Dokument ta' sessjoni
17.11.2016
RAPPORT
dwar il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea: valutazzjoni
( 2016/2045(INI) )
Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
Rapporteur: Salvatore Cicu
PR_INI
WERREJ
Paġna
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW 3
NOTA SPJEGATTIVA 9
OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits 12
OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit 15
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI 20
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea: valutazzjoni
( 2016/2045(INI) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 175 u 212(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Solidarjetà, implimentazzjoni u applikazzjoni[2],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 661/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea[3],
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea ( COM(2013)0522 )[4],
– wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni intitolat "Rapport Annwali tal-2014 tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea" ( COM(2015)0502 ),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Settembru 2002 dwar id-diżastri tal-għargħar fl-Ewropa[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2005 dwar id-diżastri naturali (nirien u għargħar) li seħħew matul dak is-sajf fl-Ewropa[6],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni intitolat "Il-Futur tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea" ( COM(2011)0613 ),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-28 ta' Novembru 2013 – Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea[7],
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, kooperazzjoni f'materji ta' baġit u ġestjoni finanzjarja tajba[8],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u għall-Kontroll tal-Baġit ( A8-0341/2016 ),
A. billi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) twaqqaf taħt ir-Regolament 2012/2002 b'reazzjoni għall-għargħar diżastrużi fl-Ewropa Ċentrali fis-sajf tal-2012, bħala strument utli li jippermetti lill-UE tirrispondi għal diżastri naturali kbar, u diżastri reġjonali straordinarji, fl-Unjoni u fil-pajjiżi involuti fin-negozjati tal-adeżjoni, u turi solidarjetà ma' reġjuni u stati eliġibbli; billi dan jappoġġja biss operazzjonijiet ta' emerġenza u rkupru, imwettqa mill-gvernijiet wara diżastri naturali, li għandhom impatt dirett fuq ħajjet in-nies, l-ambjent naturali jew l-ekonomija f'reġjun partikolari (għalkemm wieħed għandu jinnota li fl-2005, il-Kummissjoni ppreżentat proposta li għandha l-għan li tespandi l-kamp ta' applikazzjoni oriġinali anki iktar);
B. billi minn meta twaqqaf, il-FSUE kelli skop ferm utli, wara li mmobilizza, b'kollox, EUR 3.8 biljun b'rabta ma' aktar minn 70 diżastru f'24 stat u pajjiż tal-adeżjoni benefiċjarji , u ntuża b'reazzjoni għal firxa wiesgħa ta' fenomeni naturali bħal terremoti, għargħar, nirien fil-foresti, tempesti u, aktar reċenti, nixfiet; billi l-FSUE jibqa' wieħed mill-aktar simboli b'saħħithom ta' solidarjetà tal-UE fi żminijiet ta' bżonn;
C. billi l-istrument reġa' ġie rivedut b'mod komprensiv fl-2014 bl-għan li: jtejjeb u jissimplifika l-proċeduri, u jiżgura rispons aktar rapidu fi żmien sitt ġimgħat wara l-applikazzjoni; jiddetermina mill-ġdid il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu; jistabbilixxi kriterji ċari għal diżastri reġjonali; u jsaħħaħ il-prevenzjoni tad-diżastri u l-istrateġiji ta' mmaniġġjar tar-riskju, biex b'hekk isaħħaħ l-effettività ta' finanzjament għall-emerġenza, f'konformità ma' bosta talbiet magħmulin matul is-snin mill-Parlament, kif ukoll mill-awtoritajiet lokali u reġjonali; billi hija prevista reviżjoni ġdida ta' dan il-Fond fil-proposta għar-Regolament Omnibus[9] propost mill-Kummissjoni fl-14 ta' Settembru 2016 bl-għan li jitjieb l-istat ta' tħejjija u l-effikaċja ta' finanzjament għall-emerġenza;
D. billi l-Parlament appoġġja bis-sħiħ il-proposti ta' riforma, li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu talbiet li diġà saru fir-riżoluzzjonijiet preċedenti;
E. billi applikazzjonijiet li waslu qabel Ġunju 2014 (meta r-regolament rivedut daħal fis-seħħ) ġew ivvalutati skont ir-regolament oriġinali, filwaqt li l-applikazzjonijiet riċevuti wara dak iż-żmien ġew ivvalutati skont ir-regolament rivedut;
F. billi l-investimenti fil-prevenzjoni ta' diżastri naturali huma tal-akbar importanza bħala reazzjoni għat-tibdil fil-klima; billi ammonti sinifikanti ta' finanzjament tal-UE ġew allokati għal investimenti fil-qasam tal-prevenzjoni tad-diżastri naturali, u fl-istrateġiji tal-immaniġġjar tar-riskju, b'mod partikolari taħt il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE);
G. billi, b'mod eċċezzjonali, f'każ li ma jkunx hemm biżżejjed fondi disponibbli f'sena partikolari, jistgħu jintużaw il-fondi tas-sena ta' wara, filwaqt li jitqies il-limitu baġitarju annwali tal-fond kemm għas-sena ta' meta jkun seħħ id-diżastru kif ukoll għas-sena ta' wara;
