Dokument ta' sessjoni
30.3.2017
RAPPORT
dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima X – Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
( 2016/2160(DEC) )
Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Benedek Jávor
PR_DEC_Other
WERREJ
Paġna
1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW 3
2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW 5
OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin 12
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI 15
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI 16
1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima X - Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
( 2016/2160(DEC) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015[1],
– wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015 ( COM(2016)0475 – C8-0278/2016)[2],
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet[3],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[4] dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[5], u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99 u 164 sa 167 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 07/2016: "Kif is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jimmaniġġja l-binjiet tiegħu madwar id-dinja",
– wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin ( A8-0122/2017 ),
1. Jagħti l-kwittanza lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għall-implimentazzjoni tal-baġit tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għas-sena finanzjarja 2015;
2. Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).
2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima X – Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
( 2016/2160(DEC) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima X - Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin ( A8-0122/2017 ),
A. billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza speċjali li nkomplu nsaħħu l-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u r-responsabbiltà, bl-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;
1. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, skont il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (il-"Qorti"), il-livell ġenerali ta' żbalji fl-Intestatura 5 (Amministrazzjoni), inkluż il-baġit tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), għadu relattivament baxx bi stima ta' 0,6 % fl-2015;
2. Jieħu nota tal-fatt li l-Qorti ma identifikat l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tar-rapport annwali tal-attività u tas-sistema ta' kontroll intern tas-SEAE;
3. Jitlob li s-SEAE jirrimedja ċerti dgħufijiet li nstabu mill-Qorti fil-proċeduri ta' reklutaġġ ta' aġenti lokali fid-delegazzjonijiet (jiġifieri nuqqas ta' trasparenza fir-rigward ta' ċerti passi tal-proċedura) u fil-proċeduri ta' akkwist (b'mod partikolari valutazzjonijiet żbaljati ta' offerti meta mqabbla ma' speċifikazzjonijiet tekniċi jew l-użu ta' proċedura ta' akkwist inkorretta) organizzati mid-delegazzjonijiet;
4. Jaqbel mal-Qorti li t-titjib tal-gwida, id-disinn, il-koordinazzjoni u t-twettiq tal-proċeduri ta' akkwist pubbliku għal kuntratti ta' valur baxx huwa importanti peress li dawn il-kuntratti rrappreżentaw 4,5 % tal-valur totali ta' kuntratti konklużi fl-2015; jappoġġja l-intenzjoni tas-SEAE li jorganizza seminars reġjonali u jipprovdi appoġġ amministrattiv rigward l-akkwist għan-netwerk kollu tad-delegazzjonijiet;
