Dokument ta' sessjoni
20.3.2014
RAPPORT
dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill
( COM(2013)0570 – C7‑0275/2013 – 2013/2197(DEC) )
Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Bogusław Sonik
PR_DEC_Other
WERREJ
Paġna
1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW.....................................3
2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW...............................5
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT......................................................10
1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill
( COM(2013)0570 – C7‑0275/2013 – 2013/2197(DEC) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012[1],
– wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012 ( COM(2013)0570 – C7‑0275/2013)[2],
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet[3],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[4] dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll dwar il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2012 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[5], u b'mod partikolari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[6] u b'mod partikolari l-Artikoli 164, 165 u 166 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[7],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit ( A7-0189/2014 ),
1. Jipposponi d-deċiżjoni tiegħu dwar l-għoti ta' kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill għas-sena finanzjarja 2012;
2. Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).
2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
li tinkludi kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, Taqsima II - Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill
( COM(2013)0570 – C7‑0275/2013 – 2013/2197(DEC) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012[8],
– wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012 ( COM(2013)0570 – C7 0275/2013)[9],
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet[10],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[11] dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll dwar il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2012 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[12], u b'mod partikolari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[13] u b'mod partikolari l-Artikoli 164, 165 u 166 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[14],
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissarju Algirdas Šemeta, tal-25 ta' Novembru 2011, li twieġeb għall-mistoqsija 58 tal-kwestjonarju tal-kwittanza tal-2011,
– wara li kkunsidra l-ittra tas-Sur Maroš Šefčovič, rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea, tat-23 ta' Jannar 2014, li twieġeb għall-mistoqsijiet tar-rapporteur indirizzati lill-Kunsill,
– wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u r-riżoluzzjonijiet ta' kwittanza preċedenti tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit ( A7-0189/2014 ),
A billi l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni għandhom ikunu trasparenti għalkollox u jagħtu rendikont sħiħ liċ-ċittadini tal-Unjoni għall-fondi fdati lilhom bħala istituzzjonijiet tal-Unjoni,
B billi fl-assenza ta' tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Parlament u n-nuqqas ta' informazzjoni suffiċjenti, il-Parlament mhuwiex fil-pożizzjoni li jagħmel deċiżjoni infurmata dwar l-għoti tal-kwittanza,
1. Jinnota b'sodisfazzjon li, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, il-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2012 għan-nefqa amministrattiva u ta' tip ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi kienu ħielsa minn żbalji materjali;
2. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fir-rapport annwali tal-2012, il-Qorti tal-Awdituri inkludiet osservazzjonijiet dwar il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill rigward żbalji fit-tfassil tal-proċeduri ta' akkwist; josserva li żball wieħed jirrelata mal-prestazzjoni ta' proċedura nnegozjata u li oħra tirrelata mal-applikazzjoni ta' kriterju ta' għażla;
