Dokument ta' sessjoni
21.3.2016
***I
RAPPORT
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta' eżenzjonijiet għan-negozjanti tal-komoditajiet
( COM(2015)0648 – C8-0403/2015 – 2015/0295(COD) )
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Sander Loones
(Proċedura semplifikata – Artikolu 50(1) tar-Regoli ta' Proċedura)
PR_COD_1app
Tifsira tas-simboli użati |
* Proċedura ta' konsultazzjoni *** Proċedura ta' approvazzjoni ***I Proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-ewwel qari) ***II Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tieni qari) ***III Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tielet qari) (It-tip ta' proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta' att.)
|
Emendi għal abbozz ta' att |
Emendi tal-Parlament f'żewġ kolonni
It-tħassir huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa fil-kolonna tax-xellug. Is-sostituzzjoni hija indikata permezz tat-tipa korsiva u grassa fiż-żewġ kolonni. It-test ġdid huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa fil-kolonna tal-lemin.
L-ewwel u t-tieni linji tal-intestatura ta' kull emenda jidentifikaw il-parti tat-test ikkonċernata fl-abbozz ta' att inkwistjoni. Meta emenda tirrigwarda att eżistenti, li l-abbozz ta' att ikollu l-ħsieb li jemenda, l-intestatura jkun fiha wkoll it-tielet u r-raba' linji li jidentifikaw rispettivament l-att eżistenti u d-dispożizzjoni kkonċernata f'dak l-att.
Emendi tal-Parlament li jieħdu l-forma ta' test konsolidat
Il-partijiet tat-testi l-ġodda huma indikati permezz tat-tipa korsiva u grassa. Il-partijiet tat-test imħassra huma indikati permezz tas-simbolu ▌ jew huma ingassati. Is-sostituzzjoni hija indikata billi t-test il-ġdid jiġi indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa u billi jitħassar jew jiġi ingassat it-test sostitwit. Bħala eċċezzjoni, it-tibdil ta' natura strettament teknika magħmul mis-servizzi fil-preparazzjoni tat-test finali mhuwiex indikat.
|
WERREJ
Paġna
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW 5
NOTA SPJEGATTIVA 6
PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI 8
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta' eżenzjonijiet għan-negozjanti tal-komoditajiet
( COM(2015)0648 – C8-0403/2015 – 2015/0295(COD) )
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ( COM(2015)0648 ),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0403/2015),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta' Marzu 2016[1],
– wara li kkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 59, u 50(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji ( A8-0064/2016 ),
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari billi jinkorpora l-proposta tal-Kummissjoni;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
NOTA SPJEGATTIVA
Ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 (ir-"Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital" jew "CRR") u fid-Direttiva 2013/36/UE (id-"Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital" jew "CRD") japplikaw kemm għall-istituzzjonijiet ta' kreditu kif ukoll għad-ditti tal-investiment. Ir-reġim prudenzjali applikabbli għad-ditti tal-investiment huwa derivat minn dak impost fuq l-istituzzjonijiet ta' kreditu, adattat bħala funzjoni tas-servizzi ta' investiment li jipprovdu.
L-Artikoli 493(1) u 498(1) tas-CRR jeżentaw lin-negozjanti tal-komoditajiet ("ditti tal-investiment li n-negozju ewlieni tagħhom jikkonsisti b'mod esklussiv fil-forniment ta' servizzi tal-investimenti jew f'attivitajiet relatati mal-istrumenti finanzjarji stabbiliti fil-punti 5, 6, 7, 9 u 10 tat-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39/KE u li għalihom, fil-31 ta' Diċembru 2006, ma kinitx tapplika d-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE tal-10 ta' Mejju 1993 dwar servizzi ta' investiment fil-qasam ta' titoli") minn rekwiżiti ta' skoperturi kbar u minn rekwiżiti ta' fondi proprji rispettivament.