5. Jitlob li s-SEAE jtejjeb il-kwalità tal-proċeduri tal-għażla tiegħu billi jintegra d-dokumentazzjoni ta' sostenn kollha meħtieġa; jitlob li s-SEAE jarmonizza aħjar il-proċeduri ta' akkwist imwettqa fid-delegazzjonijiet; itenni t-talba tiegħu li d-dgħufijiet rikorrenti f'dan il-qasam jiġu rrimedjati billi jitkompla l-appoġġ amministrattiv għad-delegazzjonijiet fejn is-sitwazzjoni hi l-aktar kritika;
6. Jilqa' l-fatt li, fil-qafas tal-eżerċizzju tar-Rapport dwar il-Ġestjoni tal-Assistenza Esterna (RĠAE) li jkopri s-sena 2015, inħarġu linji gwida mtejba u aktar komprensivi li jsaħħu s-superviżjoni tal-kapijiet tad-delegazzjoni u li jkopru r-rekwiżiti kemm tar-responsabbiltà kif ukoll tar-rappurtaġġ;
7. Jiddispjaċih għaż-żieda fir-rata medja ta' anomaliji fl-impenji għal 22,4 % fl-2015 (meta mqabbla ma' 18,3 % fl-2014) fil-livell ta' kontrolli ex ante;
8. Jinnota li l-baġit totali tas-SEAE għall-2015 kien ta' EUR 602,8 miljun, li jirrappreżenta żieda totali ta' 16,2 % meta mqabbel mal-2014, u li rriżulta mit-trasferiment ta' EUR 71,5 miljun fil-baġit tiegħu mill-baġit amministrattiv tal-Kummissjoni (EUR 25,2 miljun) u minn linji baġitarji oħra (sa EUR 46,3 miljun) għall-finanzjament tal-ispejjeż komuni tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni, bħal kirjiet, sigurtà tal-uffiċċji u IT; josserva li l-fondi tal-FEŻ ma kinux inklużi;
9. Jirrimarka li l-eżekuzzjoni tal-baġit amministrattiv tas-SEAE għadha punt ta' tħassib peress li ċerti delegazzjonijiet jirċievu kontribuzzjonijiet baġitarji mill-Kummissjoni minn 33 linja baġitarja differenti, minbarra l-baġit proprju tas-SEAE; jistieden lill-partijiet interessati kollha jkomplu jirfinaw u jissemplifikaw is-sorsi u l-arranġamenti baġitarji sabiex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni baġitarja; jilqa' l-arranġament baġitarju li nstab dan l-aħħar rigward l-ispejjeż amministrattivi tal-FEŻ, li se jiġu imposti fuq il-baġit tas-SEAE mill-2016 fuq il-bażi ta' kalkolu ta' ammont standard għal kull persuna;
10. Jieħu nota tal-fatt li l-baġit tal-kwartieri ġenerali ammonta għal EUR 218,9 miljun, li minnhom EUR 140,5 miljun (jew 64,7 %) kienu jirrigwardaw il-ħlas tas-salarji u d-drittijiet l-oħra tal-persunal statutorju u dak estern, EUR 30 miljun (jew 13,7 %) għall-bini u EUR 30,7 miljun bi rbit ma' sistemi tal-IT, tagħmir u għamara;
11. Jinnota li l-baġit ta' EUR 383,9 miljun tad-delegazzjonijiet kien imqassam f'EUR 155,8 miljun (jiġifieri 40,6 %) għall-bini u l-ispejjeż assoċjati, EUR 105,5 miljun (27,5 %) għar-remunerazzjoni tal-persunal statutorju, EUR 60,1 miljun (jew 15,7 %) għal persunal estern u servizzi esterni, EUR 20,6 miljun (5,4 %) għal infiq ieħor relatat mal-persunal u EUR 41,9 miljun (10.9 %) għal infiq amministrattiv ieħor; jinnota wkoll li l-Kummissjoni allokat EUR 204,7 miljun għall-ispejjeż amministrattivi tal-membri tal-persunal tal-Kummissjoni stazzjonati fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni;
12. Itenni t-talba tiegħu li l-"kontinwità tal-operazzjonijiet" u l-"ġestjoni tad-dokumenti" jingħataw attenzjoni, speċjalment fid-delegazzjonijiet, bħala standards ta' kontroll intern prinċipali, iżda wkoll bħala komponenti sinifikanti tal-ġestjoni, b'mod partikolari għad-disponibbiltà u l-affidabbiltà tal-informazzjoni li tintuża għal diversi skopijiet ta' ġestjoni, jiġifieri l-monitoraġġ, il-valutazzjoni u r-rappurtar ta' attivitajiet u proġetti;
13. Josserva li żewġ delegazzjonijiet biss esprimew riservi relatati man-nuqqas ta' proċedura xierqa ta' sejħiet għall-offerti u informazzjoni ewlenija nieqsa dwar il-ġestjoni li għandha jintużaw għad-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni;
14. Jappoġġja l-kuntatti regolari bejn is-SEAE u s-servizzi tal-Kummissjoni li jittrattaw kwistjonijiet esterni dwar il-prevenzjoni u l-kxif ta' frodi;