3. Jieħu nota tat-tweġibiet mogħtija għall-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri u jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li l-uffiċjali awtorizzanti għandhom itejbu t-tfassil, il-koordinazzjoni u l-prestazzjoni tal-proċeduri ta' akkwist permezz ta' kontrolli xierqa u gwida aħjar; jirrakkomanda, barra minn hekk, li jkun hemm applikazzjoni aktar stretta tar-regoli tal-akkwist, li l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni huma obbligati jirrispettaw;
4. Jinnota li fl-2012, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill kellhom baġit globali ta' EUR 533 920 000 (EUR 563 262 480 fl-2011), b'implimentazzjoni ta' 91,8 %; jinsab imħasseb dwar il-fatt li r-rata ta' nfiq inqas milli bbaġitjat għadha pjuttost għolja u jitlob li jiġu żviluppati indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni fl-aktar oqsma kritiċi, bħall-pakketti tal-ivvjaġġar tad-delegati, il-loġistika u l-interpretazzjoni;
5. Jieħu nota tal-fatt li fl-2012 ġew ikkanċellati EUR 44 000 000 f'impenji minħabba nfiq inqas milli bbaġitjat u tnaqqis fl-użu ta' faċilitajiet;
6. Itenni li l-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill għandu jinfired b'mod li jingħata kontribut għat-trasparenza tal-ġestjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet u titjieb ir-responsabbiltà taż-żewġ istituzzjonijiet;
7. Wara t-talba tas-sena l-oħra, jistieden lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill jibagħtu lill-Parlament ir-rapport annwali tagħhom tal-attività b'analiżi komprensiva tar-riżorsi umani kollha disponibbli għaż-żewġ istituzzjonijiet, imqassma skont il-kategorija, il-grad, is-sess, in-nazzjonalità u t-taħriġ vokazzjonali;
8. Jappoġġa t-twaqqif ta' Kumitat tal-Awditjar fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill; jistieden lill-Kunsill jaqsam ir-rakkomandazzjonijiet ta' dak il-kumitat mal-Parlament;
9. Jirrikonoxxi t-titjib li sar (87 %, meta kkumparat ma' 84 % fl-2011) fil-monitoraġġ tal-kummenti ta' segwitu li jsiru mill-awditjar intern; jistieden lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill biex ikomplu jtejbu r-riżultat permezz tal-ħolqien tal-Kumitat tal-Awditjar;
10. Jieħu nota speċjali tar-rakkomandazzjoni tal-awditjar intern biex jinħoloq qafas speċifiku dwar il-politika kontra l-frodi, li huwa nieqes mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill; jistieden lill-Kunsill jaġixxi skont ir-rakkomandazzjoni sabiex jinkludi l-miżuri meħuda biex jimplimenta din ir-rakkomandazzjoni fir-rapport annwali tal-attività;
11. Jieħu nota tal-fatt li l-proġett tal-bini "Europa" ikompli jkun immonitorjat mill-qrib u li wħud mir-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar għad fadlilhom biex jitwettqu; jistieden lill-Kunsill jinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-progress tal-kostruzzjoni u l-ispejjeż finali proġettati kkumparati mal-baġit inizjali ta' EUR 240 miljun; Jistieden lill-Kunsill jispjega kwalunkwe żieda fl-ispejjeż bejn il-bidu tax-xogħol ta' kostruzzjoni fl-2008 u t-tlestija proġettata fl-2014;
12. Jitlob lill-Kunsill jagħti spjegazzjoni dwar kif qed jiġu implimentati miżuri mill-perjodu preċedenti li ġew adottati bil-għan li jitjiebu r-riżultati tal-proġett tal-bini "Europa" ; jitlob lill-Kunsill, barra minn hekk, biex jispjega x'valur miżjud iġib miegħu t-tim permanenti responsabbli għall-monitoraġġ tal-eżekuzzjoni ta' dan il-proġett;
13. Jitlob għal rapport ta' progress dwar il-proġett ta' bini tar-"Résidence Palace" u analiżi dettaljata tal-ispejjeż li tħallsu sal-preżent;
14. Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jipprovdi spjegazzjoni bil-miktub dettaljata dwar l-ammont totali ta' approprjazzjonijiet użati fix-xiri tal-bini tar-"Résidence Palace", il-partiti baġitarji li minnhom ittieħdu dawn l-approprjazzjonijiet, il-pagamenti parzjali li tħallsu s'issa, il-pagamenti parzjali li għad iridu jitħallsu u l-iskop li se jaqdi l-bini;
