Dokument ta' sessjoni
12.4.2016
RAPPORT
dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima X – Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
( 2015/2163(DEC) )
Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Ryszard Czarnecki
PR_DEC_Other
WERREJ
Paġna
1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW 3
2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW 5
OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin 12
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI 15
1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima X – Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
( 2015/2163(DEC) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014[1],
– wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 ( COM(2015)0377 – C8-0208/2015)[2],
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet[3],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[4] dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll dwar il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[5], u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99 u 164 sa 167 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin ( A8-0136/2016 ),
1. Jagħti l-kwittanza lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għall-implimentazzjoni tal-baġit tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għas-sena finanzjarja 2014;
2. Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).
2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima X – Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
( 2015/2163(DEC) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima X – Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin ( A8-0136/2016 ),
1. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) kompla jimplimenta l-baġit tiegħu mingħajr ma jiġi affettwat minn żbalji kbar u li l-livell ġenerali ta' żbalji fil-baġit amministrattiv ġie stmat mill-Qorti tal-Awdituri li huwa 0,5 %;
2. Jirrimarka li l-Qorti tal-Awdituri ma identifikat l-ebda dgħufija sinifikanti fis-sistemi magħżula u fir-rapport ta' attività annwali;
3. Jistieden lis-SEAE jtejjeb is-sistemi ta' monitoraġġ tiegħu għall-aġġornament f'waqtu tas-sitwazzjoni personali tal-membri tal-persunal, li jista' jkollha impatt fuq il-kalkolu tal-allowances tal-familja; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-allowances għall-persunal diġà kienu punt ta' tħassib u kienu soġġetti għal żbalji fis-snin preċedenti; jitlob li jsiru kontrolli aktar stretti rigward din il-kwistjoni f'isem is-SEAE mill-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali;
4. Jistieden lis-SEAE jkompli bl-isforzi tiegħu biex jappoġġja u jissorvelja l-implimentazzjoni ta' regoli tal-akkwist u proċeduri fid-delegazzjonijiet permezz ta' aċċess għal pariri, taħriġ u gwida mill-kwartieri ġenerali, speċjalment għall-akkwist ta' servizzi ta' sigurtà;
5. Jirrikonoxxi l-isforzi biex jiġu strutturati aħjar il-kontrolli ex-ante u ex-post ta' operazzjonijiet fi ħdan is-SEAE; jistieden lis-SEAE, f'dan il-kuntest, inaqqas ir-rata ta' żball li nstabet fuq l-impenji u l-pagamenti taħt verifika, li bħalissa hija stmata li hi ta' 18 %;
