, skont l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura, fis-17 ta' Diċembru 2013 iddeċidew unanimament li jadottaw il-mozzjoni għal riżoluzzjoni li toġġezzjona għall-att delegat, li ppreveda li s-sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat kienu se jirċievu kwittanza indiretta permezz tal-Kummissjoni, waqt li biddel il-prassi attwali li l-kwittanza tingħata individwalment lil kull Impriża Konġunta u/jew sħubija bejn is-settur pubbliku u dak privat.
Fuq talba tal-Parlament, imbagħad intlaħaq qbil dwar dan li ġej li ġie ppreżentat f'dikjarazzjoni konġunta, li diġà għandha l-appoġġ tal-istituzzjonijiet l-oħra u li issa għandha tirċievi l-appoġġ tal-Plenarja:
I. Bħala soluzzjoni interim, id-derogi mir-Regolament Finanzjarju għandhom jiġu inklużi f'kull att bażiku għal ITK u r-regoli finanzjarji interni tal-ITK rispettivi.
II. Fl-2014, il-Kummissjoni se tipproponi soluzzjoni permanenti, li timmodifika r-Regolament Finanzjarju u, sussegwentement, l-Att Delegat, biex ir-Regolament Finanzjarju, kif ukoll ir-regolament finanzjarju qafas għas-sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat, iġġibu konformi mad-dispożizzjonijiet li se jiġu inklużi fir-regolamenti dwar l-ITK.
Kummenti oħra
Ir-Rapporteur tappoġġa u taġġorna l-proposta tal-Kummissjoni bil-għan li tirrevedi r-Regolament Finanzjarju, sabiex l-emendi li saru meħtieġa mill-eżitu tan-negozjati dwar il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid iġġibhom konformi mad-dikjarazzjoni konġunta li saret waqt ir-reviżjoni triennali tar-Regolament Finanzjarju adottata fl-2012.
Madankollu, tiddeplora l-fatt li, minkejja l-appell b'saħħtu tal-Parlament, in-negozjati ma rnexxilhomx jilħqu qbil dwar l-inklużjoni fil-baġit tal-FEŻ mill-QFP 2014-2020. Madankollu, tinnota b'attenzjoni li "l-Kummissjoni, bil-ħsieb li, fost oħrajn, ittejjeb l-iskrutinju demokratiku tal-politika tal-iżvilupp, għandha l-intenzjoni li tipproponi l-baġitizzazzjoni tal-FEŻ mill-2021", kif inhu msemmi espliċitament fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba.
Barra minn hekk, ir-Rapporteur tiddeplora wkoll b'mod qawwi l-fatt li ma ntlaħaq l-ebda qbil fil-kuntest tal-QFP 2014-2020 dwar it-trattament tal-fondi li jirriżultaw mill-ftehimiet dwar il-ġlieda kontra t-traffiku illegali tal-prodotti tat-tabakk. F'dan ir-rigward, hija tfakkar fl-Opinjoni Nru 3/2012 tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-programm Hercule III li jippromwovi attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.
PROĊEDURA
Titolu | Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni | |||
Referenzi | COM(2013)0639 – C7-0303/2013 – 2013/0313(COD) | |||
Data meta ġiet ippreżentata lill-PE | 20.9.2013 |
|
|
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja | BUDG 8.10.2013 |
|
|
|
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja | CONT 8.10.2013 | ITRE 8.10.2013 | TRAN 8.10.2013 | REGI 8.10.2013 |
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija Data tad-deċiżjoni | CONT 28.10.2013 | ITRE 14.10.2013 | TRAN 14.10.2013 | REGI 7.11.2013 |
Rapporteur(s) Data tal-ħatra | Ingeborg Gräßle 30.9.2013 |
|
|
|
Data tal-adozzjoni | 12.2.2014 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 32 1 2 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Richard Ashworth, Reimer Böge, Zuzana Brzobohatá, James Elles, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Věra Flasarová, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Jens Geier, Ivars Godmanis, Ingeborg Gräßle, Lucas Hartong, Jutta Haug, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Anne E. Jensen, Ivailo Kalfin, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Claudio Morganti, Jan Mulder, Juan Andrés Naranjo Escobar, Nadezhda Neynsky, Andrej Plenković, Dominique Riquet, Alda Sousa, László Surján, Helga Trüpel, Angelika Werthmann | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | François Alfonsi, Derk Jan Eppink, María Muñiz De Urquiza, Paul Rübig, Nils Torvalds | |||
Data tat-tressiq | 14.2.2014 | |||