15. Jieħu nota tat-tkabbir żero fl-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-Kunsill għall-2012; jikkunsidra dan bħala tendenza pożittiva u jistenna li titkompla fis-snin li ġejjin;
16. Jilqa' l-proċess tal-modernizzazzjoni amministrattiva fi ħdan il-Kunsill; jiddispjaċih madankollu għan-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-miżuri konkreti ta' implimentazzjoni ta' dak il-proċess u l-impatt antiċipat fuq il-baġit tal-Kunsill; jistieden lill-Kunsill jipprovdi l-informazzjoni nieqsa malajr kemm jista' jkun;
17. Jixtieq jirċievi aktar informazzjoni dwar il-Ftehimiet dwar il-Livell ta' Servizz stabbiliti flimkien mas-SEAE, u mhux biss fir-rigward tal-proċess amministrattiv ta' modernizzazzjoni;
18. Jistieden lill-Kunsill jikkoopera ma' istituzzjonijiet oħra biex joħorġu b'metodoloġija unifikata għall-preżentazzjoni tal-kostijiet tat-traduzzjoni sabiex tissimplifika l-analiżi u t-tqabbil tal-kostijiet;
19. Iqis li l-Kunsill aġixxa b'disprezz lejn il-Parlament meta ħatar Membru tal-Qorti tal-Awdituri, minkejja l-fatt li l-Parlament ta opinjoni negattiva; iħeġġeġ lill-Kunsill jagħti attenzjoni lill-opinjonijiet espressi mill-Parlament dwar in-nominazzjoni ta' membri tal-Qorti tal-Awdituri u tad-dikjarazzjonijiet tal-membri prospettivi tal-Qorti tal-Awdituri qabel ma jiġu nominati;
Raġunijiet għall-posponiment tad-deċiżjoni dwar l-għoti tal-kwittanza
20. Iqis li s-superviżjoni effikaċi tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni teħtieġ kooperazzjoni bejn il-Parlament, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill permezz ta' arranġament ta' ħidma;
21. Jiddispjaċih għad-diffikultajiet li nqalgħu ripetutament fil-proċeduri ta' kwittanza sal-preżent; jirrimarka li l-Parlament ċaħad l-għoti tal-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill għas-snin finanzjarji 2009, 2010 u 2011 għar-raġunijiet stipulati fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Mejju 2011, tal-25 ta' Ottubru 2011, tal-10 ta' Mejju 2012 u tat-23 ta' Ottubru 2012, tas-17 ta' April 2013 u tad-9 ta' Ottubru 2013;
22. Itenni li l-kontroll baġitarju effikaċi huwa possibbli biss li jkun implimentat bil-kooperazzjoni mal-Parlament u l-Kunsill, filwaqt li l-elementi ewlenin tiegħu għandhom jinkludu laqgħat formali bejn ir-rappreżentanti tal-Kunsill u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, iwieġeb mistoqsijiet mill-membri tal-kumitat abbażi ta' kwestjonarju miktub u dokumenti sottomessi biex iservu bħala materjal ta' sfond għall-kontrolli baġitarji, kif mitlub; huwa tal-opinjoni li l-elementi fundamentali ta' kontroll baġitarju effikaċi huma stabbiliti fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012;
23. Itenni li mingħajr il-kooperazzjoni tal-Kunsill kif imsemmi hawn fuq, il-Parlament mhuwiex fil-pożizzjoni li jagħmel deċiżjoni infurmata dwar l-għoti tal-kwittanza;
24. Jenfasizza li l-Kummissjoni, fit-tweġiba tagħha tal-25 ta' Novembru 2011 għall-ittra tal-President tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, tgħid li huwa mixtieq li l-Parlament ikompli jagħti, jipposponi jew jirrifjuta li jagħti l-kwittanza lill-istituzzjonijiet l-oħra – inkluż il-Kunsill – kif kien il-każ s'issa;
25. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu ta' kwittanza adottata f'April tal-2013, iddeċieda li jibgħat il-mistoqsijiet tal-Kunsill lill-Kummissjoni; jinnota li l-Kummissjoni rrispondiet permezz ta' ittra fit-23 ta' Jannar 2014;
26. Jilqa' u jappoġġa bis-sħiħ l-opinjonijiet tal-Kummissjoni fl-ittra tagħha tat-23 ta' Jannar 2014, li l-istituzzjonijiet kollha huma parti sħiħa mill-proċess ta' segwitu għall-osservazzjonijiet magħmula mill-Parlament fl-eżerċizzju ta' kwittanza u li l-istituzzjonijiet kollha għandhom jikkooperaw biex jiżguraw il-funzjonament mingħajr xkiel tal-proċedura ta' kwittanza b'rispett sħiħ għad-dispożizzjonijiet rilevanti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fil-leġiżlazzjoni sekondarja rilevanti;
