Dokument ta' sessjoni

 

A7-0199/2014

20.3.2014

RAPPORT

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, Taqsima X – is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

( COM(2013)0570 – C7‑0282/2013 – 2013/2205(DEC) )

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Tamás Deutsch

PR_DEC_Other

WERREJ

Paġna

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW.....................................3

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW...............................5

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin...........................................14

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT......................................................17

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, Taqsima X – is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

( COM(2013)0570 – C7‑0282/2013 – 2013/2205(DEC) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012[1],

–       wara li kkunsidra l-kontijiet annwali kkonsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012 ( COM(2013)0570 – C7‑0276/2013)[2],

–       wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet[3],

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[4] dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll dwar il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2012 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[5], u b'mod partikolari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[6], u b'mod partikolari l-Artikoli 164, 165, 166 u 167 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin ( A7-0199/2014 ),

1.      Jagħti l-kwittanza lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għall-implimentazzjoni tal-baġit tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għas-sena finanzjarja 2012

2.      Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

 

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, Taqsima X – is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

( COM(2013)0570 – C7‑0282/2013 – 2013/2205(DEC) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012[7],

–       wara li kkunsidra l-kontijiet annwali kkonsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012 ( COM(2013)0570 – C7‑0276/2013)[8],

–       wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet[9],

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[10] dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll dwar il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2012 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[11], u b'mod partikolari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[12], u b'mod partikolari l-Artikoli 164, 165, 166 u 167 tiegħu,

–       wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u r-riżoluzzjonijiet ta' kwittanza preċedenti tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin ( A7-0199/2014 ),

1.      Jinnota li, abbażi tal-ħidma tagħha fil-qasam tal-awditjar, il-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li l-pagamenti fit-totalità tagħhom għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2012 għan-nefqa amministrattiva u ta' tip ieħor tal-istituzzjonijiet u l-korpi kienu ħielsa minn żbalji materjali;

2.      Jilqa' l-fatt li, fit-tieni sena finanzjarja tiegħu, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna ("SEAE") kompla jimplimenta l-baġit tiegħu mingħajr ma l-Qorti tal-Awdituri identifikat żbalji materjali, u li ħafna mill-problemi identifikati fir-Rapport Annwali tal-2011 tal-Qorti tal-Awdituri b'riżultat tal-proċess ta' stabbiliment ma reġgħux okkorrew;

3.      Jindika li, fir-rapport annwali tal-2012, il-Qorti tal-Awdituri ma identifikat l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tat-temi li ġew awditjati għas-SEAE; jieħu nota tal-fatt li għad fadal xi dgħufijiet fil-ġestjoni tal-allowance soċjali u jiddispjaċih li l-istess problemi li seħħew fl-2011 ġew irrapportati ripetutament fir-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri għall-2012; iħeġġeġ lis-SEAE jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet kollha li saru; jilqa’ l-passi li s-SEAE ħa s’issa fir-rigward tal-kwistjoni u jħeġġu jħaffef il-proċess ta' tnedija tal-programm il-ġdid tiegħu biex isolviha;

4.      Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, fl-2012, is-sistema PMO kienet għadha mhux kompletament operattiva, u dan wassal biex l-allowances soċjali tħallsu lill-membri tal-persunal b'mod inkorrett;

5.      Jieħu nota tat-tweġibiet li ngħataw għall-kummenti tal-Qorti tal-Awdituri u jiddispjaċih li jiddeskrivu biss l-azzjonijiet li ttieħdu fl-2013;

6.      Jinnota li, fl-aħħar tal-2012, il-baġit finali għas-sede ċentrali tas-SEAE kien ta' EUR 184 100 000, b'rata ta' eżekuzzjoni tal-impenji ta' 99,35 % u ta' EUR 304 500 000 għad-delegazzjonijiet, b'rata ta' eżekuzzjoni tal-impenji ta' 99,45 %; jieħu nota tal-fatt li l-baġit tad-delegazzjonijiet kellu jiġu ssupplimentat mill-Kummissjoni b'total ta' EUR 268 000 000;

7.      Jinsab imħasseb dwar ir-riporti ta' approprjazzjonijiet fl-2012; jissuġġerixxi l-iżvilupp ta' indikaturi ta' prestazzjoni ewlenin għas-sorveljanza tal-aktar oqsma kritiċi sabiex titjieb l-eżekuzzjoni baġitarja matul is-snin li ġejjin;8.  Ifakkar li s-SEAE huwa istituzzjoni li nħolqot reċentement, b'riżultat tal-konsolidament ta' diversi servizzi, u li l-2011 kienet l-ewwel sena ta' operazzjoni tiegħu fejn kellu jegħleb diversi sfidi tekniċi, b'mod partikolari fir-rigward tal-akkwist pubbliku u tar-reklutaġġ; jinnota li l-piż amministrattiv eċċessiv li rriżulta mill-arranġamenti meħtieġa biex jitwaqqaf is-SEAE tħaffef fl-2012; jinsab imħasseb, madankollu, dwar il-fatt li l-Uffiċjal Kap Operattiv tas-SEAE żamm ir-riżervi tiegħu rigward uħud mill-kuntratti ta' sigurtà tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u diversi delegazzjonijiet tal-Unjoni ħarġu riżervi wkoll;

