Dokument ta' sessjoni
31.3.2016
***II
RAKKOMANDAZZJONI GĦAT-TIENI QARI
dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004
(10578/1/2015 – C8-0415/2015 – 2013/0014(COD) )
Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Roberts Zīle
PR_COD_2app
Tifsira tas-simboli użati |
* Proċedura ta' konsultazzjoni *** Proċedura ta' approvazzjoni ***I Proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-ewwel qari) ***II Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tieni qari) ***III Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tielet qari) (It-tip ta' proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta' att.)
|
Emendi għal abbozz ta' att |
Emendi tal-Parlament f'żewġ kolonni
It-tħassir huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa fil-kolonna tax-xellug. Is-sostituzzjoni hija indikata permezz tat-tipa korsiva u grassa fiż-żewġ kolonni. It-test ġdid huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa fil-kolonna tal-lemin.
L-ewwel u t-tieni linji tal-intestatura ta' kull emenda jidentifikaw il-parti tat-test ikkonċernata fl-abbozz ta' att inkwistjoni. Meta emenda tirrigwarda att eżistenti, li l-abbozz ta' att ikollu l-ħsieb li jemenda, l-intestatura jkun fiha wkoll it-tielet u r-raba' linji li jidentifikaw rispettivament l-att eżistenti u d-dispożizzjoni kkonċernata f'dak l-att.
Emendi tal-Parlament li jieħdu l-forma ta' test konsolidat
Il-partijiet tat-testi l-ġodda huma indikati permezz tat-tipa korsiva u grassa. Il-partijiet tat-test imħassra huma indikati permezz tas-simbolu ▌ jew huma ingassati. Is-sostituzzjoni hija indikata billi t-test il-ġdid jiġi indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa u billi jitħassar jew jiġi ingassat it-test sostitwit. Bħala eċċezzjoni, it-tibdil ta' natura strettament teknika magħmul mis-servizzi fil-preparazzjoni tat-test finali mhuwiex indikat.
|
WERREJ
Paġna
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW 5
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA 7
NOTA SPJEGATTIVA 8
PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI 11
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004
(10578/1/2015 – C8-0415/2015 – 2013/0014(COD) )
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (10578/1/2015 – C8-0415/2015),
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati ppreżentati mill-Parlament Litwan, is-Senat Rumen u l-Parlament Svediż, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, fejn huwa ddikjarat li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jikkonformax mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-11 ta' Lulju 2013[1],
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-8 ta' Ottubru 2013[2],
wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari[3] dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill ( COM(2013)0027 ),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 76 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu ( A8-0073/2016 ),
1. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;
2. Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni annessi ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;
4. Jissuġġerixxi li l-att jiġi ċitat bħala 'r-Regolament Zīle-Matīss dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004'[4];
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiffirma l-att flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
6. Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
Stqarrija tal-Kummissjoni dwar il-bord ta' ġestjoni tal-ERA, u dwar il-proċedura tal-għażla u tat-tneħħija tad-direttur eżekuttiv
Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li, meta mqabbel mal-proposta oriġinali ppreżentata mill-Kummissjoni, it-test maqbul dwar ir-Regolament tal-ERA jiddevja mid-dispożizzjonijiet ewlenin maqbula mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fl-2012 skont l-Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati tal-UE. Dan jikkonċerna l-għadd ta' rappreżentanti tal-Kummissjoni fil-Bord ta' Ġestjoni, u l-proċedura tal-għażla u tat-tneħħija tad-direttur eżekuttiv. Il-Kummissjoni tenfasizza b'mod partikolari l-fatt li l-ħatra ta' osservatur fost il-membri tal-Bord ta' Ġestjoni biex isegwi l-proċedura tal-għażla applikata mill-Kummissjoni għall-ħatra tad-direttur eżekuttiv, ma għandhiex twassal għal rwoli doppji fil-proċeduri tal-għażla u tal-ħatra (l-Artikolu 51(1)).
