Dokument ta' sessjoni
11.4.2016
RAPPORT
dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja
( 2015/2157(DEC) )
Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Anders Primdahl Vistisen
PR_DEC_Other
WERREJ
Paġna
1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW 3
2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW 4
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI 7
1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja
( 2015/2157(DEC) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014[1],
– wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 ( COM(2015)0377 – C8-0202/2015)[2],
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet[3],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[4] dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[5], u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit ( A8-0123/2016 ),
1. Jagħti l-kwittanza lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Qorti tal-Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2014;
2. Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).
2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja
( 2015/2157(DEC) )
Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima IV - Il-Qorti tal-Ġustizzja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit ( A8-0123/2016 ),
1. Jinnota b'sodisfazzjon li, fir-rapport annwali tagħha tal-2014, il-Qorti tal-Awdituri osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tas-suġġetti awditjati relatati mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ("il-Qorti tal-Ġustizzja");
2. Jilqa' l-fatt li, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, il-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li l-pagamenti kollha għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2014 għan-nefqa amministrattiva u ta' tip ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi kienu ħielsa minn żbalji materjali;
3. Jinnota li fl-2014, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha approprjazzjonijiet li jammontaw għal EUR 355 367 500 (EUR 354 880 000 fl-2013), u li r-rata ta' implimentazzjoni kienet ta' 99 %; jilqa' ż-żieda fir-rata ta' użu fl-2014 meta mqabbla mas-96,3 % fl-2013;
4. Jieħu nota li l-baġit tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa wieħed purament amministrattiv, b'aktar minn 75 % minnu jintuża għan-nefqa tal-persunal li jaħdem mal-istituzzjoni u l-bqija jintuża għall-bini, għamara, tagħmir u spejjeż oħra;
5. Jilqa' l-produttività tal-attività ġudizzjarja tal-Qorti fl-2014, b'1691 kawża mressqa quddiem it-tliet qrati u b'1685 kawża magħluqa f'dik is-sena;
6. Jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja għalqet 719-il kawża fl-2014 (701 kawża magħluqa fl-2013), u tressqu quddiemha 622 kawża ġdida (699 fl-2013); japprova r-riżultati statistiċi pożittivi u jemmen li l-prestazzjoni tista' titjieb fil-futur;
7. Jieħu nota tal-fatt li fl-2014, il-Qorti Ġenerali rċeviet 912-il kawża ġdida, ittrattat 814-il kawża u kellha 1423 kawża pendenti, li jikkostitwixxu żieda ġenerali fl-għadd ta' proċedimenti meta mqabbla mal-2012 u l-2013;
8. Jirrimarka li l-ħolqien ta' disa' karigi ta' segretarju fuq bażi temporanja fil-Qorti Ġenerali fl-2014 saħħaħ it-tim ġudizzjarju b'tali mod li l-Qorti saħħet l-effiċjenza tagħha u żiedet ir-rata ta' prestazzjoni;
9. Jinnota li fl-2014, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għalaq 152 kawża, meta mqabbel mal-184 kawża fl-2013, u kellu 216 -il kawża pendenti; jinnota li fl-2014 it-Tribunal kien inqas effiċjenti fl-attività ġudizzjarja ġenerali tiegħu;
10. Jinkoraġġixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tkompli ttejjeb l-użu tar-riżorsi eżistenti; huwa tal-fehma li r-riformi interni implimentati fl-2014, jiġifieri r-riforma tar-Regoli ta' Proċedura li jirregolaw il-funzjonament tal-Qorti Ġenerali u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet tal-IT sabiex it-trattament tal-kawżi u l-komunikazzjoni jsiru aħjar, ikkontribwew għall-ottimizzazzjoni tal-użu tar-riżorsi;
11. Jilqa' l-pjan tal-Qorti tal-Awdituri li twettaq rieżami tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tivvaluta l-prestazzjoni tagħha, wara t-talba li għamel il-Parlament fil-kuntest tal-kwittanza għall-2013;
