Seduta plenarja
26.4.2016
RAPPORT
dwar il-faqar: perspettiva tas-sessi
( 2015/2228(INI) )
Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Rapporteur: Maria Arena
Rapporteur għal opinjoni (*):
Lynn Boylan, Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
(*) Kumitat assoċjat - Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura
PR_INI
WERREJ
Paġna
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW 3
NOTA SPJEGATTIVA 21
OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali(*) 22
OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni 30
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI 36
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI 37
(*) Kumitat assoċjat - Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-faqar: perspettiva tas-sessi
( 2015/2228(INI) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 8, 9, 151, 153 u 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħha dwar id-drittijiet soċjali u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (Konvenzjoni ta' Istanbul),
– wara li kkunsidra l-istrateġija ta' tkabbir tal-UE Ewropa 2020 u b'mod partikolari l-objettiv tagħha li tnaqqas l-għadd ta' ċittadini Ewropej li jgħixu taħt il-limiti nazzjonali tal-faqar b'25 % sal-2020, biex b'hekk 20 miljun persuna jinħarġu mill-faqar, u l-ħtieġa li jintużaw b'mod sħiħ is-sistemi tas-sigurtà soċjali u tal-pensjonijiet sabiex jiġi żgurat appoġġ adegwat għall-introjtu,
– wara li kkunsidra l-Pakkett ta' Investiment Soċjali 2013 tal-Kummissjoni (SIP),
– wara li kkunsidra l-Komunità ta' Prattika dwar l-Integrazzjoni tas-Sessi tal-Fond Soċjali Ewropew (GenderCop), u b'mod partikolari l-grupp ta' ħidma GenderCop dwar il-faqar u l-inklużjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għall-Fondi Strutturali 2014-2020,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Annwali 2014 tal-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta' Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li tħassar id-Direttiva 96/34/KE,
– wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni ta' Awwissu 2015 dwar bidu ġdid biex jiġu indirizzati l-isfidi ta' bilanċ bejn il-ħajja privata u dik professjonali li jħabbtu wiċċhom magħhom il-familji,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-3 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Strategic engagement for gender equality 2016-2019" (Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2016-2019) ( SWD(2015)0278 ),
– wara li kkunsidra r-riżultati tal-istħarriġ tal-UE dwar il-persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali u transġeneru, imwettaq mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u ppubblikat fis-17 ta' Mejju 2013,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2005 dwar in-nisa u l-faqar fl-Unjoni Ewropea[1] u tat-3 ta' Frar 2009 dwar in-non-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sessi u s-solidarjetà interġenerazzjonali[2],
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fl-20 ta' Ottubru 2010 bi ħsieb l-adozzjoni tad-Direttiva 2011/.../UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva dwar il-Leave tal-Maternità[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar l-aspett tal-faqar tan-nisa fl-Unjoni Ewropea[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2011 dwar prijoritajiet u punti prinċipali ta' qafas politiku ġdid tal-UE rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa li jkunu qed joqorbu lejn l-età tal-pensjoni[6],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar is-sitwazzjoni tal-ommijiet waħedhom[7],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' April 2012 dwar in-nisa u t-tibdil fil-klima[8],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Mejju 2012 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali[9],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2013 dwar is-57 sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa (CSW) tan-NU: l-eliminazzjoni u l-prevenzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet"[10],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2013 dwar l-impatt tal-kriżi ekonomika fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa[11],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2015 dwar il-progress fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2013[12],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015[13],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol[14],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar it-tiġdid tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa fl-Iżvilupp[15],
– wara li kkunsidra l-istudju ppubblikat f'April 2014 u kkummissjonat mill-Kummissjoni bit-titolu "Single parents and employment in Europe" (Ġenituri waħedhom u l-impjieg fl-Ewropa),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali dwar l-ilħuq tal-miri kontra l-faqar fid-dawl tal-ispejjeż dejjem jiżdiedu għall-familji, u l-opinjoni mehmuża tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni ( A8-0153/2016 ),
A. billi l-aħħar data tal-Eurostat turi li n-numru ta' nisa fil-faqar għadu b'mod permanenti ogħla minn dak tal-irġiel, attwalment b'madwar 64,6 miljun mara kontra 57,6 miljun raġel[16]; billi dan juri li l-faqar għandu impatti differenti fuq in-nisa u fuq l-irġiel; billi n-nisa kienu partikolarment affettwati mir-riskju tal-faqar fl-UE-28 fl-2014, b'rata ta' 46,6 % qabel it-trasferimenti soċjali u 17,7 % wara dawn it-trasferimenti; billi r-rati tal-faqar fost in-nisa jvarjaw ħafna minn Stat Membru għall-ieħor; billi indipendentement minn kemm huma speċifiċi l-gruppi li jinsabu f'riskju, bħan-nisa anzjani, nisa waħedhom, ommijiet waħedhom, leżbjani, nisa bisesswali, nisa transġeneru u nisa diżabbli, ir-rati tal-faqar fost in-nisa migranti u n-nisa li jappartjenu għal minoranzi etniċi huma l-istess madwar l-UE kollha kemm hi; billi 38,9 % tal-popolazzjoni u 48,6 % tan-nisa waħedhom fl-UE-28 mhumiex f'pożizzjoni li jlaħħqu ma' spejjeż mhux mistennija; billi l-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU jirrapporta li n-nisa jifformaw il-maġġoranza tal-ifqar nies tad-dinja u li n-numru ta' nisa li jgħixu fil-faqar rurali żdied b'50 % mill-1975 'il hawn, li n-nisa jaħdmu żewġ terzi tas-sigħat tax-xogħol tad-dinja u jipproduċu nofs l-ikel tad-dinja, iżda madankollu jaqilgħu biss 10 % tad-dħul tad-dinja u għandhom inqas minn 1 % tal-proprjetà tad-dinja;
B. billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol, miksuba permezz ta' żieda fil-benesseri soċjali u ekonomiku, hija ta' benefiċċju mhux biss għan-nisa iżda anki għall-ekonomija u għas-soċjetà kollha kemm hi; billi l-għan li tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa jmur lura għat-Trattat ta' Ruma tal-1957;
C. billi l-gvernijiet impenjaw ruħhom, fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, li jiżguraw li s-subien u l-bniet kollha jikkompletaw l-edukazzjoni primarja sħiħa; billi l-Parlament organizza avveniment bl-isem "L-emanċipazzjoni tal-bniet u n-nisa permezz tal-edukazzjoni" fil-Jum Internazzjonali tan-Nisa f'Mejju 2015; billi l-edukazzjoni, kemm dik formali u kemm dik informali, hija strumentali biex jingħelbu l-emarġinazzjoni u bosta forom ta' diskriminazzjoni, billi toħloq djalogu, ftuħ u komprensjoni bejn il-komunitajiet, u billi tkattar is-setgħa tal-komunitajiet emarġinati;
D. billi fi żminijiet ta' reċessjoni ekonomika n-nies li diġà jkunu fir-riskju li jgħixu fil-faqar – li aktarx ikunu nisa – ikunu f'pożizzjoni vulnerabbli fis-swieq tax-xogħol u fir-rigward tas-sigurtà soċjali, b'mod speċjali membri ta' gruppi li jiffaċċjaw diskriminazzjoni multipla; billi l-Istħarriġ tal-UE dwar l-LGBT juri li l-leżbjani u n-nisa bisesswali u transġeneru jiffaċċjaw riskju sproporzjonat ta' diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom jew l-identità tal-ġeneru, fuq ix-xogħol (19 %), fl-edukazzjoni (19 %), fl-akkomodazzjoni (13 %), fil-kura tas-saħħa (10 %) u fl-aċċess għas-servizzi soċjali (8 %); billi dan jirriżulta f'riskji sproporzjonati għall-benesseri ekonomiku u soċjali tagħhom;
E. billi l-politiki ta' awsterità mitluba mill-Kummissjoni u implimentati mill-Istati Membri, flimkien mal-kriżi ekonomika tal-aħħar ftit snin, wessgħu l-inugwaljanzi u affettwaw lin-nisa b'mod partikolari, aggravaw il-faqar fost in-nisa u eskludewhom dejjem iżjed mis-suq tax-xogħol; billi n-netwerk ta' servizzi pubbliċi u infrastruttura li jipprovdu kura għat-tfal, l-anzjani u l-morda, u l-provvista ta' servizzi pubbliċi ta' dan it-tip, mingħajr ħlas u ta' kwalità għolja, tnaqqsu;
F. billi l-familji b'ġenitur wieħed jinsabu f'riskju ikbar ta' faqar jew esklużjoni soċjali (49,8 % meta mqabbel mal-medja ta' 25,2 % tal-unitajiet domestiċi bi tfal dipendenti, għalkemm hemm differenzi kbar minn Stat Membru għall-ieħor)[17]; billi skont il-Eurostat in-nisa kienu jammontaw għal 56,6 % tal-familji b'ġenitur wieħed fl-Unjoni fl-2014; billi l-faqar għandu impatt qawwi fuq l-iżvilupp personali u l-edukazzjoni tat-tfal u l-effetti jistgħu jdumu tul ħajjithom kollha; billi d-distakk edukattiv bejn tfal minn sfondi soċjoekonomiċi differenti żdied (fi 11-il pajjiż, il-provvista ta' edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal għat-tfal bejn l-etajiet ta' 0 u 3 snin tilħaq mhux aktar minn 15 % ta' kopertura); billi hemm probabbiltà qawwija ta' trażmissjoni tal-faqar fuq diversi ġenerazzjonijiet; billi n-nuqqas ta' edukazzjoni ta' kwalità huwa fattur li b'mod sinifikanti jżid ir-riskji tal-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali tat-tfal, u varjetà ta' fatturi relatati mal-ħajja tal-familja – bħan-nuqqas ta' stabbiltà, vjolenza jew kundizzjonijiet ħżiena tad-djar – jiggravaw b'mod sinifikanti r-riskju li jitilqu mill-iskola;
G. billi n-nisa li jgħixu f'żoni rurali huma partikolarment affettwati mill-faqar; billi ħafna nisa li jgħixu f'żoni rurali lanqas biss huma rreġistrati fis-suq tax-xogħol jew bħala qiegħda; billi r-rata tal-qgħad fost in-nisa f'żoni rurali hija estremament għolja, u dawk li huma impjegati għandhom introjtu baxx ħafna; billi n-nisa f'żoni rurali għandhom aċċess limitat għall-edukazzjoni, għad-detezzjoni bikrija tal-kanċer u għall-kura tas-saħħa inġenerali;
H. billi l-għajxien fir-riskju tal-faqar jirriżulta fl-esklużjoni soċjali u f'nuqqas ta' involviment fil-ħajja tas-soċjetà f'termini ta' aċċess għall-edukazzjoni, il-ġustizzja, it-tagħlim tul il-ħajja, is-servizzi tal-kura tas-saħħa primarja, l-akkomodazzjoni diċenti u n-nutrizzjoni, l-ilma u l-enerġija, l-aċċess għal u l-parteċipazzjoni fil-kultura u l-informazzjoni, l-isport u t-trasport pubbliku; billi l-investiment f'politiki li jappoġġjaw lin-nisa jtejjeb ukoll il-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-familji tagħhom, b'mod partikolari dawk tat-tfal tagħhom;
I. billi huma biss 11 % tal-ommijiet fl-Ewropa li jridu jkunu f'impjieg full-time u 63 % tan-nisa li jixtiequ li jkollhom l-għażla ta' sigħat tax-xogħol aktar flessibbli sabiex ikunu jistgħu jadattawhom skont ir-responsabbiltajiet tal-familja tagħhom[18];
J. billi d-differenzi bejn il-pagi tan-nisa u tal-irġiel jilħqu s-16,3 %, u billi l-forom atipiċi u inċerti tal-kuntratti tax-xogħol (kuntratti ta' żero sigħat, xogħol temporanju, kuntratti ta' impjieg interim, xogħol part-time) ukoll jaffettwaw lin-nisa aktar milli lill-irġiel; billi dawn il-kuntratti prekarji jqiegħdu lin-nisa f'riskju ikbar ta' faqar u jirriżultaw fil-ħolqien ta' kategorija tal-"ħaddiema foqra";
K. billi, spiss ħafna, in-nisa li jkollhom il-ħsieb li jistabbilixxu negozju jkollhom diffikultà biex jiksbu aċċess għall-kreditu, għaliex l-intermedjarji finanzjarji tradizzjonali joqogħdu lura milli jagħtu s-self, minħabba li jqisu li l-imprendituri nisa huma aktar esposti għar-riskju u inqas inklinati li jkabbru n-negozji tagħhom u li jagħmlu investimenti profitabbli;
L. billi n-nisa spiss huma impjegati bħala ħaddiema domestiċi, f'ħafna każijiet barra mill-ambitu tal-liġi tax-xogħol nazzjonali; billi n-nisa mingħajr dokumenti b'mod partikolari huma f'riskju li jiġu sfurzati jaħdmu u jiġu sfruttati f'dan il-qasam;