15. Jappoġġja t-twaqqif taċ-Ċentru Reġjonali tal-Ewropa, li huwa inizjattiva maħsuba biex tipprovdi għajnuna amministrattiva mtejba lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni fl-oqsma tal-ġestjoni finanzjarja, l-akkwist u r-riżorsi umani; jistenna bil-ħerqa li jirċievi l-evalwazzjoni tal-proġett pilota fl-2017; iħeġġeġ lis-SEAE jkompli din il-prattika li jiġma' l-għarfien b'mod adattat f'reġjuni oħra bil-ħsieb li jkompli jnaqqas il-piż amministrattiv u l-ispejjeż amministrattivi fid-delegazzjonijiet;
16. Iqis li huwa essenzjali li l-kapijiet tad-delegazzjonijiet ikomplu jiġu sensibilizzati regolarment rigward ir-rwol fundamentali tagħhom fit-tisħiħ kumplessiv tal-assigurazzjoni, il-ġestjoni u r-responsabbiltà, b'mod partikolari fir-rigward tal-ponderazzjoni tad-diversi komponenti li x'aktarx jattivaw il-ħruġ ta' riserva, apparti d-dmirijiet politiċi tagħhom; iħeġġeġ lis-SEAE joffri lill-kapijiet tad-delegazzjonijiet, speċjalment lid-diplomatiċi mill-Istati Membri taħriġ u għarfien espert;
17. Josserva l-bidliet u r-razzjonalizzazzjoni li saru fl-organizzazzjoni tas-SEAE biex jissemplifikaw il-linji ta' rappurtar u l-flussi tal-informazzjoni li jiffaċilitaw il-formulazzjoni, min-naħa tas-SEAE, ta' reazzjonijiet għall-kriżijiet jew għall-isfidi politiċi, u biex inaqqsu l-għadd ta' sfuf ta' ġerarkija b'anqas direttorati;
18. Jirrikonoxxi l-aspett kritiku tal-ġestjoni tar-riżorsi umani fil-kuntest tas-SEAE bi "tliet sorsi" ta' reklutaġġ, il-ġestjoni tal-istazzjonar f'delegazzjonijiet, u l-ilħiq tat-tnaqqis annwali fil-persunal, li kien għall-2015 kien jirrappreżenta 17-il kariga fil-kwartieri ġenerali;
19. Jinnota li l-parti tad-diplomatiċi tal-Istati Membri tirrappreżenta 32,9 % tal-persunal AD kollu tas-SEAE (jiġifieri 307 persuni) meta mqabbla ma' 33,8 % fl-2014; jirrimarka li din il-proporzjon hija ogħla fid-delegazzjonijiet bi 43,1 % jew 166 diplomatiku mill-Istati Membri u 25,7 % fil-kwartieri ġenerali; jappella għal distribuzzjoni aktar bilanċjata ta' persunal u jfakkar lis-SEAE li huwa importanti li jiġma' l-għarfien espert tal-persunal tal-Istati Membri u tas-SEAE f'kull livell;
20. Jenfasizza li l-għadd ta' diplomatiċi tal-Istati Membri stazzjonati bħala kapijiet ta' delegazzjonijiet kien ta' 63 minn 134 kariga ta' kap ta' delegazzjonijiet, li jirrappreżentaw 47 % tat-total; jirrimarka li dawk it-63 kariga kineu mqassma b'bilanċ inugwali tas-sessi ta' 16 % / 84 %, u li biss 16 minn dawn it-63 kienu ċittadini ta' Stati Membri li daħlu fl-Unjoni fl-2004 jew wara; jinnota wkoll li, fi ħdan id-29 viċi kapijiet ta' delegazzjoni, is-sessi kienu rrappreżentati bi żbilanċ ta' 24 % / 76 %, u li 6 mill-viċi kapijiet ta' delegazzjoni kienu diplomatiċi tal-Istati Membri;
21. Josserva li l-għadd ta' esperti nazzjonali sekondati mill-Istati Membri kompla jiżdied fl-2015 (8 % aktar meta mqabbel mal-2014) biex laħaq 434 (bi 376 stazzjonati fil-kwartieri ġenerali u 58 fid-delegazzjonijiet); jinnota li 40 % tat-376 espert nazzjonali sekondat (jew 151) li jinsabu fi Brussell tħallsu mill-amministrazzjonijiet nazzjonali tagħhom;
22. Ifakkar lis-SEAE fil-ħtieġa li jiżgura rispett sħiħ tal-formula tal-persunal rigward il-proporzjon bejn il-persunal mill-Istati Membri u dak mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi s-SEAE;
23. Jinnota li t-tqassim ġenerali skont is-sess kważi laħaq il-parità, b'bilanċ ta' 47 % / 53 % fil-persunal kumplessiv, filwaqt li fil-livell tal-persunal AD d-differenza hija 1,7 % / 68,3 % (mqabbla ma' 31 % / 69 % fl-2014); josserva li din il-proporzjon ta' 30 % ilha stabbli mill-2011;