1. Ifakkar li, minn meta ġie stabbilit fl-2002, il-FSUE kien sors importanti ta' finanzjament għall-gvernijiet lokali u reġjonali, li taffa l-konsegwenzi tad-diżastri naturali li seħħew fil-kontinent Ewropew, li jvarjaw minn għargħar sa terremoti u nirien fil-foresti, u li serva bħala mezz li bih intweriet solidarjetà Ewropea mar-reġjuni milquta; jenfasizza li, skont l-opinjoni pubblika, il-FSUE huwa wieħed mill-aktar forom konkreti u tanġibbli ta' appoġġ li l-UE tista' tagħti lill-komunitajiet lokali;
2. Jenfasizza li minn meta ġie stabbilit il-FSUE, id-diżastri naturali fl-Unjoni Ewropea żdiedu b'mod konsiderevoli fin-numru, fil-gravità u fl-intensità, bħala konsegwenza tat-tibdil fil-klima; jinsisti għalhekk fuq il-valur miżjud ta' strument solidu u flessibbli bħala mezz biex tintwera solidarjetà u tingħata assistenza xierqa u immedjata liċ-ċittadini milquta minn diżastri naturali maġġuri;
3. Ifakkar li l-FSUE huwa ffinanzjat barra l-baġit tal-Unjoni Ewropea, b'ammont massimu ta' EUR 500 miljun (skont il-prezzijiet tal-2011), u li minkejja l-flessibbiltà interna (riport N+1), il-fondi sostanzjali jistgħu kull sena jibqgħu mhux użati; jinnota, f'dan il-kuntest, l-"ibbaġitjar" parzjali tal-allokazzjoni finanzjarja annwali prevista fir-Regolament Omnibus propost, bil-ħsieb li jaċċelera l-proċedura ta' mobilizzazzjoni u biex jipprovdi rispons aktar malajr u aktar effettiv liċ-ċittadini milquta minn diżastru;
4. Jirrimarka li l-użu tal-limitu annwali juri li l-livell annwali ta' approprjazzjonijiet, wara l-perjodu ta' programmazzjoni tal-QFP l-ġdid, huwa adegwat;
5. Jenfasizza l-importanza tar-reviżjoni tal-2014, li rnexxielha tegħleb l-istaġnar fil-Kunsill, u rrappreżentat ir-reazzjoni tardiva lejn it-talbiet ripetuti tal-Parlament biex jitjiebu r-reazzjoni u l-effikaċja tal-għajnuna, sabiex tiġi żgurata reazzjoni rapida u trasparenti b'appoġġ għal persuni affettwati minn diżastri naturali; barra minn hekk, jilqa' b'sodisfazzjon l-aħħar Proposta Omnibus, li tintroduċi dispożizzjonijiet ġodda f'termini ta' simplifikazzjoni u ta' mobilizzazzjoni aħjar tal-finanzjament;
6. Jisħaq fuq l-elementi prinċipali tar-riforma, bħal: l-introduzzjoni ta' pagamenti bil-quddiem, li bihom sa 10 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja antiċipata hija disponibbli fuq talba eżatt wara li titressaq applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond lill-Kummissjoni (limitat għal EUR 30 miljun); l-eliġibbiltà tal-ispejjeż relatati mat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet ta' emerġenza u rkupru (talba importanti tal-Parlament); l-estensjoni tal-iskadenzi li fihom l-istati eliġibbli jridu jippreżentaw applikazzjonijiet (12-il ġimgħa wara l-ewwel ħsara) u jħejju l-proġett (18-il xahar); l-introduzzjoni ta' skadenza ta' sitt ġimgħat sa meta l-Kummissjoni għandha twieġeb għall-applikazzjonijiet; dispożizzjonijiet ġodda dwar il-prevenzjoni ta' diżastri naturali; u titjib fil-proċeduri li jirrigwardaw il-ġestjoni finanzjarja soda;
7. Jenfasizza madankollu li, minkejja l-introduzzjoni ta' mekkaniżmu upstream ta' ħlasijiet antiċipati tal-proċedura standard, il-benefiċjarji għadhom qegħdin jaffaċċjaw problemi minħabba t-tul tal-proċess kollu mill-fażi ta' applikazzjoni sal-ħlas tal-aħħar kontribuzzjoni; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li titressaq l-applikazzjoni kemm jista' jkun malajr wara diżastru, kif ukoll għal aktar titjib fil-fażi ta' valutazzjoni, u fil-fażijiet ulterjuri, sabiex tiġi faċilitata l-eżekuzzjoni ta' pagamenti; huwa tal-fehma li d-dispożizzjonijiet Omnibus li għadhom kemm ġew proposti dwar il-FSUE jistgħu jikkontribwixxu għall-mobilizzazzjoni aktar mgħaġġla, sabiex il-ħtiġijiet reali fil-post ikunu jistgħu jiġu ssodisfati; jenfasizza li l-Istati Membri wkoll iridu jħarsu lejn il-proċeduri amministrattivi tagħhom stess bl-għan li titħaffef il-mobilizzazzjoni ta' għajnuna lejn reġjuni u stati milquta; jissuġġerixxi, barra minn hekk, bl-għan ta' titjib potenzjali f'riforma futura, l-introduzzjoni ta' talba għal pjanijiet nazzjonali obbligatorji aġġornati għall-ġestjoni tad-diżastri, kif ukoll ta' rekwiżit li jingħata tagħrif dwar il-preparazzjoni ta' ftehimiet dwar kuntratti ta' emerġenza;
8. Jistieden lill-Istati Membri nfushom biex itejbu l-mezzi tagħhom ta' komunikazzjoni u kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kemm fl-evalwazzjoni tal-ħsara eliġibbli, li għaliha tintalab għajnuna finanzjarja mill-FSUE, u fit-tħejjija tal-applikazzjonijiet, kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-proġetti li jindirizzaw l-effetti tad-diżastri naturali, biex b'hekk jiżguraw li l-assistenza tal-Unjoni tkun effettiva fil-prattika u li jitħeġġu soluzzjonijiet sostenibbli; iqis, barra minn hekk, li l-appoġġ tal-FSUE għandu jiġi kkomunikat lill-pubbliku b'mod ġenerali; jistieden lill-awtoritajiet ikkonċernati biex itejbu l-komunikazzjoni u biex jipprovdu informazzjoni dwar l-appoġġ mill-FSUE, mingħajr ma jinħolqu piżijiet amministrattivi addizzjonali;
9. Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li proċeduri ta' akkwist pubbliku jkunu segwiti mill-Istati Membri bħala reazzjoni għad-diżastri naturali, bl-għan li jiġu identifikati u mxerrda l-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda fir-rigward ta' kuntratti f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza;
10. Jilqa' l-kjarifika mill-Kummissjoni tar-regoli dwar l-eliġibbiltà tad-diżastri naturali reġjonali, iżda jfakkar li l-ftehim finali bejn il-Parlament u l-Kunsill żamm il-limitu tal-eliġibbiltà għal 1.5 % tal-PDG reġjonali, f'konformità mal-proposta tal-Kummissjoni, minkejja l-isforzi tal-Parlament biex inaqqsu għal 1 %; jinnota li ġiet ikkunsidrata l-vulnerabbiltà tar-reġjuni l-aktar imbiegħda, bil-limitu li tbaxxa għal 1 %;
11. Jirrikonoxxi li l-Fond jipprovdi assistenza għall-ħsarat mhux assigurati u ma jikkumpensax it-telf privat; jenfasizza li miżuri fit-tul, bħal rikostruzzjoni sostenibbli, jew żvilupp ekonomiku u attivitajiet ta' prevenzjoni, huma eliġibbli għal finanzjament taħt strumenti oħrajn tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Fondi SIE);
12. Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu l-aħjar użu mill-finanzjament attwali tal-UE, b'mod partikolari mill-ħames Fondi SIE, għal investimenti biex jevitaw diżastri naturali milli jseħħu, u jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza li jiġu żviluppati sinerġiji bejn id-diversi fondi u politiki tal-Unjoni bl-għan li jkun evitat l-impatt ta' diżastri naturali, u f'każijiet fejn tal-FSUE huwa attivat, sabiex tiġi garantita l-konsolidazzjoni, u l-iżvilupp sostenibbli fit-tul ta' proġetti ta' rikostruzzjoni; isostni li kull meta għandu jintuża l-FSUE, l-Istat Membru kkonċernat għandu formalment jimpenja ruħu biex iwettaq il-miżuri kollha meħtieġa għall-prevenzjoni tad-diżastri u r-rikostruzzjoni sostenibbli taż-żoni milquta; jitlob, meta jitqiesu s-sinerġiji, għall-proċess li bih jintużaw il-fondi flimkien, biex jiġu ssimplifikati, sa fejn hu possibbli, f'termini amministrattivi;
13. Jenfasizza, għalhekk, li għandhom jiżdiedu l-isforzi biex ikun hemm investiment fil-qasam tal-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, b'kont meħud ta' miżuri preventivi meta jiġu appoġġjati r-rikostruzzjoni u r-riforestazzjoni taħt il-FSUE; iqis li l-prevenzjoni għandha ssir ħidma orizzontali, u jissuġġerixxi li jittieħdu miżuri preventivi li jsegwu l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema meta jittaffew il-konsegwenzi ta' diżastru taħt il-FSUE; barra minn hekk, jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu strateġiji ta' prevenzjoni u ta' ġestjoni tar-riskji, filwaqt li jitqies ukoll li ħafna diżastri naturali llum huma konsegwenzi diretti ta' attività umana;
14. Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata trasparenza massima fl-għoti, il-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-FSUE; iqis li huwa importanti li jiġi determinat jekk is-sussidji tal-FSUE ntużawx skont il-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba, sabiex jiġu identifikati, żviluppati u kondiviżi l-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu t-trasparenza u jiggarantixxu aċċess pubbliku għall-informazzjoni matul il-proċess kollu ta' mobilizzazzjoni tal-assistenza, wara t-tressiq ta' applikazzjoni għall-għeluq ta' proġett; jitlob ukoll għal rapport speċjali mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar il-funzjonament tal-FSUE, mhux l-inqas minħabba l-fatt li l-aħħar rapport disponibbli huwa minn qabel ir-reviżjoni tal-2014 tar-Regolament FSUE;
15. Jinnota li fl-2014 kien hemm 13-il applikazzjoni ġdida, u jiġbed l-attenzjoni għaċ-ċirkostanzi speċjali ta' dik is-sena, li minnhom sitta minn dawn l-applikazzjonijiet ġew ivvalutati skont ir-regolament l-antik, filwaqt li s-seba' applikazzjonijiet l-oħra ġew ivvalutati skont ir-regolament rivedut;
16. Ifakkar li żewġ applikazzjonijiet ġew miċħuda fl-2014 taħt ir-Regolament FSUE ta' qabel, minħabba li d-diżastri inkwistjoni ma setgħux jitqiesu bħala "straordinarji", minkejja l-fatt li dawn ikkawżaw ħsara serja u kellhom riperkussjonijiet diretti fuq l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni kkonċernati, u għaldaqstant jilqa' l-kjarifiki li saru f'dan ir-rigward tar-Regolament rivedut tal-FSUE; jissuġġerixxi, madankollu, fir-rigward ta' riformi futuri, u filwaqt li titqies il-possibbiltà ta' definizzjoni mill-ġdid ta' diżastri naturali reġjonali, li l-applikazzjonijiet individwali jkunu jistgħu jiġu ppreżentati b'mod konġunt minn diversi stati eliġibbli milquta minn diżastru naturali fil-livell transkonfinali, fejn il-kawża tad-diżastru hija l-istess u l-effetti jseħħu fl-istess ħin, u li d-danni indiretti għandhom jiġu kkunsidrati fil-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet;
17. Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl ta' riformi futuri, biex tqis il-possibbiltà li żżid il-limitu tal-ħlasijiet bil-quddiem minn 10 % għal 15 %, kif ukoll li tqassar l-iskadenzi għall-ipproċessar ta' applikazzjonijiet minn sitta għal erba' ġimgħat; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tqis il-possibbiltà li tiffissa l-limitu ta' eliġibbiltà għal diżastri naturali reġjonali għal 1 % tal-PDG reġjonali, u li jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-valutazzjoni tat-talbiet, il-livell ta' żvilupp soċjoekonomiku tar-reġjuni affettwati;
18. Jenfasizza l-ħtieġa li jitqies jekk jistgħux jintużaw indikaturi ġodda li jmorru lil hinn mill-PDG, bħall-Indiċi tal-Iżvilupp Uman u l-Indiċi tal-Progress Soċjali Reġjonali;
19. Jilqa' l-fatt li seba' applikazzjonijiet għall-għajnuna rċevuti fil-qafas tar-regoli riveduti ġew aċċettati mill-Kummissjoni, inklużi erba' li ġew approvati fi tmiem l-2014, iżda li għalihom l-approprjazzjonijiet kellhom jiġu ttrasferiti għall-2015, kif ġie ddikjarat fir-Rapport Annwali 2015 tal-FSUE; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-2015 kienet l-ewwel sena sħiħa ta' implimentazzjoni taħt ir-regoli riveduti, u li l-analiżi turi li l-kjarifiki legali introdotti bir-riforma żguraw applikazzjonijiet ta' suċċess, li ma kienx il-każ għad-dispożizzjonijiet l-antiki, li skont dawn madwar żewġ terzi tat-talbiet għal għajnuna għad-diżastri reġjonali tqiesu ineliġibbli;
20. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-proċeduri ta' evalwazzjoni tar-rapporti dwar l-implimentazzjoni u l-għeluq damu daqshekk taħt ir-regolament l-antik, u jistenna li, fid-dawl tar-regolament emendat, l-għeluq għandu jsir b'mod aktar effikaċi u trasparenti, filwaqt li jiżgura l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;
21. Jenfasizza, barra minn hekk, li l-Artikolu 11 tar-Regolament emendat jagħti lill-Kummissjoni u lill-QEA s-setgħa tal-awditjar u jippermetti lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) iwettaq investigazzjonijiet kull meta jkun meħtieġ;
22. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-QEA jivvalutaw il-funzjonament tal-FSUE qabel it-tmiem tal-perjodu finanzjarju pluriennali attwali;
23. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, u lill-awtoritajiet reġjonali tagħhom.
NOTA SPJEGATTIVA
Wara l-għargħar traġiku tal-2002, l-Unjoni Ewropea stabbiliet il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (Regolament (KE) Nru 2012/2002). Dan jesprimi b'mod immedjat is-solidarjetà tal-Unjoni mal-pajjiżi milquta minn diżastri naturali maġġuri. Huwa jindirizza mhux biss lill-Istati Membri iżda wkoll lill-Pajjiżi Kandidati għall-Adeżjoni. Fl-2014, ir-Regolament oriġinali ġie emendat biex iwieġeb aktar għall-preokkupazzjonijiet tal-benefiċjarji u biex it-talbiet tal-pajjiżi milquta jiġu indirizzati aktar malajr u jinkludi n-nixfa fil-lista tad-diżastri koperti (Regolament (UE) Nru 661/2014).
Il-FSUE jista' jgħin lill-Istati Membri jekk il-ħsarat diretti kollha kkawżati minn diżastru naturali jaqbeż it-EUR 3 biljun (bil-prezz tal-2011) jew 0.6 % tad-dħul nazzjonali gross (DNG) tal-pajjiż. Jeżistu wkoll dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jwieġbu għad-diżastri naturali reġjonali inqas gravi (1.5 % tal-PDG tar-reġjun jew 1 % għal reġjun imbiegħed).
F'Ottubru tal-2015, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat ir-rapport dwar l-użu tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) għas-sena 2014. Dan ir-rapport iqis is-sitwazzjoni partikolari tal-FSUE fl-2014. Huwa jirrappreżenta wkoll każ fejn jiġi indirizzat il-funzjonament ta' dan l-istrument ta' solidarjetà. Huwa għalhekk li l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Parlament Ewropew iddeċieda li jħejji rapport fuq inizjattiva proprja.
Fil-fatt, huwa impossibbli li wieħed jipprevedi s-sitwazzjonijiet ta' emerġenza u d-diżastri kollha. Iżda dejjem hemm il-possibbiltà ta' titjib tal-ġestjoni tal-konsegwenzi tagħhom. Il-ġestjoni ta' diżastru dejjem tinkludi diversi passi. L-ewwel nett, ikun hemm disprament u realizzazzjoni tal-qawwa tan-natura, li ġġib magħha sens ta' dgħufija meta naffaċċjaw l-elementi naturali. Imbagħad hemm l-għajnuna bejn il-ġirien kif ukoll l-għajnuna mis-servizzi ta' salvataġġ nazzjonali u internazzjonali. Ir-rapporteur ta' din il-mozzjoni jixtieq madankollu jeżamina t-tielet u r-raba' fażi, peress li wara r-reazzjoni immedjata, il-vittmi jridu jsewwu l-ħsara kkawżata u jibnu mill-ġdid b'mod sostenibbli.
Ir-rapporteur se jindirizza diversi aspetti tal-ġestjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea. Huwa jixtieq jagħmel enfasi fuq il-ħeffa tar-reazzjoni tal-FSUE, politika ta' prevenzjoni neċessarja li timxi id f'id mal-komplementarjetà neċessarja bejn il-FSUE u l-istrumenti Ewropej l-oħrajn, b'mod partikolari l-politika ta' koeżjoni. Ir-rapporteur ta' din il-mozzjoni jixtieq jagħmel enfasi wkoll fuq il-kollaborazzjoni effiċjenti bejn il-livell nazzjonali u l-awtoritajiet reġjonali u lokali.
Ħeffa ta' reazzjoni
Minħabba l-imprevedibbiltà tiegħu, diżastru naturali mhux biss iġib sens ta' konfużjoni lill-popli milquta iżda jqajjem ukoll il-kwistjoni tal-ħeffa ta' azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi, li għandhom jiffaċċjaw spejjeż mhux previsti.