Iż-żewġ eżenzjonijiet jiskadu fil-31 ta' Diċembru 2017. Din il-"klawsola ta' estinzjoni" kienet inkluża oriġinarjament fis-CRR sabiex ir-regolaturi jkollhom iż-żmien meħtieġ biex jiddeterminaw regolament prudenzjali adattat għall-profil ta' riskju tan-negozjanti tal-komoditajiet. It-terminu "negozjant tal-komoditajiet" ikopri firxa wiesgħa ta' atturi fi swieq tal-enerġija u l-komoditajiet: xi wħud jagħmlu kummerċ esklussivament f'kuntratti ta' derivattivi ta' komoditajiet u jixbhu lil ditti tal-investiment f'termini ta' funzjonijiet u ta' riskju, filwaqt li oħrajn jagħmlu kummerċ ta' derivattivi ta' komoditajiet biss bħala attività anċillari għall-produzzjoni tal-komoditajiet.
Il-Kummissjoni ddeċidiet li twettaq rieżami wieħed dwar reġim adatt għan-negozjanti tal-komoditajiet kif ukoll għas-superviżjoni prudenzjali tad-ditti tal-investiment b'mod ġenerali (minn issa 'l quddiem "rieżami tad-ditti tal-investiment") u li tħejji rapport wieħed dwar is-suġġetti msemmija hawn fuq. Dan tqies li kien meħtieġ sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp ta' qafas prudenzjali koerenti għat-tipi kollha ta' ditti tal-investiment. Il-ħidma fuq ir-rieżami tad-ditti tal-investiment diġà għaddejja: il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) biex jipprovdu pariri tekniċi dwar il-kwistjoni (EBA/Op/2015/20). Madankollu, ir-rieżami tad-ditti tal-investiment huwa proġett kumpless li mhux se jitlesta sa tmiem din is-sena. Għalhekk huwa wisq improbabbli li xi leġiżlazzjoni li tista' tirriżulta minn dan ir-rieżami tkun tista' tiġi ppreparata, adottata u applikata qabel ma jiskadu l-eżenzjonijiet attwali (jiġifieri qabel tmiem l-2017). Dan għandu implikazzjonijiet għan-negozjanti tal-komoditajiet: jekk sa dak il-mument ma jkun issawwar l-ebda qafas prudenzjali speċifiku mir-rieżami tad-ditti tal-investiment, dawn ikunu soġġetti għar-rekwiżiti CRR/CRD kollha mill-1 ta' Jannar 2018 'il quddiem.
Hemm żewġ problemi relatati ma' dan ix-xenarju. L-ewwel nett, in-negozjanti tal-komoditajiet jiġu soġġetti għar-rekwiżiti CRR/CRD kollha mingħajr ma jkun hemm deċiżjoni konxja (u infurmata) li tali trattament ikun tabilħaqq l-aktar wieħed xieraq għalihom. It-tieni, jekk wieħed jassumi li r-rieżami tad-ditti tal-investiment ikun iwassal għal qafas prudenzjali mfassal apposta għan-negozjanti tal-komoditajiet, huma jiġu mċaħħda minn qafas regolatorju stabbli. Huma jimxu mit-trattament attwali fejn huma eżenti minn rekwiżiti ta' skoperturi kbar u ta' fondi proprji, għal trattament temporanju li jinkludi r-rekwiżiti CRR/CRD kollha, u eventwalment għall-imsemmi qafas imfassal apposta fi ħdan perjodu qasir ħafna (minn sena sa sentejn). Sabiex din is-sitwazzjoni tiġi evitata huwa għalhekk opportun li jiġu estiżi l-eżenzjonijiet eżistenti stabbiliti fis-CRR. L-estensjoni għandha tqis iż-żmien li se jkun meħtieġ biex jiġi konkluż ir-rieżami tad-ditti tal-investiment u biex titħejja, tiġi adottata u applikata dik il-leġiżlazzjoni li tista' tirriżulta minn dak ir-rieżami.
PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
Titolu | Eżenzjonijiet għan-negozjanti tal-komoditajiet | |||
Referenzi | COM(2015)0648 – C8-0403/2015 – 2015/0295(COD) | |||
Data meta ġiet ippreżentata lill-PE | 16.12.2015 |
|
|
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja | ECON 18.1.2016 |
|
|
|
Rapporteurs Data tal-ħatra | Sander Loones 21.1.2016 |
|
|
|
Proċedura simplifikata - data tad-deċiżjoni | 21.1.2016 | |||
Eżami fil-kumitat | 22.2.2016 |
|
|
|
Data tal-adozzjoni | 8.3.2016 |
|
|
|
Data tat-tressiq | 21.3.2016 | |||