M. billi n-nisa aktar spiss mill-irġiel jieħdu r-responsabbiltà għall-kura tal-anzjani, il-morda jew membri tal-familja dipendenti kif ukoll għat-tfal, u jissospendu l-karrieri tagħhom aktar regolarment, fatti li jwasslu għal parteċipazzjoni aktar baxxa u perjodi twal ta' inattività fis-suq tax-xogħol; billi r-riskju ta' tfaqqir jitnaqqas bl-istabbiliment ta' servizzi soċjali u faċilitajiet ta' kwalità għolja bi prezzijiet affordabbli għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, jew il-kura għal persuni dipendenti oħra bħall-anzjani; billi ftit Stati Membri laħqu jew qabżu l-għanijiet ta' Barċellona, li jridu jitqiesu bħala essenzjali biex nimxu lejn it-tqassim indaqs tar-responsabbiltajiet ta' kura;
N. billi, minħabba d-dimensjonijiet interġenerazzjonali tal-faqar, l-indirizzar tas-sitwazzjoni tal-bniet u tan-nisa żgħażagħ li qed jiffaċċjaw l-esklużjoni soċjali u l-faqar huwa essenzjali biex tiġi trattata l-femminizzazzjoni tal-faqar;
O. billi, għall-UE-27 kollha kemm hi, 34 % tal-ommijiet waħedhom f'età attiva jinsabu f'riskju ta' faqar, mentri r-rata hija 17 % fil-każ ta' familji oħrajn f'età attiva bit-tfal;
P. billi d-distakk fl-intitolamenti għall-pensjoni jilħaq medja ta' 39 % minħabba l-iżbilanċi maħluqa minn inugwaljanzi persistenti f'termini ta' pagi u aċċess għall-impjieg, diskriminazzjoni, u d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa fis-suq tax-xogħol; billi d-distakk fil-pensjonijiet jirrappreżenta ostakolu għall-indipendenza ekonomika tan-nisa u huwa waħda mir-raġunijiet għaliex in-nisa jinżlu taħt il-limitu tal-faqar huma u jixjieħu; billi hija meħtieġa azzjoni biex tiżgura aċċess ugwali għal skemi ta' pensjoni deċenti għan-nisa; billi d-distakk fil-pensjonijiet naqas matul il-perjodu 2006-2012 f'dawk l-Istati Membri li implimentaw id-Direttiva 2006/54/KE[19];
Q. billi l-fatt li r-riskju tal-faqar qed jiżdied huwa marbut mill-qrib mat-tnaqqis baġitarju li jaffettwa l-edukazzjoni, is-sistemi ta' sigurtà soċjali u s-servizzi ta' kura; billi n-nisa u t-tfal intlaqtu b'aktar qawwa mill-kriżi u mill-miżuri ta' awsterità li ttieħdu minn bosta pajjiżi Ewropej;
R. billi n-nisa huma forza ewlenija għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, u l-edukazzjoni tajba hija waħda mill-aktar strateġiji effettivi disponibbli għas-suċċess fis-suq tax-xogħol u biex joħorġu miċ-ċiklu tal-faqar; billi l-piż finanzjarju konsiderevoli ta' edukazzjoni bi ħlas, meta jitqiesu l-ispejjeż diretti u indiretti involuti, huwa ostakolu sinifikanti biex in-nies li jgħixu fil-faqar itejbu l-kwalifiki tagħhom; billi l-bniet imorru aħjar mis-subien fl-iskola, imma spiss jiltaqgħu ma' diffikultajiet ikbar jew ma jitħallewx isarrfu dan is-suċċess edukattiv f'kisba professjonali minħabba pressjonijiet familjari u pressjonijiet oħrajn;
S. billi l-bullying għandu effetti profondi fuq il-kisba edukattiva, u l-impatt psikoloġiku u l-effetti tiegħu fuq il-prestazzjoni jvarjaw bejn is-subien u l-bniet;
T. billi l-isterjotipi trażmessi b'mod wiesa' mis-soċjetà għandhom l-għeruq tagħhom fil-patrijarkija u jħallu lin-nisa fi rwol subordinat fis-soċjetà, li jikkontribwixxi għall-femminizzazzjoni tal-faqar; billi dawn l-isterjotipi jiżviluppaw sa mit-tfulija, u billi jinħassu fl-għażliet edukattivi u ta' taħriġ u wkoll fis-suq tax-xogħol; billi n-nisa għadhom wisq ta' spiss limitati għal kompiti "midħla tan-nisa" li għalihom għadhom mhumiex imħallsa kif xieraq u jibqgħu mhux rappreżentati biżżejjed f'oqsma bħall-matematika, ix-xjenza, in-negozju, l-ICT u l-inġinerija, kif ukoll f'karigi ta' responsabbiltà; billi dawn l-isterjotipi flimkien mas-setturi ddominati mill-irġiel huma normattivi fl-iffissar tal-pagi, iwasslu għal diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru;
U. billi hemm nuqqasijiet fil-karatterizzazzjoni tal-kunċett ta' "familja" f'termini ta' ġbir ta' data, għaliex jassumi li l-membri kollha tal-familja jaqilgħu l-istess u r-riżorsi jitqassmu b'mod indaqs; billi parametri oħra għajr l-"unità domestika" rari jintużaw meta jitqiesu l-inugwaljanzi fid-dħul; billi dan il-kunċett ta' unità domestika ma jippermettix li l-proċess ta' tfassil ta' politiki jqis is-sitwazzjoni tan-nisa f'termini ta' dħul finanzjarju jew ta' obbligi fiskali;
V. billi l-istrateġija Ewropa 2020, li għandha l-għan li tagħmel mill-UE ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva, tinkludi objettivi ambizzjużi, bħal rata ta' impjieg ta' 75 % u t-tnaqqis b'mill-inqas 20 miljun fl-għadd ta' persuni milquta jew f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali sal-2020; billi l-miri tal-istrateġija jinkludu t-tnaqqis tar-rati ta' tluq bikri mill-iskola għal inqas minn 10 %;
W. billi waħda mill-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 hija li jiġi żgurat li 40 % ta' dawk ta' bejn 30 u 34 sena jirċievu edukazzjoni universitarja, meta mqabbla mal-medja attwali ta' 37,9 %; billi ċ-ċifra medja għan-nisa qabżet it-42,3 %, meta mqabbla mat-33,6 % għall-irġiel;
X. billi t-twettiq tal-mira kontra l-faqar tal-Ewropa 2020, bħala waħda mill-ħames miri tal-istrateġija li jistgħu jitkejlu, jeħtieġ impetu politiku sinifikanti ġdid; billi dawn il-miri ma jistgħux jintlaħqu sakemm il-politika kontra l-faqar ma tinkludix dimensjoni tal-ġeneru b'saħħitha, bl-adozzjoni ta' politiki nazzjonali li jipproteġu lin-nisa, b'mod partikolari, mir-riskju tal-faqar;
Y. billi l-faqar u l-esklużjoni soċjali u d-dipendenza ekonomika tan-nisa jistgħu jkunu fatturi aggravanti għall-vittmi tal-vjolenza fuq in-nisa, kif ukoll viċe versa għaliex il-vjolenza għandha konsegwenzi għas-saħħa tan-nisa u ta' spiss twassal biex persuna titlef l-impjieg, tisfa bla saqaf fuq rasha, iġġarrab l-esklużjoni soċjali u taqa' fil-faqar; billi dan jinkludi vulnerabbiltà sproporzjonata għat-traffikar u l-isfruttament sesswali; billi, barra minn hekk, ħafna nisa li jsofru din il-forma ta' vjolenza jkomplu jgħixu ma' dawk li jabbużaw minnhom għaliex ikunu ekonomikament dipendenti;
Z. billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tipprovdi għodda għall-ġlieda kontra l-faqar fost in-nisa, peress li għandha impatt pożittiv fuq il-produttività u t-tkabbir ekonomiku u twassal għal parteċipazzjoni ikbar fis-suq tax-xogħol, li mbagħad għandha diversi benefiċċji soċjali u ekonomiċi,
Faqar u bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata
1. Jenfasizza r-rwol kruċjali ta' servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja fil-ġlieda kontra l-faqar, speċjalment il-faqar fost in-nisa, peress li n-nisa huma aktar dipendenti fuq tali servizzi;
2. Jenfasizza l-ħtieġa li l-irġiel jiġu mħeġġa u impenjati fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-oqsma kollha u fil-livelli kollha tas-suq tax-xogħol;
3. Iqis li l-Istati Membri għandhom jipprijoritizzaw il-kwistjoni tar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja privata u professjonali bl-introduzzjoni ta' arranġamenti tax-xogħol favur il-familja, bħal sigħat tax-xogħol adattabbli u l-possibbiltà ta' telexogħol; jinnota li n-nuqqas ta' kura tat-tfal għal but kulħadd u ta' kwalità għolja, ta' kura għal persuni dipendenti u l-anzjani, u b'mod partikolari ta' creches, skejjel tan-nuna u faċilitajiet ta' kura fit-tul, jikkontribwixxi għall-esklużjoni soċjali, u d-distakki bejn is-sessi fl-impjiegi, il-pagi u l-pensjonijiet; jenfasizza li l-aċċess indaqs għall-edukazzjoni bikrija tat-tfal ta' kwalità tajba mingħajr ħlas u kura affordabbli, għall-edukazzjoni formali, informali, u mhux formali u għal servizzi ta' appoġġ għall-familja huwa ċentrali biex jinkoraġġixxi lin-nisa jidħlu u jibqgħu fis-suq tax-xogħol, jiżgura opportunitajiet indaqs u jkisser iċ-ċikli tal-faqar, għaliex dan jgħin lin-nisa jakkwistaw l-awtonomija u l-kwalifiki li jservu biex jiżguraw l-impjieg;
4. Jiddeplora bis-sħiħ il-politiki ta' awsterità segwiti mill-UE li, flimkien mal-kriżi ekonomika, qed jgħinu biex iżidu r-rata tal-faqar, partikolarment fost in-nisa;
5. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżviluppaw u jużaw strumenti ta' politika u finanzjarji disponibbli, fosthom il-Pakkett ta' Investiment Soċjali, sabiex jinkisbu l-objettivi ta' Barċellona; jitlob, f'dan il-kuntest, l-ottimizzazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), li tingħata prijorità, fl-użu ta' investimenti soċjali u tar-Regolament tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), lit-twaqqif ta' faċilitajiet pubbliċi u privati għall-kura u l-għajnuna tat-tfal u persuni dipendenti oħra, u għall-mekkaniżmu ta' flessibbiltà introdott fil-kuntest tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir li għandu jintuża għall-finanzjament ta' edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal (ECEC); jipproponi li l-Kummissjoni talloka riżorsi speċifiċi, permezz ta' mekkaniżmu ta' kofinanzjament, biex tippromwovi inċentivi għal oqsma speċifiċi fejn hemm nuqqas ta' faċilitajiet ta' ECEC u fejn ir-rata ta' impjieg tan-nisa hija baxxa ħafna;
6. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw politiki li jipproteġu, itejbu u jippromwovu s-servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja mingħajr ħlas, fuq kollox fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni, is-sigurtà soċjali u l-ġustizzja; jirrimarka li huwa kruċjali għas-servizzi pubbliċi li jkollhom ir-riżorsi finanzjarji u umani neċessarji biex jissodisfaw l-objettivi tagħhom;
7. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex jippromwovu r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u dik privata, sabiex jagħmluha possibbli għan-nisa, partikolarment dawk li huma l-aktar fir-riskju tal-faqar, li jkomplu l-karrieri tagħhom fuq bażi full-time jew, jekk jippreferu, li jkollhom aċċess għal xogħol part-time jew jaħdmu b'sigħat flessibbli;
8. Jistieden lill-Kummissjoni, f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, biex twettaq inizjattiva leġiżlattiva komprensiva u globali bil-ħsieb li tissodisfa l-ħtiġijiet tal-ommijiet u l-missirijiet fir-rigward tat-tipi differenti ta' liv, jiġifieri l-liv tal-maternità, tal-paternità, tal-ġenituri u tal-indukraturi, b'mod partikolari sabiex tgħin lill-irġiel ikollhom rwol attiv bħala missirijiet, u tippermetti tqassim aktar ġust tar-responsabbiltajiet tal-familja u b'hekk tippermetti opportunitajiet indaqs għan-nisa biex jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol, li mbagħad jagħmilhom aktar indipendenti ekonomikament; iżomm f'moħħu li xi Stati Membri diġà għaddew leġiżlazzjoni dwar din il-kwistjoni li tmur lil hinn mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni; jistieden lill-Istati Membri jipprevedu leġiżlazzjoni li tissalvagwardja jew issaħħaħ id-drittijiet tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri; jissottolinja l-fatt li fl-2010 2,7 % biss mill-persuni li użaw id-dritt tagħhom tal-liv tal-ġenituri kienu rġiel, li jindika l-ħtieġa għal azzjoni konkreta biex tiżgura l-għoti ta' drittijiet individwali u mhux trasferibbli tal-liv tal-ġenituri fuq l-aktar bażi ġeneruża possibbli;
9. Itenni d-diżappunt tiegħu għat-tneħħija tad-direttiva dwar il-liv tal-maternità wara snin ta' sforz immirati biex jiġi żblokkat l-istaġnar u b'hekk tiġi żgurata protezzjoni aħjar għaċ-ċittadini Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta ġdida u tirrispetta l-pożizzjoni tal-Parlament favur żieda fil-perjodu minimu ggarantit attwali ta' liv tal-maternità bi ħlas sħiħ minn 14 għal 20 ġimgħa u favur id-dritt obbligatorju għal liv tal-paternità bi ħlas; jemmen li jeħtieġ li jittieħdu miżuri speċifiċi fl-Istati Membri kollha biex jitjieb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għan-nisa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkorpora kemm dimensjoni soċjali aktar robusta kif ukoll l-objettivi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fuq il-post tax-xogħol fis-Semestru Ewropew;
10. Jilqa' l-proposta għall-introduzzjoni tal-liv tal-indukraturi, kif previst fil-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni dwar bidu ġdid biex jiġu indirizzati l-isfidi ta' bilanċ bejn il-ħajja privata u dik professjonali li jħabbtu wiċċhom magħhom il-familji li jaħdmu;
11. Jitlob li nimxu lejn l-individwalizzazzjoni tad-drittijiet fil-qasam tal-politika ta' ugwaljanza soċjali;
Faqar u xogħol
