Dokument ta' sessjoni

 

A8-0126/2016

11.4.2016

***I

RAPPORT

dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta' ċerti dati

( COM(2016)0056 – C8-0026/2016 – 2016/0033(COD) )

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur: Markus Ferber

 

PR_COD_1consamCom

 

Tifsira tas-simboli użati

  *  Proċedura ta' konsultazzjoni  

  ***  Proċedura ta' approvazzjoni

  ***I  Proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-ewwel qari)

  ***II  Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tieni qari)

  ***III  Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tielet qari)

(It-tip ta' proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta' att.)

 

 

 

 

Emendi għal abbozz ta' att

 

Emendi tal-Parlament f'żewġ kolonni

 

It-tħassir huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa fil-kolonna tax-xellug. Is-sostituzzjoni hija indikata permezz tat-tipa korsiva u grassa fiż-żewġ kolonni. It-test ġdid huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa fil-kolonna tal-lemin.

 

L-ewwel u t-tieni linji tal-intestatura ta' kull emenda jidentifikaw il-parti tat-test ikkonċernata fl-abbozz ta' att inkwistjoni. Meta emenda tirrigwarda att eżistenti, li l-abbozz ta' att ikollu l-ħsieb li jemenda, l-intestatura jkun fiha wkoll it-tielet u r-raba' linji li jidentifikaw rispettivament l-att eżistenti u d-dispożizzjoni kkonċernata f'dak l-att.

 

Emendi tal-Parlament li jieħdu l-forma ta' test konsolidat

 

Il-partijiet tat-testi l-ġodda huma indikati permezz tat-tipa korsiva u grassa. Il-partijiet tat-test imħassra huma indikati permezz tas-simbolu ▌ jew huma ingassati. Is-sostituzzjoni hija indikata billi t-test il-ġdid jiġi indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa u billi jitħassar jew jiġi ingassat it-test sostitwit.

  Bħala eċċezzjoni, it-tibdil ta' natura strettament teknika magħmul mis-servizzi fil-preparazzjoni tat-test finali mhuwiex indikat.

 

 

 

 

WERREJ

Paġna

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW  5

PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI  10

 

 

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta' ċerti dati

( COM(2016)0056 – C8-0026/2016 – 2016/0033(COD) )

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ( COM(2016)0056 ),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 53(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0026/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji ( A8-0126/2016 ),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda    1

EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW[1]*

għall-proposta tal-Kummissjoni

---------------------------------------------------------

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta' ċerti dati

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew[2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[3],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[4] u d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[5] huma biċċiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni finanzjarja adottati wara l-kriżi finanzjarja fir-rigward tas-swieq tat-titoli, l-intemedjarji tal-investiment u ċ-ċentri tan-negozjar. Il-qafas il-ġdid isaħħaħ u jissostitwixxi d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[6].

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 u d-Direttiva 2014/65/UE jistabbilixxu rekwiżiti fir-rigward tal-awtorizzazzjoni u t-tħaddim ta' ditti ta' investiment, swieq regolati u fornituri ta' servizzi ta' rappurtar tad-data. Huwa jarmonizza s-sistema ta' limiti ta' pożizzjoni għal derivattivi ta' komodità biex titjieb it-trasparenza, jingħata sostenn għall-ipprezzar ordinat u jiġi evitat l-abbuż tas-suq. Huwa jintroduċi wkoll regoli dwar il-kummerċ ta' frekwenza għolja u jtejjeb is-superviżjoni tas-swieq finanzjarji bl-armonizzazzjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi. Filwaqt li jibni fuq ir-regoli diġà fis-seħħ, il-qafas il-ġdid isaħħaħ ukoll il-protezzjoni tal-investituri billi jintroduċi rekwiżiti robusti organizzattivi u ta' imġieba. L-Istati Membri huma obbligati li jittrasponu d-Direttiva 2014/65/UE sat-3 ta' Lulju 2016.

(3)  Il-qafas il-ġdid introdott bir-Regolament (UE) Nru 600/2014 u d-Direttiva 2014/65/UE jobbliga liċ-ċentri tan-negozjar u lill-internalizzaturi sistematiċi biex jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti b'data ta' referenza tal-istrumenti finanzjarji li tiddeskrivi b'mod uniformi l-karatteristiċi ta' kull strument finanzjarju soġġett għal dik id-Direttiva. Din id-data hija użata wkoll għal skopijiet oħra, pereżempju għall-kalkolu tal-livelli ta' trasparenza u likwidità kif ukoll għar-rappurtar tal-likwidità ta' derivattivi ta' komodità.