9.      Japprezza t-tweġiba dettaljata li ngħatat għal firxa estensiva ta' mistoqsijiet bil-miktub u mistoqsijiet orali li saru mill-membri tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament;

10.    Jinnota l-importanza tal-kwittanza attwali fl-istabbiliment tal-qafas għall-eżerċizzji ta' kwittanza futuri u jemmen li din se ssaħħaħ l-aspettattivi ta' żviluppi u t-titjib futuri fl-effikaċja tas-SEAE u l-operazzjonijiet tiegħu;

11.    Jieħu nota tad-diffikultajiet fl-implimentazzjoni ta' baġit b'diversi sorsi li jonqoshom ekwilibriju, b'mod partikolari l-ispejjeż kondiviżi tad-delegazzjonijiet;

12.    Jemmen li l-istruttura attwali tal-baġit tas-SEAE, b'kontribuzzjonijiet mis-26 linja baġitarja differenti tal-Kummissjoni u mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, tagħmilha impossibbli li jkollna stampa ġenerali ċara tal-ispejjeż u l-kostijiet reali tal-ħidma tas-SEAE u d-delegazzjonijiet tiegħu; jappoġġa l-proposta għal semplifikazzjoni li saret mis-SEAE f'Novembru 2012 u jitlob lill-Kummissjoni timplimenta l-bidliet proposti u teżamina s-semplifikazzjoni ulterjuri tal-finanzjament attwali għas-SEAE;

13.    Jikkunsidra l-fatt li l-impjiegi fis-SEAE issa huma miftuħa wkoll għall-uffiċjali mill-Parlament bħala xi ħaġa pożittiva;

14.    Japprova l-objettiv li jintlaħaq proporzjon ta' terz ta' diplomati nazzjonali fost il-membri kollha tal-persunal tas-SEAE sal-iskadenza ta' nofs l-2013; jieħu nota tal-fatt li s-SEAE mhux statiku u li l-għażla tal-persunal issir abbażi tal-applikazzjonijiet u l-mertu;

15.    Jiddispjaċih madankollu li, fir-rigward tal-ħatriet għal karigi diriġenzjali, għadu ma nkisibx bilanċ ġeografiku aħjar; iħeġġeġ lis-SEAE jimplimenta miżuri li jikkontribwixxu għal rappreżentanza aħjar u aktar ibbilanċjata tal-Istati Membri kollha;

16.    Jitlob lis-SEAE jsaħħaħ il-bilanċ ġeografiku, b'mod partikolari fir-rigward tal-karigi tal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni; itenni l-ħtieġa għal bilanċ ġeografiku infurzat tal-Istati Membri f'kull livell tal-amministrazzjoni;

17.    Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, mill-2011, l-għadd tan-nisa f'kariga ta' Kap ta' delegazzjoni żdied b'aktar mid-doppju, minn 10 għal 24 (17 % tat-total) u li, fis-Sede, hemm 22 mara f'pożizzjoni diriġenzjali ta' kap ta' diviżjoni u 'l fuq li jirrappreżentaw 18 % tat-total; jinkoraġġixxi lis-SEAE jkompli jtejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri, kemm fid-delegazzjonijiet u kemm fis-Sede;

18.    Jirrikonoxxi l-fatt li saru sforzi biex tiċċekken l-amministrazzjoni tas-SEAE li għandha ammont sproporzjonat ta' karigi tal-ogħla livell; jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi biex jitnaqqas in-numru ta' karigi AD15 u AD16 u jinkoraġġixxi lis-SEAE jkompli jtejjeb din is-sitwazzjoni;

19.    Jinsab imħasseb, madankollu, li s-SEAE għandu l-akbar proporzjon ta' persunal bi grad għoli mill-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni, peress li għandu 514-il individwu impjegati fi gradi AD 12 jew ogħla (aktar minn 50 % mill-persunal kollu fi grad AD fis-SEAE), u għaldaqstant hu diffiċli li jinkiseb tnaqqis sinifikanti f'din l-amministrazzjoni b'ammont sproporzjonat ta' karigi tal-ogħla livell; jindika wkoll li xorta għad hemm direttorati li l-persunal tagħhom jikkonsisti fi 22, 27 u 30 impjegat biss u direttorati diriġenzjali b'livell tal-persunal ta' 44; jikkunsidra li din is-sitwazzjoni tista' tinqaleb fis-snin li ġejjin permezz ta' politiki ta' ġestjoni effiċjenti;

20.    Jesprimi tħassib dwar l-għadd eċċessiv ta' uffiċjali li jiġu promossi wara sentejn fi grad, speċjalment il-promozzjonijiet ta' malajr fil-gradi ta' livell ogħla; jistieden lis-SEAE jistabbilixxi kriterji aktar stretti għall-promozzjoni ta' malajr fil-gradi ta' livell ogħla, speċjalment meta jitqies l-għadd għoli ta' karigi fil-gradi għoljin u l-ispejjeż addizzjonali li dan jinvolvi f'termini reali, u jiżgura li l-promozzjonijiet ikunu kompletament konformi mar-Regolamenti tal-Persunal;