Stqarrija tal-Kummissjoni dwar ir-riżorsi neċessarji tal-baġit
Ir-raba' pakkett ferrovjarju jagħti lill-ERA kompetenzi ġodda, b'mod partikolari l-poter li toħroġ awtorizzazzjonijiet għall-vetturi u ċertifikati tas-sikurezza direttament lis-settur. Ma jistax ikun eskluż li fil-perjodu ta' transizzjoni, it-tariffi u l-ħlasijiet ikun għadhom mhumiex disponibbli għall-ERA, minkejja li jkun hemm bżonn li jinħatar u jitħarreġ il-persunal. Sabiex jiġi evitat tfixkil fis-suq ferrovjarju, il-Kummissjoni se taħdem biex tirriżerva l-baġit neċessarju sabiex tkopri l-ispejjeż tal-persunal rilevanti.
NOTA SPJEGATTIVA
1. Il-pilastru tekniku tar-raba' pakkett ferrovjarju
L-aħħar tliet “pakketti ferrovjarji” diġà kienu ġabu bidliet sostanzjali li kellhom l-għan li l-ferroviji Ewropej isiru aktar kompetittivi u interoperabbli, filwaqt li jżommu livell għoli ta' sikurezza. Madankollu, is-settur ikompli jiffaċċja ostakli għall-kompetizzjoni, diskriminazzjoni u nuqqas ta’ ambjent liberalizzat, dinamiku u li jiffavorixxi n-negozju. Hemm wisq regoli nazzjonali differenti, bi proċeduri u standards neqsin mit-trasparenza.
Sabiex jittejbu l-prestazzjoni u l-kompetittività tal-industrija u biex titjieb il-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi ferrovjarji, il-Kummissjoni ressqet dan ir-raba’ pakkett ferrovjarju. Il-proposta għal Regolament dwar l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (ERA) tal-Unjoni Ewropea, flimkien mat-tfassil mill-ġdid propost tad-Direttiva 2004/49/KE dwar is-sikurezza ferrovjarja u d-Direttiva 2008/57/KE (id-Direttiva dwar l-Interoperabilità), jiffurmaw il-pilastru tekniku ta’ dan il-pakkett.
Dan il-pilastru jfittex li jtejjeb il-kompatibilità teknika tal-infrastruttura, il-vetturi fuq ir-roti, is-sinjalazzjoni u partijiet oħra tas-sistema ferrovjarja, kif ukoll jissimplifika l-proċeduri għall-approvazzjoni tal-vetturi ferrovjarji għall-użu madwar in-netwerk ferrovjarju Ewropew. It-tliet proposti huma marbuta mill-qrib, mhux l-inqas minħabba li ħafna mill-kompiti tal-ERA huma stipulati fid-Direttivi.
2. Il-prijoritajiet tal-Parlament
Il-Parlament konsistentement appoġġa integrazzjoni akbar taż-żona ferrovjarja Ewropea, u qies din il-forma ta’ trasport bħala mezz li jipprovdi kontribuzzjoni aktar sostenibbli għall-impjiegi u t-tkabbir. Fl-ewwel qari tiegħu, il-Parlament fittex li jiċċara r-rwol tal-ERA, u ra kif isib soluzzjonijiet li jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż u l-burokrazija filwaqt li joffru benefiċċji għall-partijiet interessati kollha. L-għan kien li jiżgura kundizzjonijiet ta' negozju u opportunitajiet kompetittivi aħjar għall-atturi kollha tas-suq u b’hekk jipprovdi kwalità aħjar u servizzi orħos għall-utenti finali, kemm fejn ikollha x’taqsam il-merkanzija kif ukoll f’dak li jinvolvi l-passiġġieri.