6. Jirrimarka li l-baġit finali għas-sena 2014 għall-kwartieri ġenerali tas-SEAE kien ta' EUR 518,6 miljun, li jirrappreżenta żieda ta' 1,9 % meta mqabbel mas-sena finanzjarja ta' qabel, u l-baġit kien maqsum kif ġej: EUR 212,9 miljun għall-kwartieri ġenerali tas-SEAE u EUR 305,7 miljun għad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni; jinnota li, minbarra l-baġit proprju tas-SEAE, il-Kummissjoni kkontribwixxiet EUR 271 miljun f'kumpens għall-ġestjoni tal-persunal tal-Kummissjoni fin-netwerk tad-delegazzjonijiet tal-UE;
7. Jieħu nota tal-fatt li, fil-kwartieri ġenerali tas-SEAE, 65 % tal-baġit hu maħsub għall-ħlas tas-salarji u d-drittijiet l-oħra tal-persunal statutorju u ta' dak estern (jiġifieri EUR 138,2 miljun) u 14 % (jew EUR 29,9 miljun) għall-bini u l-ispejjeż assoċjati u s-sistemi tal-kompjuter (inklużi s-sistemi u t-tagħmir tal-informazzjoni klassifikata li jammonta għal 12,7 % (jiġifieri EUR 27,1 miljun));
8. Jinnota li, fir-rigward tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, EUR 305,7 miljun inqasmu bejn EUR 103,4 miljun (33,7 %) relatati mar-remunerazzjoni u l-intitolamenti ta' persunal statutorju, EUR 59,8 miljun (19,6 %) huma għall-persunal estern u servizzi minn barra, EUR 19-il miljun (6,2 %) għal infiq ieħor relatat mal-persunal, EUR 103,1 miljun (33,8 %) għall-bini u EUR 20,4 miljun (6,7 %) għal infiq amministrattiv ieħor;
9. Jinnota li s-SEAE issa huwa kompletament responsabbli għall-ispejjeż amministrattivi kollha marbuta mal-funzjonament tad-delegazzjonijiet ħlief għad-delegazzjonijiet f'pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP); ifakkar li proċess baġitarju adegwat u b'mod partikolari simplifikazzjoni tal-istruttura baġitarja jibqgħu sfida ewlenija fuq medda qasira ta' żmien sabiex jiġu ssimplifikati ċ-ċirkwiti finanzjarji u tiġi megħjuna l-konsolidazzjoni tal-funzjonament tas-SEAE;
10. Jistieden lis-SEAE jissimplifika l-arranġamenti tal-baġit attwali u jagħmilhom inqas riġidi, sabiex jippermetti użu flessibbli iżda effikaċi tal-persunal tad-delegazzjonijiet fl-interessi tal-Unjoni;
11. Jieħu nota tal-organigramma l-ġdida u r-razzjonalizzazzjoni korrispondenti ta' struttura ta' ġestjoni li kellha ammont sproporzjonat ta' karigi tal-ogħla livell favur anqas livelli ġerarkiċi; madankollu jinnota b'dispjaċir li l-qafas finanzjarju u amministrattiv intern tas-SEAE għadu kumpless wisq u riġidu; josserva li l-istruttura attwali ma tippermettix lis-SEAE jirreaġixxi għal kriżijiet b'mod f'waqtu u li, bl-istess mod, il-perjodu ta' żmien biex jaċċessa informazzjoni kruċjali huwa twil; jistieden lis-SEAE jħejji, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, mal-Kunsill u mal-Istati Membri, riforma oħra sabiex jissimplifika l-proċessi interni tiegħu u l-istruttura tiegħu;
12. Jibqa' mħasseb dwar l-iżbilanċi kontinwi fil-profil tal-persunal tas-SEAE rigward is-sess u n-nazzjonalità; jilqa' l-progress reċenti, iżda jinnota li l-iżbilanċi bejn is-sessi, partikolarment fi gradi ogħla u fil-maniġment, jibqgħu konsiderevoli; jiddispjaċih dwar il-perċentwal baxx ta' waħda miż-żewġ sessi f'pożizzjonijiet maniġerjali għoljin fil-kwartieri ġenerali tas-SEAE (16 %) u f'karigi ta' kapijiet tad-delegazzjonijiet (23 %) u jistenna li jara titjib fil-bilanċ bejn is-sessi f'rapporti annwali futuri; itenni t-tħassib tiegħu dwar l-għadd sproporzjonat ta' karigi ta' grad għoli fis-SEAE;