21.    Jikkunsidra li r-reponsabilitajiet tar-Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni (RSUE) mhuma xejn ċari; jiddispjaċih profondament li l-informazzjoni dwar l-użu tal-baġit li jirċievu biex jimplimentaw il-mandat tagħhom għadha mċajpra u jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-informazzjoni ma tingħatax sakemm ma tiġix mitluba; jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-baġit tar-RSUE żdied minn EUR 15-il miljun fl-2011 għal EUR 27 miljun fl-2012, speċjalment fid-dawl tal-fatt li r-Rappreżentant Għoli, fl-2010, kienet qed tippjana li telimina r-RSUE; jinnota li din hija żieda ta' 80 % u li, meta mqabbel mal-2011, il-baġit għall-ivvjaġġar tar-RSUE għall-2012 ġie triplikat; jistieden lis-SEAE jipprovdi informazzjoni adegwata dwar ir-responsabilitajiet tar-Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni u dwar kif dawn jużaw il-baġit;

22.    Jappella biex il-politika barranija parallela mmexxija permezz tar-RSUE tinġieb fi tmiemha u, f'termini ta' paga, jinsisti li r-RSUE m'għandhomx jiġu ttrattati b'mod iżjed favorevoli mill-ambaxxaturi tal-Unjoni fil-kariga; jindika li r-RSUE jiġu kklassifikati fl-ogħla grad salarjali, fi kliem ieħor, fil-livell tad-diretturi ġenerali, iżda madankollu ma jerfgħux l-istess responsabilità daqs id-diretturi ġenerali; jappella biex il-karigi ta' RSUE jiġu integrati kompletament fl-istruttura tas-SEAE; jirrakkomanda li l-baġit tar-RSUE jiġi ttrasferit fil-baġit tas-SEAE;

23.    Jinnota b'sodisfazzjon il-prestazzjoni u l-ġestjoni tal-intervisti li saru u l-mili tal-karigi battala; jieħu nota tal-ħarsa ġenerali pprovduta dwar kemm-il darba kandidat ġie mistieden għal intervista, kif mitlub mill-Parlament fl-aħħar eżerċizzju ta' kwittanza;

24.    Japprezza l-isforzi tas-SEAE biex iżomm bilanċ bejn ir-reklutaġġi mill-Istati Membri, l-istituzzjonijiet l-oħra u l-kandidati mill-kompetizzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal; jiddispjaċih li, fl-2012 u l-2013, is-SEAE impjega individwu wieħed biss li għadda minn kompetizzjoni, waqt li b'kollox inħatru 291 individwu;

25.    Jesprimi tħassib dwar l-għadd kbir ta' karigi ta' grad għoli, li jwassal għal spejjeż intensivi ħafna; jilqa' b'sodisfazzjon l-informazzjoni pprovduta dwar reklutaġġi ġodda; jitlob, madankollu, li jiġu indikati wkoll il-gradi tal-karigi diriġenzjali u ta' Kap ta' delegazzjoni li jkunu għadhom kemm ġew irreklutati;

26.    Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda fl-għadd ta' kandidati esterni li japplikaw għal karigi mas-SEAE; jemmen li l-ispejjeż għall-vjaġġi li jiġġarrbu fir-rigward tal-proċedura ta' taħriġ u ta' għażla jistgħu jitnaqqsu; jistieden lis-SEAE jagħmel użu aktar regolari tal-faċilitajiet ta' videokonferenzi;

27.    Jappella lis-SEAE jintroduċi rekwiżit li l-persunal tiegħu li jkun għadu kif inħatar jagħti dikjarazzjoni fuq l-unur li, fl-imgħoddi, qatt ma jkun ħadem għal servizzi ta' intelligence;

28.    Jenfasizza li l-kompetenza fil-qasam tal-affarijiet barranin trid tibqa' l-kriterju ewlieni għad-deċiżjonijiet dwar l-ingaġġ; jitlob li s-SEAE jiżviluppa strateġija koerenti għar-riżorsi umani li tista' tilħaq dawn l-objettivi;

29.    Itenni l-bżonn li jkun żgurat li l-aġenti lokali fid-delegazzjonijiet jiġu soġġetti għal kontroll tas-sigurtà komprensiv qabel jiġu impjegati;

30.    Jifhem li hemm bżonn ta' aġġustamenti tal-persunal fid-delegazzjonijiet; jistenna li dawk l-arranġamenti ma jħallux impatt fuq ir-rendiment tas-SEAE u l-kredibilità tal-Unjoni;

31.    Jinnota bi tħassib li, fl-2012, 49 % mill-Kapijiet ta' delegazzjoni (57 % fl-2011) ivvalutaw il-ħiliet tal-persunal operattiv, il-persunal fil-qasam tal-finanzi, u l-persunal ta' monitoraġġ u awditjar tagħhom bħala inadegwati għat-twettiq tal-kompiti tagħhom; itenni l-appell tiegħu lis-SEAE u l-Kummissjoni biex jipprovdu lill-Parlament bir-riżultati tad-diskussjonijiet tagħhom mingħajr dewmien;