(4)  Sabiex tinġabar id-data b'mod effiċjenti u armonizzat, qiegħda tiġi żviluppata infrastruttura ġdida ta' ġbir ta' data. Għal dan il-għan, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq ("ESMA"), flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huma obbligati li jistabbilixxu Sistema ta' Data ta' Referenza tal-Istrumenti Finanzjarji ("SDRIF"). Din se tkopri firxa wiesgħa ta' strumenti finanzjarji li jaqgħu fl-ambitu tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u se tgħaqqad id-data li tkun ġejja mill-ESMA, mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u miċ-ċentri tan-negozjar madwar l-Unjoni Ewropea. Il-maġġoranza l-kbira tas-sistemi tal-IT ġodda li jirfdu lis-SDRIF ikunu jridu jiġu kostruwiti mill-bidu nett, abbażi ta' parametri ġodda.

(5)  F'konformità mal-Artikolu 93 tad-Direttiva 2014/65/UE, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-miżuri li jittrasponu dik id-Direttiva mit-3 ta' Jannar 2017. Madankollu, minħabba d-daqs u l-kumplessità tad-data meħtieġa biex tinġabar u tiġi proċessata għall-qafas il-ġdid biex ikun jista' jiġi operattiv, b'mod partikolari għar-rappurtar tat-tranżazzjonijiet, għall-kalkoli tat-trasparenza u għar-rappurtar ta' pożizzjonijiet f'derivattivi ta' komodità, la l-partijiet interessati, bħalma huma l-pjattaformi ta' negozjar, u lanqas l-ESMA jew l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ma huma f'pożizzjoni li jiżguraw li l-infrastrutturi meħtieġa tal-ġbir tad-data jkunu f'posthom u joperaw sa dik id-data.

(6)  In-nuqqas tal-infrastrutturi ta' ġbir ta' data għandu implikazzjonijiet fuq l-ambitu sħiħ tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u d-Direttiva 2014/65/UE. Mingħajr data mhux se jkun fattibbli li tiġi stabbilita delineazzjoni preċiża ta' strumenti finanzjarji li taqa' taħt l-ambitu tal-qafas il-ġdid. Barra minn hekk, mhux se jkun possibbli li jiġu adattati r-regoli ta' trasparenza qabel u wara n-negozju, sabiex jiġi ddeterminat liema strumenti huma likwidi u meta għandhom jingħataw konċessjonijiet għal eżenzjonijiet jew pubblikazzjoni differita.

(7)  Fin-nuqqas ta' data, iċ-ċentri tan-negozjar u d-ditti tal-investiment mhux se jkunu jistgħu jirrappurtaw tranżazzjonijiet eżegwiti lill-awtoritajiet kompetenti. Fin-nuqqas ta' rappurtar tal-pożizzjonijiet għal derivati ta' komodità se jkun diffiċli biex jiġu infurzati limiti ta' pożizzjoni fuq tali kuntratti. Jekk ma jkun hemm l-ebda rappurtar tal-pożizzjoni, ikun hemm kapaċità limitata biex effettivament jiġu identifikati ksur tal-limiti tal-pożizzjoni. Bosta mir-rekwiżiti fir-rigward tan-negozjar algoritmiku huma wkoll dipendenti fuq id-data.

(8)  In-nuqqas ta' infrastruttura ta' ġbir ta' data jagħmilha wkoll diffiċli għal ditti tal-investiment li japplikaw regoli tal-aħjar eżekuzzjoni. Iċ-ċentri tan-negozjar u l-internalizzaturi sistematiċi ma jkunux jistgħu jippubblikaw data marbuta mal-kwalità tal-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet f'dawk il-postijiet. Id-ditti tal-investiment mhux se jingħataw data importanti ta' eżekuzzjoni li tgħinhom jiddeterminaw l-aħjar mod biex jeżegwixxu l-ordnijiet tal-klijenti.

(9)  Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza ġuridika u jiġi evitat tfixkil potenzjali tas-suq, huwa meħtieġ u ġġustifikat li tittieħed azzjoni urġenti biex id-dħul fis-seħħ tal-qafas kollu kemm hu jiġi pospost, inklużi l-atti delegati u ta' implimentazzjoni kollha.

(10)  Il-proċess ta' implimentazzjoni għad-data tal-infrastruttura jinvolvi ħames stadji: rekwiżiti tan-negozju, speċifikazzjonijiet, żvilupp, ittestjar u skjerament. L-ESMA tqis li dawn il-passi għandhom ikunu lesti sa Jannar 2018 ġaladarba jkun hemm ċertezza ġuridika dwar ir-rekwiżiti finali skont l-istandards tekniċi regolatorji rilevanti sa mhux aktar tard minn Ġunju 2016.