Sa mill-bidu tal-istabbiliment tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, il-leġiżlatur ippreveda skadenza speċifika għall-preżentazzjoni tad-dokumentazzjoni li kien stabbilit għal 10 ġimgħat. Dan kellu jippermetti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jibdew il-proċess. Madankollu, l-ewwel snin tal-funzjonament tal-FSUE wrew li dan kien perjodu qasir ħafna. Fir-reviżjoni tar-regolament fl-2014, din l-iskadenza tal-applikazzjoni ġiet estiża għal 12-il ġimgħa. Mal-ewwel daqqa t'għajn, dan ma jaqbilx mat-talba tar-rapporteur ta' din il-mozzjoni. Minkejja dan, f'ħafna mill-każijiet, l-awtoritajiet lokali ma kellhomx il-ħin biex iħejju d-dokumentazzjoni tagħhom kif suppost. Għaldaqstant, dan id-dewmien mhuwiex kontradittorju peress li jippermetti lill-uffiċjali lokali jħejju d-dokumentazzjoni b'mod aħjar.
Ir-rapporteur jixtieq jenfasizza li l-ħeffa tal-ipproċessar tad-dokumentazzjoni huwa importanti minn meta tiġi ppreżentata d-dokumentazzjoni sħiħa (massimu ta' 12-il ġimgħa). Imbagħad, il-livelli kollha fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet għandhom jirreaġixxu b'mod effiċjenti, kemm fil-livell tal-Istat Membru kif ukoll fis-servizzi tal-Kummissjoni, sabiex l-appoġġ finanzjarju jiġi pprovdut malajr.
Għandna nevitaw sitwazzjonijiet fejn il-vittmi jħossuhom abbandunati bejn ir-reazzjoni ta' emerġenza u l-wasla tal-fondi li jiġu mill-FSUE.
Dan huwa saħansitra aktar urġenti peress li spiss, f'dawn l-aħħar snin, l-aktar diżastri naturali kbar laqtu lill-pajjiżi tan-Nofsinhar jew tax-Xlokk tal-Ewropa, pajjiżi li diġà huma milquta sew mill-kriżi ekonomika. Bħala eżempju, f'Sardenja biss, wara l-għargħar ta' Novembru 2013, 16-il persuna tilfu ħajjithom waqt li 1 700 oħrajn sofrew xi ftit jew wisq. Is-servizzi ta' emerġenza li jintervjenu immedjatament jippermettu kemm jista' jkun il-limitazzjoni tal-effetti ħżiena tad-diżastri. Imbagħad huwa l-leġiżlatur li fil-livell tal-leġiżlazzjoni jagħti l-appoġġ tiegħu sabiex il-proċeduri jkunu aktar adattati. Il-Parlament Ewropew hawnhekk għandu wkoll rwol importanti li jevita sitwazzjonijiet bħal dik tal-Kroazja fl-2013, fejn il-ftehim ingħata mhux inqas minn 7 xhur wara t-tressiq tad-dossier. F'sitwazzjoni urġenti jeħtieġ li jkun hemm proċeduri urġenti. F'dan il-każ partikolari, dan seħħ sena u nofs qabel ma l-fondi waslu għand il-benefiċjarji.
Dan kollu jistħoqqlu koordinazzjoni tajba iżda wkoll ħidma upstream u downstream.
Prevenzjoni u komplementarjetà
Meta jseħħ diżastru, spiss jiġri li jkun tard wisq għall-prevenzjoni. Madankollu din għandha tagħmel parti integrali mill-fażi ta' wara. Huwa tabilħaqq importanti li r-rikostruzzjoni tal-istrutturi meqruda jew it-tiswijiet magħmula fuq l-installazzjonijiet ta' infrastruttura jipprovdu opportunità biex jiġu aġġornati. Il-leġiżlazzjonijiet attwali diġà jeħtieġu rapporti dwar il-mod kif Stat Membru għandu l-ħsieb li jistabbilixxi strateġija ta' prevenzjoni u ta' ġestjoni tar-riskji.
Huwa wkoll dwar din il-kwistjoni li tista' tinstab kumplimentarjetà bejn il-FSUE u l-Fondi ta' Koeżjoni. Dawn tal-aħħar għandhom iqisu, b'mod partikolari fil-każ ta' proġett ta' infrastruttura, l-aspetti marbuta mal-prevenzjoni tar-riskji. Dan jista' jnaqqas l-ispejjeż marbuta mat-tiswijiet meħtieġa wara diżastru.
It-trasparenza u l-kooperazzjoni bejn il-livelli differenti tat-teħid ta' deċiżjonijiet
Sa mid-dħul tiegħu l-użu tal-FSUE kien is-suġġett ta' rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Dan ir-rapport semma xi titjib possibbli fil-ġestjoni tal-Fond. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet tqiesu matul ir-reviżjoni tal-FSUE fl-2014. Madankollu, dejjem tista' tiġi stabbilita trasparenza ħafna ikbar, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma' fondi differenti mogħtija għat-tiswija tal-ħsara kkawżata minn diżastru. Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, ir-rapporteur ta' din il-mozzjoni għandu jissuġġerixxi kooperazzjoni ħafna ikbar bejn il-livelli differenti tat-teħid ta' deċiżjonijiet. Ir-relazzjonijiet bejn il-benefiċjarji u l-Kummissjoni Ewropea, li tirċievi t-talbiet ta' finanzjament fil-qafas tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, ma jidhrux li huma kkontestati. Minflok għandha ssir enfasi fuq il-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali differenti u s-servizzi ċentrali fil-livell ta' kull Stat Membru.