32.    Jappoġġa l-isforzi tas-SEAE biex iżid l-ammont ta' taħriġ disponibbli u jinkoraġġixxi l-attendenza min-naħa tal-persunal tiegħu, kemm fid-delegazzjonijiet u kemm fis-sede ċentrali; jinsab imħasseb, madankollu, dwar il-fatt li fl-2013 kien hemm madwar 1 000 membru tal-persunal anqas li attenda korsijiet ta' taħriġ milli fl-2012, u li l-għan strateġiku ta' 10 ijiem ta' taħriġ għal kull impjegat fis-sena ma nkisibx, peress li ntlaħqu anqas minn erbat ijiem għal kull impjegat fis-sena;

33.    Jiġbed l-attenzjoni għall-proċedura bi spejjeż intensivi ħafna tal-metodu annwali ta' aġġustament salarjali għall-persunal lokali fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni; jistieden lis-SEAE jikkunsidra metodu ta' kalkolu alternattiv li jkun aktar trasparenti u sempliċi u jirrapporta lill-kumitat xieraq tal-Parlament dwar dak is-suġġett;

34     Jieħu nota tal-miżuri li qed jitressqu għal razzjonalizzazzjoni tal-infiq li għandu x'jaqsam mal-persunal u l-kwistjonijiet tal-persunal;

35.    Jinnota li, fl-2012, żewġ diriġenti superjuri fis-SEAE ġew irtirati fl-interessi tas-servizz (Artikolu 50 tar-Regolamenti tal-Persunal); jinnota ulterjorment – bil-premessa li l-pożizzjoni fil-Kunsill ma tistax tiġi aċċertata – li l-ebda istituzzjoni oħra tal-Unjoni ma invokat dik id-dispożizzjoni fl-2012; jindika li l-uffiċjali li għalihom japplika dan l-arranġament huma intitolati għal pensjoni sħiħa mill-età ta' 55 sena jappella lis-SEAE biex jinforma lill-Parlament dwar ir-raġunijiet, l-età taż-żewġ uffiċjali kkonċernati u dwar l-ispejjeż annwali li se jiġġarrbu minħabba fihom;

36.    Jieħu nota li, fl-2012, inbeda l-pjan ta' azzjoni għal ġestjoni finanzjarja aħjar tal-kuntratti ta' sigurtà; jirrikonoxxi r-riżultati miksuba kif ħabbar is-SEAE, u jitlob li jirċievi t-test tal-pjan ta' azzjoni u informazzjoni dettaljata dwar il-miżuri implimentati fir-rapport annwali tal-attività li jmiss;

37.    Jappoġġa l-pjan ta' azzjoni tad-direttorat għas-sigurtà dwar il-kuntratti ta' sigurtà ġestiti mis-Sede; jiddispjaċih, madankollu, li n-nuqqasijiet fil-ġestjoni tal-kuntratti ta' sigurtà mid-delegazzjonijiet ma ġewx inklużi f'dak il-pjan ta' azzjoni;

38.    Jinnota b'inkwiet li l-kuntratti ta' sigurtà f'Ruma, it-Tanzanija u l-Fiġi ġew estiżi b'aktar minn għaxar snin mingħajr ma reġgħu ġew soġġetti għal proċedura ta' sejħa għall-offerti matul dak il-perjodu; jappella lis-SEAE biex jipprovdi lill-Parlament bid-dettalji dwar il-kuntratturi tiegħu fil-pajjiżi msemmija hawn fuq, il-valur tal-kuntratti tagħhom u t-tul eżatt ta' dawn il-kuntratti;

39.    Jieħu nota tal-fatt li xi delegazzjonijiet kellhom bżonn ta' assistenza biex jerġgħu joħorġu s-sejħa għal offerti għall-kuntratti ta' sigurtà tagħhom; iħeġġeġ lis-SEAE jimplimenta azzjonijiet informattivi applikabbli għad-delegazzjonijiet kollha fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' akkwist;

40.    Ifaħħar lis-SEAE għall-metodu applikabbli fil-missjonijiet ta' evalwazzjoni;

41.    Jitlob lis-SEAE jispjega għalfejn kien hemm bżonn tinħoloq il-kariga ta' Viċi Kap tad-Delegazzjoni għall-Afganistan;

42.    Jenfasizza, fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali, il-ħtieġa li l-Unjoni toħloq delegazzjoni fil-Panama, li hija sieħeb importanti u l-uniku pajjiż fir-reġjun mingħajr delegazzjoni proprja għalih, u jappella lis-SEAE biex jieħu azzjoni għal dan l-għan malajr kemm jista' jkun kif kien diġà ntalab is-sena ta' qabel;

43.    Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-għadd ta' delegazzjonijiet tal-Unjoni b'persuna waħda tnaqqas minn 18 fis-sena preċedenti għall-15 li hemm attwalment; jappella lis-SEAE biex ikompli b'din ix-xejra u, fejn ikun xieraq, jgħaqqad id-delegazzjonijiet flimkien;