13. Iħeġġeġ lis-SEAE jirrevedi l-formula tal-persunal billi jistabbilixxi l-bilanċ bejn persunal mill-Istati Membri u dak mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni; jinsisti fuq il-fatt li din il-formula għandha tapplika għal kull livell tal-ġerarkija, partikolarment għall-kapijiet tad-delegazzjonijiet fejn id-diplomatiċi tal-Istati Membri huma wisq irrappreżentati żżejjed, b'59 minn 128 kap ta' delegazzjoni ġejjin minn Stati Membri (jiġifieri 46 %) li minnhom 20 biss ġejjin minn Stati Membri li ssieħbu fl-Unjoni fl-2004, fl-2007 u fl-2013; iqis din ir-rappreżentanza żejda bħala sinjal ħażin mibgħut lill-Istati Membri li ssieħbu mal-Unjoni mill-2004 lil hawn; huwa tal-fehma li hija meħtieġa rappreżentanza aħjar bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u saħansitra fost l-Istati Membri sabiex tkun rappreżentata u riflessa d-diversità fi ħdan l-Unjoni;
14. Jenfasizza li bilanċ ġeografiku, jiġifieri r-relazzjoni bejn in-nazzjonalità tal-persunal u d-daqs tal-Istati Membri, xorta għandu jibqa' element importanti tal-ġestjoni tar-riżorsi, partikolarment fir-rigward tal-Istati Membri li ssieħbu mal-Unjoni mill-2004 lil hawn, li issa jirrappreżentaw 18 % tal-persunal tas-SEAE fil-livell ta' "amministratur" (AD) fil-kwartieri ġenerali u d-delegazzjonijiet meta mqabbla mas-sehem tagħhom tal-popolazzjoni ta' 21 %, li għalihom għadu ma kienx hemm progress;
15. Jinnota li fl-2014, is-SEAE naqqas l-għadd ta' persunal fil-kwartieri ġenerali tiegħu bi 17-il kariga bħala riżultat tal-implimentazzjoni tat-tnaqqis tal-persunal ta' 5 %;
16. Jieħu nota li l-objettiv statutorju li mill-inqas terz tal-persunal fil-livell ta' AD fi ħdan is-SEAE għandu jiġi minn fost id-diplomatiċi mill-Istati Membri ntlaħaq fl-2013 u nqabeż bi ftit fl-2013, bi 33,8 %;
17. Jirrimarka, madankollu, l-għadd relattivament għoli ta' esperti nazzjonali sekondati mill-Istati Membri (407 fl-2014 bi 350 fil-kwartieri ġenerali u 57 fid-delegazzjonijiet) u jitlob aktar kjarifiki dwar l-intitolamenti tagħhom, l-ispejjeż finanzjarji għall-baġit tas-SEAE u l-kwistjoni potenzjali tal-kunflitti ta' interess; jemmen li għandha tiġi żviluppata aktar politika ċara relatata mal-esperti nazzjonali sekondati;
18. Iħeġġeġ lis-SEAE jkompli bil-proċess ta' riflessjoni li qed isir fih dwar il-futur tar-rappreżentanti speċjali tal-UE u r-relazzjoni tagħhom mal-mibgħuta speċjali u s-SEAE;
19. Jenfasizza l-importanza li jittieħdu passi biex is-seba' rappreżentanti speċjali tal-UE jiġu integrati aħjar u aktar mill-qrib fl-istruttura amministrattiva u l-ġestjoni superjuri tas-SEAE ħalli jiżdiedu l-interazzjoni u l-koordinazzjoni, jiġu sfruttati s-sinerġiji u tiġi żgurata l-kosteffikaċja; jilqa' l-isforzi li saru biex tiġi indirizzata l-ħtieġa li jiġu integrati b'mod aħjar ir-rappreżentanti speċjali tal-UE u l-informazzjoni li s-SEAE qed jinnegozja mal-Istati Membri dwar din il-kwistjoni; jitlob li jinżamm infurmat dwar aktar żviluppi dwar din il-kwistjoni;
20. Jenfasizza li t-trasparenza u r-responsabbiltà huma rekwiżiti essenzjali mhux biss għal skrutinju demokratiku iżda anke għall-funzjonament xieraq, u l-kredibbiltà tal-missjonijiet imwettqa taħt il-bandiera tal-Unjoni; itenni l-importanza mogħtija mill-Parlament li jkun hemm sorveljanza fuq il-missjonijiet u l-operazzjonijiet differenti tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK);
21. Jinnota l-ħolqien ta' ċentri ta' servizzi kondiviżi bħala mezz biex jitjieb kemm l-appoġġ ċentralizzat amministrattiv u dak fil-qasam tal-loġistika u tal-akkwist għall-missjonijiet ċivili tal-PSDK u għar-rappreżentanti speċjali tal-UE kif ukoll ir-rapidità tar-realizzazzjoni ta' dawk il-missjonijiet u l-kosteffiċjenza tagħhom; jirrimarka wkoll li bħalissa qed tiġi stabbilita pjattaforma ta' sostenn għall-missjonijiet u li madankollu ma toħloqx duplikazzjoni tal-funzjonijiet;