12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw politiki li jippromwovu l-impjieg tan-nisa u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' gruppi ta' nisa soċjalment marġinalizzati, fid-dawl tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, biex isaħħu u jtejbu l-edukazzjoni, u biex jinvestu aktar fit-taħriġ u fil-kampanji ta' informazzjoni, biex jiżguraw li l-kwalifiki jkunu prevalenti fl-integrazzjoni sussegwenti tan-nisa fis-suq tax-xogħol, b'enfasi fuq it-tagħlim tul il-ħajja għaliex jipprovdi lin-nisa bil-ħiliet meħtieġa biex jaċċessaw impjiegi ta' kwalità għolja, u jagħti lin-nisa l-opportunità li jitħarrġu mill-ġdid fis-suq tax-xogħol li dejjem jinbidel; jitlob żieda fil-promozzjoni tas-suġġetti STEM immirati lejn tfajliet sabiex jiġu indirizzati kmieni sterjotipi edukattivi eżistenti u jiġu miġġielda d-differenzi fit-tul fl-impjiegi u fil-pagi; jitlob l-iżvilupp ta' servizzi tal-kura pubbliċi affordabbli u ta' kwalità għolja, arranġamenti tal-ħin tax-xogħol adattabbli imma mhux prekarji li jgawdu minnhom kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel, u miżuri fil-ġlieda kontra s-segregazzjoni tal-irġiel u n-nisa skont l-okkupazzjoni u s-settur, inkluż fid-dinja tal-intrapriża u fil-pożizzjonijiet ta' responsabbiltà;
13. Jenfasizza li l-aċċess għall-kreditu, is-servizzi finanzjarji u l-konsulenza huwa ċentrali biex tingħata s-setgħa lin-nisa li qed jiffaċċjaw l-esklużjoni soċjali fl-intraprenditorija, u biex tiżdied ir-rappreżentazzjoni tagħhom fis-settur; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri effettivi biex iżidu l-aċċess għall-finanzjament tan-nisa li jridu jibdew in-negozju tagħhom stess jew proġetti ta' investiment, u biex jippromwovu l-intraprenditorija tan-nisa għaliex tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ġenerali, biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-kreditu, anke permezz ta' strumenti tal-mikrokreditu, b'mod partikolari fir-rigward ta' nisa vulnerabbli li jiffaċċjaw diskriminazzjoni multipla, u biex jiżviluppaw u jespandu programmi ta' impjieg indipendenti b'mod mhux prekarju; jissottolinja l-importanza f'dan il-kuntest tal-kondiviżjoni u l-promozzjoni tal-aħjar prattiki, il-konsulenza, mudelli nisa u forom oħra ta' appoġġ għal nisa qiegħda;
14. Jenfasizza l-importanza kruċjali: ta' riforma fil-politiki makroekonomiċi, soċjali u tas-suq tax-xogħol bl-allinjament tagħhom mal-politiki dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri sabiex tiġi ggarantita l-ġustizzja ekonomika u soċjali għan-nisa; ta' konsiderazzjoni mill-ġdid tal-metodi użati biex tiġi ddeterminata r-rata tal-faqar u l-iżvilupp ta' strateġiji li jippromwovu t-tqassim ġust tal-ġid; li jiġi ggarantit dħul minimu u pagi u pensjonijiet deċenti u li jinħolqu aktar impjiegi ta' kwalità għolja, bl-intitolamenti, għan-nisa; u li n-nisa u l-bniet ikunu jistgħu jgawdu mis-servizzi pubbliċi ta' standard għoli, inkluż f'termini tat-tnaqqis tad-differenzi bejn is-sessi f'dak li jirrigwarda t-titjib tas-servizzi tal-benesseri soċjali;
15. Jinnota li n-nisa jiġu impjegati iżjed ta' spiss f'xogħol prekarju u b'paga baxxa u b'kuntratti ta' impjieg mhux standard; jinnota li aspett ieħor tal-prekarjetà tal-impjieg huwa l-livell ta' impjieg part-time mhux volontarju, li jikkontribwixxi għar-riskju tal-faqar u li żdied minn 16,7 % għal 19,6 % tal-impjiegi totali; jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu x-xogħol mhux iddikjarat, l-impjiegi prekarji u l-abbuż ta' forom ta' kuntratt atipiċi, inklużi l-kuntratti li ma jispeċifikawx il-ħinijiet f'xi Stati Membri; jenfasizza l-livelli għoljin ta' xogħol mhux iddikjarat imwettaq min-nisa, li jolqot b'mod negattiv l-introjtu, il-protezzjoni u l-kopertura tas-sigurtà soċjali tan-nisa, u li għandhom effett negattiv fuq il-PDG tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkunsidraw l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) maħsuba biex inaqqsu l-iskala tax-xogħol prekarju[20], bħall-analiżi u r-restrizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom jistgħu jintużaw kuntratti prekarji u limitu fuq it-tul ta' żmien li l-ħaddiema jistgħu jiġu impjegati b'kuntratti sussegwenti ta' dan it-tip, li warajh iridu jingħataw il-possibbiltà ta' kuntratt permanenti;
16. Jistieden lill-Istati Membri jimmonitorjaw id-drittijiet tal-ħaddiema nisa, li dejjem iżjed qed jaħdmu f'impjiegi b'pagi baxxi u huma vittmi ta' diskriminazzjoni;
17. Jirrimarka li hemm kategoriji ġodda ta' nisa fil-faqar, li jikkonsistu minn nisa żgħażagħ professjonali, b'mod speċjali f'ċerti Stati Membri fejn il-politiki fiskali ma jqisux id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom dawn il-kategoriji, u li għalhekk jikkundannaw proporzjon kbir mill-gradwati żgħażagħ femminili għal ħajja tax-xogħol prekarja u dħul li rari jirnexxielu jaqbeż is-soll tal-faqar (il-"foqra l-ġodda");
18. Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex twettaq rieżami tal-leġiżlazzjoni eżistenti sabiex jiġu eliminati d-differenzi fis-salarji bejn l-irġiel u n-nisa u jitnaqqsu d-differenzi fil-pensjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa; jinnota li miżuri biex tiżdied it-trasparenza fil-pagi huma fundamentali biex tiġi eliminata d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, u jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Marzu 2014 dwar it-tisħiħ tal-prinċipju ta' pagi ndaqs bejn l-irġiel u n-nisa permezz tat-trasparenza, inkluż it-treġġigħ lura tal-oneru tal-provi fir-rigward tal-kontestazzjoni tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru fuq il-post tax-xogħol;
19. Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq studju dwar kif il-proċeduri relatati ma' rikonoxximent uffiċjali ta' bidla fis-sess ta' persuna, jew fin-nuqqas ta' tali proċeduri, jaffettwaw il-pożizzjoni tal-persuni transġeneru fis-suq tax-xogħol, partikolarment l-aċċess tagħhom għall-impjiegi, il-livell ta' remunerazzjoni, l-iżvilupp tal-karriera u l-pensjonijiet;
20. Iqis li hemm ħtieġa urġenti li tiġi żviluppata definizzjoni fil-livell tal-UE ta' xogħol ta' valur ugwali, b'kont meħud tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi żgurat li fatturi bħalma huma l-kundizzjonijiet tax-xogħol, ir-responsabbiltà konferita fuq il-ħaddiema u r-rekwiżiti fiżiċi jew mentali tax-xogħol ikkonċernat ikunu meqjusa; iqis li hemm ħtieġa urġenti li tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' paga ugwali għal "xogħol ta' valur ugwali" fis-setturi differenti b'tali mod li interpretazzjoni usa' tista' tiġi applikata biex tkopri d-differenzi fil-paga għal xogħol li ma jistgħux jidhru paragunabbli mill-bidu, pereżempju, fis-settur tal-infermiera meta mqabbla ma' dik tas-settur tal-manifattura;
21. Jinnota bi tħassib li n-nisa spiss jirċievu pensjonijiet li huma biss ftit aktar għoljin mil-livell minimu għall-għajxien, b'dan ikun ir-riżultat ta' diversi raġunijiet bħall-fatt li jkunu għamlu waqfa jew waqfu kompletament mill-ħajja tax-xogħol tagħhom biex jieħdu ħsieb il-familja tagħhom, il-predominanza tal-kuntratti part-time tul il-ħajja tax-xogħol tagħhom, jew għaliex ħadmu mingħajr ħlas għall-konjuġi tagħhom, b'mod speċjali fil-kummerċ jew fil-biedja, u ma kkontribwewx għal skema ta' sigurtà soċjali;
22. Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni tqis il-prinċipju ta' "paga ugwali għal xogħol ta' valur ugwali" bħala wieħed mill-oqsma ewlenin għal azzjoni fl-istrateġija ġdida tagħha għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jiddeplora, madankollu, il-fatt li l-Kummissjoni ppubblikat biss dokument ta' ħidma tal-persunal, biex b'hekk naqqset l-importanza tal-istrateġija tagħha għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri għall-istatus ta' dokument intern; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tadotta Komunikazzjoni għal "Strateġija Ġdida għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u d-Drittijiet tan-Nisa wara l-2015", sabiex l-objettivi u l-politiki inklużi jkunu jistgħu jiġu implimentati b'mod effettiv;
23. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li dawk il-persuni li jkunu ssospendew temporanjament il-karrieri tagħhom biex irabbu lit-tfal tagħhom jew biex jieħdu ħsieb persuni anzjani jkunu jistgħu jerġgħu jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol u jerġgħu jieħdu posthom fejn kienu qabel u fl-istess livell ta' avvanz fil-karriera;
24. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni tal-impatt ta' skemi ta' dħul minimu fl-UE u tqis il-passi ulterjuri li jkunu jqisu ċ-ċirkostanzi ekonomiċi u soċjali ta' kull Stat Membru kif ukoll valutazzjoni ta' jekk dawk l-iskemi jippermettux lill-familji jipprovdu għall-bżonnijiet bażiċi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa abbażi ta' dan il-mod kif jiġi pprovdut dħul minimu adegwat 'il fuq mil-limitu tal-faqar ta' 60 % tad-dħul medju nazzjonali fl-Istati Membri kollha, bi qbil mal-prassi u t-tradizzjoni nazzjonali u billi jiġu rispettati l-karatteristiċi individwali tal-Istati Membri sabiex jingħata appoġġ lill-konverġenza soċjali madwar l-UE; għal darba oħra jħeġġeġ lill-Istati Membri jintroduċu pensjoni nazzjonali minima li ma tistax tkun aktar baxxa mil-livell limitu tar-riskju tal-faqar;
25. Jinnota li n-nisa rtirati huma l-aktar grupp vulnerabbli u spiss jgħixu fil-faqar jew f'riskju ta' faqar; jistieden lill-Istati Membri biex jittrattaw il-kwistjoni tat-tnaqqis tad-differenza fil-pensjonijiet bejn il-ġeneri bħala għan ekonomiku; jistieden lill-Istati Membri biex jirriformaw is-sistemi tal-pensjonijiet bl-għan li dejjem jiżguraw pensjonijiet adegwati għal kulħadd bil-ħsieb li titneħħa d-differenza fil-pensjoni; iqis li l-istrumenti biex tiġi indirizzata d-differenza fil-pensjoni jinkludu l-aġġustament tas-sistemi tal-pensjoni biex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u l-aġġustamenti għall-edukazzjoni, l-ippjanar tal-karriera, is-sistemi ta' liv tal-ġenituri u servizzi oħra ta' appoġġ għall-ġenituri; jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw li jipprovdu drittijiet tal-pensjoni kondiviżi f'każijiet ta' divorzju u separazzjoni legali, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà; jinnota li l-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali tal-irtirar qed jitmexxew dejjem iżjed skont il-prinċipji ta' assigurazzjoni u li dan jista' jwassal għal ħafna lakuni f'termini ta' protezzjoni soċjali[21]; jenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għamlitha ċara li l-iskemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali għandhom jitqiesu bħala paga u li għalhekk il-prinċipju tat-trattament ugwali japplika wkoll għal dawn l-iskemi;
Il-faqar: rakkomandazzjonijiet ġenerali
26. Jinnota li l-persuni li jgħixu fil-faqar spiss iħallsu rata unitarja ogħla meta mqabbla mal-partijiet aktar sinjuri tal-popolazzjoni għall-istess oġġetti u servizzi indispensabbli għas-sopravivenza soċjali u ekonomika tagħhom, partikolarment fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, l-enerġija, u l-ilma; jistieden lill-Istati Membri biex jaħdmu mill-qrib mal-fornituri u l-operaturi b'rabta mal-iżvilupp tal-mekkaniżmi ta' għajnuna u ta' tariffar soċjali favur l-aktar persuni żvantaġġjati fis-soċjetà, partikolarment fir-rigward ta' provvisti tal-ilma u tal-enerġija, sabiex jinqered il-faqar enerġetiku fil-familji;
27. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni toqgħod lura milli tirrakkomanda r-riorganizzazzjoni u t-tnaqqis fid-dipartimenti tal-gvern tal-Istati Membri jew li tippromwovi aktar flessibbiltà fl-impjieg jew il-privatizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, għaliex dawn l-approċċi mingħajr dubju servew biex idgħajfu d-drittijiet soċjali tal-ħaddiema u nħassu b'mod aktar sever fost in-nisa;
28. Itenni r-rwol tal-edukazzjoni fil-ġlieda kontra l-isterjotipi tal-ġeneri, fl-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-bniet fl-oqsma soċjali, ekonomiċi, kulturali u politiċi u f'karrieri fix-xjenza, u biex ittemm iċ-ċiklu tal-faqar permezz tal-inklużjoni tan-nisa f'setturi fejn kienu sottorappreżentati, bħax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, u l-intraprenditorija, u jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora miri ta' taħriġ vokazzjonali għan-nisa fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż; jenfasizza r-rwol tal-edukazzjoni mhux formali; jistieden lill-Istati Membri jinkludu investiment fl-edukazzjoni tal-bniet u n-nisa li għandu l-għan li jsaħħaħ il-potenzjal tagħhom, bħala parti integrali mill-ekonomiji u mill-pjanijiet ta' rkupru tagħhom; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jaħdmu biex jgħinu lin-nisa żgħażagħ fit-tranżizzjoni minn edukazzjoni formali għas-suq tax-xogħol; jenfasizza l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet edukattivi kollha jagħtu valuri demokratiċi bil-ħsieb li jinkoraġġixxu t-tolleranza, iċ-ċittadinanza attiva, ir-responsabbiltà soċjali u r-rispett għad-differenzi relatati mal-ġeneru, il-minoranzi, u gruppi etniċi u reliġjużi; jinnota l-importanza tal-isport u l-edukazzjoni fiżika f'termini ta' kif jingħelbu l-preġudizzji u l-isterjotipi u l-valur potenzjali tagħhom biex jgħinu żgħażagħ soċjalment vulnerabbli jerġgħu jaqbdu t-triq it-tajba;