44.    Ifakkar fir-rikjesta tiegħu għal politika dwar ir-riżorsi umani fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni li tqis il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni f'reġjun partikolari u l-flessibilità meħtieġa biex tingħata reazzjoni kontra l-kriżijiet; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni jsibu approċċ komuni għall-persunal tad-delegazzjonijiet u għall-allokazzjoni tal-kompiti f'konformità ma' dawn il-prinċipji u biex jiżguraw koordinament xieraq fost is-servizzi ħalli tissaħħaħ il-koerenza tal-politiki tal-Unjoni u jingħata kontribut għas-sinerġiji baġitarji;

45.    Jappoġġa b'mod qawwi l-erba' inizjattivi ewlenin tas-SEAE għal iffrankar intelliġenti; jitlob lis-SEAE jipprovdi rapport ta' implimentazzjoni li juri r-riżultati finanzjarji u kif intużaw mill-ġdid il-flus iffrankati b'dan il-mod; jitlob lill-Kummissjoni tadotta wkoll dawn l-inizjattivi;

46.    Itenni l-importanza li jitkomplew l-isforzi biex jiġu identifikati opportunitajiet għal iffrankar u sinerġiji fit-tul, kemm bejn is-SEAE u l-Kummissjoni kif ukoll mal-Istati Membri, biex tkun żgurata s-sostenibilità tal-baġit tas-SEAE fi żmien ta’ restrizzjonijiet baġitarji;

47.    Jappoġġa lis-SEAE fl-isforzi tiegħu biex iħejji għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020, meta se jkollu baġit ta' EUR 96 000 biljun f'fondi ta' Assistenza Esterna tal-Unjoni li se jimplimenta b'responsabilità kondiviża mal-Kummissjoni;

48.    Jappella lis-SEAE biex jagħmel aktar sforzi biex jiffranka l-spejjeż billi jikkondividi l-bini u l-faċilitajiet mas-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri fid-delegazzjonijiet; jappella lis-SEAE biex ifassal sommarju – li għandu jitressaq lill-Parlament – li juri kemm ingħalqu ambaxxati u konsolati ta' Stati Membri fil-pajjiżi b'delegazzjonijiet tal-Unjoni minn mindu twaqqaf is-SEAE jew li jispeċifika l-pajjiżi fejn l-istabbiliment tas-SEAE serva biex inħolqu sinerġiji; jinnota, madankollu, li l-Istati Membri għandhom iħallsu s-sehem ġust tagħhom tal-ispejjeż involuti f’tali kolokazzjoni u provvista ta' servizzi;

49.    Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta ta' kolokazzjoni għal 14-il Stat Membru f'seba' pajjiżi terzi mill-2011; jinnota b'sodisfazzjon li s-sinerġiji mad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni – EuropeAid u s-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri qed jaħdmu sew u jilqa' b'sodisfazzjon l-informazzjoni li ngħatat fl-2012; jinnota li għad baqa' xogħol xi jsir fir-rigward tas-servizzi konsolari; jitlob li l-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament jiġi involut f'dan l-eżerċizzju;

50.    Jeżiġi li s-SEAE jintensifika l-isforzi tiegħu biex iżid l-iffrankar fir-rigward tal-politika dwar l-akkomodazzjoni tal-persunal impjegat fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni; jikkunsidra li hemm marġini għal iffrankar sinifikanti f'dan il-qasam peress li, fis-sena 2012, l-ispejjeż ta' akkomodazzjoni li tħallsu biex 675 uffiċjal fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni jkollhom fejn joqogħdu kienu ta' EUR 30 miljun b'kollox;

51.    Jitlob lis-SEAE jinkludi fir-rapport annwali tal-attività tiegħu li jmiss informazzjoni dettaljata dwar kif il-politika dwar l-akkomodazzjoni l-ġdida, li se tiġi implimentata fl-erba' snin li ġejjin, se tikkontribwixxi għall-inizjattiva ta' ffrankar intelliġenti li twaqqfet fl-2011;

52.    Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li s-SEAE jista' minnufih jiffranka EUR 4 miljun fil-baġit tal-2014 bir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea l-ġodda li deħlin fis-seħħ; jindika, madankollu, l-ispejjeż estremament għoljin għal impjieg fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni, kif ukoll id-drittijiet, l-allowances, il-koeffiċjenti ta' ponderazzjoni, il-liv ta' mistrieħ u l-ispejjeż ta' vvjaġġar annwali, kif ukoll l-ispejjeż għal ċaqliq u akkomodazzjoni jammontaw għal aktar minn EUR 8 000 fix-xahar għal kull impjegat oltre s-salarju mensili tal-individwi li jaħdmu fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni;

53.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħroġ b'soluzzjoni għall-ġestjoni tan-nefqa amministrattiva fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni, sabiex tħaffef il-piż amministrattiv tal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet, b'mod partikolari f'delegazzjonijiet iżgħar, billi tippermetti li jkun hemm sottodelegazzjoni għall-persunal tal-Kummissjoni wkoll, f'konformità mar-rapport tal-Parlament dwar ir-rieżami, li sar fl-2013, tal-organizzazzjoni u l-operat tas-SEAE;