L-emendi tal-Parlament għalhekk fittxew li:
jistabbilixxu approċċ komuni fir-rigward tar-regoli dwar is-sikurezza u l-interoperabilità biex jiżdiedu l-ekonomiji ta' skala għall-impriżi ferrovjarji attivi madwar l-UE;
jippermettu li l-ERA toffri proċeduri ta' ċertifikazzjoni u awtorizzazjzoni effiċjenti u favur il-klijent inkluż punt uniku ta' servizz;
jiżguraw li l-metodu ta' awtorizzazzjoni ta' elementi tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) joħloq sistema Ewropea unika minflok għadd ta’ sistemi nazzjonali;
jindirizzaw konflitti ta' interess potenzjali, u
jħaffu l-proċeduri amministrattivi, filwaqt li tkun evitata diskriminazzjoni moħbija.
Kien hemm tħassib ukoll li l-pakkett għandu jqis is-sitwazzjoni speċifika tan-netwerks ferrovjarji b'wisa' bejn il-binarji li tkun differenti mill-istandard 1 435 mm tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk tal-Istati Baltiċi u l-Finlandja. Dawn in-netwerks huma integrati sew bħala parti mill-wisa' 1 520 mm li tkopri r-Russja u l-pajjiżi tas-KSI, iżda huma iżolati min-netwerk ferrovjarju prinċipali tal-UE.
Barra minn hekk, it-tliet Rapporteurs għamlu ħilithom biex jadottaw approċċ konsistenti minħabba l-ħafna interazzjonijiet bejn it-tliet proposti.
3. Ftehim impenjattiv
Fi tmiem in-negozjati informali bejn il-Parlament u l-Kunsill li damu għal aktar minn disa’ xhur, intlaħaq ftehim li se:
jelimina l-ħtieġa għal applikazzjonijiet multipli: L-ERA se toħroġ l-awtorizzazzjonijiet kollha għal vetturi maħsuba għal operazzjonijiet transkonfinali u ċ-ċertifikati tas-sikurezza kollha lill-kumpaniji ferrovjarji li joperaw servizzi transkonfinali. Għal vetturi u operaturi involuti biss fit-trasport nazzjonali, l-applikant se jkun jista’ jagħżel jekk tkunx l-Aġenzija jew l-awtorità nazzjonali li tipproċessa l-applikazzjoni tiegħu;
jagħti lill-ERA rwol ikbar fl-iżvilupp tal-ERTMS. Sabiex jiġi żgurat li l-proġetti jkunu interoperabbli, l-ERA se tevalwa s-soluzzjonijiet tekniċi previsti qabel kull sejħa għall-offerti li tinħareġ dwar tagħmir maġenb il-binarji tal-ERTMS;
l-ERA tkun tista' twaqqaf "punt uniku ta' servizz" li se jaġixxi bħala punt ta’ dħul uniku għall-applikazzjonijiet kollha. Din is-sistema ta' informazzjoni u ta’ komunikazzjoni se tagħmel mod li l-proċeduri jsiru aktar faċli u trasparenti. Dan il-''punt uniku ta' servizz'' se jippermetti kemm lill-Aġenzija kif ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza biex isegwu l-istadji differenti tal-applikazzjoni matul il-proċedura;
iwassal għal ftehimiet ta’ kooperazzjoni bejn l-ERA u l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza. Flimkien mal-punt uniku ta’ servizz, dawn il-ftehimiet se jiżguraw diviżjoni ċara tal-kompiti bejn l-awtoritajiet Ewropej u dawk nazzjonali. Huma se jiżguraw ukoll il-konsistenza f’każ ta’ applikazzjonijiet differenti għal awtorizzazzjonijiet jew ċertifikazzjonijiet simili; u
jeħtieġu li l-Bord tal-ERA jadotta regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess u ta' proċeduri għall-kooperazzjoni ma’ awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali.