22. Jilqa' l-fatt li proġetti ta' kolokazzjoni ta' delegazzjonijiet tal-Unjoni mal-Istati Membri komplew jiġu żviluppati fl-2014 bl-iffirmar ta' 17-il memoranda ta' fehim għal kolokazzjoni, li jġib l-għadd totali ta' arranġamenti ta' kolokazzjoni għal 50; jitlob lis-SEAE jkompli b'din ix-xejra u jirrapporta regolarment lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament dwar din il-kwistjoni;
23. Jenfasizza li l-kapijiet tad-delegazzjoni tal-Unjoni qed ikomplu jiġu mgħobbija żżejjed b'kompiti amministrattivi minħabba l-inflessibbiltà tar-regolament finanzjarju; jistqarr li l-kapijiet tad-delegazzjonijiet għandhom jingħataw l-għodod adegwati biex jiġġestixxu u jissorveljaw b'mod effikaċi lid-delegazzjonijiet mingħajr ma jiġġeneraw piż amministrattiv eċċessiv; jilqa' f'dan il-kuntest, id-diskussjoni dwar l-identifikazzjoni tal-kompiti li jistgħu jsiru b'mod remot u l-possibbiltà li jiġu stabbiliti ċentri reġjonali ta' appoġġ amministrattiv li se jtaffu xi wħud minn dawk il-piżijiet u jistgħu jagħmlu parti minn soluzzjoni futura usa'; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lis-SEAE sabiex jikkunsidraw is-soluzzjonijiet kollha għal din il-kwistjoni minħabba l-ekonomiji ta' skala;
24. Iħeġġeġ lis-SEAE jsaħħaħ il-koordinazzjoni u s-superviżjoni tal-Kooperazzjoni Konsulari Lokali fost l-ambaxxati u l-konsulati tal-Istati Membri tal-Unjoni u jkompli jikkunsidra l-possibbiltà li jipprovdi servizzi konsulari permezz tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni; itenni t-talba tiegħu lis-SEAE sabiex iħejji analiżi dettaljata dwar l-implikazzjonijiet finanzjarji u l-iffrankar tal-ispejjeż li jkunu saru;
25. Iħeġġeġ lis-SEAE jistabbilixxi kooperazzjoni, koordinazzjoni u sinerġiji aktar mill-qrib ta' attivitajiet bejn id-delegazzjonijiet tal-Unjoni u l-ambaxxati tal-Istati Membri barra mill-pajjiż;
26. Jinsab imħasseb dwar l-effiċjenza u l-isforzi tal-ħidma tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni barra mill-pajjiż; iħeġġeġ lis-SEAE biex regolarment isegwi l-programm ta' evalwazzjoni tiegħu għad-delegazzjonijiet u sabiex fir-rapport ta' attività annwali tiegħu jipprovdi sinteżi tad-dgħufijiet u d-diffikultajiet prinċipali li wieħed jiltaqa' magħhom waqt il-funzjonament tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni abbażi tal-pjan ta' azzjoni stabbilit għal kull delegazzjoni bħala riżultat tal-missjoni ta' valutazzjoni;
27. Huwa tal-fehma li l-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiġu mfakkra b'mod regolari dwar dmirijiethom matul il-proċess ta' reklutaġġ u ta' qabel il-ħatra dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom ta' ġestjoni u sorveljanza fl-assigurazzjoni ġestjonali relatata mal-portafoll ta' operazzjonijiet tad-delegazzjoni tagħhom (il-proċessi ġestjonali fundamentali, il-ġestjoni tal-kontrolli, fehim u valutazzjoni adegwati tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni) u li m'għandhomx jipprevalu jew jikkonċentraw biss fuq il-komponent politiku ta' dmirijiethom;
28. Jinnota li tmien delegazzjonijiet ħarġu dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni b'riżerva minħabba kwistjonijiet ta' akkwist, nuqqas ta' riżorsi umani u/jew restrizzjonijiet ta' sigurtà lokali estremi;