54.    Jesprimi tħassib dwar il-fatt li, bil-kontra tal-pjan biex isir użu aktar selettiv tal-liv għall-persunal f'pajjiżi terzi u biex dan jitqassar, kif tħabbar b'rabta mar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal, il-liv ta' dan it-tip, li jiġi ttrattat bħala liv ta' mistrieħ, issa qed jiġi applikat għal aktar pajjiżi milli kien isir qabel; jindika li, apparti l-liv, jiġu pprovduti biljetti tal-ajru għall-familja kollha; jappella biex jingħata ħarsa ġenerali dwar kemm tiswa' din il-miżura, li tidħol fis-seħħ fl-2014, filwaqt li t-tnaqqis fil-liv mhux se jiġi implimentat qabel l-2015;

55.    Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rieżami tal-Allowance għall-Kundizzjonijiet ta' Għajxien u l-Iskema tal-Liv ta' Mistrieħ li jiġu pprovduti lill-persunal fid-delegazzjonijiet li introduċa metodu ġdid għall-ikkalkolar tal-kontribuzzjoni annwali għall-vjaġġi bl-użu tal-prezzijiet tal-biljetti tal-ajru għal economy class minflok business class bħala l-bażi tal-kalkoli, li waħdu wassal biex, fil-baġit għall-2014, ġew iffrankati EUR 3 miljun;

56.    Jinnota li l-pagamenti għad-dritt għal-liv annwali li jkun għadu ma ttiħidx fil-waqt li jintemm is-servizz kienu jammontaw bħala medja għal EUR 8 526 kull persuna fl-2012 u naqsu għal EUR 5 986 fl-2013; jappella lis-SEAE biex jieħu l-passi meħtieġa sabiex inaqqas ulterjorment dawn l-ispejjeż;

57.    Iħeġġeġ b'mod qawwi lis-SEAE jadotta, fir-rigward tal-arranġamenti għall-vjaġġi mid-delegazzjonijiet tiegħu lejn is-sede tiegħu, prattiki simili għal dawk applikati mis-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri f'ċirkostanzi analogi;

58.    Jilqa' b'sodisfazzjon il-Memorandum ta' Qbil li ġie stabbilit bejn l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u s-SEAE; jiddispjaċih dwar id-dewmien biex jiġi konkluż u jitlob lis-SEAE jirrapporta dwar il-progress li jkun sar fir-rigward tal-istrateġija l-ġdida kontra l-frodi għad-delegazzjonijiet tal-Unjoni li kien ippjanat li tiġi ffinalizzata fl-2013;

59.    Jappella lis-SEAE biex, fir-rapporti annwali tal-attività tiegħu, jinkludi r-riżultati u l-konsegwenzi tal-każijiet magħluqa tal-OLAF fejn l-istituzzjoni jew xi ħadd mill-individwi li jaħdmu għaliha kienu s-suġġett tal-investigazzjoni;

60.    Jieħu nota tal-fatt li l-kap amministrattiv tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u l-persunal responsabbli għall-amministrazzjoni tal-ambaxxati tal-Istati Membri jiltaqgħu b'mod regolari biex jiddiskutu u jiskambjaw l-esperjenzi fl-oqsma rilevanti; jistenna li din il-prattika tajba tkompli u tiġi estiża għall-oqsma ta' attività rilevanti l-oħra;

61.    Jindika l-ħtieġa urġenti li tissaħħaħ il-kapaċità tas-SEAE u tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni li jiddefendu lilhom infushom minn attivitajiet ta’ spjunaġġ minn pajjiżi terzi, anke billi jsaħħu s-sigurtà tan-netwerks informatiċi tagħhom u billi jibnu sistemi ta’ komunikazzjoni sigura, u jinsisti li ssir valutazzjoni tal-ħtiġijiet baġitarji relatati bla dewmien;

62.    Jeżiġi li l-politika dwar il-bini tas-SEAE tinhemeż mar-rapport annwali tal-attività, speċjalment peress li hu importanti li t-tali spejjeż jiġu razzjonalizzati kif jixraq u ma jkunux eċċessivi;

63.    Iħeġġeġ lis-SEAE jipprovdi lill-awtorità tal-kwittanza bil-lista tal-kuntratti ta' bini li ġew konklużi fl-2012, inklużi d-dettalji tal-kuntratti, il-pajjiż fejn il-kuntratt ikun ġie stabbilit u t-tul tal-kuntratt, kif sar fir-rapport annwali tal-attività tas-SEAE għall-2011, u jitlob lis-SEAE jipprovdi l-istess dettalji tal-kuntratti ta' bini fir-rapport annwali tal-attività tiegħu għall-2013;

64.    Hu tal-fehma li jista' jsir titjib fil-ġestjoni finanzjarja biex tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta' mgħax fuq il-pagamenti li jsiru tard, b'mod partikolari billi jitnaqqas il-perjodu ta' dewmien; jinnota li l-ogħla tliet ammonti ta' mgħax fuq il-pagamenti li jsiru tard kienu jammontaw għal EUR 3 714.84, EUR 4 395.71 u EUR 5 931.67;