Ir-rapporteur ta' din il-mozzjoni jissuġġerixxi wkoll komunikazzjoni aħjar mal-pubbliku matul il-proċess kollu, li tippermetti lill-benefiċjarji jew lill-persuni interessati jsegwu aħjar il-proċedura għal kull talba partikolari. Dan jista' jiġi organizzat fil-livell tal-Kummissjoni Ewropea, sakemm ikun hemm fluss tajjeb ta' informazzjoni bejn il-livelli operazzjonali differenti.
1.9.2016
OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits
għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
dwar il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea: valutazzjoni
( 2016/2045(INI) )
Rapporteur għal opinjoni: Lefteris Christoforou
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
A. billi, sa mill-ħolqien tiegħu fl-2002, il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) kellu għan utli ħafna u indirizza 69 diżastru madwar l-Ewropa; billi 24 pajjiż ingħataw għajnuna, fejn irċevew fondi ta' għajnuna għad-diżastri li jammontaw għal total ta' EUR 3.7 biljun;
B. billi r-reviżjoni tal-2014 tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-UE ttejjeb u tissimplifika l-proċeduri; billi l-iskadenza għat-talba għall-għajnuna ġiet estiża, u tħalli lill-Istati Membri 18-il xahar biex jużaw il-kontribuzzjoni mid-data tal-iżborżament, ġew introdotti ħlasijiet bil-quddiem u ġew iċċarati aktar ċerti dispożizzjonijiet, f'konformità ma' diversi talbiet li saru tul is-snin mill-Parlament Ewropew u l-awtoritajiet lokali;
C. billi sa ma saret ir-reviżjoni kważi ċ-ċaħdiet kollha kienu jikkonċernaw diżastri reġjonali, filwaqt li r-regolament il-ġdid jiċċara r-regoli dwar l-eliġibbiltà ma' kriterju uniku għad-diżastri reġjonali bbażat fuq limitu ta' 1.5 % tal-prodott domestiku gross reġjonali jew 1 % għar-reġjuni ultraperiferiċi stabbilit fil-livell NUTS 2;
D. billi skont id-dispożizzjonijiet tar-regolament rivedut dwar il-FSUE, il-Kummissjoni rċeviet seba' applikazzjonijiet ġodda fl-2014 u tliet applikazzjonijiet fl-2015;
E. billi filwaqt li l-FSUE diġà kien jeżisti fil-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti tar-Regolament dwar il-QFP, l-approprjazzjonijiet annwali tiegħu naqsu; billi sabiex jiġi kkumpensat dan it-tnaqqis (ġustifikat minħabba l-livell ġenerali ta' implimentazzjoni), ġie introdott riport ta' sena (N+1) fir-regolament il-ġdid;
F. billi, b'mod eċċezzjonali, f'każ li ma jkunx hemm biżżejjed fondi disponibbli f'sena partikolari, jistgħu jintużaw il-fondi tas-sena ta' wara, filwaqt li jitqies il-limitu baġitarju annwali tal-fond għas-sena ta' meta jkun seħħ id-diżastru u s-sena ta' wara;
1. Jirrimarka li l-użu tal-limitu annwali juri li l-livell annwali ta' approprjazzjonijiet, wara l-perjodu ta' programmazzjoni tal-QFP l-ġdid, huwa adegwat;
2. Jirrimarka li, skont l-opinjoni pubblika, il-FSUE huwa wieħed mill-aktar forom konkreti u tanġibbli ta' appoġġ li l-UE tista' tagħti lill-komunitajiet lokali;
3. Jilqa' l-fatt li r-regolament il-ġdid jipprevedi l-possibbiltà li jsiru ħlasijiet bil-quddiem li jammontaw għal massimu ta' 10 % tal-ammont mistenni tal-għajnuna, limitat għal EUR 30 miljun; jiddeplora, madankollu, id-dewmien sinifikanti bejn l-applikazzjoni u l-ħlas; jirrakkomanda titjib ulterjuri fil-fażi ta' valutazzjoni u l-fażijiet sussegwenti li se jiffaċilita l-eżekuzzjoni tal-ħlasijiet; jirrakkomanda li jiġi stabbilit qafas ġuridiku li jiddefinixxi t-tul tal-perjodu ta' evalwazzjoni;
4. Jenfasizza li, kuntrarjament għall-Artikolu 8(1) u (3) tar-Regolament dwar il-FSUE, il-proċedura ta' għeluq għall-assistenza mill-fond hija twila ħafna f'xi każijiet: fl-2014 il-Kummissjoni kienet għadha qed tagħlaq fajls mill-2005, l-2007 u l-2010; jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa li jitħaffu l-proċeduri, peress li l-wasla fil-ħin ta' kull għajnuna mitluba u approvata hija tal-akbar importanza;
5. Jitlob kriterji ċari dwar iż-żjara ta' monitoraġġ lill-istati benefiċjarji biex tiġi evalwata s-sistema ta' implimentazzjoni stabbilita u biex jiġi mmonitorjat l-użu xieraq tar-riżorsi;
6. Sabiex jiġi ffaċilitat l-użu trasparenti tal-fondi, jitlob rapport speċjali mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-funzjonament tal-FSUE, speċjalment peress li l-aħħar rapport disponibbli huwa ta' qabel ma ġie rivedut ir-regolament tal-FSUE; jitlob b'mod partikolari studju dwar il-possibbiltà ta' sovrapożizzjonijiet fl-użu ta' fondi FSUE ma' fondi strutturali u skemi nazzjonali;
7. Jirrimarka li, minkejja l-flessibbiltà interna (riport N+1), hemm ir-riskju li kull sena jkun hemm fondi sostanzjali li jibqgħu ma jintużawx; jipproponi wkoll li ssir riflessjoni dwar kif jiġi limitat in-nuqqas ta' użu ta' dawn l-ammonti fil-futur, filwaqt li jittieħed kont kompletament tan-natura intrinsikament varjabbli tas-suġġett inkwistjoni (skont l-għadd varjabbli ta' applikazzjonijiet li jaslu u/jew il-ħtiġijiet finanzjarji f'sena partikolari).