29. Jemmen li l-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jingħataw gwida ċara fir-rigward tal-linji gwida ġenerali operattivi dwar id-definizzjoni tar-riżervi u l-komponenti tagħhom, l-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati biex tinħareġ riżerva, bħal-livell tar-riskji finanzjarji u r-riskji għar-reputazzjoni involuti, id-dgħufijiet operattivi, il-limitazzjonijiet interni u esterni identifikati u l-impatt relatat fuq il-ġestjoni tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' pagament; ifakkar li l-ħruġ potenzjali ta' riżerva għandha tidentifika b'mod ċar il-proċess li qed jiltaqa' ma' dgħufijiet rikorrenti jew temporanji filwaqt li jiġi korrelatat mal-funzjonament, l-adegwatezza u l-prestazzjoni tas-sett ta' standards ta' kontroll intern;
30. Jilqa' l-implimentazzjoni effikaċi tal-istandards ta' kontroll intern bħala l-konklużjoni tal-istħarriġ intern imwettaq fl-2014 fil-kwartieri ġenerali u fid-delegazzjonijiet tas-SEAE, bl-eċċezzjoni tal-kwistjoni tal-kontinwità tan-negozju li għad teħtieġ titjib rapidu fil-proċeduri tal-ġestjoni; iqis utli li jittieħed approċċ dinamiku u olistiku għat-trattament tal-informazzjoni tal-ġestjoni, tal-indikaturi ta' prestazzjoni u tal-istandards ta' kontroll intern peress li kull tip ta' informazzjoni, ibbażata fuq prattika tajba internazzjonali biex jinkisbu għanijiet ta' politika u operattivi definiti b'mod ċar, tikkontribwixxi għall-kwalità globali u l-eżawrjenza tal-proċessi tal-ġestjoni u l-effiċenzja u l-effikaċja fil-ġestjoni tal-politiki tal-Unjoni;
31. Jistieden lis-SEAE u lill-EuropeAid isaħħu s-superviżjoni tal-kapijiet tad-delegazzjonijiet fil-kapaċità tagħhom bħala uffiċjali awtorizzanti mis-sottodelegazzjoni għall-Kummissjoni bl-għan li tiżdied ir-responsabbiltà tagħhom fi ħdan l-assigurazzjoni tal-katina globali billi jipprovdu rappurtar kwalitattiv u eżawrjenti (bl-hekk imsejjaħ Rapport dwar il-Ġestjoni tal-Assistenza Esterna) fil-kuntest tar-rapporti ta' attività annwali tas-SEAE u tal-EuropeAid rispettivi;
32. Iħeġġeġ lis-SEAE u lill-EuropeAid jiżguraw li d-delegazzjonijiet tal-Unjoni jindirizzaw b'mod attiv in-nuqqasijiet identifikati fil-programmi u l-proġetti ta' assistenza esterna diġà matul il-fażi ta' implimentazzjoni, sabiex programmi u proġetti li għaddejjin jilħqu l-għanijiet tagħhom u jevitaw id-dewmien;
33. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi u tnaqqas l-impenji pendenti (jitnaqqsu l-impenji pendenti (reste à liquider - RAL), ir-RAC (reste à contracter) u r-RAP (reste à payer) u jitnaqqas il-perjodu medju tal-implimentazzjoni tal-proġetti;
34. Jilqa' l-fatt li l-linji gwida mtejba u aktar komprensivi li jsaħħu s-superviżjoni tal-kapijiet tad-delegazzjonijiet, li jkopru r-rekwiżiti kemm tar-responsabbiltà kif ukoll tar-rappurtaġġ, inħarġu fil-qafas tal-eżerċizzju tar-Rapport dwar il-Ġestjoni tal-Assistenza Esterna (RĠAE) li jkopri s-sena 2015;
35. Jirrikonoxxi li l-valutazzjonijiet li ġejjin mill-RĠAE jipprovdu biss idea tas-sitwazzjoni ta' kull proġett fl-aħħar tas-sena u li l-impatt reali tad-diffikultajiet identifikati jista' jiġi vvalutat biss sa tmiem il-proġett;
36. Jilqa' l-iffirmar tal-ftehim amministrattiv bejn l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u s-SEAE skont ir-regolament il-ġdid tal-OLAF li daħal fis-seħħ;