24. Itenni t-tħassib tiegħu dwar l-iżbilanċi bejn is-sessi f’pożizzjonijiet maniġerjali, peress li l-livell bħalissa huwa 21,4 % / 78,6 %; jiddispjaċih li l-proporzjon ta' nisa li japplikaw għal karigi maniġerjali għadha fil-livell baxx ta' 16 %; iqis li huwa importanti li jsir progress f'dan ir-rigward u għalhekk jitlob li s-SEAE jagħti sura ġdida lill-kundizzjonijiet u l-politiki ta' reklutaġġ tiegħu sabiex iħajjar liż-żewġ sessi ndaqs għal karigi maniġerjali;
25. Itenni li l-bilanċ ġeografiku, prinċipalment r-relazzjoni bejn in-nazzjonalità tal-persunal u d-daqs tal-Istati Membri, għandu jkun element importanti fil-ġestjoni tar-riżorsi umani tas-SEAE, partikolarment fir-rigward tal-Istati Membri li ssieħbu fl-Unjoni mill-2004 'l hawn; huwa mħasseb serjament dwar is-sottorappreżentanza kontinwa ta' dawk l-Istati Membri kemm fil-livell tal-persunal kif ukoll f'dak maniġerjali; jitlob, għaldaqstant, li s-SEAE jagħmel ħiltu biex jikkoreġi din is-sitwazzjoni b'mod sinifikanti; jenfasizza li dawk l-Istati Membri huma sottorappreżentati b'mod speċjali fil-livell ogħla tal-amministrazzjoni u fil-karigi maniġerjali, li fihom għadna nistennew li jsir progress;
26. Jilqa' l-impenn mogħti lill-Parlament mill-Viċi President/Rappreżentant Għoli li stindirizza l-iżbilanċ eżistenti b'sovrarappreżentanza ta' diplomatiċi nazzjonali fil-karigi ta' kapijiet ta' delegazzjonijiet, u jitlob li s-SEAE jippreżenta rieżami tal-politika tar-riżorsi umani tiegħu matul l-2017, b'tali mod li jindirizza kwistjonijiet bħalma huma l-bilanċ bejn is-sessi u l-mobilità tal-persunal bejn l-istituzzjonijiet, filwaqt li jqis ukoll l-impatt tagħha f'termini ta' riżorsi umani biex isaħħu "l-azzjoni esterna u l-viżibbiltà tal-Unjoni permezz tal-istrateġija globali tagħha";
27. Iħeġġeġ lis-SEAE jkompli jiżviluppa r-rwol tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni, b'mod partikolari għall-faċilitazzjoni u l-appoġġ tal-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri fl-għoti ta' għajnuna konsulari;
28. Ifakkar lis-SEAE li hemm differenza sottili bejn id-diplomazija ekonomika u l-lobbying; jitlob għalhekk li s-SEAE jissieħeb fil-Ftehim Interistituzzjonali futur dwar Reġistru tat-Trasparenza Mandatorju, inkluż għad-delegazzjonijiet tal-Unjoni, safejn dan ikun possibbli mil-lat legali;
29. Jieħu nota tal-infiq annwali ta' EUR 160 miljun iddedikati għan-netwerk tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni, li jirrappreżenta żieda ta' aktar minn 50 % meta mqabbel mas-sena finanzjarja ta' qabel; jinnota li 80 % tad-delegazzjonijiet għadhom f'binjiet mikrija, hekk li l-kirjiet fl-2015 ammontaw għal EUR 53,04 miljun; jilqa' l-faċilità ta' self ta' EUR 200 miljun għal ġestjoni aħjar tal-politika immobiljari u t-tnaqqis tal-ispejjeż tax-xiri tad-delegazzjonijiet; jiddispjaċih li, minkejja l-faċilità ta' self u ż-żieda fl-infiq, huma biss ftit il-binjiet tad-delegazzjonijiet li huma proprjetà tas-SEAE; jitlob li s-SEAE fir-rapport annwali tal-attività tiegħu jippreżenta mhux biss il-kuntratti tal-binjiet tas-sena kurrenti imma wkoll stampa ġenerali tas-sitwazzjoni tal-binjiet kollha tad-delegazzjonijiet;
30. Jitlob li s-SEAE jġedded il-politiki immobiljari tiegħu mill-qiegħ bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Awdituri fir-Rappot Speċjali 07/2016 tagħha, b'mod partikolari rigward:
- il-ħtieġa ta' konsistenza u tal-irkupru sħiħ tal-ispejjeż kollha għall-imposti mħallsa mill-Istati Membri jew minn istituzzjonijiet jew korpi oħra tal-Unjoni ospitati f’binjiet ta' uffiċini tad-delegazzjonijiet;