4 Nimxu 'l quddiem
Dan il-ftehim mistenni jżid l-ekonomiji ta’ skala għall-impriżi u l-manifatturi ferrovjarji mal-UE kollha. Huwa se jnaqqas l-ispejjeż amministrattivi u jħaffef il-proċeduri, filwaqt li jżomm il-livell għoli attwali ta' sikurezza. Fl-istess ħin dan se jgħin biex tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni moħbija, b’mod partikolari kontra kumpaniji ġodda li jixtiequ jidħlu f’suq. Se jnaqqas ukoll b’mod sinifikanti l-għadd ta’ regoli nazzjonali f’oqsma fejn qed tiġi introdott regolamentazzjoni armonizzata fuq il-livell tal-UE.
Madankollu, biex tiġi żgurata l-effikaċja sħiħa tiegħu, l-ERA u l-awtoritajiet nazzjonali se jkollhom jaħdmu flimkien mill-qrib, filwaqt li jikkondividu l-għarfien espert u l-informazzjoni. Filwaqt li aġenzija ferrovjarja b’saħħitha, mgħammra tajjeb u effiċjenti hija prekundizzjoni għall-iżvilupp u l-funzjonament tas-suq ferrovjarju Ewropew, l-ERA mhux se tkun mistennija tipprova tagħmel kollox.
Fl-istess ħin, l-awtoritajiet nazzjonali se jkunu meħtieġa li jirrikonoxxu l-importanza ta’ ħidma mal-ERA u ma' xulxin biex joħolqu sistema ferrovjarja integrata, dinamika u transkonfinali. Din il-ħtieġa għal kooperazzjoni hija saħansitra akbar fil-każ ta’ pajjiżi li jużaw wisa' bejn il-binarji ta' 1 520 mm billi għandhom jikkonkludu ftehim multilaterali mal-ERA li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li skonthom awtorizzazzjoni tal-vettura tkun valida wkoll għal Stati Membri oħra kkonċernati. Huwa biss meta dan il-ftehim multilaterali jkun ġie stabbilit, li se jkun possibbli għar-reġjun li jieħu vantaġġ sħiħ mill-flessibbiltajiet addizzjonali li joffri l-pilastru tekniku, bil-għan li jitnaqqas il-piż finanzjarju u amministrattiv għall-applikant f’każijiet bħal dawn.
PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
Titolu | Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji u tħassir tar-Regolament (KE) Nru 881/2004 | |||
Referenzi | 10578/1/2015 – C8-0415/2015 – 2013/0014(COD) | |||
Data tal-1 qari tal-PE - Numru P | 26.2.2014 T7-0151/2014 | |||
Proposta tal-Kummissjoni | COM(2013)0027 - C7-0029/2013 | |||
Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja ta’ meta l-Parlament irċieva l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari | 4.2.2016 | |||
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja | TRAN 4.2.2016 |
|
|
|
Rapporteurs Data tal-ħatra | Roberts Zīle 16.7.2014 |
|
|
|
Eżami fil-kumitat | 16.2.2016 |
|
|
|
Data tal-adozzjoni | 15.3.2016 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 38 2 2 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Lucy Anderson, Inés Ayala Sender, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Deirdre Clune, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Andor Deli, Karima Delli, Isabella De Monte, Ismail Ertug, Dieter-Lebrecht Koch, Stelios Kouloglou, Merja Kyllönen, Miltiadis Kyrkos, Peter Lundgren, Marian-Jean Marinescu, Georg Mayer, Gesine Meissner, Cláudia Monteiro de Aguiar, Jens Nilsson, Markus Pieper, Salvatore Domenico Pogliese, Tomasz Piotr Poręba, Gabriele Preuß, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, David-Maria Sassoli, Claudia Schmidt, Jill Seymour, Keith Taylor, Pavel Telička, Peter van Dalen, Wim van de Camp, Kosma Złotowski, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska | |||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali | Francisco Assis, Rosa D’Amato, Karoline Graswander-Hainz, Werner Kuhn, Franck Proust | |||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali | Mylène Troszczynski | |||
Data tat-tressiq | 31.3.2016 | |||