37. Jiddeplora l-fatt li r-regoli u l-linji gwida operattivi applikabbli għall-istatus ta' informatur għadhom ma ġewx finalizzati taħt il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni; iħeġġeġ lis-SEAE jiffinalizza u jadotta r-regoli u l-linji gwida operattivi applikabbli għall-istatus ta' informatur sa tmiem l-2016;
38. Iqis li s-SEAE u l-Kummissjoni għandhom jiżviluppaw funzjonijiet ta' appoġġ sabiex jgħinu fir-realizzazzjoni rapida, effiċjenti u konsistenti tal-missjonijiet tal-PSDK, li jipprovdu taħriġ għall-persunal kollu qabel titneda l-missjoni dwar proċeduri u politiki tal-Unjoni, linji gwida komprensivi dwar kompiti operattivi, filwaqt li jagħmlu użu massimu mit-tagħlimiet misluta minn missjonijiet preċedenti tal-PSDK ħalli jiġi ffaċilitat it-trasferiment tal-għarfien u l-effetti ta' sinerġija fost missjonijiet differenti;
39. Jistieden lis-SEAE jagħti rendikont dwar l-istrument finanzjarju prinċipali tiegħu fl-Afganistan, il-Fond Fiduċjarju għall-Ordni Pubbliku fl-Afganistan immexxi mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (u fondi fiduċjarji multidonatur f'pajjiżi terzi oħra), li qed jiġi kkritikat minħabba ġestjoni ħażina u nuqqas ta' trasparenza; itenni, barra minn hekk, il-ħtieġa li l-kanali xierqa kollha ta' finanzjament għall-missjonijiet PSDK fil-ġejjieni, inklużi l-fondi fiduċjarji tal-Unjoni, jintużaw b'mod effiċjenti sabiex tiġi żgurata l-kisba tal-objettivi politiċi tal-missjoni u ġestjoni finanzjarja tajba;
40. Jenfasizza li xi missjonijiet tal-PSDK jinvolvu spejjeż estensivi relatati mas-sigurtà; jenfasizza, fl-istess ħin, li ambjent tax-xogħol sikur huwa essenzjali sabiex jiġu implimentati proġetti b'mod effikaċi u jiġi reklutat persunal kwalifikat; jistieden lis-SEAE jqis l-ispejjeż relatati mas-sigurtà fil-baġit għall-missjonijiet sabiex jipprovdi mezzi finanzjarji suffiċjenti għall-implimentazzjoni tal-mandat reali tal-missjoni;
41. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jagħtu attenzjoni partikolari lill-proċeduri ta' akkwist u tar-riżorsi umani biex jiżguraw li huma jwieġbu għall-bżonnijiet operattivi tal-PSDK; jirrimarka li l-implimentazzjoni ta' proġetti sofriet minn proċeduri ta' akkwist onerużi li wasslu għal prestazzjoni baxxa;
42. Iħeġġeġ lis-SEAE jtejjeb is-sostenibbiltà tal-eżiti tal-missjonijiet tal-PSDK, sabiex jiżgura li l-aspetti ta' sostenibbiltà jiġu kkunsidrati fl-ippjanar operattiv tal-attivitajiet kollha tal-missjoni tagħha billi jivvaluta sistematikament il-ħtiġijiet u l-kapaċità lokali għas-sostenn tal-eżiti;
43. Jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jikkoordinaw il-missjonijiet PSDK b'aktar reqqa minn qabel ma' sforzi tal-Unjoni, missjonijiet bilaterali u sforzi internazzjonali oħra b'objettivi simili; jappella, f'dan ir-rigward, għal aktar kooperazzjoni u koordinament bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha permezz tal-promozzjoni ta' sinerġiji;
44. Itenni l-ħtieġa li titjieb il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-politika estera u ta' sigurtà tagħhom sabiex jiġu ffrankati l-ispejjeż; jenfasizza li dan huwa ta' importanza kruċjali għall-Istati Membri biex ikunu jistgħu jirreaġixxu b'mod deċiż għall-isfidi ta' sigurtà komuni fi żmien meta dawn l-isfidi qed jiżdiedu b'mod sinifikanti;