29. Jesprimi t-tħassib tiegħu li n-nisa bit-tfal huma diskriminati fuq il-post tax-xogħol minħabba li huma ommijiet u mhux minħabba li r-rendiment fl-impjiegi tagħhom huwa inferjuri għal dak ta' sħabhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex b'mod attiv jippromwovu immaġni pożittiva tal-ommijiet bħala impjegati u jiġġieldu kontra l-fenomenu ta' "penali tal-maternità" kif identifikat minn għadd ta' studji ta' riċerka;
30. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-fondi strutturali u ta' investiment, b'mod partikolari l-FSE, kif ukoll il-FEIS, jintużaw biex itejbu l-edukazzjoni u t-taħriġ bil-ħsieb li jittejjeb l-aċċess għas-suq tax-xogħol u jiġu miġġielda l-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali tan-nisa; jenfasizza li s-sehem ta' 20 % tal-FSE allokat għal miżuri ta' inklużjoni soċjali u proġetti ta' innovazzjoni soċjali jista' jintuża b'mod aktar attiv biex jiġu appoġġati inizjattivi bħal proġetti lokali fuq skala żgħira li jkollhom l-għan li jagħtu aktar setgħa lin-nisa li jesperjenzaw faqar u esklużjoni soċjali; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iwettqu aktar kampanji ta' informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta' parteċipazzjoni fi proġetti ffinanzjati mill-UE;
31. Jappella għal mekkaniżmi ta' finanzjament li jinċentivaw il-kisba ta' rappreżentanza ugwali fl-oqsma fejn hemm żbilanċ bejn is-sessi, u jenfasizza l-ħtieġa ta' data diżaggregata skont is-sessi sabiex tinftiehem aħjar is-sitwazzjoni tal-bniet, is-subien, l-irġiel u n-nisa, u biex għalhekk ikun jista' jiġi pprovdut rispons aktar effettiv għall-iżbilanċi; jitlob lill-Kummissjoni tqassam id-data miġbura skont il-ġeneru u l-età fir-rigward tal-parteċipazzjoni fi programmi ta' mobilità edukattiva Ewropej, bħalma huma Erasmus+, Ewropa Kreattiva u L-Ewropa għaċ-Ċittadini;
32. Ifakkar b'mod partikolari fid-dritt tal-migranti u t-tfal refuġjati, subien u bniet, li jkollhom aċċess għall-edukazzjoni, billi din hija waħda mill-prijoritajiet tas-soċjetajiet Ewropej tagħna; jenfasizza, għalhekk, li għandhom jittieħdu miżuri urġenti fil-qasam tal-edukazzjoni tal-migranti kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali fid-dawl tal-kriżi persistenti tal-migranti; jenfasizza li l-edukazzjoni hija element ewlieni fl-integrazzjoni u l-impjegabbiltà, u li nuqqas min-naħa tas-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni li jegħlbu din l-isfida jista' jwassal għal aktar segregazzjoni kulturali u japprofondixxi l-qasmiet soċjali; jindika li l-aċċess għall-edukazzjoni, kemm fil-kampijiet tar-refuġjati kif ukoll fil-muniċipalitajiet ospitanti, li tissodisfa l-istandards ta' kwalità meħtieġa u akkumpanjata minn appoġġ lingwistiku u psikoloġiku, m'għandux jiġi mminat minn kwistjonijiet burokratiċi u amministrattivi li jirrigwardaw ir-rikonoxximent tal-istatus ta' refuġjat;
33. Jenfasizza l-kontribut tal-organizzazzjonijiet volontarji u tas-settur terzjarju f'dan il-qasam, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġjaw l-isforzi tagħhom; ifakkar fil-livell għoli ta' parteċipazzjoni tan-nisa fl-edukazzjoni volontarja u attivitajiet oħra, u fl-appoġġ u t-titjib tal-opportunitajiet edukattivi, pereżempju għar-refuġjati u t-tfal fil-bżonn;
34. Jenfasizza li l-effetti tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fuq it-tfal jistgħu jdumu tul ħajjithom u jirriżultaw fit-trażmissjoni interġenerazzjonali tal-faqar; jenfasizza li f'kull Stat Membru r-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal huwa marbut ħafna mal-livell ta' edukazzjoni tal-ġenituri tagħhom, b'mod partikolari ma' dak ta' ommhom, kif ukoll mas-sitwazzjoni tal-ġenituri tagħhom fis-suq tax-xogħol, is-sitwazzjoni soċjali tagħhom u l-forom ta' appoġġ lill-familji pprovduti mill-Istati Membri; jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżguraw li ż-żgħażagħ kollha jkollhom aċċess għal edukazzjoni pubblika mingħajr ħlas ta' kwalità għolja fl-etajiet kollha, inkluż l-edukazzjoni bikrija tat-tfal; jenfasizza r-rwol ta' gwida edukattiva għat-tfal immirata biex tippermettilhom jirrealizzaw il-potenzjal sħiħ tagħhom; jinsisti dwar il-ħtieġa ta' appoġġ, permezz ta' programmi mmirati, għall-edukazzjoni kontinwa tal-ommijiet adolexxenti, li għalihom it-tluq bikri mill-iskola jikkostitwixxi l-ewwel pass lejn il-faqar; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stabbilit sett komprensiv ta' miżuri biex jiġi ttrattat il-faqar fost it-tfal u jiġi promoss il-benesseri tat-tfal, li għandu jkun ibbażat fuq tliet pilastri: jiġifieri, aċċess għal riżorsi adegwati u r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja tal-familja; aċċess għal servizzi ta' kwalità tajba; u parteċipazzjoni tat-tfal f'deċiżjonijiet li jaffettwawhom kif ukoll f'attivitajiet kulturali, ta' divertiment u sportivi; itenni l-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess faċli għal informazzjoni fuq bażi ugwali, b'mod speċjali fir-rigward tas-sigurtà soċjali, l-edukazzjoni tal-adulti, il-kura tas-saħħa u l-appoġġ ekonomiku disponibbli;
35. Jenfasizza li n-nuqqas ta' rikonoxximent ta' familji LGBTI minn ħafna Stati Membri jirriżulta fi dħul aktar baxx u spejjeż tal-għajxien ogħla għal persuni LGBTI, biex b'hekk jiżdied ir-riskju tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali; jemmen li l-leġiżlazzjoni dwar it-trattament ugwali hija strument vitali fil-ġlieda kontra l-faqar li jirriżulta mill-marġinalizzazzjoni u d-diskriminazzjoni li jaffettwa l-minoranzi sesswali u tal-ġeneru; jistieden lill-Kunsill, f'dan ir-rigward, jadotta l-proposta tal-2008 għal direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament indaqs bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali; jitlob, barra minn hekk, l-inklużjoni espliċita fi kwalunkwe riformulazzjoni futura tad-Direttivi dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri ta' projbizzjoni fuq diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' identità tal-ġeneru; jibqa' mħasseb li s-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet u s-sensibilizzazzjoni dwar l-eżistenza ta' korpi u organizzazzjonijiet li joffru appoġġ għall-vittmi ta' diskriminazzjoni huma baxxi; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, timmonitorja mill-qrib l-effikaċja tal-korpi u l-proċeduri nazzjonali tal-ilmenti;
36. Jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol, u li ssirilha reviżjoni b'rekwiżit biex il-kumpaniji jfasslu miżuri jew pjanijiet relatati mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inklużi azzjonijiet dwar id-desegregazzjoni, l-iżvilupp ta' sistemi ta' ħlas, u miżuri li jappoġġaw il-karrieri tan-nisa;
37. Jafferma mill-ġdid l-importanza ta' edukazzjoni ekonomika u finanzjarja f'età żgħira, għaliex intwera li din ittejjeb it-teħid tad-deċiżjonjiet ekonomiċi aktar tard fil-ħajja, inkluż fil-ġestjoni tal-infiq u d-dħul; jirrakkomanda l-iskambju tal-aħjar prattika u l-promozzjoni ta' programmi edukattivi mmirati lejn in-nisa u l-bniet fi gruppi vulnerabbli u komunitajiet emarġinati li qed jiffaċċjaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali;
38. Jinnota li n-nuqqas ta' dħul ta' sieħeb jista' jkun fattur ewlieni li jikkontribwixxi għan-nassa tal-faqar u għall-esklużjoni soċjali tan-nisa; jinnota s-sitwazzjoni spiss prekarja tan-nisa romol u ddivorzjati u tal-ommijiet waħedhom li lilhom l-imħallfin ikunu taw il-kustodja tat-tfal, u li għalihom jeħtieġ li jiġi ddefinit livell adegwat ta' manteniment; jinnota li n-nuqqas ta' ħlas tal-manteniment jista' jdaħħal lill-ommijiet waħedhom fil-faqar; jissottolinja l-fatt li n-nisa ddivorzjati huma suxxettibbli għal diskriminazzjoni u faqar, u li din hija evidenza li n-nisa għadhom mhumiex kompletament indipendenti ekonomikament, u għalhekk dan jindika l-ħtieġa għal azzjonijiet ulterjuri fil-qasam tas-suq tax-xogħol u fl-eliminazzjoni tad-differenzi fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel;
39. Jenfasizza li l-politiki fiskali għandhom dimensjoni tas-sessi; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tippromwovi l-aħjar prattika dwar il-politiki fiskali li jqisu l-impatt tal-ġeneri u jsaħħu l-ugwaljanza bejn is-sessi, b'mod partikolari f'termini tat-tassazzjoni tad-dħul tal-familji, li f'xi każijiet jista' jagħmel lill-ħaddiema b'pagi baxxi soġġetti għal rati ogħla ta' taxxa, inkluż il-VAT, anke bl-introduzzjoni ta' rata tal-VAT imnaqqsa għal oġġetti li huma essenzjali għan-nisa, bħat-tampuni;
40. Jenfasizza li l-ġbir tad-data dwar l-ispejjeż u d-dħul tal-familji għandu jiġi kkomplimentat minn data individwalizzata sabiex jiġu kkunsidrati l-inugwaljanzi fuq il-bażi tal-ġeneru fil-familji;
41. Jinsisti li l-politika makroekonomika għandha tkun kompatibbli mal-politika ta' ugwaljanza soċjali u għandha tinkludi perspettiva qawwija dwar il-ġeneru; itenni li l-istituzzjonijiet finanzjarji bħall-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali għandhom iqisu l-impatti soċjali, inkluż l-impatti fuq l-inugwaljanzi bejn is-sessi, meta jfasslu u jiddeċiedu dwar il-politiki monetarji makroekonomiċi jew il-politiki dwar is-servizzi finanzjarji;
42. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva sabiex jitfassal baġit ta' referenza bħala linja gwida, u jistieden lill-Kummissjoni tinkludi kunsiderazzjonijiet speċifiċi għall-ġeneru meta tfasslu, inkluż l-inugwaljanzi bejn il-ġeneru ffaċċjati mill-familji;
43. Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li titwettaq riċerka dwar il-fenomenu ta' nisa mingħajr dar u l-kawżi u l-motivaturi tiegħu, għaliex il-fenomenu ma jinqabadx b'mod adegwat fid-data attwali; jinnota li l-elementi speċifiċi għall-ġeneru li għandhom jiġu kkunsidrati jinkludu d-dipendenza ekonomika bbażata fuq is-sessi, l-akkomodazzjoni temporanja, u l-evitar ta' servizzi soċjali;
44. Jenfasizza li l-vjolenza fuq in-nisa tkompli tkun problema sinifikanti fl-UE li taffettwa l-vittmi tagħha, u li hemm ħtieġa urġenti li l-awturi tagħha jiġu involuti f'miżuri li jiġġieldu l-vjolenza fuq in-nisa irrispettivament mill-età, l-edukazzjoni, il-livell ta' dħul jew il-pożizzjoni soċjali tagħhom, u li l-impatt tagħha fuq ir-riskji tal-marġinalizzazzjoni, il-faqar u l-esklużjoni soċjali qiegħed kontinwament jikber; jinnota li l-indipendenza ekonomika tan-nisa għandha rwol kruċjali fl-abbiltà tagħhom biex jaħarbu sitwazzjonijiet ta' vjolenza sessista billi jieħdu miżuri proattivi; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jiżguraw sistemi ta' protezzjoni soċjali li jiggarantixxu d-drittijiet soċjali tan-nisa li huma vittmi ta' vjolenza f'kwalunkwe forma, kemm jekk vjolenza domestika, traffikar, jew prostituzzjoni, u jieħdu azzjoni biex jintegrawhom mill-ġdid fis-suq tax-xogħol, billi jagħmlu użu wkoll minn strumenti bħall-FSE; jissottolinja l-ħtieġa għal żieda fid-disponibbiltà ta' informazzjoni fir-rigward ta' servizzi legali għal vittmi tal-vjolenza;
45. Jenfasizza l-ħtieġa għal sforzi determinati biex tiġi miġġielda l-vjolenza domestika, speċjalment kontra n-nisa; jinnota li l-indipendenza ekonomika tan-nisa għandha rwol kruċjali f'ħajjithom u fejn jikkonċerna l-kapaċità tagħhom biex jinqalgħu minn sitwazzjonijiet ta' vjolenza domestika, u li n-nisa li jkunu eżawrew il-liv imħallas tagħhom qegħdin fir-riskju li jitilfu x-xogħol u l-indipendenza ekonomika tagħhom; jinnota li l-introduzzjoni riċenti ta' liv minħabba vjolenza domestika fl-Awstralja u fl-Istati Uniti pprovdiet lil ħafna ħaddiema protezzjoni tal-impjieg fid-dawl tal-impatt tal-vjolenza domestika, pereżempju billi tali liv jippermetti lill-persuni kkonċernati l-ħin biex ilaħħqu mal-appuntamenti mediċi, li jkunu preżenti fil-qorti u proċessi oħra li jridu jiġu indirizzati f'sitwazzjonijiet bħal dawn; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw il-fattibbiltà u r-riżultati possibbli tal-introduzzjoni ta' sistema ta' liv speċjali bi ħlas għal vittmi u superstiti ta' vjolenza domestika fejn in-nuqqas ta' liv bi ħlas huwa ostakolu għall-vittmi biex ikunu jistgħu jżommu l-impjieg tagħhom filwaqt li jiżguraw il-privatezza tagħhom; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu aktar miżuri biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-problema tal-vjolenza domestika u biex tingħata għajnuna lill-vittmi ta' tali vjolenza, biex jiġi promoss għarfien aħjar u difiża tad-drittijiet tagħhom, u biex tiġi protetta l-indipendenza ekonomika tagħhom;
46. Itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri kollha biex jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul, u jitlob inizjattiva urġenti sabiex tiġi stabbilita direttiva tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa; jistieden għal darba oħra lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija Ewropea kontra l-vjolenza sessista, tistabbilixxi Sena Ewropea għall-ġlieda kontra l-vjolenza sessista, u tippromwovi miżuri leġiżlattivi li jiddefinixxu din il-vjolenza bħala att kriminali konkret relatat mill-qrib mar-reati ta' mibegħda;
47. Jemmen li hemm il-ħtieġa ta' xogħol proattiv biex tingħeleb il-vjolenza fuq in-nisa billi jitqiegħdu fil-mira n-normi li jigglorifikaw il-vjolenza; jissottolinja li l-isterjotipi u l-istrutturi li huma l-bażi tal-vjolenza tal-irġiel fuq in-nisa għandhom jiġu miġġielda b'miżuri proattivi permezz ta' kampanji u edukazzjoni kontinwa dwar il-kwistjoni ta' kulturi maċo fuq livell nazzjonali;
48. Jindika li teknoloġiji ġodda għandhom jitqiesu bħala għodda fundamentali għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda u bħala opportunità biex in-nisa jinħarġu mill-faqar;
49. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, jgħinu biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nisa f'żoni rurali sabiex jitnaqqas ir-riskju tal-faqar filwaqt li jiġu pprovduti programmi edukattivi ta' kwalità li għandhom l-għan li jagħtu s-setgħa lin-nisa rurali, kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol ta' kwalità u dħul deċenti għal dan il-grupp; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jipprovdu infrastruttura muniċipali, soċjali u pubblika ta' kwalità sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-għajxien ġenerali f'żoni rurali;
50. Jemmen li ħafna aspetti tal-faqar, u b'mod speċjali l-faqar tan-nisa, jibqgħu mhux rikonoxxuti, inkluż pereżempju l-esklużjoni tan-nisa mill-aċċess għall-parteċipazzjoni kulturali u soċjali, u għalhekk jistieden lill-Istati Membri jipprovdu l-appoġġ neċessarju biex jiżguraw li n-nisa kollha jkunu jistgħu jgawdu d-dritt għall-kultura, l-isport, u d-divertiment, billi tingħata attenzjoni partikolari lin-nisa li jgħixu fil-faqar, nisa b'diżabilità, u nisa migranti; iqis li l-indikaturi eżistenti ta' privazzjoni materjali severa jeskludu l-fatturi ta' aċċess għall-parteċipazzjoni kulturali u soċjali, u għalhekk jipprovdu biss fehim mhux komplut tal-faqar; jitlob li jiġu żviluppati aktar indikaturi biex tiġi vvalutata l-esklużjoni f'termini ta' parteċipazzjoni soċjali, kulturali, u politika, u b'mod partikolari l-influwenza tagħha fuq iċ-ċiklu vizzjuż tal-faqar, kif ukoll l-impatti interġenerazzjonali tagħha;
51. Jitlob li jitwettqu studji biex jipprovdu statistika ġdida f'dan il-qasam biex tintuża biex tinħoloq bażi ta' data mkabbra, komprensiva u affidabbli;
52. Jinnota li n-nisa b'diżabilità spiss isofru minn diskriminazzjoni fl-ambjent tal-familja u fl-edukazzjoni, li l-opportunitajiet tax-xogħol tagħhom huma ristretti u li l-benefiċċji soċjali li jirċievu mhumiex biżżejjed biex iwaqqfuhom milli jaqgħu fil-faqar; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom jagħtu lin-nisa b'diżabilità l-kura speċjalizzata li jeħtieġu sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, u għandhom jipproponu azzjonijiet biex jgħinu l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol permezz ta' miżuri ta' appoġġ addizzjonali, b'mod partikolari fir-rigward tal-edukazzjoni u t-taħriġ;
53. Jitlob azzjoni aktar ambizzjuża biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku, li jaffettwa b'mod sproporzjonat lin-nisa waħedhom u lill-familji b'ġenitur wieħed u mmexxija min-nisa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu definizzjoni tal-faqar enerġetiku li tikkunsidra l-aspetti tal-ġeneru ta' dan il-fenomenu, u biex jinkluduha fit-tfassil mill-ġdid li jmiss tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija; jenfasizza r-rwol importanti tal-inizjattivi tal-enerġija komunitarji bħal kooperattivi għall-għoti tas-setgħa lil konsumaturi vulnerabbli tal-enerġija, u b'mod partikolari lin-nisa li qed jiffaċċjaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali u l-marġinalizzazzjoni; jenfasizza li t-tibdil fil-klima għandu impatt kbir fuq il-faqar tan-nisa, għaliex in-nisa huma aktar dipendenti fuq ir-riżorsi naturali u għandhom inqas riżorsi biex jipproteġu lilhom infushom mill-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima bħall-impatti fuq is-saħħa, in-nixfa, id-diżastri naturali jew l-ispostament marbut mat-tibdil ambjentali; jiddeplora l-fatt li l-perspettiva tal-ġeneri ma ġietx introdotta b'mod sistematiku fil-politiki tal-UE dwar il-klima, u jitlob lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jinkludu l-integrazzjoni tas-sessi fil-politiki u l-leġiżlazzjoni kollha tal-UE dwar il-klima;
54. Jerġa' jafferma l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tistinka biex tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal li tiżgura li t-tfal kollha Ewropej fir-riskju tal-faqar ikollhom aċċess għall-kura tas-saħħa mingħajr ħlas, edukazzjoni mingħajr ħlas, kura tat-tfal mingħajr ħlas, akkomodazzjoni deċenti u nutrizzjoni adegwata; jenfasizza li din il-politika għandha tindirizza s-sitwazzjoni tan-nisa u l-bniet, b'mod partikolari f'komunitajiet vulnerabbli u marġinalizzati; jinnota li l-Inizjattiva ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ għandha tinkludi perspettiva tal-ġeneru;
55. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiġbru statistika diżaggregata fuq il-bażi tas-sessi u jintroduċu indikaturi individwali ġodda fir-rigward tan-nisa u l-faqar, bħala għodda li timmonitorja l-impatt ta' politiki soċjali, ekonomiċi u tal-impjiegi usa' fuq in-nisa u l-faqar sabiex jiġu żviluppati skambji tal-aħjar prattika dwar strumenti leġiżlattivi u baġitarji fil-ġlieda kontra l-faqar, b'fokus fuq dawk il-gruppi f'riskju partikolari tal-faqar, inkluż fost l-oħrajn nisa migranti, nisa minn minoranzi etniċi, nisa waħedhom, nisa anzjani, nisa b'diżabilità u nisa li jibqgħu d-dar biex jindukraw membru tal-familja, u irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru;
56. Jitlob li jiġu applikati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u li jitwettaq xogħol f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni;
57. Jenfasizza r-rwol tal-intrapriżi soċjali biex jagħtu s-setgħa u jinkludu lin-nisa li qed jiffaċċjaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali u diskriminazzjoni multipla;
58. Jenfasizza l-importanza tal-politiki, il-programmi u l-azzjonijiet tal-UE dwar il-kooperazzjoni u l-għajnuna għall-iżvilupp li jkunu sensittivi għall-ġeneru sabiex in-nisa jkunu jistgħu jingħataw is-setgħa u jiksbu l-indipendenza permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru u l-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa, inkluż it-traffikar u l-mutilazzjoni ġenitali femminili;
59. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu proċessi li jinvolvu lill-partijiet interessati li jippromwovu u jiffaċilitaw l-involviment dirett ta' persuni f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali, b'mod partikolari n-nisa u l-bniet, fit-tfassil tal-politiki dwar l-inklużjoni soċjali fil-livelli kollha;
60. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw sistema ta' bbaġitjar li tqis il-ġeneru bħala għodda li tiżgura li d-deċiżjonijiet baġitarji jqisu d-dimensjoni tal-ġeneru u jindirizzaw l-impatti differenzjati;
61. Jistieden lill-Istati Membri biex jikkoperaw fil-ġlieda kontra l-faqar mal-NGOs li jaħdmu b'suċċess f'oqsma milquta minn faqar estrem u li għandhom għarfien prezzjuż fil-komunitajiet lokali; jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġaw kooperazzjoni effettiva fil-livell lokali;
62. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinvolvu lis-sħab soċjali (trejdjunjins u impjegaturi) u s-soċjetà ċivili, inklużi korpi tal-ugwaljanza bejn il-generi fit-twettiq tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, bil-ħsieb li jrawmu t-trattament ugwali; jenfasizza li d-djalogu soċjali għandu jinkludi l-monitoraġġ u l-promozzjoni ta' prattiki ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri fuq il-post tax-xogħol, inklużi arranġamenti ta' xogħol flessibbli, bl-għan li tiġi ffaċilitata r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol mal-ħajja privata; jenfasizza l-importanza ta' ftehimiet kollettivi fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll ta' strumenti oħra bħal kodiċijiet ta' mġiba, ir-riċerka, l-iskambji ta' esperjenzi u ta' prattika tajba fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
63. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
NOTA SPJEGATTIVA
Il-problema tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali tan-nisa ilha diversi snin suġġett ta' tħassib kbir għall-Parlament. Kien hemm diversi riżoluzzjonijiet jitolbu biex jiġu indirizzati l-kawżi u l-konsegwenzi tal-bosta aspetti ta' din il-prekarjetà. Madankollu, wieħed għandu jinnota li fl-2015 ftit li xejn sar progress minkejja l-isforzi li saru.
Il-kriżi ekonomika li minnha qed toħroġ progressivament l-Unjoni wasslet għal żieda fl-għadd ta' persuni, irġiel u nisa, mhedda b'faqar u b'esklużjoni soċjali.
Skont l-aħħar statistika disponibbli dwar it-tqassim tal-faqar monetarju u l-inugwaljanzi fid-dħul finanzjarju fl-UE, 16,6 % tal-popolazzjoni tal-UE-28 kienu meqjusa bħala mhedda b'faqar wara t-trasferimenti soċjali. Dan ir-riskju kien 17,2 % għan-nisa meta mqabbel ma' 16,1 % għall-irġiel. Ċertament, dawn iċ-ċifri jaħbu ħafna differenzi madwar l-Istati Membri.
Minkejja kollox, in-nisa fil-medja baqgħu dejjem aktar milquta mill-irġiel, speċjalment jekk huma ommijiet waħedhom, pensjonanti, immigranti jew nisa diżabbli. Huma baqgħu rappreżentati wisq fl-impjiegi prekarji, il-waqfien mill-karriera, il-professjonijiet "tan-nisa" (kura tas-saħħa, tindif, eċċ.), u l-impjiegi part-time, li huwa aktar dovut għall-bżonn li jieħdu ħsieb il-qraba tagħhom milli għal għażla tagħhom.
Id-differenza fis-salarji meta mqabbel mal-kontropartijiet irġiel tagħhom u d-differenzi fil-pensjonijiet, dovuti għal karriera b'ħafna waqfiet sabiex jippruvaw jibbilanċjaw ħajja privata ma' ħajja professjonali b'mod armonjuż, tqiegħed fuq spallejn in-nisa f'diffikultajiet finanzjarji piż qawwi u inċertezza ta' kuljum fir-rigward tal-indipendenza ekonomika tagħhom.
Dan ir-rapport jidentifika l-inugwaljanzi persistenti li jbatu minnhom in-nisa. Huwa jsemmi l-isforzi li għandhom isiru mill-UE u mill-Istati Membri biex kulħadd, mingħajr differenza ta' ġeneru, jingħata l-istess opportunitajiet fl-oqsma tal-impjieg, tas-sigurtà soċjali, tas-salarju, tal-edukazzjoni, tal-kura tat-tfal u tal-kultura. Huwa jfakkar il-mezzi, partikolarment finanzjarji, li l-Ewropa u l-Istati Membri diġà għandhom aċċess għalihom biex jeqirdu t-tendenza lejn it-tfaqqir ta' nofs il-popolazzjoni.
Għaliex il-ġlieda kontra l-faqar tan-nisa hija kwistjoni ta' ġustizzja soċjali. L-ispejjeż pubbliċi sostnuti mill-Istati Membri biex titnaqqas din l-inġustizzja, kemm jekk diretti jew indiretti, ma għandhomx jitqiesu bħala ħela jew sempliċement spiża, iżda bħala investiment għaqli u utli sabiex jinkiser iċ-ċiklu vizzjuż tal-faqar.
Dawn l-ispejjeż jippermettu li l-forza tax-xogħol tinħeles mir-restrizzjonijiet marbuta ma' obbligi familjari u li tiġi sostnuta d-domanda domestika meħtieġa biex l-ekonomija tal-UE tirkupra.
L-indirizzar tal-kwistjoni tal-faqar tan-nisa toffri wkoll, tal-anqas parzjalment, mezz biex tiġi solvuta fit-tul il-problema tal-faqar tat-tfal, u b'hekk il-faqar dinji.