(11)  Fid-dawl taċ-ċirkostanżi eċċezzjonali u sabiex l-ESMA, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-partijiet interessati jkunu jistgħu jlestu l-implimentazzjoni operattiva, ikun xieraq li tiġi posposta d-data li fiha l-Istati Membri jkunu obbligati japplikaw il-miżuri li jittrasponu d-Direttiva 2014/65/UE, u d-data li fiha jidħol fis-seħħ it-tħassir tad-Direttiva 2004/39/KE, bi 12-il xahar sat-3 ta' Jannar 2018. Ir-rapporti u l-analiżi għandhom jiġu posposti kif meħtieġ.

(12)  Id-Direttiva 2014/65/UE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2014/65/UE hija emendata kif ġej:

(-1) Il-punt (d)(ii) tal-Artikolu 2(1) jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

"ikunu membri jew parteċipanti f'suq regolat jew MTF, minn naħa, jew ikollhom aċċess elettroniku dirett għal ċentru tan-negozjar, min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, ikunu involuti fi strateġija ta' negozjar algoritmiku ta' frekwenza għolja f'dan iċ-ċentru tan-negozjar;".

(1)  L-Artikolu 90 huwa emendat kif ġej:

(a)  fl-ewwel paragrafu, "it-3 ta' Marzu 2019" tiġi ssostitwita bi "it-3 ta' Marzu 2020";

(b)  it-tieni paragrafu jiġi emendat kif ġej:

(i)  "it-3 ta' Settembru 2018" tiġi ssostitwita bi "it-3 ta' Settembru 2019".

(ii)  "it-3 ta' Settembru 2020" bi "it-3 ta' Settembru 2021";

(c)  fir-raba' paragrafu, "l-1 ta' Jannar 2018" tiġi ssostitwita bi "l-1 ta' Jannar 2019";

(2)  ▌Fl-Artikolu 93(1), "it-3 ta' Lulju 2016"tiġi ssostitwita bi "it-3 ta' Lulju 2017",,"it-3 ta' Jannar 2017" tiġi ssostitwita bi "it-3 ta' Jannar 2018" u "it-3 ta' Settembru 2018" bi "it-3 ta' Settembru 2019";

(3)  Fl-Artikolu 94, "it-3 ta' Jannar 2017" tiġi ssostitwita bi "it-3 ta' Jannar 2018";

(4)  Fl-Artikolu 95(1), "it-3 ta' Lulju 2020" tiġi ssostitwita bi "it-3 ta' Jannar 2021" u "it-3 ta' Jannar 2017" tiġi ssostitwita bi "it-3 ta' Jannar 2018".

Artikolu 2

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

 

Magħmul fi Brussell,

 

 

PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Proposta għal direttiva li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta’ ċerti dati

Referenzi

COM(2016)0056 – C8-0026/2016 – 2016/0033(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

9.2.2016

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ECON

25.2.2016

 

 

 

Kumitati mitluba jagħtu opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

DEVE

25.2.2016

ITRE

25.2.2016

JURI

25.2.2016

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

DEVE

16.3.2016

ITRE

23.2.2016

JURI

15.3.2016

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Markus Ferber

4.2.2016

 

 

 

Eżami fil-kumitat

22.2.2016

7.4.2016

 

 

Data tal-adozzjoni

7.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

2

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Burkhard Balz, Hugues Bayet, Pervenche Berès, Esther de Lange, Markus Ferber, Jonás Fernández, Sven Giegold, Neena Gill, Roberto Gualtieri, Brian Hayes, Othmar Karas, Georgios Kyrtsos, Alain Lamassoure, Werner Langen, Sander Loones, Bernd Lucke, Olle Ludvigsson, Fulvio Martusciello, Marisa Matias, Costas Mavrides, Luděk Niedermayer, Stanisław Ożóg, Dimitrios Papadimoulis, Sirpa Pietikäinen, Pirkko Ruohonen-Lerner, Alfred Sant, Peter Simon, Theodor Dumitru Stolojan, Ramon Tremosa i Balcells, Tom Vandenkendelaere, Steven Woolfe, Pablo Zalba Bidegain, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Matt Carthy, Mady Delvaux, Marian Harkin, Ramón Jáuregui Atondo, Thomas Mann, Tibor Szanyi, Antonio Tajani, Romana Tomc, Nils Torvalds, Miguel Urbán Crespo, Beatrix von Storch

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Krzysztof Hetman

Data tat-tressiq

11.4.2016

 

 

[1]* Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.
[2]  ĠU C , , p. .
[3]  ĠU C , , p. .
[4]  Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).
[5]  Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).
[6]  Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).