45. Josserva b'dispjaċir li s-SEAE għadu nieqes minn strateġija globali u viżjoni għall-istituzzjoni li tagħmilha diffiċli biex jirreaġixxi malajr għal avvenimenti mhux mistennija fid-dinja li qed tiżviluppa b'mod rapidu; jistieden lis-SEAE jiċċara l-viżjoni tiegħu għall-ġejjieni sabiex jagħti direzzjoni lill-missjoni tiegħu, li l-implimentazzjoni tagħha inkella se tkun dgħajfa, u jipprovdi appoġġ ta' kwalità għolja lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri fit-twettiq tal-politika barranija; f'dan ir-rigward jistieden lis-SEAE jiżviluppa l-kompetenza dwar kwistjonijiet globali bħat-tibdil fil-klima u s-sigurtà tal-enerġija;
46. Iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni jimplimentaw it-tagħlimiet meħuda mill-każ ta' Eulex f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Parlament, filwaqt li b'mod konġunt jesploraw modi biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapport Jacqué kkummissjonat mir-Rappreżentant Għoli u Viċi President u jindirizzaw kwalunkwe kwistjoni pendenti;
47. Jappella lill-Qorti tal-Awdituri biex, fir-rapport annwali li jmiss tagħha, tinkludi rieżami tas-segwitu mogħti mis-SEAE għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament f'din ir-riżoluzzjoni.
16.2.2016
OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima X - Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
( 2015/2163(DEC) )
Rapporteur għal opinjoni: Cristian Dan Preda
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jilqa' l-fatt li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) baqa' jimplimenta l-baġit tiegħu mingħajr ma ġie affettwat minn livell sinifikanti ta' żbalji u li l-livell ta' żbalji ġenerali fil-baġit amministrattiv naqas għal 0,5 %;
2. Jibqa' mħasseb dwar l-iżbilanċi kontinwi fil-profil tal-persunal tas-SEAE rigward is-sess u n-nazzjonalità; jilqa' l-progress riċenti, iżda jinnota li l-iżbilanċi bejn is-sessi, partikolarment fi gradi ogħla u fil-maniġment, jibqgħu konsiderevoli; itenni t-tħassib tiegħu dwar l-għadd sproporzjonat ta' karigi ta' grad għoli fis-SEAE;
3. Jenfasizza li l-formula tal-persunal li tistabbilixxi l-bilanċ bejn il-persunal li ġej mill-Istati Membri u dak mill-istituzzjonijiet tal-Komunità għandha tapplika għal-livelli kollha tal-ġerarkija, b'mod partikolari wkoll għall-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet fejn diplomatiċi mill-Istati Membri huma rrappreżentati ferm iżżejjed; jenfasizza wkoll li għad hemm dipendenza żejda fuq l-esperti nazzjonali ssekondati, fatt li jkompli jdur mal-formula tal-persunal; iħeġġeġ lis-SEAE jaħdem sabiex inaqqas din id-dipendenza żejda;
4. Jenfasizza li l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-UE baqgħu jitgħabbew iżżejjed b'kompiti amministrattivi minħabba l-inflessibilità tar-Regolament Finanzjarju; jilqa', f'dan il-kuntest, id-diskussjoni dwar il-possibilità ta' proġett pilota għall-istabbiliment ta' ċentru reġjonali ta' appoġġ amministrattiv għall-Ewropa li se jtaffi xi wħud minn dawn il-piżijiet u li jista' jifforma parti minn soluzzjoni futura usa'; jirrepeti t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jikkunsidraw is-soluzzjonijiet kollha għal din il-problema, li jistgħu jinvolvu wkoll bidliet possibbli għar-Regolament Finanzjarju, filwaqt li jenfasizza li għandhom jipprevalu standards għoljin f'dik li hi l-kwalità tal-ġestjoni finanzjarja;
5. Jistieden lis-SEAE jissimplifika l-arranġamenti tal-baġit attwali u jagħmilhom anqas riġidi, sabiex jippermetti użu flessibbli iżda effikaċi tal-persunal tad-delegazzjonijiet fl-interessi tal-UE;
