Dokument ta' sessjoni

 

A8-0107/2016

8.4.2016

RAPPORT

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri

( 2015/2158(DEC) )

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Ryszard Czarnecki

PR_DEC_Other

WERREJ

Paġna

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW  3

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW  4

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI  8

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri

( 2015/2158(DEC) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014[1],

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 ( COM(2015)0377 – C8-0203/2015)[2],

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet[3],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[4] dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[5], u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit ( A8-0107/2016 ),

1.  Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri

( 2015/2158(DEC) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit ( A8-0107/2016 ),

1.  Jinnota li l-eżerċizzju tal-awditjar tal-kontijiet annwali tal-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti") isir minn awditur estern indipendenti – PricewaterhouseCoopers SARL – bl-għan li jiġu applikati l-istess prinċipji ta' trasparenza u ta' obbligu ta' rendikont li tapplika hi stess fil-konfront ta' dawk suġġetti għall-awditjar tagħha; jieħu nota tal-opinjoni tal-awditur li r-"rapporti finanzjarji jagħtu stampa veritiera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Qorti";

2.  Jenfasizza li fl-2014, il-Qorti tal-Awdituri kellha approprjazzjonijiet finali li jammontaw għal total ta' EUR 133 498 000 (EUR 142 761 000 fl-2013) u li r-rata ta' implimentazzjoni globali għall-baġit kienet ta' 98,8 %, apparagun ta' 92 % fl-2013; jilqa' t-titjib fir-rata ta' eżekuzzjonijiet b'baġit imnaqqas;

3.  Jenfasizza li l-baġit tal-Qorti huwa purament amministrattiv, b'ammont kbir li qed jintuża għall-ispiża relatata ma' persuni li jaħdmu fi ħdan l-istituzzjoni;

4.  Jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-Qorti biex jiġi żgurat infiq aħjar u aktar intelliġenti tal-fondi Ewropej; ifakkar li l-Qorti hija f'pożizzjoni preeminenti biex tipprovdi lil-leġiżlatur u l-awtorità tal-baġit b'opinjonijiet siewja dwar ir-riżultati u l-eżiti miksuba mill-politiki tal-Unjoni, bil-għan li jitjiebu l-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività tal-attivitajiet iffinanzjati mill-Unjoni;

5.  Jilqa' l-proġett ta' riforma tal-Qorti li beda fl-aħħar tal-2014 li għandu l-għan li jissimplifika l-proċess tal-awditjar, jittrasforma l-Qorti f'organizzazzjoni bbażata fuq il-kompiti u jwessa' l-ambitu tal-ħidma tal-persunal; jistieden lill-Qorti tinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-objettivi milħuqa u dwar l-impatt identifikat b'segwitu għal din ir-riforma;

6.   Ifakkar lill-Qorti li l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu fil-punt 54 tal-approċċ komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati mill-2012 li l-aspetti kollha ta' awditjar estern esternalizzat "jibqgħu taħt ir-responsabbiltà sħiħa tal-QEA, li tamministra l-proċeduri kollha meħtieġa amministattivi u ta' akkwist u tiffinanzjahom, kif ukoll kwalunkwe spiża oħra assoċjata mal-awditjar estern esternalizzat, mill-baġit proprju tagħha"; jiddispjaċih ħafna li l-approċċ il-ġdid ta' awditjar li jinvolvi awdituri tas-settur privat wassal għal żieda fil-piż amministrattiv għall-aġenziji deċentralizzati; jinnota bi tħassib li dan wassal biex il-piż amministrattiv żdied b'85%, għal aktar minn 13 000 siegħa apparagun tal-awditjar preċedenti ġestit mill-Qorti, u li dan jikkorrispondi għal medja ta' 3,5 ekwivalenti full time; jiddispjaċih li ż-żmien użat fuq l-akkwist u l-amministrazzjoni tal-kuntratti ta' awditjar ħoloq aktar minn 1 400 siegħa ta' xogħol addizzjonali għall-aġenziji deċentralizzati, u li t-total tan-nefqa addizzjonali tal-awditjar estern tas-settur privat fl-2014 kien jammonta għal EUR 550 000; itenni t-talba tiegħu lill-Qorti biex issegwi l-approċċ komuni u tikkuntratta u tħallas għall-awdituri esterni tal-aġenziji u biex tipprovdi gwida aħjar lill-awdituri privati sabiex jitnaqqas b'mod sinifikanti l-piż amministrattiv miżjud;