27. Jinforma lill-Kunsill li l-Kummissjoni fl-ittra tagħha ssostni wkoll li mhijiex se tissorvelja l-implimentazzjoni tal-baġits ta' istituzzjonijiet oħra u li l-fatt li tagħti risposta għal mistoqsijiet indirizzati lil istituzzjoni oħra jikser l-awtonomija ta' dik l-istituzzjoni biex timplimenta t-taqsima tagħha stess tal-baġit; ifakkar lill-Kunsill li waħda mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta' Ottubru 2012 kienet li "l-leġittimità demokratika u r-responsabbiltà għandhom jiġu esplorati aktar"; ifakkar li l-Parlament jagħti kwittanza lil istituzzjonijiet oħra wara li jikkunsidra d-dokumenti provduti u t-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet; jiddispjaċih għall-fatt li ripetutament, il-Parlament ikollu problemi biex jirċievi tweġibiet mill-Kunsill;
28. Jilqa' l-isforzi tal-presidenza Griega biex terġa' tiftaħ in-negozjati bejn l-istituzzjonijiet; jenfasizza, madankollu, li dawn in-negozjati ma wasslux għar-riżultati mistennija fil-passat;
29. Iqis li huwa mixtieq li l-Parlament jeżerċita s-setgħa tiegħu li jagħti l-kwittanza skont l-Artikoli 316, 317 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea skont l-interpretazzjoni u l-prattika attwali, jiġifieri li jagħti l-kwittanza għal kull intestatura tal-baġit b'mod individwali biex tinżamm it-trasparenza u r-responsabbiltà demokratika fir-rigward tal-kontribwenti tal-Unjoni;
30. Jirrakkomanda l-ogranizzazzjoni ta' workshop li jiffoka fuq l-analiżi legali tal-funzjoni tal-kontroll baġitarju tal-Parlament u l-obbligu tal-Kunsill li jikkoopera; jirrakkomanda l-abbozz tar-rapport ta' inizjattiva proprja li jiffoka fuq emendi possibbli għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea bħala pass 'il quddiem sabiex jipprepara għall-possibbiltà li jinstiga proċedimenti legali, kif ukoll il-possibbiltà ta' bidla jew kjarifika tar-regoli dwar l-għoti ta' kwittanza lil istituzzjonijiet oħra msemmija fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
31. Jiddispjaċih li mhux l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni jirrispettaw l-istess standards marbuta mat-trasparenza u jemmen li l-Kunsill għandhu jagħmel titjib f'dan ir-rigward; jinsab konvint li l-Parlament u l-Kunsill, bħala koleġiżlaturi, għandhom japplikaw l-istess standards ta' trasparenza;
32. Ifakkar li kooperazzjoni tajba bejn il-Parlament u l-Kunsill hija ta' importanza kbira fl-iżgurar ta' implimentazzjoni tajba tal-baġit tal-Unjoni;
33. Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri, għaldaqstant, biex twettaq awditjar bir-reqqa tal-attivitajiet amministrattivi u operazzjonali tal-Kunsill Ewropew, tal-Kunsill, u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, mingħajr ma taffettwa s-setgħat u r-responsabbiltajiet stabbiliti fit-Trattati, u tirrapporta dwar ir-riżultati lill-Parlament;
34. Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex tinkludi fir-rapport annwali li jmiss tagħha rieżami tas-segwitu mill-Kunsill Ewropew u l-Kunsill għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament li jinsabu f’din ir-riżoluzzjoni.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni | 18.3.2014 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 26 1 0 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Marta Andreasen, Jean-Pierre Audy, Inés Ayala Sender, Zuzana Brzobohatá, Tamás Deutsch, Martin Ehrenhauser, Jens Geier, Gerben-Jan Gerbrandy, Ingeborg Gräßle, Cătălin Sorin Ivan, Rina Ronja Kari, Monica Luisa Macovei, Jan Mulder, Eva Ortiz Vilella, Monika Panayotova, Crescenzio Rivellini, Paul Rübig, Bogusław Sonik, Bart Staes, Georgios Stavrakakis, Michael Theurer, Derek Vaughan | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Amelia Andersdotter, Philip Bradbourn, Esther de Lange, Vojtěch Mynář, Jan Olbrycht, Markus Pieper, Barbara Weiler | |||