6. Jenfasizza l-importanza li jittieħdu passi sabiex ir-Rappreżentanti Speċjali tal-UE jiġu integrati aktar mill-qrib fl-istruttura amministrattiva tas-SEAE bl-għan li tiġi żgurata l-kosteffettività, jiġu sfruttati s-sinerġiji u tiżdied il-koordinazzjoni;
7. Itenni l-ħtieġa li tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-politika estera u ta' sigurtà tagħhom sabiex jiksbu ffrankar tal-ispejjeż; jenfasizza li dan huwa ta' importanza kruċjali għall-Istati Membri biex ikunu jistgħu jirreaġixxu b'mod deċiż għall-isfidi ta' sigurtà komuni fi żmien meta dawn qed jiżdiedu b'mod sinifikanti;
8. Jinnota li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri enfasizzat l-eżistenza ta' xi dgħufijiet li għad hemm fil-ġestjoni tal-allowances tal-familja, kumment li ġie ripetut għal diversi snin konsekuttivi; iħeġġeġ lis-SEAE jieħu miżuri biex jindirizza dawn in-nuqqasijiet sabiex ma jitħallewx jerġgħu jseħħu fil-futur;
9. Jitlob li l-linji gwida operattivi dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta jiġu adottati aktar malajr;
10. Iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni jimplimentaw it-tagħlimiet meħuda mill-każ ta' Eulex f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Parlament, filwaqt li b'mod konġunt jesploraw modi biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapport Jacqué kkummissjonat mir-Rappreżentant Għoli u Viċi President u jindirizzaw kwalunkwe kwistjoni pendenti.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni | 16.2.2016 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 40 8 3 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Goffredo Maria Bettini, Mario Borghezio, James Carver, Lorenzo Cesa, Javier Couso Permuy, Georgios Epitideios, Eugen Freund, Michael Gahler, Iveta Grigule, Richard Howitt, Tunne Kelam, Afzal Khan, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Ilhan Kyuchyuk, Ryszard Antoni Legutko, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Ulrike Lunacek, Andrejs Mamikins, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Vincent Peillon, Alojz Peterle, Tonino Picula, Kati Piri, Andrej Plenković, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Charles Tannock, Eleni Theocharous, László Tőkés, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans | |||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali | Angel Dzhambazki, András Gyürk, Takis Hadjigeorgiou, Javi López, Juan Fernando López Aguilar, Antonio López-Istúriz White, Urmas Paet, Soraya Post, Traian Ungureanu | |||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI
FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni | 7.4.2016 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 19 6 0 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Louis Aliot, Jonathan Arnott, Inés Ayala Sender, Dennis de Jong, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Bogusław Liberadzki, Monica Macovei, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Igor Šoltes, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Joachim Zeller | |||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali | Richard Ashworth, Andrey Novakov, Markus Pieper, Julia Pitera, Miroslav Poche, Patricija Šulin | |||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali | Luke Ming Flanagan, Arne Gericke, Siôn Simon, Claudiu Ciprian Tănăsescu | |||