8. Jilqa' l-fatt li fl-2014 ġew introdotti dispożizzjonijiet bil-ħsieb li tissaħħaħ il-prevenzjoni tar-riskju ta' diżastri naturali; ifakkar li l-għadd ta' każijiet estremi tat-temp li jwasslu għal diżastri naturali żdied minħabba t-tibdil fil-klima; jenfasizza, għalhekk, li għandhom jiżdiedu l-isforzi biex isir investiment fil-qasam tat-taffija tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, filwaqt li tingħata prijorità lill-miżuri preventivi fl-appoġġ tar-rikostruzzjoni u r-riforestazzjoni taħt l-FSUE.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni | 31.8.2016 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 37 1 0 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Nedzhmi Ali, Jean Arthuis, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Esteban González Pons, Iris Hoffmann, Monika Hohlmeier, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Clare Moody, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Jan Olbrycht, Urmas Paet, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Paul Tang, Isabelle Thomas, Monika Vana, Daniele Viotti, Marco Zanni, Auke Zijlstra | |||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali | Giovanni La Via, Stanisław Ożóg, Pavel Poc, Ivan Štefanec, Tomáš Zdechovský | |||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali | David Coburn, Estefanía Torres Martínez | |||
13.7.2016
OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
Il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea: valutazzjoni
( 2016/2045(INI) )
Rapporteur għal opinjoni: Marco Valli
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
– wara li kkunsidra l-Artikolu 175, it-tielet paragrafu, u l-Artikolu 212(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea[10] u r-Regolament (UE) Nru 661/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea[11],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Solidarjetà, implimentazzjoni u applikazzjoni[12],
A. billi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) kien ġie stabbilit bir-Regolament 2012/2002 b'reazzjoni għall-għargħar diżastruż li laqat lill-Ewropa Ċentrali fis-sajf tal-2002;
B. billi l-FSUE jservi prinċipalment biex jipprovdi assistenza fil-każ ta' diżastru naturali maġġuri li jkollu riperkussjonijiet serji fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien, l-ambjent naturali jew l-ekonomija f'reġjun wieħed jew aktar ta' Stat Membru jew ta' pajjiż li japplika għall-adeżjoni;
C. billi mill-2002 'l hawn 63 diżastru – inklużi għargħar, nirien tal-foresti, terremoti, maltempati u nixfa – li seħħew f'24 pajjiż Ewropew differenti wasslu għal żieda fl-appoġġ permezz tal-FSUE għal valur totali ta' aktar minn EUR 3,7 biljun;
D. billi f'Ġunju 2008, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) ippreżentat ir-riżultati ta' awditu tal-prestazzjoni, li fih ikkonkludiet li, filwaqt li kienet laħqet l-għan tagħha li turi solidarjetà mal-Istati Membri meta jseħħ xi diżastru, il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-approvazzjoni tal-applikazzjonijiet kienu kemxejn vagi, speċjalment fil-każ ta' diżastri reġjonali; billi l-Qorti kkritikat ukoll id-dewmien tal-proċess ta' allokazzjoni;
E. billi f'Diċembru 2012 il-QEA adottat awditu tal-prestazzjoni: "Ir-Reazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għat-Terremot tal-2009 f'Abruzzo: Ir-Relevanza u l-Kost tal-Operazzjonijiet";
1. Jiġbed l-attenzjoni għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' April 2014 dwar ir-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri fil-kuntest tal-kwittanza 2012 tal-Kummissjoni, li esprimiet appoġġ għall-konklużjoni tal-QEA li "madwar 30 % (EUR 144 miljun) tal-kontribuzzjonijiet tal-FSUE kienu allokati għal operazzjonijiet li kienu eliġibbli b'mod sħiħ skont ir-Regolament FSUE; madankollu, [xi proġetti,] filwaqt li [huma] rilevanti għall-ħtiġijiet reali, ma [kinux] konformi mad-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament FSUE – [pereżempju, proġett wieħed ma weġibx] fi żmien xieraq u b'kapaċità suffiċjenti għall-ħtiġijiet reali tal-popolazzjoni"; jitlob lill-Kummissjoni tispjega kif, fir-Regolament rivedut dwar il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea li daħal fis-seħħ fit-28 ta' Ġunju 2014, in-nuqqasijiet identifikati mill-Qorti tal-Awdituri ġew solvuti;
2. Itenni li, dak iż-żmien, ir-rapport ta' awditjar intern 2012 tal-Kummissjoni żvela irregolaritajiet li ma kellhomx riperkussjonijiet finanzjarji peress li t-talbiet għall-ħlas qabżu d-drittijiet u t-talbiet għall-ħlas irregolari ma ġewx onorati;
3. Jifhem li d-diżastri u x-xewqa li tingħata għajnuna lill-persuni f'diffikultà malajr kemm jista' jkun jisgħu jpoġġu pressjoni fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali; jemmen, madankollu, li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri u jistabbilixxu programmi biex jiġu indirizzati emerġenzi u diżastri naturali li jippermettu lill-awtoritajiet ikkonċernati jirċievu assistenza rapida tal-UE filwaqt li jirrispettaw il-ġestjoni finanzjarja tajba; ifakkar il-ħtieġa li jiġi determinat jekk is-sussidji tal-FSUE ntużawx skont il-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba, sabiex jiġu identifikati, żviluppati u kondiviżi l-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda fir-rigward tas-sostenibbiltà ekonomika;