65.    Jindika l-ħtieġa li jkun hemm skrutinju parlamentari fuq INTCEN, EUMS INT, is-Sala ta' Sitwazzjonijiet u ċ-Ċentru Satellitari, li jħejju analiżijiet għal min jieħu d-deċiżjonijiet, abbażi ta' informazzjoni mis-servizzi nazzjonali tal-intelligence, u li jippromwovu l-kooperazzjoni bejn is-servizzi nazzjonali tal-intelligence;

66.    Jappella biex is-SEAE jkollu intestatura baġitarja separata għaċ-Ċentru ta' Analiżi tal-Intelligence tal-UE (INTCEN), id-Direttorat tal-Intelligence tal-Istat Maġġur tal-UE (EUMS INT) u s-Sala ta' Sitwazzjonijiet b'mod li jiġu żgurati s-sorveljanza demokratika u t-trasparenza;

67.    Jappella lir-Rappreżentant Għoli biex, fir-rapport annwali ta' attività tas-SEAE, tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar il-baġits u l-livell tal-persunal ta' INTCEN, EUMS INT u s-Sala ta' Sitwazzjonijiet;

68.    Jappella lis-SEAE biex jippubblika informazzjoni fir-rapport annwali tiegħu li tispeċifika kemm-il dokument klassifikat, imqassma skont il-livell tal-klassifikazzjoni, ikun irċieva mingħand (jew għadda lil) istituzzjonijiet individwali, korpi oħra, Stati Membri u partijiet terzi;

69.    Jikkunsidra li s-sistemi ta' appoġġ baġitarju għall-gvernijiet ta' pajjiżi terzi mhumiex soġġetti għal awditjar adegwat u jappella biex ikun hemm skrutinju aqwa tal-operazzjonijiet finanzjarji fi stadju aktar bikri;

70.    Jappella lill-Qorti tal-Awdituri sabiex, fir-rapport annwali tagħha li jmiss tinkludi rieżami dwar is-segwitu li ta s-SEAE lir-rakkomandazzjonijiet li għamel il-Parlament f'din ir-riżoluzzjoni;

11.2.2014

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar Kwittanza 2012: baġit ġenerali tal-UE - Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

( 2013/2205(DEC) )

Rapporteur għal opinjoni: María Muñiz De Urquiza

 

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-Kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-fatt li, fit-tieni sena finanzjarja tiegħu, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) kompla jimplimenta l-baġit tiegħu mingħajr ma l-Qorti tal-Awdituri identifikat żbalji materjali, u li ħafna mill-problemi identifikati fir-rapport tas-sena l-oħra b'riżultat tal-proċess ta' stabbiliment ma reġgħux okkorrew;

2.  Jibqa' mħasseb dwar in-numru sproporzjonatament kbir ta' karigi ta' grad għoli fis-SEAE u n-nuqqas persistenti ta' ekwilibriju fil-ħatra tal-persunal; jinnota li partikolarment in-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed f'karigi ta' livell għoli fis-SEAE u jħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President ittejjeb l-ekwilibriju bejn is-sessi; iħeġġeġ ukoll lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tikkunsidra attentament l-kwistjoni tal-ekwilibriju ġeograifku fir-reklutaġġ, inkluż ir-reklutaġġ għal karigi tal-ogħla livell; jenfasizza li l-kompetenza fil-qasam tal-affarijiet barranin trid tibqa' l-kriterju ewlieni li fuqu jiġu bbażati d-deċiżjonijiet dwar l-ingaġġ; jitlob li s-SEAE jiżviluppa strateġija koerenti għar-riżorsi umani li tista' tilħaq dawn l-objettivi;

3.  Ifakkar fir-rikjesta tiegħu għal politika dwar ir-riżorsi umani fid-Delegazzjonijiet tal-UE li tieħu kont tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni Ewropea f'reġjun partikolari u l-flessibilità meħtieġa għal reazzjoni kontra l-kriżijiet; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni jsibu approċċ komuni għall-persunal tad-Delegazzjonijiet u għall-allokazzjoni tal-kompiti f'konformità ma' dawn il-prinċipji u biex jiżguraw koordinazzjoni xierqa fost is-servizzi ħalli jtejbu l-koerenza tal-politiki tal-UE u jikkontribwixxu għas-sinerġiji tal-baġit;

4.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħroġ b'soluzzjoni għall-ġestjoni tan-nefqa amministrattiva fid-Delegazzjonijiet tal-UE, sabiex tħaffef il-piż amministrattiv tal-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet, b'mod partikolari f'Delegazzjonijiet iżgħar, billi tippermetti li jkun hemm sottodelegazzjoni għall-persunal tal-Kummissjoni wkoll, f’konformità mar-rapport tal-Parlament dwar ir-rieżami, li sar fl-2013, tal-organizzazzjoni u l-operat tas-SEAE;

5.  Itenni l-importanza li jitkomplew l-isforzi biex ikunu identifikati opportunitajiet għal iffrankar fit-tul u sinerġiji, kemm bejn is-SEAE u l-Kummissjoni kif ukoll mal-Istati Membri, biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-baġit tas-SEAE fi żmien ta’ restrizzjonijiet baġitarji;