7.  Jinnota b'sodisfazzjon il-fatt li l-Qorti qed tippjana li twettaq rieżami tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja sabiex tivvaluta l-prestazzjoni tagħha, wara t-talba li għamel il-Parlament fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tiegħu tad-29 ta' April 2015 għas-sena finanzjarja 2013[6];

8.  Abbażi ta' din il-kooperazzjoni tajba, jitlob lill-Qorti tal-Awdituri tipprepara rapport speċjali dwar jekk il-Kummissjoni għamlitx użu sew mis-setgħat tagħha ta' appoġġ għall-Istati Membri u ta' kontroll fuqhom meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni;

9.  Jappoġġa lill-Qorti fl-isforzi tagħha biex tiddedika aktar riżorsi għall-awditjar tal-prestazzjoni; jistenna li l-organizzazzjoni bbażata fuq il-kompiti tal-persunal tal-awditjar tippermetti li l-Qorti tkun tista' talloka r-riżorsi b'mod aktar flessibbli mingħajr ma ddgħajjef il-missjoni tagħha; hu tal-opinjoni li, skont l-Artikolu 287(3) tat-TFUE, għandha tiġi segwita kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-Qorti u l-istituzzjonijiet ta' awditjar supremi nazzjonali, partikolarment b'rabta mat-twettiq tar-rapporti ta' awditjar tal-prestazzjoni (valur għall-flus) ta' politiki u programmi differenti tal-Unjoni u l-awditjar ta' arranġamenti ta' ġestjoni kondiviża; jistenna riżultati konkreti f'dak li għandu x'jaqsam mal-kondiviżjoni tal-programm ta' ħidma annwali tal-Qorti;

10.  Jieħu nota tal-inizjattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriforma s-sistema tagħha tal-awli u huwa interessat li jkun jaf iktar dwar il-proposta;

11.  Jieħu nota li, skont il-Qorti, is-sena 2014 tikkorrispondi għal rekord fl-output tal-istituzzjoni; jilqa' karatteristiċi ġodda bħalma hija l-analiżi panoramika;

12.  Jieħu nota li ż-żmien meħtieġ għall-produzzjoni tar-rapporti speċjali tnaqqas mill-2008, għalkemm għadha ma ntlaħqetx il-mira ta' 18-il xahar; jenfasizza li l-mira għandha tkun realistika, sabiex ma tikkompromettix il-kwalità tar-rapporti;

13.  Iħeġġeġ lill-Qorti teżamina r-relazzjoni bejn l-għadd u tempesitività tar-rapporti speċjali;

14.  Jinsisti li r-rakkomandazzjonijiet fir-rapporti speċjali ta' spiss ma jkunux ċari u li għandhom jiżvelaw b'mod konsistenti l-imġiba pożittiva u negattiva tal-pajjiżi kkonċernati;

15.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-obbligu ta' tnaqqis tal-persunal b'5 % qed jiġi implimentat mingħajr impatt negattiv fuq il-politika tal-Qorti għat-tisħiħ tas-servizzi ta' awditjar tagħha; jitlob lill-Qorti tiżgura li t-tnaqqis ulterjuri mhux se jaffettwa l-kwalità tar-rapporti tagħha;

16.  Jistieden lill-Qorti biex tiżgura, flimkien mal-mertu u l-kompetenza, il-bilanċ ġeografiku tal-persunal tagħha, b'mod partikolari f'karigi maniġerjali u direttorjali;

17.  Japprezza l-isforzi magħmula mill-Qorti biex ittejjeb il-bilanċ bejn is-sessi fost il-persunal tagħha; jissottolinja u jilqa' kemm iż-żieda fl-għadd ta' awdituri nisa, li bla ebda dubju għandha riperkussjonijiet f'termini tal-preżenza tagħhom f'karigi ta' responsabilità f'dak is-settur, kif ukoll il-ħolqien ta' netwerk ta' awdituri nisa; jenfasizza l-ħtieġa li l-ħidma f'din id-direzzjoni titkompla;