21.3.2016
OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali(*)
għall-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
dwar il-faqar: perspettiva tal-ġeneru
( 2015/2228(INI) )
Rapporteur: Lynn Boylan
(*) Kumitati assoċjati – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
A. billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol, miksuba permezz ta' żieda fil-benesseri soċjali u ekonomiku, hija ta' benefiċċju mhux biss għan-nisa iżda anki għall-ekonomija u s-soċjetà kollha kemm hi; billi l-għan li tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa jmur lura għat-Trattat ta' Ruma tal-1957;
B. billi r-rati ta' impjieg huma ġeneralment aktar baxxi fost in-nisa milli fost l-irġiel: fl-2014, ir-rata ta' impjieg għall-irġiel kienet ta' 70,1 % fl-UE-28, meta mqabbel ta' 59,6 % għan-nisa[22]; billi, skont il-Kummissjoni, fl-2015 in-nisa bħala medja kienu għadhom jaqilgħu 16 % inqas fis-siegħa mill-irġiel għall-istess xogħol; billi d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa ħafna drabi twassal biex in-nisa jirċievu pensjonijiet aktar baxxi mill-irġiel u dan iwassal ukoll biex in-nisa jkunu aktar probabbli li jiftaqru meta jirtiraw, u billi, bħala medja madwar l-UE, il-pensjonijiet tan-nisa huma 39 % aktar baxxi minn dawk tal-irġiel; billi s-settur tal-ICT b'mod partikolari huwa karatterizzat minn segregazzjoni kemm vertikali kif ukoll orizzontali, li hija saħansitra ogħla f'dan is-settur milli f'ħafna oħrajn, fejn il-maġġoranza (54 %) tan-nisa jokkupaw karigi b'pagi baxxi u li jirrikjedu ftit kompetenzi professjonali u b'differenza notevoli bejn il-kwalifiki edukattivi tan-nisa u l-karigi tagħhom;
C. billi d-differenza bejn l-impjiegi u l-pagi tal-irġiel u n-nisa u d-differenza fil-pensjonijiet assoċjata ma' dan, is-sovrarappreżentanza tan-nisa fix-xogħol prekarju[23] u x-xogħol part-time involontarju u l-interruzzjonijiet fil-karrieri tan-nisa biex jieħdu ħsieb it-tfal jew membri oħra tal-familja jikkontribwixxu għas-sitwazzjoni fejn in-nisa huma partikolarment milquta jew mhedda mill-faqar; billi l-familji b'ġenitur wieħed, speċjalment il-familji mmexxija minn ommijiet waħedhom, jinsabu f'riskju ikbar ta' faqar jew esklużjoni soċjali (49,8 % meta mqabbel mal-medja ta' 25,2 % tal-familji bi tfal dipendenti, għalkemm hemm differenzi kbar bejn il-pajjiżi, skont l-Istatistika tal-UE dwar l-Introjtu u l-Kondizzjonijiet tal-Għajxien)[24]; billi l-faqar tal-ġenituri jwassal għall-faqar tat-tfal u jaffettwa b'mod gravi lit-tfal aktar tard fil-ħajja; billi, iż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol tista' tgħin biex jiġi indirizzat ir-riskju ikbar ta' faqar u esklużjoni soċjali tagħhom;
D. billi jekk jiġu mħeġġa aktar nisa biex jidħlu u jibqgħu fis-suq tax-xogħol, dan jista' jgħin ukoll biex jagħmel tajjeb għall-effetti ta' popolazzjoni fl-età tax-xogħol li qed tiċkien, li hija mbassra għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE, permezz tat-tisħiħ tal-provvista ta' ħaddiema u billi b'dan il-mod isir kontribut biex titnaqqas il-pressjoni minn fuq il-finanzi pubbliċi u s-sistemi tal-protezzjoni soċjali, isir użu aħjar mill-ħiliet u l-kompetenzi tan-nisa u tingħata spinta lill-potenzjal tat-tkabbir u l-kompetittività;
1. Huwa tal-fehma li l-irġiel għandhom jiġu mħeġġa u involuti fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-oqsma kollha u fil-livelli kollha tas-suq tax-xogħol;
2. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jieħdu miżuri kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni multipla fuq il-bażi tal-ġeneru, biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza fis-suq tax-xogħol u fl-aċċess għall-impjiegi, u b'mod partikolari biex jadottaw miżuri ta' protezzjoni soċjali biex jiżguraw li l-pagi u l-benefiċċji soċjali tan-nisa, inklużi l-pensjonijiet, ikunu daqs dawk tal-irġiel bl-istess esperjenza jew b'esperjenza simili li jagħmlu l-istess xogħol jew li jagħmlu xogħol ta' valur ugwali;
3. Jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol, u li ssirilha reviżjoni b'rekwiżit obbligatorju biex il-kumpaniji li jfasslu miżuri jew pjanijiet dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inklużi azzjonijiet dwar id-desegregazzjoni, u l-iżvilupp ta' sistemi ta' ħlas u miżuri li jappoġġaw il-karrieri tan-nisa;
4. Jinnota li n-nisa li għandhom diżabilità jew li jibqgħu d-dar biex jieħdu ħsieb membru tal-familja huma sproporzjonalment f'riskju li jiftaqru;
5. Jenfasizza li mhux biss id-diskriminazzjoni diretta, iżda anki l-persistenza ta' rappreżentazzjonijiet stereotipiċi tal-maskulinità u tal-femminilità f'setturi u professjonijiet differenti fis-suq tax-xogħol, li jservu ta' bażi u jkomplu jsaħħu r-relazzjonijiet u l-istrutturi ta' poter bejn in-nisa u l-irġiel, jikkostitwixxu problema kontinwa li teħtieġ li tiġi indirizzata;
6. Jisħaq li d-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol hija waħda mill-kawżi ewlenin tal-inugwaljanza bejn il-ġeneri fis-soċjetà b'mod ġenerali, u li l-opportunitajiet indaqs fil-ħajja professjonali u l-indipendenza ekonomika tan-nisa huma kruċjali għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri f'oqsma oħra; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippreżentaw miżuri b'saħħithom kontra d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru fis-suq tax-xogħol, li jkopru diversi aspetti bħar-reklutaġġ, il-pagi, il-benefiċċji soċjali u l-pensjonijiet; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li jqisu, meta jkunu qed jindirizzaw id-diskriminazzjoni, il-forom multipli u intersezzjonali ta' diskriminazzjoni li jolqtu n-nisa b'diżabilità, in-nisa migranti u ta' minoranza etnika, in-nisa Rom, in-nisa aktar anzjani, l-ommijiet waħedhom u l-persuni LGBTIQ;
7. Iqis li l-eliminazzjoni tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa teħtieġ parteċipazzjoni ikbar min-naħa tan-nisa fis-suq tax-xogħol, trasparenza ikbar fil-proċess ta' ħlas (inkluża data maqsuma skont is-settur) u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-trasparenza tal-pagi, il-klassifikazzjoni u d-deskrizzjonijiet tax-xogħol newtrali, l-inverżjoni tal-oneru tal-prova fil-konfront ta' diskriminazzjoni bejn il-ġeneri fil-post tax-xogħol, il-konformità mal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs għall-irġiel u għan-nisa, u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, kif ukoll it-tmiem tad-differenzazzjoni bbażata fuq il-ġeneri tal-forza tax-xogħol u enfasi qawwija fuq politiki li jippromovu r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u dik privata;
8. Jindika li d-differenza fil-pagi u fl-iżvilupp tal-karriera bejn in-nisa u l-irġiel għadha tippersisti fir-rigward tan-nisa li jaħdmu fis-settur tal-ICT; jenfasizza li l-prinċipju ta' paga ndaqs għal xogħol indaqs fl-istess post tax-xogħol biex jiġu żgurati pagi ġusti qed jiġi mhedded, minkejja li dan jikkostitwixxi wieħed mill-pilastri fundamentali tal-ġustizzja soċjali fis-suq tax-xogħol u għaldaqstant għandu jiġi protett fuq kull ħaġa oħra; itenni li l-inugwaljanzi m'għandhomx jitħallew jiġu stabbiliti fl-ekonomija diġitali fir-rigward tal-pagi indaqs u l-iżvilupp tal-karriera; jenfasizza li ż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-investimenti relatati fil-politiki ta' inklużjoni soċjali se jgħinu biex titnaqqas id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa; jenfasizza l-importanza tan-negozjar kollettiv fl-ekonomija tas-suq diġitali għas-salvagwardja tal-kwalità u s-sigurtà tal-impjiegi fiż-żminijiet ta' diġitalizzazzjoni;
9. Iqis li d-differenza bejn il-ġeneri fil-pensjonijiet, li issa hija ekwivalenti għal 39 %[25] u li hija fattur determinanti tar-riskju tal-faqar fost in-nisa fl-UE, jeħtieġ li tiġi indirizzata permezz ta' firxa wiesgħa ta' strumenti komprensivi; jinnota li n-nisa jbatu biex iġemmgħu biżżejjed kontribuzzjonijiet kemm fis-sistemi tal-pensjonijiet pubbliċi kif ukoll f'dawk privati b'riżultat tad-differenzi fil-pagi, ix-xogħol prekarju u x-xogħol b'paga baxxa, minħabba li jipprovdu kura mingħajr ħlas, u minħabba li jkunu esklużi mis-suq tax-xogħol għal perjodi twal tul ħajjithom; jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni indiretta fl-iskemi tal-pensjonijiet, mhux biss fl-iskemi okkupazzjonali iżda wkoll fil-prattiki tal-iskemi statutorji ta' pensjoni; jitlob li l-Istati Membri jintroduċu "krediti tal-kura" kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel bħala perjodi ekwivalenti biex jiġu akkumulati d-drittijiet tal-pensjoni sabiex jiġi żgurat li dawk li jieqfu temporanjament mill-impjieg sabiex jipprovdu kura informali bla ħlas lil persuna dipendenti jew lil membru tal-familja, ma jisfawx żvantaġġati meta jagħmlu dan u li l-ħin li jqattgħu bħala indukraturi jiġi kkalkulat fl-eliġibbiltà għall-pensjoni sabiex jiġi rifless il-kontribut li dawn l-indukraturi qed ikomplu jagħtu lis-soċjetà; jinnota f'dan il-kuntest li l-maġġoranza tal-kura fl-UE attwalment qiegħda tiġi pprovduta minn dawn l-indukraturi informali u mhux imħallsa, iżda jinsabu taħt pressjoni dejjem ikbar minħabba l-bidliet demografiċi u l-piż dejjem jiżdied tal-kura, u li 78 % ta' dawk kollha li jagħtu l-kura huma nisa;
10. Jinnota li n-nisa rtirati huma l-aktar grupp vulnerabbli u spiss jgħixu fil-faqar jew f'riskju ta' faqar; jistieden lill-Istati Membri biex jittrattaw il-kwistjoni tat-tnaqqis tad-differenza fil-pensjonijiet bejn il-ġeneri bħala għan ekonomiku; jistieden lill-Istati Membri biex jirriformaw is-sistemi tal-pensjonijiet bl-għan li dejjem jiżguraw pensjonijiet adegwati għal kulħadd bil-ħsieb li titneħħa d-differenza fil-pensjoni; iqis li l-istrumenti biex tiġi indirizzata d-differenza fil-pensjoni jinkludu l-aġġustament tas-sistemi tal-pensjoni biex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, l-aġġustamenti għall-edukazzjoni, l-ippjanar tal-karriera, is-sistemi ta' liv tal-ġenituri u servizzi oħra ta' appoġġ għall-ġenituri; jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw li jipprovdu drittijiet tal-pensjoni kondiviżi f'każijiet ta' divorzju u separazzjoni legali, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà; jinnota li l-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali tal-irtirar qed jitmexxew dejjem iżjed skont il-prinċipji ta' assigurazzjoni u li dan jista' jwassal għal ħafna lakuni f'termini ta' protezzjoni soċjali[26]; jenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għamlitha ċara li l-iskemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali għandhom jitqiesu bħala paga u li għalhekk il-prinċipju tat-trattament ugwali japplika wkoll għal dawn l-iskemi;
11. Jinnota li n-nisa jiġu impjegati iżjed ta' spiss f'xogħol prekarju u b'paga baxxa u b'kuntratti ta' impjieg mhux standard; jinnota li aspett ieħor tal-prekarjetà tal-impjieg huwa l-livell ta' impjieg part-time mhux volontarju, li jikkontribwixxi għar-riskju tal-faqar u li żdied minn 16,7 % għal 19,6 % tal-impjiegi totali; jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu x-xogħol mhux iddikjarat, l-impjiegi prekarji u l-abbuż ta' forom ta' kuntratt atipiċi, inklużi l-kuntratti li ma jispeċifikawx il-ħinijiet f'xi Stati Membri; jenfasizza l-livelli għoljin ta' xogħol mhux iddikjarat imwettaq min-nisa, li jolqot b'mod negattiv l-introjtu, il-protezzjoni u l-kopertura tas-sigurtà soċjali tan-nisa, u li għandhom effett negattiv fuq il-PDG tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkunsidraw l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) maħsuba biex inaqqsu l-iskala tax-xogħol prekarju[27], bħall-analiżi u r-restrizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom jistgħu jintużaw kuntratti prekarji u limitu fuq it-tul ta' żmien li l-ħaddiema jistgħu jiġu impjegati b'kuntratti sussegwenti ta' dan it-tip, li warajh iridu jingħataw il-possibbiltà ta' kuntratt permanenti;
12. Jenfasizza li minkejja l-fatt li n-nisa qed ikunu dejjem aktar ikkwalifikati tajjeb, anki kkwalifikati aħjar mill-irġiel f'termini ta' kisba edukattiva, huma għadhom sottorappreżentati fis-suq tax-xogħol; jinnota, għalhekk, il-ħtieġa ta' azzjoni ulterjuri favur l-integrazzjoni komprensiva tal-approċċ ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata fit-tfassil tal-politika, inklużi faċilitajiet ta' kura, liv u arranġamenti flessibbli ta' ħinijiet tax-xogħol, kif ukoll sistemi ta' taxxa u ta' benefiċċji ħielsa minn diżinċentivi għal dawk li jirrappreżentaw it-tieni sors ta' introjtu sabiex jaħdmu jew sabiex jaħdmu aktar;
13. Jistieden lill-Kummissjoni biex teqred l-hekk imsejjaħ "saqaf tal-ħġieġ" li jxekkel lin-nisa milli jaċċessaw karigi maniġerjali u karigi fil-quċċata; jitlob, għaldaqstant, l-adozzjoni minnufih tad-Direttiva dwar in-Nisa fil-Bordijiet bħala l-ewwel pass importanti lejn rappreżentanza indaqs fis-settur pubbliku u f'dak privat, u jisħaq dwar ir-responsabilità tal-Kummissjoni li tieħu kwalunkwe azzjoni li tista' tgħin biex ittemm l-istaġnar fil-Kunsill fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-UE li tindirizza t-trasparenza u l-bilanċ ikbar tal-ġeneri fir-reklutaġġ għal karigi ta' teħid ta' deċiżjonijiet;
14. Jenfasizza r-rwol tal-intraprenditorija bħala waħda mit-toroq għall-indipendenza ekonomika tan-nisa; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżidu d-disponibbiltà u l-għarfien fir-rigward tal-opportunitajiet, bħal pereżempju l-mikroself, li jirrappreżenta mezz biex wieħed jikseb finanzjament mingħajr ma jidħol f'dejn eċċessiv (l-użura);