4. Huwa tal-fehma li l-FSUE jirrikjedi ċertu ammont ta' flessibbiltà biex ikun jista' jirreaġixxi għad-diżastri aktar malajr u b'mod aktar effettiv; jilqa', għaldaqstant, il-fatt li l-pajjiżi jkunu jistgħu japplikaw għall-ħlas bil-quddiem ta' fondi;
5. Jirrikonoxxi li r-reviżjoni tar-Regolament FSUE introduċiet titjib importanti f'konformità mal-eżiġenzi tal-Parlament[13];
6. Jenfasizza u jilqa' t-titjib li sar fir-rigward ta' ġestjoni finanzjarja tajba[14], b'mod partikolari sal-punt lil-Istati benefiċjarji huma obbligati li:
– jivverifikaw li twaqqfu l-ftehimiet ta' ġestjoni u kontroll u li qed jiġu implimentati b'tali mod li jiżguraw li l-fondi tal-Unjoni qed jintużaw b'mod effiċjenti u korrett, f'konformità mal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba,
– jivverifikaw li l-azzjonijiet iffinanzjati twettqu kif xieraq,
– jiżguraw li n-nefqa ffinanzjata hija bbażata fuq dokumenti ta' sostenn verifikabbli, u li hija korretta u regolari,
– jipprevjenu, jindividwaw u jikkorreġu irregolaritajiet u jirkupraw ammonti li tħallsu indebitament flimkien mal-imgħax ta' inadempjenza meta jkun il-każ, jinnotifikaw kwalunkwe irregolarità bħal din lill-Kummissjoni u jżommuha infurmata bil-progress tal-proċedimenti amministrattivi u ġudizzjarji;
7. Jiddispjaċih li għad hemm diffikultajiet fil-valutazzjoni dwar jekk l-applikazzjonijiet assoċjati ma' diżastri reġjonali jissodisfawx il-kriterji eċċezzjonali stabbiliti fir-Regolament; jistieden lill-Kummissjoni tissemplifika u ttejjeb il-proċeduri amministrattivi waqt ir-reviżjoni li jmiss tal-FSUE;
8. Jiddispjaċih dwar il-fatt li f'ċerti każijiet ġie nnutat nuqqas serju ta' trasparenza rigward l-użu u d-destinazzjoni tal-FSUE; jitlob titjib fis-sistema ta' monitoraġġ ex post għall-infiq u għal ġustifikazzjoni preċiża u koerenti ta' dak l-infiq, u jemmen bis-sħiħ li r-rapporti finali pprovduti mill-Istati Membri għandhom ikunu pubbliċi u aċċessibbli;
9. Jenfasizza l-importanza tal-proċeduri ta' akkwist pubbliku segwiti mill-Istati Membri b'reazzjoni għad-diżastri naturali, bl-għan li jiġu identifikati u jixxerrdu l-aħjar prattika u t-tagħlimiet meħuda fir-rigward ta' kuntratti f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza;
10. Jemmen li t-titjib meħtieġ għar-Regolament jista' jinkludi talba għal pjanijiet nazzjonali obbligatorji aġġornati għall-ġestjoni tad-diżastri, l-introduzzjoni ta' pjan ta' azzjoni konkret u t-tħejjija ta' ftehimiet dwar kuntratti ta' emerġenza;
11. Jenfasizza li l-Istati Membri wkoll iridu jħarsu lejn il-proċeduri amministrattivi tagħhom stess bl-għan li titħaffef il-mobilizzazzjoni ta' għajnuna lejn reġjuni milquta;
12. Jenfasizza, barra minn hekk, li l-Artikolu 11 tar-Regolament emendat jagħti lill-Kummissjoni u lill-QEA s-setgħa tal-awditjar u jippermetti lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) iwettaq investigazzjonijiet kull meta jkun meħtieġ;
13. Huwa tal-fehma li l-FSUE għandu, kull meta jkun possibbli, joħloq sinerġiji ma' sorsi oħra ta' assistenza finanzjarja, b'mod partikolari mal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej; jitlob, għalhekk, lill-Istati Membri jistabbilixxu b'mod ċar x'danni għandhom jiġu koperti mill-FSUE u liema azzjoni se tittieħed bl-appoġġ ta' fondi oħra, bl-għan li tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta tal-FSUE;
14. Jemmen li għandu jkun hemm rekwiżiti addizzjonali għal viżibbiltà akbar tal-assistenza tal-FSUE f'żoni fil-mira tal-appoġġ sabiex jintwera l-valur miżjud Ewropew tiegħu;
15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-QEA jivvalutaw il-funzjonament tal-FSUE qabel it-tmiem tal-perjodu finanzjarju pluriennali attwali.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni | 13.7.2016 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 22 0 0 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Nedzhmi Ali, Louis Aliot, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Dennis de Jong, Martina Dlabajová, Luke Ming Flanagan, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Bogusław Liberadzki, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Igor Šoltes, Michael Theurer, Marco Valli, Derek Vaughan, Joachim Zeller | |||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali | Benedek Jávor, Marian-Jean Marinescu, Julia Pitera, Miroslav Poche | |||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI
FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni | 9.11.2016 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 31 4 1 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Franc Bogovič, Victor Boştinaru, Mercedes Bresso, Steeve Briois, Rosa D’Amato, Iratxe García Pérez, Michela Giuffrida, Krzysztof Hetman, Ivan Jakovčić, Marc Joulaud, Constanze Krehl, Sławomir Kłosowski, Andrew Lewer, Iskra Mihaylova, Jens Nilsson, Andrey Novakov, Mirosław Piotrowski, Stanislav Polčák, Julia Reid, Liliana Rodrigues, Fernando Ruas, Monika Smolková, Olaf Stuger, Ruža Tomašić, Ramón Luis Valcárcel Siso, Monika Vana, Matthijs van Miltenburg, Lambert van Nistelrooij, Derek Vaughan, Kerstin Westphal, Joachim Zeller | |||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali | Daniel Buda, James Carver, Miroslav Mikolášik, Bronis Ropė, Damiano Zoffoli | |||