18.  Japprezza l-isforzi mwettqa mill-Qorti b'rabta mat-taħriġ professjonali għall-awdituri tagħha, bil-għan li l-ġestjoni u l-aġġornament tal-għarfien isiru iktar effikaċi; jifraħ lill-Qorti għall-kollaborazzjoni tagħha mal-Università ta' Metz/Nancy fil-ħolqien ta' korsijiet speċjalizzati fl-awditjar Ewropew, u jħeġġeġ lill-Qorti tistabbilixxi kuntatti ma' universitajiet Ewropej oħra bl-istess skop;

19.  Jieħu nota li l-bilanċ tal-fondi disponibbli fil-kuntratt maħluq għall-ħlas tal-bini K3 se jintuża biex jiġi ffinanzjat l-ammeljorament tal-bini K2; huwa interessat li jkun jaf il-firxa ta' dawk ix-xogħlijiet;

20.  Itenni t-talba tiegħu biex il-politika dwar il-bini tal-Qorti tinhemeż mar-rapport annwali tal-attività tagħha;

21.  Jirrikonoxxi li l-Qorti qed tagħmel sforzi biex tnaqqas l-ispejjeż tat-traduzzjoni; jemmen li l-ftehim ta' kooperazzjoni għat-traduzzjoni - bħalma għandhom il-kumitati konsultattivi mal-Parlament - jista' jitqies bħala parti mill-istrateġija 2013-2017 tal-Qorti biex ittejjeb l-effiċjenza u tnaqqas l-ispejjeż; jistieden lill-Qorti tikkunsidra l-esternalizzazzjoni tat-traduzzjoni bħala mod ieħor kif tiffranka l-ispejjeż;

22.  Jirrikonoxxi r-riżultati miksuba mill-kumitat interistituzzjonali għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni fil-ftehim dwar metodoloġija armonizzata li tippermetti t-tqabbil dirett tal-ispejjeż tat-traduzzjoni tal-istituzzjonijiet kollha; jilqa' l-fatt li l-Qorti qed tipprovdi data skont din il-metodoloġija;

23.  Jistieden lill-Qorti biex fir-rapporti annwali tal-attività tagħha tinkludi, b'konformità mar-regoli eżistenti dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data, ir-riżultati u l-konsegwenzi tal-każijiet magħluqa tal-OLAF, fejn l-istituzzjoni jew xi ħadd mill-individwi li jaħdmu għaliha kienu s-suġġett tal-investigazzjoni;

24.  Jinnota li l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tas-servizz ta' awditjar intern għar-rieżami tar-regoli inklużi fil-gwida għall-missjonijiet ġiet posposta minħabba raġunijiet tekniċi;

25.  Jieħu nota tal-ewwel passi tal-Qorti lejn ambjent mingħajr karti; jappoġġa lill-Qorti fl-objettivi tagħha iżda jistenna li l-Kumitat Parlamentari għall-Kontroll tal-Baġit ikompli jirċievi xi kopji stampati tar-rapporti tal-Qorti; japprova l-istrateġija ambjentali implimentata s'issa mill-Qorti, inkluża l-attenzjoni tagħha fir-rigward tat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija, l-użu iktar mifrux tal-vidjokonferenzi, l-istallazzjoni ta' sistema għall-irkupru tal-ilma tax-xita u l-promozzjoni ta' mobilità sostenibbli;

26.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-titjib fiċ-ċarezza tal-messaġġi tal-Qorti permezz tal-midja; jistenna li dan it-titjib jitkompla;

27.  Japprezza l-kooperazzjoni bejn il-Qorti u l-Kumitat Parlamentari għall-Kontroll tal-Baġit u jilqa' l-feedback regolari tal-Qorti b'reazzjoni għat-talbiet tal-Parlament.

 

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI

FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

4.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Inés Ayala Sender, Dennis de Jong, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Verónica Lope Fontagné, Monica Macovei, Dan Nica, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marian-Jean Marinescu, Miroslav Poche

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Birgit Collin-Langen, Bodil Valero

 

 

[1] ĠU L 51, 20.2.2014.
[2] ĠU C 377, 13.11.2015, p. 1.
[3] ĠU C 373, 5.11.2015, p. 1.
[4] ĠU C 377, 13.11.2015, p. 146.
[5] ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
[6] Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri (ĠU L 255, 30.9.2015, p. 123).