15. Jenfasizza li r-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali u dik privata hija kruċjali sabiex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jipproċedu mingħajr dewmien bi proposti dwar Direttiva dwar il-Liv tal-Maternità u Direttiva dwar il-Liv tal-Indukraturi, u biex isaħħu l-leġiżlazzjoni dwar il-liv tal-paternità; jenfasizza li n-nuqqas ta' kura u ta' appoġġ tat-tfal li tkun aċċessibbli, affordabbli u ta' kwalità għolja, jikkontribwixxi għad-differenza bejn l-impjiegi u l-pagi tal-irġiel u n-nisa u d-differenza fil-pensjonijiet assoċjata ma' dan, u għall-għadd sproporzjonat ta' nisa f'xogħol prekarju u fil-faqar jew f'riskju ta' faqar; jinnota li dan huwa partikolarment il-każ ta' familji mmexxija minn persuna waħda, li l-maġġoranza taghhom huma mmexxija minn nisa; jenfasizza b'mod partikolari f'dan ir-rigward l-importanza li jintlaħqu l-miri ta' Barċellona dwar il-kura tat-tfal; jenfasizza li dawn il-miri kienu oriġinarjament previsti għas-sena 2020 u li dawn għadhom ma ntlaħqux mill-maġġoranza tal-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżidu l-preżenza tan-nisa fis-suq tax-xogħol permezz ta' miżuri li jtejbu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u biex iqisu b'mod partikolari s-sitwazzjonijiet ta' familja diffiċli, u jiżguraw it-twettiq tat-titjib meħtieġ u ta' benefiċċju għall-aċċess għall-kura tat-tfal u s-servizzi ta' appoġġ għat-tfal, pereżempju, billi jżidu n-nefqa fuq l-għoti ta' servizzi għall-indukrar tat-tfal u/jew sussidji lill-unitajiet domestiċi, filwaqt li jinċentivaw kontibuzzjonijiet mill-impjegaturi għall-ispejjeż tal-kura tat-tfal, jagħmlu użu aħjar mill-fondi tal-UE u jisiltu ispirazzjoni mill-aħjar prattiki f'kull Stat Membru;
16. Iqis li l-faqar fost it-tfal huwa marbut mal-faqar tan-nisa u għalhekk jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni dwar il-Faqar u l-Benesseri tat-Tfal[28] u jużaw il-qafas ta' monitoraġġ ibbażat fuq l-indikaturi msemmi fiha;
17. Jilqa' l-vot tal-Parlament biex jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintroduċu Garanzija tat-Tfal sabiex it-tfal kollha li jinsabu fil-faqar ikun jista' jkollhom aċċess għal kura tas-saħħa mingħajr ħlas, edukazzjoni mingħajr ħlas, kura tat-tfal mingħajr ħlas, djar diċenti u nutrizzjoni adegwata[29];
18. Iqis li l-politiki ta' awsterità qed iwasslu għall-privatizzazzjoni mill-ġdid tal-kura, li mhux biss tnaqqas l-aċċess għas-servizzi ta' kura iżda żżid b'mod sinifikanti l-piż fuq in-nisa f'termini ta' kura tat-tfal u kura tal-anzjani u tal-persuni b'diżabilitajiet, billi r-responsabbiltà tal-kura tintefa' mis-soċjetà għal fuq in-nisa; jistieden lill-Istati Membri biex jirrestawraw servizzi pubbliċi aċċessibbli u ta' kwalità għolja, inkluża l-kura tat-tfal u l-kura tal-persuni b'diżabilità u tal-anzjani;
19. Jinnota li n-nuqqas ta' servizzi ta' kura u appoġġ affordabbli u ta' kwalità għolja għall-persuni b'diżabilità, l-anzjani u persuni dipendenti oħra, mhux biss inaqqas l-aċċess għas-servizzi ta' kura iżda jżid b'mod sinifikanti l-piż fuq in-nisa; jinnota li t-tnaqqis fis-servizzi pubbliċi u l-infrastruttura soċjali qed jolqot lin-nisa b'mod sproporzjonat u qed ikollu impatt negattiv fuq il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, u b'hekk qed iżid ir-riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali għan-nisa; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw l-għoti ta' servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja u aċċessibbli, inklużi l-kura tat-tfal u l-kura tal-persuni b'diżabilità u l-anzjani, inkluż billi jtejbu l-attrazzjoni ta' impjiegi fis-settur tas-saħħa u s-servizzi soċjali kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ;
20. Jenfasizza r-rwol kruċjali tas-servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja, speċjalment għan-nisa, billi dawn huma aktar dipendenti fuq tali servizzi; jenfasizza l-importanza ta' servizzi pubbliċi b'aċċess universali, bi prezz li jintlaħaq, ta' kwalità għolja, u aċċessibbli b'mod konvenjenti, u mmexxija mid-domanda, fil-ġlieda kontra l-faqar;
21. Jenfasizza l-ħtieġa għal sforzi determinati biex tiġi miġġielda l-vjolenza domestika, speċjalment kontra n-nisa; jinnota li l-indipendenza ekonomika tan-nisa għandha rwol kruċjali f'ħajjithom u fejn jikkonċerna l-kapaċità tagħhom biex jinqalgħu minn sitwazzjonijiet ta' vjolenza domestika, u li n-nisa li jkunu eżawrew il-liv imħallas tagħhom qegħdin fir-riskju li jitilfu x-xogħol u l-indipendenza ekonomika tagħhom; jinnota li l-introduzzjoni riċenti ta' liv minħabba vjolenza domestika fl-Awstralja u fl-Istati Uniti pprovdiet lil ħafna ħaddiema protezzjoni tal-impjieg fid-dawl tal-impatt tal-vjolenza domestika, pereżempju billi tali liv jippermetti li l-persuni kkonċernati jkollhom il-ħin biex ilaħħqu mal-appuntamenti mediċi, li jkunu preżenti fil-qorti u dmirijiet oħra li jridu jiġu indirizzati f'sitwazzjonijiet bħal dawn; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jeżaminaw il-fattibbiltà u l-eżiti possibbli tal-introduzzjoni ta' sistema ta' liv speċjali mħallas għal vittmi u superstiti ta' vjolenza domestika meta n-nuqqas ta' liv imħallas ikun ostakolu għall-vittmi biex iżommu l-impjieg tagħhom, filwaqt li tiġi żgurata l-privatezza tagħhom, biex jintroduċu miżuri ulterjuri biex jiżdied l-għarfien dwar il-problema tal-vjolenza domestika u biex jgħinu lill-vittmi ta' tali vjolenza, biex jippromwovi għarfien aħjar u difiża tad-drittijiet tagħhom u biex jipproteġu l-indipendenza ekonomika tagħhom;
22. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-fondi strutturali u ta' investiment, b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), kif ukoll il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, jintużaw biex itejbu l-edukazzjoni u t-taħriġ bil-ħsieb li jittejjeb l-aċċess għas-suq tax-xogħol u jiġu missielta l-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali tan-nisa; jenfasizza li s-sehem ta' 20 % tal-FSE allokat għal miżuri ta' inklużjoni soċjali u proġetti ta' innovazzjoni soċjali jista' jintuża b'mod aktar attiv biex jiġu appoġġati inizjattivi bħal proġetti lokali żgħar li jkollhom l-għan li jagħtu aktar setgħa lin-nisa li jesperjenzaw faqar u esklużjoni soċjali; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iwettqu aktar kampanji ta' informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta' parteċipazzjoni fi proġetti ffinanzjati mill-UE;
23. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw sistema ta' bbaġitjar li tqis il-ġeneru bħala għodda li tiżgura li d-deċiżjonijiet baġitarji jqisu d-dimensjoni tal-ġeneru u jindirizzaw l-impatti differenzjati;
24. Jitlob l-iżvilupp effettiv ta' indikaturi dwar il-faqar u l-esklużjoni soċjali tan-nisa fuq il-bażi ta' dawk żviluppati fl-2007[30];
25. Jistieden lill-Istati Membri biex jikkooperaw fil-ġlieda kontra l-faqar mal-NGOs li jaħdmu b'suċċess f'oqsma milquta minn faqar estrem u li għandhom għarfien prezzjuż fil-komunitajiet lokali; jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġaw kooperazzjoni effettiva fil-livell lokali;
26. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinvolvu lis-sħab soċjali (trejdjunjins u impjegaturi) u s-soċjetà ċivili, inklużi korpi tal-ugwaljanza bejn il-generi fit-twettiq tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, bil-ħsieb li jrawmu t-trattament ugwali; jenfasizza li d-djalogu soċjali għandu jinkludi l-monitoraġġ u l-promozzjoni ta' prattiki ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri fuq il-post tax-xogħol, inklużi arranġamenti ta' xogħol flessibbli, bl-għan li tiġi ffaċilitata r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol mal-ħajja privata; jenfasizza l-importanza ta' ftehimiet kollettivi fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fuq il-post tax-xogħol kif ukoll ta' strumenti oħra bħal kodiċijiet ta' mġiba, ir-riċerka jew l-iskambju ta' esperjenzi u ta' prattika tajba fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneru.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni | 16.3.2016 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 44 4 4 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Laura Agea, Guillaume Balas, Tiziana Beghin, Brando Benifei, Vilija Blinkevičiūtė, Enrique Calvet Chambon, David Casa, Ole Christensen, Jane Collins, Martina Dlabajová, Lampros Fountoulis, Elena Gentile, Thomas Händel, Rina Ronja Kari, Jan Keller, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Javi López, Morten Løkkegaard, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Joëlle Mélin, Elisabeth Morin-Chartier, Emilian Pavel, João Pimenta Lopes, Georgi Pirinski, Marek Plura, Terry Reintke, Sofia Ribeiro, Maria João Rodrigues, Claude Rolin, Anne Sander, Sven Schulze, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Romana Tomc, Yana Toom, Ulrike Trebesius, Jana Žitňanská | |||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali | Maria Arena, Georges Bach, Heinz K. Becker, Lynn Boylan, Karima Delli, Paloma López Bermejo, António Marinho e Pinto, Edouard Martin, Ivo Vajgl | |||
28.1.2016
OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
għall-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
dwar il-faqar: perspettiva tal-ġeneru
( 2015/2228(INI) )
Rapporteur: Silvia Costa
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
A. billi l-gvernijiet impenjaw ruħhom, fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal u fl-aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, li jiġi żgurat li s-subien u l-bniet kollha jikkompletaw l-edukazzjoni primarja sħiħa; billi l-Parlament organizza avveniment bl-isem "L-emanċipazzjoni tal-bniet u n-nisa permezz tal-edukazzjoni" fil-Jum Internazzjonali tan-Nisa f'Marzu 2015; billi l-edukazzjoni, kemm dik formali u kemm dik informali, hija strumentali biex jingħelbu l-emarġinazzjoni u bosta forom ta' diskriminazzjoni, f'dawk li huma l-ħolqien ta' djalogu, il-ftuħ u l-ftehim bejn il-komunitajiet, u bl-emanċipazzjoni tal-komunitajiet emarġinati;
B. billi waħda mill-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 hija li jitnaqqas l-għadd ta' Ewropej li jgħixu taħt il-limiti nazzjonali tal-faqar, biex b'hekk 'il fuq minn 20 miljun persuna jinħarġu mill-faqar sal-2020;
C. billi l-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 jinkludu t-tnaqqis tar-rati ta' tluq bikri mill-iskola għal inqas minn 10 %;
D. billi waħda mill-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 hija li jiġi żgurat li 40 % ta' dawk ta' bejn it-30 u l-40 sena jirċievu edukazzjoni universitarja, meta mqabbla mal-medja attwali ta' 37,9 %; billi ċ-ċifra medja għan-nisa qabżet it-42. 3 %, meta mqabbla mat-33,6 % għall-irġiel;
E. billi l-medja ta' parteċipazzjoni fit-tagħlim tal-adulti fl-UE hija ta' 11 %, meta mqabbla mal-mira ta' Ewropa 2020 ta' 15 %, b'parteċipazzjoni aktar baxxa fost in-nisa, l-aktar minħabba d-diffikultà li jiġu kkombinati tali attivitajiet mal-ħtieġa li jibbilanċjaw il-responsabiltajiet tax-xogħol u tal-familja;
F. billi l-edukazzjoni għall-ugwaljanza bejn is-sessi għandu jkollha l-għan li tiġġieled il-"femminizzazzjoni tal-faqar" billi jingħelbu l-istereotipi tas-sessi, u għandha twassal għal rappreżentanza ikbar tan-nisa u l-bniet u ġeneri oħra fl-isferi ekonomiċi, soċjali u politiċi;
G. billi l-miżuri ta' awsterità u r-riformi tas-suq tax-xogħol nazzjonali implimentati mill-Istati Membri żiedu l-faqar, ir-rati tal-qgħad u l-għadd ta' impjiegi ta' kwalità baxxa u prekarji; billi n-nisa huma aktar milquta minn dawn il-miżuri u riformi;
H. billi l-faqar huwa fattur ewlieni fir-rigward ta' l-aċċess ugwali għall-edukazzjoni, minħabba l-ispejjeż diretti u indiretti involuti;
I. billi l-kriżi ekonomika laqtet b'mod partikolari lin-nisa, u b'hekk żiedet ir-riskju tagħhom ta' faqar;
J. billi l-bullying għandu effetti profondi fuq ir-riżultati edukattivi, u l-impatt psikoloġiku tiegħu jvarja bejn is-subien u l-bniet, kif ukoll l-effett tiegħu fuq il-prestazzjoni tagħhom;
K. billi t-taħriġ vokazzjonali u supplimentari huma utli meta dak li jkun jiġi biex jidħlu fis-suq tax-xogħol;
1. Jenfasizza li l-aċċess ugwali għall-kura tat-tfal bi prezz raġonevoli huwa ta' importanza kruċjali għaż-żamma ta' bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja privata, li se jippermetti li n-nisa ma jkunux obbligati li jaħdmu fuq bażi part-time jew fuq bażi half-time jew jieqfu jaħdmu għal kollox, u li l-aċċess għal edukazzjoni b'xejn u ta' kwalità għolja huwa ċentrali biex jiġu ggarantiti opportunitajiet indaqs għas-subien u l-bniet, filwaqt li jinkisru ċ-ċikli tal-faqar, speċjalment għan-nisa;
2. Jinnota li l-edukazzjoni u l-kultura għandhom rwol kruċjali għall-isfidar u l-bdil ta' ċerti attitudnijiet u sterjotipi u biex jgħinu lin-nisa u l-bniet jiksbu l-ugwaljanza;
3. Jenfasizza li d-diskriminazzjoni bejn is-sessi hija fattur saħansitra aktar rilevanti, bi żvantaġġ għall-bniet mhux biss f'termini tal-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni iżda wkoll tal-għan aħħari tal-edukazzjoni, li għandu jkun li jitħeġġeġ l-iżvilupp tal-personalità tagħhom, il-ħiliet u l-fiduċja fihom innifishom, kif ukoll il-ħiliet mentali u fiżiċi tagħhom, billi jissaħħaħ il-potenzjal tagħhom;
4. Jenfasizza l-ħtieġa immedjata li tingħalaq id-differenza bejn il-livelli għoljin fil-kisbiet edukattivi tan-nisa fl-UE u l-opportunitajiet professjonali disponibbli għalihom wara l-istudji, li twassal għal telf għas-soċjetà kollha kemm hi;
5. Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat appoġġ u investiment għall-attivitajiet ta' tagħlim u l-opportunitajiet barra minn dawk offruti mill-edukazzjoni formali, speċjalment għall-bniet, biex b'hekk jingħataw l-opportunità li jakkwistaw ħiliet personali u kwalifiki trasversali bil-għan li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp taċ-ċittadinanza Ewropea; jenfasizza wkoll l-importanza ta' edukazzjoni mhux formali sabiex tiġbed persuni b'ħiliet ta' livell baxx u li jinsabu f'riskju ta' faqar lejn id-dinja tal-edukazzjoni u tax-xogħol;
6. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi estiż it-taħriġ vokazzjonali, addizzjonali u forom oħra ta' taħriġ u gwida għall-adulti, speċjalment in-nisa, sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni jew l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol u b'hekk jitnaqqas ir-riskju tal-faqar;
7. Jenfasizza li l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-edukazzjoni timplika li l-bniet u s-subien, in-nisa u l-irġiel, jingħataw l-istess opportunitajiet u trattament għal aċċess, proċess u eżitu għal edukazzjoni ta' kwalità għolja, kif ukoll miżuri pożittivi li permezz tagħhom tiġi megħluba l-inugwaljanza strutturali, kulturali u intersezzjonali bejn is-sessi sabiex in-nisa u l-bniet jiġu emanċipati permezz tal-edukazzjoni; jirrimarka li, minkejja li n-nisa jikkostitwixxu 60 % tal-gradwati kollha fl-UE, il-qgħad għadu ogħla fost in-nisa milli fost l-irġiel; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa ta' tweġibiet sostenibbli li jagħmlu mill-ugwaljanza bejn is-sessi kunsiderazzjoni importanti fil-politiki ta' gwida għall-karriera u l-politiki biex jiġu salvagwardjati l-impjiegi u tingħata spinta lit-tkabbir;
8. Jenfasizza l-importanza ta' taħriġ tal-għalliema biex ikunu konxji mill-impatt tar-rwoli tas-sessi u l-isterjotipar tas-sessi u l-importanza li dan jiġi evitat; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi eżaminat sa liema punt qed jiġu sfidati l-isterjotipi tas-sessi fil-klassi;
9. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jneħħu l-ostakli għall-aċċess għall-edukazzjoni formali u informali, kif ukoll għat-tagħlim tul il-ħajja, billi jittejbu l-għarfien u l-gwida, u billi jingħata appoġġ finanzjarju kif ukoll appoġġ bħall-kura tat-tfal u l-kura tal-anzjani sabiex in-nisa u l-irġiel ikunu jistgħu jipparteċipaw fit-tagħlim tul il-ħajja, bl-adozzjoni ta' approċċ interġenerazzjonali u t-trawwim tar-rwol imwettaq mill-istituzzjonijiet Ewropej;
10. Ifakkar li hija meħtieġa l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-livelli kollha tas-sistema edukattiva, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu miġġielda l-isterjotipi rigward suġġetti tekniċi, li jirrestrinġu l-għażliet tal-karrieri tal-bniet; jinnota l-importanza tar-rappreżentanza tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet edukattivi, inklużi l-iskejjel u l-universitajiet;
11. Jenfasizza li n-nisa u l-bniet huma liberi li jiddeċiedu dwar l-għażla tagħhom tat-triq edukattiva, il-ħajja professjonali u l-karriera;
12. Jesprimi tħassib dwar il-fatt li n-nisa li għandhom it-tfal huma diskriminati fuq il-post tax-xogħol minħabba li huma ommijiet u mhux minħabba li r-rendiment fl-impjiegi tagħhom huwa inferjuri għal dak ta' sħabhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex b'mod attiv jippromwovu immaġni pożittiva tal-ommijiet bħala impjegati, u jiġġieldu kontra l-fenomenu ta' "penali tal-maternità", kif intwera minn għadd ta' studji ta' riċerka;
13. Jappella għal mekkaniżmi ta' finanzjament li jinċentivaw il-kisba ta' rappreżentanza ugwali fl-oqsma fejn hemm żbilanċ bejn is-sessi, u jenfasizza l-ħtieġa ta' data diżaggregata skont is-sessi sabiex tinftiehem aħjar is-sitwazzjoni tal-bniet, is-subien, l-irġiel u n-nisa, u biex għalhekk ikun jista' jiġi pprovdut rispons aktar effettiv għall-iżbilanċi; jitlob lill-Kummissjoni tqassam id-data miġbura skont il-ġeneru u l-età fir-rigward tal-parteċipazzjoni fi programmi ta' mobilità edukattiva Ewropej, bħalma huma Erasmus +, Ewropa Kreattiva u L-Ewropa għaċ-Ċittadini;
14. Jenfasizza li f'kull Stat Membru r-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal huwa marbut bis-saħħa mal-livell ta' edukazzjoni u tal-karrieri tal-ġenituri tagħhom, u b'mod partikolari ma' dak ta' ommhom, kif ukoll is-sitwazzjoni tal-ġenituri tagħhom fis-suq tax-xogħol, il-kundizzjonijiet soċjali tagħhom, u s-servizzi ta' appoġġ lill-familji offruti mill-istati; jirrimarka li n-nuqqas ta' edukazzjoni huwa fattur ta' riskju mill-ikbar għall-faqar tat-tfal u l-esklużjoni soċjali; jinnota li għadd ta' fatturi relatati mal-familja bħall-instabbiltà u l-istil ta' ħajja tal-familja, il-familji b'ġenitur wieħed, il-kundizzjonijiet tal-għajxien ħżiena, problemi ta' saħħa fiżika u mentali u l-vjolenza domestika jistgħu, barra minn hekk, iżidu l-probabbiltà li ż-żgħażagħ jirrinunzjaw għall-edukazzjoni u t-taħriġ qabel iż-żmien;
15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu fl-edukazzjoni formali u informali u t-tagħlim tul il-ħajja biex jiġġieldu l-faqar u jżidu r-rappreżentanza tan-nisa f'oqsma tradizzjonalemt dominati mill-irġiel bħax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, il-matematika u l-intraprenditorija, li jinkludu mudelli pożittivi tar-rwol tan-nisa u netwerks bejn il-pari għall-mentoring, u b'hekk jingħelbu l-isterjotipi tas-sessi u l-preġudizzji;
16. Jirrimarka li l-faqar jista' jinfluwenza b'mod konxju jew inkonxjament l-għażliet tas-subien u tal-bniet billi l-flus isiru fattur deċiżiv; jenfasizza, għalhekk, ir-rwol importanti tal-konsulenza għall-familji minn persunal ta' gwida edukattiva sabiex is-subien u l-bniet jirrealizzaw il-potenzjal sħiħ tagħhom billi tgħinhom jagħmlu l-għażliet edukattivi t-tajba;
17. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-isport bħala għodda ta' formazzjoni tal-karattru u mezz biex jitwasslu l-valuri li jservu biex jingħelbu l-preġudizzji u l-isterjotipi li jżommu lin-nisa u l-irġiel milli jiżviluppaw skont l-aspettattivi tagħhom stess u l-kapaċità individwali tagħhom;
18. Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu enfasi ikbar fuq l-importanza ta' edukazzjoni fiżika tajba għaż-żewġ sessi, u jissuġġerixxi li dawn jiżviluppaw l-istrateġiji meħtieġa biex jintlaħaq dan l-għan;
19. Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni permezz tal-isport u l-potenzjal tal-isport biex żgħażagħ soċjalment vulnerabbli jpoġġu ħajjithom lura fit-triq it-tajba, u jistieden lill-Istati Membri u lill-korpi sportivi jippromwovu politiki ta' kompetizzjoni ġusta;
20. Ifakkar b'mod partikolari fid-dritt tal-migranti u t-tfal refuġjati, subien u bniet, li jkollhom aċċess għall-edukazzjoni, billi din hija waħda mill-prijoritajiet tas-soċjetajiet Ewropej tagħna; jenfasizza għalhekk li għandhom jittieħdu miżuri urġenti fil-qasam tal-edukazzjoni tal-migranti kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali fid-dawl tal-kriżi persistenti tal-migranti; jenfasizza li l-edukazzjoni hija element ewlieni fl-integrazzjoni u l-impjegabbiltà, u li nuqqas min-naħa tas-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni li jegħlbu din l-isfida jista' jwassal għal aktar segregazzjoni kulturali u japprofondixxi l-qasmiet soċjali; jindika li l-aċċess għall-edukazzjoni, kemm fil-kampijiet tar-refuġjati kif ukoll fil-muniċipalitajiet ospitanti, li tissodisfa l-istandards ta' kwalità meħtieġa u akkumpanjata minn appoġġ lingwistiku u psikoloġiku, ma għandux jiġi mminat minn kwistjonijiet burokratiċi u amministrattivi li jirrigwardaw ir-rikonoxximent tal-istatus ta' refuġjat;
21. Ifakkar li n-nisa u t-tfal migranti huma fost l-aktar gruppi vulnerabbli u jinsabu f'riskju għoli ta' esklużjoni ekonomika u soċjali f'termini ta' aċċess imnaqqas għas-servizzi tal-kura tas-saħħa primarji u alloġġ deċenti;
22. Jenfasizza l-importanza li l-irġiel u s-subien jieħdu impenn attiv b'rabta mal-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, u li l-edukazzjoni formali u informali u l-programmi ta' tagħlim tul il-ħajja dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi għandhom jinvolvu wkoll lis-subien u lill-irġiel, sabiex jgħinu biex jingħelbu l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni li jħarrxu l-faqar femminili;
23. Jenfasizza li kwalunkwe politika tal-edukazzjoni li tiġi stabbilita biex tindirizza l-intersezzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-faqar għandha speċifikament tiffoka fuq in-nisa u l-gruppi li jbatu minn diskriminazzjoni multipla;
24. Jirrimarka li, meta mqabbla mal-bniet, is-subien għandhom darbtejn aktar ċans li jitilqu mill-iskola bi kwalifiki baxxi jew mingħajr kwalifiki iżda li l-isfond soċjo-ekonomiku u l-istatus jidhru li huma aktar preċiżi biex jiġu ppreveduti l-kundizzjoni edukattiva u l-kisbiet milli huwa s-sess waħdu, u għalhekk hemm il-ħtieġa li wieħed jiffoka fuq l-isfidi soċjali u ekonomiċi fit-twaqqif ta' opportunitajiet edukattivi ta' kwalità għolja għal kulħadd u jitlob biex jingħata appoġġ edukattiv sabiex jiġi kkumpensat dan l-iżbilanċ;
25. Jenfasizza l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja biex jipprovdi opportunitajiet ġodda għall-adulti li kienu obbligati li jitilqu kmieni mill-iskola jew li l-għażliet edukattivi inizjali tagħhom ma kinux jippermettulhom li jirrealizzaw il-potenzjal jew l-ambizzjonijiet tagħhom;
26. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu l-aċċess għall-programmi ta' taħriġ professjonali għaż-żgħażagħ u l-adulti, u jippromwovu dawn il-programmi; jinnota r-rwol importanti tal-Fond Soċjali Ewropew sabiex jgħin lin-nies jidħlu f'impjieg billi jiffinanzja l-politiki ta' taħriġ, u jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokalijinkoraġġixxu l-użu tal-Fond;
27. Jenfasizza l-kontribut tal-organizzazzjonijiet volontarji u mis-settur terzjarju f'dan il-qasam u jħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġjaw l-isforzi tagħhom; ifakkar fil-livell għoli ta' parteċipazzjoni tan-nisa fl-edukazzjoni volontarja u attivitajiet oħra, u fl-appoġġ u t-titjib tal-opportunitajiet edukattivi għar-refuġjati u t-tfal fil-bżonn, pereżempju;
28. Jirrimarka li l-kriżi finanzjarja tal-2008 xekklet il-progress tan-nisa, u l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol, fejn huma t-telliefa meta mqabbla mal-irġiel bl-istess kwalifiki; jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi biex tiġi żgurata l-ugwaljanza fil-karrieri u b'hekk tipprevjeni lin-nisa milli jġarrbu progressjoni aktar bil-mod fil-karriera u jidħlu f'sitwazzjoni ta' faqar; jitlob, bil-għan li jiżdied in-numru tan-nisa fl-oqsma kollha tas-suq tax-xogħol u jiġu żgurati opportunitajiet indaqs, li jittieħdu miżuri speċjali ta' appoġġ li jippermettu lin-nisa jikkombinaw ix-xogħol u t-taħriġ u fl-istess ħin jaqsmu r-responsabbiltajiet tal-familja mal-konjuġi tagħhom;
29. Isostni li l-parteċipazzjoni tal-bniet fil-ħajja skolastika hija prerekwiżit fl-isforzi biex jiġi pprevenut it-tluq bikri mill-iskola, minħabba li l-bniet jiksbu fiduċja meta jingħataw l-opportunità biex b'mod attiv jibdlu ħajjithom stess u ħajjet ħaddieħor għall-aħjar; jinnota li l-l-involviment tal-bniet jista' jgħin ukoll biex tinbidel il-perċezzjoni pubblika ta' dak li jistgħu jagħmlu u biex jiġi żgurat li dawn jiġu meqjusa bħala ċittadini u bħala membri attivi tas-soċjetà fejn jidħol ir-rispett tad-drittijiet tal-individwu.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni | 25.1.2016 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 24 4 0 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Isabella Adinolfi, Andrea Bocskor, Louise Bours, Nikolaos Chountis, Silvia Costa, Mircea Diaconu, Damian Drăghici, Jill Evans, María Teresa Giménez Barbat, Giorgos Grammatikakis, Petra Kammerevert, Rikke Karlsson, Andrew Lewer, Svetoslav Hristov Malinov, Curzio Maltese, Stefano Maullu, Luigi Morgano, Michaela Šojdrová, Yana Toom, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Julie Ward, Bogdan Brunon Wenta, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver | |||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali | Eider Gardiazabal Rubial, Dietmar Köster, Zdzisław Krasnodębski, Ernest Maragall, Algirdas Saudargas | |||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali | Gabriel Mato, Jaromír Štětina | |||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni | 19.4.2016 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 25 2 4 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Maria Arena, Catherine Bearder, Beatriz Becerra Basterrechea, Malin Björk, Vilija Blinkevičiūtė, Anna Maria Corazza Bildt, Viorica Dăncilă, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Elisabeth Köstinger, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Angelika Mlinar, Maria Noichl, Marijana Petir, Pina Picierno, João Pimenta Lopes, Terry Reintke, Jordi Sebastià, Michaela Šojdrová, Ernest Urtasun, Jadwiga Wiśniewska, Anna Záborská, Jana Žitňanská | |||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali | Rosa Estaràs Ferragut, Kostadinka Kuneva, Constance Le Grip, Evelyn Regner, Marc Tarabella | |||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali | Julia Reid, Marco Zanni | |||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
25l | + |
ALDE | Catherine Bearder, Beatriz Becerra Basterrechea, Angelika Mlinar |
EFDD | Marco Zanni |
GUE/NGL | Malin Björk, Kostadinka Kuneva, João Pimenta Lopes |
PPE | Anna Maria Corazza Bildt, Rosa Estaràs Ferragut, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Elisabeth Köstinger, Constance Le Grip |
S&D | Maria Arena, Vilija Blinkevičiūtė, Viorica Dăncilă, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Maria Noichl, Pina Picierno, Evelyn Regner, Marc Tarabella |
VERTS/ALE | Terry Reintke, Jordi Sebastià, Ernest Urtasun |
2 | - |
EFDD | Julia Reid |
PPE | Michaela Šojdrová |
4 | 0 |
ECR | Jadwiga Wiśniewska, Jana Žitňanská |
PPE | Marijana Petir, Anna Záborská |
It-tifsira tas-simboli:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni