Dokument ta' sessjoni

 

A8-0271/2016

29.9.2016

IT-TIENI RAPPORT

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill

( 2015/2156(DEC) )

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Ryszard Czarnecki

PR_DEC_Other2

WERREJ

Paġna

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW  3

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW  5

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI  9

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill

( 2015/2156(DEC) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014[1],

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali kkonsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 ( COM(2015)0377 – C8-0201/2015)[2],

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet[3],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[4] dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016[5] li tipposponi d-deċiżjoni ta' kwittanza għas-sena finanzjarja 2014, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li takkumpanjaha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[6],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[7], u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit ( A8-0271/2016 ),

1.  Jiċħad il-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill

( 2015/2156(DEC) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit ( A8-0271/2016 ),

A.  billi l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni għandhom ikunu trasparenti u jagħtu rendikont sħiħ liċ-ċittadini tal-Unjoni għall-fondi fdati lilhom bħala istituzzjonijiet tal-Unjoni;

B.  billi l-Kunsill Ewropew u l-Kunsill, bħala istituzzjonijiet tal-Unjoni, għandhom ikunu soġġetti għar-responsabbiltà demokratika fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni peress li huma benefiċjarji tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea;

1.  Ifakkar ir-rwol tal-Parlament speċifikat fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u fir-Regolament Finanzjarju fir-rigward tal-kwittanza baġitarja;

2.  Jirrimarka li, skont l-Artikolu 335 tat-TFUE, "[...] l-Unjoni għandha tkun rappreżentata minn kull waħda mill-istituzzjonijiet, bis-saħħa tal-awtonomija amministrattiva tagħhom, fi kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-operat rispettiv tagħhom", u li, għaldaqstant, filwaqt li jitqies l-Artikolu 55 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ir-Regolament Finanzjarju), l-istituzzjonijiet huma responsabbli b'mod individwali għall-implimentazzjoni tal-baġits tagħhom;

3.  Jinnota r-rwol tal-Parlament u ta' istituzzjonijiet oħra fi ħdan il-proċedura ta' kwittanza, kif regolat mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju, b'mod partikolari mill-Artikolu 164 sal-Artikolu 166 tiegħu;

4.  Jinnota li, skont l-Artikolu 94 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, "id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta' għoti ta' kwittanza lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għandhom japplikaw bl-istess mod għall-proċedura ta' għoti ta' kwittanza [...] lill-persuni responsabbli mill-implimentazzjoni tal-baġits ta' istituzzjonijiet u organi oħra tal-Unjoni Ewropea bħalma huma l-Kunsill (f'dak li għandu x'jaqsam mal-attivitajiet tiegħu bħala eżekuttiv) [...]";

5.  Jiddispjaċih li l-Kunsill għadu sieket fir-rigward tar-rimarki magħmula mill-Parlament fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tiegħu tat-28 ta' April 2016[8] dwar ix-xejra mis-snin preċedenti ta' żieda fin-nuqqas ta' nfiq u ta' riporti tal-impenji;

 

Kwistjonijiet pendenti

6.  Jiddispjaċih li l-Kunsill Ewropew u l-Kunsill ma jipprovdux lill-Parlament ir-rapport annwali tal-attività tagħhom; iqis li dan huwa inammissibbli u ta' ħsara għar-reputazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE;

7.  Jiddispjaċih li l-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill għadhom ma ġewx separati, kif rakkomandat mill-Parlament f'riżoluzzjonijiet ta' kwittanza reċenti;

8.  Jinnota l-informazzjoni dwar il-politika tal-bini li tinsab fuq is-sit web tal-Kunsill; jinnota wkoll li ma hemm ebda informazzjoni dwar l-ispejjeż imġarrba b'rabta ma' dan il-bini; jappella sabiex tingħata informazzjoni dettaljata lill-Parlament fir-rapport finanzjarju annwali li jmiss;

9.  Itenni l-appell tiegħu għal rapporti ta' progress dwar proġetti ta' bini u analiżi dettaljata tal-ispejjeż imġarrba s'issa; jappella għal informazzjoni dwar l-ispejjeż relatati mad-dewmien fit-tlestija tal-bini Europa;

10.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill biex jipprovdi informazzjoni dwar il-proċess tal-modernizzazzjoni amministrattiva tiegħu, b'mod partikolari dwar l-impatt previst fuq il-baġit tal-Kunsill;

11.  Jistieden lill-Kunsill jadotta kodiċi ta' kondotta mill-aktar fis possibbli sabiex tiġi ggarantita l-integrità tal-istituzzjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill biex jimplimenta regoli dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta mingħajr aktar dewmien;

12.  Jistieden lill-Kunsill jingħaqad mar-reġistru ta' trasparenza tal-Unjoni biex jiżgura t-trasparenza u r-responsabbiltà tal-istituzzjoni;

13.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill biex jiżviluppa linji gwida dettaljati kontra l-korruzzjoni u politiki indipendenti fi ħdan l-istrutturi tiegħu, kif ukoll l-appell tiegħu fir-rigward taż-żieda sistematika ta' trasparenza fil-proċeduri leġiżlattivi u n-negozjati;

14.  Jiddispjaċih dwar id-diffikultajiet li tfaċċaw ripetutament sal-lum fil-proċeduri ta' kwittanza, li huma r-riżultat ta' nuqqas ta' kooperazzjoni min-naħa tal-Kunsill; jirrimarka li l-Parlament ċaħad l-għoti ta' kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill fir-rigward tas-snin finanzjarji 2009, 2010, 2011, 2012 u 2013 għar-raġunijiet stabbiliti fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Mejju 2011[9], tal-25 ta' Ottubru 2011[10], tal-10 ta' Mejju 2012[11], tat-23 ta' Ottubru 2012[12], tas-17 ta' April 2013[13], tad-9 ta' Ottubru 2013[14], tat-3 ta' April 2014[15], tat-23 ta' Ottubru 2014[16] u tas-27 ta' Ottubru 2005[17], u ppospona d-deċiżjoni tiegħu li jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill fir-rigward tas-sena finanzjarja 2014 għar-raġunijiet stabbiliti fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016;

15.  Jinsisti li eżerċizzju ta' kontroll baġitarju effikaċi jeħtieġ il-kooperazzjoni tal-Parlament u tal-Kunsill, kif stabbilit fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016; jikkonferma li l-Parlament mhuwiex fil-qagħda li jieħu deċiżjoni infurmata dwar l-għoti tal-kwittanza;

16.  Ifakkar lill-Kunsill dwar il-fehma tal-Kummissjoni, kif espressa fl-ittra tagħha ta' Jannar 2014, li l-istituzzjonijiet kollha huma parti sħiħa mill-proċess ta' segwitu għall-kummenti magħmula mill-Parlament fl-eżerċizzju ta' kwittanza, u li l-istituzzjonijiet kollha għandhom jikkooperaw biex jiżguraw il-funzjonament mingħajr xkiel tal-proċedura ta' kwittanza;

17.  Jinnota li l-Kummissjoni sostniet li mhijiex se tissorvelja l-implimentazzjoni tal-baġit tal-istituzzjonijiet l-oħra u li tagħti tweġiba għal mistoqsijiet indirizzati lil istituzzjoni oħra jikser l-awtonomija ta' dik l-istituzzjoni li timplimenta t-taqsima tagħha stess tal-baġit;

18.  Jiddispjaċih li l-Kunsill għadu qiegħed jonqos milli jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-Parlament; ifakkar il-konklużjonijiet tas-sessjoni ta' ħidma tal-Parlament dwar id-dritt tal-Parlament li jagħti kwittanza lill-Kunsill, li saret fis-27 ta' Settembru 2012; ifakkar ukoll it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(3) tat-TFUE, li jiddisponi li kull istituzzjoni, korp, jew organu għandu jassigura t-trasparenza tal-ħidma tiegħu;

19.  Jinnota li kienu biss tlieta mis-sebgħa u għoxrin mistoqsija ppreżentati lill-Kunsill mill-Membri tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fir-rigward tas-sena finanzjarja 2014 li waslet tweġiba ċara għalihom fid-dokumenti pprovduti mill-Kunsill fi ħdan l-eżerċizzju ta' kwittanza;

20.  Jinsisti li n-nefqa tal-Kunsill għandha tgħaddi minn skrutinju bħal dik tal-istituzzjonijiet l-oħra u li l-elementi fundamentali ta' dan l-iskrutinju huma stabbiliti fir-riżoluzzjonijiet ta' kwittanza tiegħu tas-snin li għaddew;

21.  Jenfasizza l-prerogattiva tal-Parlament li jagħti l-kwittanza skont l-Artikoli 316, 317 u 319 tat-TFUE, f'konformità mal-interpretazzjoni u l-prassi preżenti, speċifikament li jagħti l-kwittanza għal kull intestatura tal-baġit b'mod individwali sabiex jinżammu t-trasparenza u l-obbligu demokratiku li jingħata rendikont lill-kontribwenti tal-Unjoni;

22.  Huwa tal-fehma li n-nuqqas tal-Kunsill li jippreżenta d-dokumenti mitluba lill-Parlament jimmina għalkollox id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-informazzjoni u t-trasparenza, u qiegħed isir għajn ta' tħassib, peress li joħloq ċertu defiċit demokratiku fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

23.  Huwa tal-fehma li dan jikkostitwixxi nuqqas serju ta' rispett tal-obbligi stabbiliti mit-Trattati, u jemmen li l-partijiet ikkonċernati rilevanti jeħtieġ li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jindirizzaw din il-kwistjoni mingħajr aktar dewmien; jenfasizza li reviżjoni tat-Trattati u tar-Regolament Finanzjarju hija meħtieġa sabiex jiġu kkjarifikati l-objettivi u l-proċessi tal-proċedura ta' kwittanza, u biex jiġu definiti sanzjonijiet f'każ ta' nuqqas ta' konformità mar-regoli kif stabbilit mit-Trattati;

24.  Iqis in-nuqqas ta' koperazzjoni tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill mal-awtorità ta' kwittanza bħala sinjal negattiv lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni.

 

 

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI

FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

26.9.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Ryszard Czarnecki, Dennis de Jong, Martina Dlabajová, Luke Ming Flanagan, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Verónica Lope Fontagné, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Cătălin Sorin Ivan, Andrey Novakov, Julia Pitera, Miroslav Poche, Richard Sulík

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Edouard Ferrand

 

 

[1] ĠU L 51, 20.2.2014.
[2] ĠU C 377 , 13.11.2015, p. 1.
[3] ĠU C 373, 5.11.2015, p. 1.
[4] ĠU C 377, 13.11.2015, p. 146.
[5] Testi adottati ta' din id-data, P8_TA(2016)0151
[6] ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
[7] ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
[8] ĠU L 246, 14.9.2016, p. 21.
[9]   ĠU L 250, 27.9.2011, p. 25.
[10]   ĠU L 313, 26.11.2011, p. 13.
[11]   ĠU L 286, 17.10.2012, p. 23.
[12]   ĠU L 350, 20.12.2012, p. 71.
[13]   ĠU L 308, 16.11.2013, p. 22.
[14]   ĠU L 328, 7.12.2013, p. 97.
[15]   ĠU L 266, 5.9.2014, p. 26.
[16]   ĠU L 334, 21.11.2014, p. 95.
[17]   ĠU L 314, 1.12.2015, p. 49.