6.  Jenfasizza l-bżonn li jiġu sfruttati l-ekonomiji ta' skala li jistgħu jinħolqu permezz ta’ sinerġiji bejn id-delegazzjonijiet tas-SEAE, il-Kwartieri Ġenerali u s-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri; iħeġġeġ, għalhekk, li jkunu massimizzati l-opportunitajiet għall-kolokazzjoni u l-provvista kondiviża ta’ servizzi; jinnota, madankollu, li l-Istati Membri għandhom iħallsu s-sehem ġust tagħhom tal-ispejjeż involuti f’tali kolokazzjoni u provvista ta' servizzi;

7.  Itenni t-talba tiegħu li jkunu ffrankati l-flus fl-ispejjeż ta’ vvjaġġar permezz ta’ soluzzjonijiet innovattivi fl-oqsma tat-taħriġ u tal-intervisti tax-xogħol, pereżempju billi jsir użu akbar mill-vidjokonferenzi;

 

8.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa urġenti li tissaħħaħ l-abilità tas-SEAE u d-Delegazzjonijiet tal-UE li jiddefendu lilhom infushom minn attivitajiet ta’ spjunaġġ minn pajjiżi terzi, inkluż bit-tisħiħ tas-sigurtà tan-netwerks tal-IT tagħhom u bil-bini ta’ sistemi ta’ komunikazjoni sigura, u jinsisti li, bla dewmien, issir valutazzjoni tal-ħtiġijiet baġitarji relatati;

9.  Fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali, jenfasizza l-ħtieġa li l-Unjoni toħloq delegazzjoni fil-Panama, li huwa pajjiż sieħeb importanti u l-uniku pajjiż fir-reġjun mingħajr tali delegazzjoni, u jistieden lis-SEAE jieħu azzjoni għal dan l-għan malajr kemm jista’ jkun kif kien diġà rikjest is-sena ta’ qabel;

10. Jinnota l-problemi identifikati mill-Qorti tal-Awdituri rigward il-ġestjoni tal-konċessjonijiet soċjali u jħeġġeġ lis-SEAE jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet kollha li saru; jilqa’ l-passi li s-SEAE ħa s’issa fir-rigward tal-kwistjoni u jħeġġu jħaffef il-proċess ta' tnedija tal-programm il-ġdid tiegħu biex isolviha;

11. Jenfasizza mill-ġdid il-bżonn li jkun żgurat li l-aġenti lokali fid-delegazzjonijiet ikunu soġġetti għal kontroll tas-sigurtà komprensiv qabel ir-reklutaġġ.

 

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

11.2.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

39

3

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Sir Robert Atkins, Bastiaan Belder, Hiltrud Breyer, Elmar Brok, Marietta Giannakou, Andrzej Grzyb, Takis Hadjigeorgiou, Richard Howitt, Tunne Kelam, Nicole Kiil-Nielsen, Andrey Kovatchev, Paweł Robert Kowal, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Eduard Kukan, Vytautas Landsbergis, Krzysztof Lisek, Sabine Lösing, Marusya Lyubcheva, Willy Meyer, Francisco José Millán Mon, María Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Norica Nicolai, Raimon Obiols, Ria Oomen-Ruijten, Justas Vincas Paleckis, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Bernd Posselt, Hans-Gert Pöttering, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Werner Schulz, Sophocles Sophocleous, Laurence J.A.J. Stassen, Davor Ivo Stier, Charles Tannock, Eleni Theocharous, Geoffrey Van Orden, Sir Graham Watson, Boris Zala

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Kinga Gál, Doris Pack, Janusz Władysław Zemke

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ivari Padar, Dubravka Šuica

 

 

 

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.3.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marta Andreasen, Inés Ayala Sender, Zuzana Brzobohatá, Tamás Deutsch, Martin Ehrenhauser, Jens Geier, Gerben-Jan Gerbrandy, Ingeborg Gräßle, Cătălin Sorin Ivan, Rina Ronja Kari, Monica Luisa Macovei, Jan Mulder, Eva Ortiz Vilella, Monika Panayotova, Crescenzio Rivellini, Paul Rübig, Bogusław Sonik, Bart Staes, Georgios Stavrakakis, Michael Theurer, Derek Vaughan

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Amelia Andersdotter, Philip Bradbourn, Esther de Lange, Vojtěch Mynář, Jan Olbrycht, Markus Pieper, Barbara Weiler

 

 

[1]      ĠU L 56, 29.2.2012.
[2]      ĠU C 334, 15.11.2013, p. 1.
[3]      ĠU C 331, 14.11.2013, p. 1.
[4]      ĠU C 334, 15.11.2013, p. 122.
[5]      ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
[6]      ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
[7]      ĠU L 56, 29.2.2012.
[8]      ĠU C 334, 15.11.2013, p. 1.
[9]      ĠU C 331, 14.11.2013, p. 1.
[10]    ĠU C 334, 15.11.2013, p. 122.
[11]    ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
[12]    ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.