12. Jinnota l-informazzjoni, li ngħatat f'Jannar 2016, dwar il-lista tal-attivitajiet esterni li għamlu l-imħallfin wara li saret talba għaliha matul l-iskambju ta' fehmiet fil-Kumitat dwar l-eżerċizzju tal-kwittanza tal-2014; jiddispjaċih li mhuwiex imsemmi l-għadd ta' mħallfin li pparteċipaw fl-avvenimenti differenti; jitlob biex issir ħarsa ġenerali tal-attivitajiet esterni kollha li saru minn kull imħallef, inklużi lectures, taħdidiet, avveniment oħra u tħejjija għalihom matul is-siegħat ta' ħidma, u mhux biss ta' attivitajiet approvati uffiċjalment; jitlob li jkunu żvelati r-riżorsi kollha użati relatati mal-attivitajiet esterni tal-imħallfin, pereżempju servizzi tat-traduzzjoni, skrivani u xufiera tal-qorti;
13. Huwa tal-fehma li l-informazzjoni kollha dwar l-attivitajiet esterni ta' kull imħallef għandha tkun disponibbli għall-pubbliku ġenerali; jitlob li dik l-informazzjoni tkun ippubblikata fuq is-sit web tal-Qorti tal-Ġustizzja u inkluża fir-rapporti annwali tal-attività tagħha (AARs);
14. Jitlob għal dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji tal-imħallfin biex tkun imdaħħla fis-sit web tal-Qorti tal-Ġustizzja;
15. Jistenna li r-riforma li għaddejja tal-Qorti Ġenerali ssirilha valutazzjoni tal-impatt sabiex jiġi stabbilit li din ir-reviżjoni kienet xierqa u ssimplifikat is-sistema ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja;
16. Jinnota b'sodisfazzjon it-titjib li sar fl-applikazzjoni e-Curia u ż-żieda fl-għadd ta' Stati Membri li bdew jużawha fl-2014; jiddispjaċih, madankollu, li għad baqa' tliet Stati Membri li mhumiex inklużi fil-lista tal-utenti;
17. Jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tadotta aktar teknoloġiji ġodda sabiex ikun hemm tnaqqis akbar fin-numru ta' kopji stampati, ta' tradutturi u interpreti meħtieġa fejn possibbli mingħajr ma tippreġudika r-responsabbiltajiet tal-Qorti;
18. Jieħu nota li l-attivitajiet tad-direttorat tat-traduzzjoni ġew meqjusa bħala sodisfaċenti; jemmen li xorta waħda jista jsir iffrankar f'dak li għandu x'jaqsam ma' atti mhux ġudizzjarji, billi jiġi applikat reġim ristrett ta' traduzzjoni;
19. Jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu sehem fil-grupp ta' ħidma interistituzzjonali dwar l-attività interistituzzjonali u indikaturi ta' prestazzjoni ewlenin li jkopri fost affarijiet oħra kwistjonijiet dwar l-ispejjeż tat-traduzzjonijiet; jiddispjaċih li l-Qorti għadha mhix tipprovdi data skont il-metodoloġija armonizzata maqbula fi ħdan il-grupp interistituzzjonali;
20. Itenni t-talba tiegħu biex l-aġenda tal-laqgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja tiġi annessa fl-AARs tagħha;
21. Jinnota li għad hemm nuqqas ta' nisa f'karigi ta' responsabbiltà fil-Qorti tal-Ġustizzja; jappella sabiex dan l-iżbilanċ jiġi rettifikat malajr kemm jista' jkun;
22. Iqis it-tweġiba li ngħatat mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-mistoqsija Nru 26 (Pensjonijiet) tal-Parlament bħala insoddisfaċenti; jitlob mill-Qorti tweġiba ċara u dettaljata, kif taw istituzzjonijiet oħra; iqis li l-Qorti għandha tagħti tweġiba għall-mistoqsijiet kollha mibgħuta mill-Parlament u jistieden lill-Qorti tkun kompletament trasparenti fir-rigward tal-pensjonijiet;
23. Jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha 75 vettura uffiċjali fil-flotta tagħha bi spiża ta' EUR 1 168 251; jinnota li s-salarji tax-xufiera ammontaw għal EUR 2 434 599 fl-2014; iqis dan bħala spiża eċċessiva, li tmur kontra x-xejra ġenerali fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni li tillimita l-użu tal-vetturi uffiċjali; itenni l-appell tiegħu lill-Qorti biex tnaqqas l-għadd ta' karozzi uffiċjali għad-dispożizzjoni tal-Membri u tal-persunal tagħha; jenfasizza li l-ispejjeż tas-servizzi privati estensivi pprovduti mis-sewwieqa qegħdin jitħallsu mit-taxxi taċ-ċittadini tal-Unjoni; jirrakkomanda li l-Qorti teżamina dawn il-kwistjonijiet f'kuntest interistituzzjonali u jħeġġiġha biex b'mod attiv tippromovi l-mobbiltà ekoloġika;
24. Jilqa' l-miżuri li ħadet il-Qorti tal-Ġustizzja biex tissodisfa l-prinċipju ta' akkwist pubbliku ekoloġiku; jappoġġa t-tisħiħ ta' din l-istrateġija;
25. Jinnota b'sodisfazzjon li l-politika tal-Qorti tal-Ġustizza dwar il-bini hija annessa mar-rapport ta' attività annwali;
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI
FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni | 4.4.2016 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 19 2 0 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Louis Aliot, Inés Ayala Sender, Dennis de Jong, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Verónica Lope Fontagné, Monica Macovei, Dan Nica, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský | |||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali | Marian-Jean Marinescu, Miroslav Poche | |||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali | Birgit Collin-Langen, Bodil Valero | |||