- it-titjib tal-għażla ta' binjiet tad-delegazjonijiet;
- l-involviment dirett tal-kwartieri ġenerali qabel ma jinkrew (jew jiġġeddu ftehimiet ta' kera) jew jinxtraw binjiet ta' uffiċini;
- it-titjib tas-sistema ta’ informazzjoni tiegħu għall-ġestjoni tal-proprjetà immobbli, ħalli s-SEAE jikseb informazzjoni aktar affidabbli u rilevanti għall-proċess ta’ ppjanar tiegħu;
31. Jitlob li s-SEAE jiżviluppa aktar l-użu tal-ispazji immobiljari, b'mod partikolari billi jindirizza bħala kwistjoni ta' prijorità s-sitwazzjonijiet individwali ta' binjiet mhux okkupat jew li huma kbar bla bżonn u l-ispejjeż żejda assoċjati identifikati mill-Qorti (EUR 7,8 miljun), filwaqt li jirrikonoxxi l-isfidi tal-ġestjoni tal-immobbli f'ambjenti li spiss huma kumplessi;
32. Jenfasizza li s-SEAE u l-Istati Membri għandhom interess komuni li jiffatturaw l-użu tal-binjiet u jkomplu jiżviluppaw il-kooperazzjoni lokali fil-qasam tal-ġestjoni immobiljari, b'attenzjoni speċifika u kontinwa għall-ksib tal-aqwa valur mill-infiq, għall-kwistjonijiet ta' sigurtà u għall-immaġni tal-Unjoni;
33. Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda fi proġetti ta' kolokazzjoni ta' delegazzjonijiet tal-Unjoni ma' Stati Membri, bl-iffirmar ta' sitt memoranda ta' qbil ta' kolokazzjoni fl-2015, li wasslu għal total ta' 86 proġett ta' kolokazzjoni sa tmiem l-2015; jinkoraġġixxi lis-SEAE jkompli jfittex modi oħra biex iwessa' din il-prattika tajba; iqis li din il-politika għandha tinkludi approċċi innovattivi bl-għan li jiġu definiti kemm strateġija koordinata ta' kolokazzjoni ma' Stati Membri ħerqana li jagħmlu dan, kif ukoll arranġamenti xierqa ta' qsim tal-ispejjeż relatati mal-binjiet u l-loġistika; josserva li arranġamenti ta' kolokazzjoni jikkonċernaw ukoll entitajiet oħra li jikkontribwixxu għall-ġestjoni tal-politiki barranin, bħalma huma l-Bank Ewropew tal-Investiment, is-servizzi ta' ECHO, il-missjonjiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni u r-rappreżentanti speċjali tal-Unjoni;
34. Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' reġistrazzjoni u n-nuqqas ta' preċiżjoni fis-sistema ta' informazzjoni għall-ġestjoni tal-binjiet ta' uffiċini u r-residenzi tad-delegazzjonijiet; jitlob li jsir rieżami regolari tal-kompletezza u l-affidabbiltà tad-data pprovduta mid-delegazzjonijiet tal-Unjoni sabiex jissaħħaħ l-ippjanar ġenerali tal-ispazji immobiljari, il-postijiet u l-irkupru tal-ispejjeż;
35. Iħeġġeġ lis-SEAE jsaħħaħ l-istrumenti ta' ġestjoni ta' kontroll u ta' monitoraġġ tal-ispejjeż kollha mġarrba fir-rigward tal-politika immobiljari sabiex jiżgura stampa ġenerlai korretta u segwitu għall-infiq kollu f'dan il-qasam; iqis li għandu jsir enfasi fuq il-monitoraġġ tal-limiti stabbiliti fil-politika immobiljari sabiex jitnaqqas it-total tal-kera annwali tal-uffiċini tad-delegazzjonijiet u l-ispejjeż rikorrenti relatati, u sabiex tiġi żgurata l-adegwatezza tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-entitajiet kolokati, il-kopertura tal-ispejjeż operazzjonali involuti f'sitwazzjonijiet ta' kolokazzjoni u l-korrettezza tal-ispejjeż b'kundizzjonijiet tas-suq lokali;
36. Jemmen li għarfien espert legali u tekniku fil-ġestjoni tal-proprjetà immobbli għandu jiġi żviluppat mill-aktar fis, filwaqt li titqies kwalunkwe għażla alternattiva kosteffikaċi, bħal li jiġu mqabbda esperti esterni (pereżempju, sensara lokali) li jfittxu fis-suq jew possibbilment jinnegozjaw mas-sidien tal-proprjetà;
37. Jitlob mis-SEAE lista annwali ta’ spezzjonijiet imwettqa fid-delegazzjonijiet;
38. Jitlob li s-SEAE jara li l-ispettorat tad-delegazzjonijiet jwettaq kontrolli fuq l-aħħar ħames ftehimiet ta’ kiri jew xiri ta’ residenzi għal ambaxxaturi tal-Unjoni, inkluża r-residenza f’Tirana, l-Albanija, u li jirrapporta lill-Parlament dwar dan;
39. Jappoġġja l-implimentazzjoni ta' strateġija fuq żmien medju u fit-tul li tidentifika l-għażliet possibbli kollha f'dan il-qasam mill-prijoritajiet ta' investiment jew possibbiltajiet ta' xiri għat-tiġdid ta' kirjiet jew għall-kondiviżjoni ta' binjiet ma' Stati Membri, fil-qies ta' tbassir dwar il-persunal u tal-ippjanar u l-iżvilupp tal-politiki;
40. Iħeġġeġ lis-SEAE jkompli japplika l-Iskema ta' Ġestjoni u Verifika Ambjentali (EMAS) u l-prinċipju ta' akkwist pubbliku ekoloġiku fil-politika immobiljari tiegħu, filwaqt li jifhem li l-kundizzjonijiet lokali tal-139 delegazzjoni jirrikjedu ċertu grad ta' flessibbiltà;
41. Huwa tal-fehma li s-sigurtà tas-SEAE u tad-delegazzjonijiet tiegħu trid tissaħħaħ aktar u jistieden lis-SEAE jagħti prijorità lis-sigurtà meta jagħżel il-binjiet u l-ispazji għad-delegazzjonijiet tiegħu; iqis li s-sigurtà tal-binjiet għandha tkun parti integrali mill-politika immobiljari tas-SEAE u li l-iskema ta' evakwazzjoni u d-deċiżjonijiet dwar l-evakwazzjoni tiegħu, jekk meħtieġa, għandhom ikunu kkoordinati mar-Rappreżentanzi tal-Istati Membri kkonċernati.
42. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li s-SEAE tipprevedi proġett ta’ viżjoni komuni u azzjoni konġunta bl-objettiv li jkollna Ewropa aktar b’saħħitha li jikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà fir-reġjun u fid-dinja kollha kemm hi;
43. Jitlob li s-SEAE jtejjeb il-politika ta' komunikazzjoni tiegħu fil-konfront taċ-ċittadini tal-Unjoni.
2.2.2017
OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima X - Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
( 2016/2160(DEC) )
Rapporteur għal opinjoni: Zigmantas Balčytis
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jinnota b'sodisfazzjon li skont il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), il-livell kumplessiv ta' żbalji fl-Intestatura 5 (Amministrazzjoni), inkluż il-baġit tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), għadu relattivament baxx (0,6 % fl-2015);
2. Jinnota li l-QEA osservat ċerti dgħufijiet fil-proċeduri ta' reklutaġġ ta' aġenti lokali fid-delegazzjonijiet u fil-proċeduri ta' akkwist organizzati mid-delegazzjonijiet, u jistieden lis-SEAE jtejjeb il-kwalità tal-proċeduri tiegħu; jirrimarka l-isfidi ta' operazzjonijiet fi ħdan netwerk deċentralizzat ta' 139 delegazzjoni, b'riżorsi umani limitati u f'ambjenti varji, u jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqas il-piż amministrattiv li jħabbtu wiċċhom miegħu d-delegazzjonijiet individwali; jilqa' l-proġett pilota dwar ir-reġjonalizzazzjoni tal-appoġġ amministrattiv għad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fl-Ewropa u jitlob li kemm jista' jkun ikun hemm ċentralizzazzjoni tal-kompiti amministrattivi fis-Sede, kif ukoll opportunitajiet ta' taħriġ adegwati u appoġġ ad hoc tad-delegazzjonijiet;
3. Ifakkar fil-ħtieġa li jkun żgurat rispett sħiħ tal-formula tal-persunal dwar il-proporzjon bejn il-persunal tas-SEAE meħud mill-Istati Membri u dak mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE; jilqa' l-impenn tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli lill-Parlament biex tindirizza r-rappreżentanza żejda eżistenti ta' diplomatiċi nazzjonali fil-pożizzjonijiet ta' kapijiet ta' delegazzjonijiet, u biex matul l-2017 tippreżenta rieżami tal-politika tar-riżorsi umani tas-SEAE, li teżamina kwistjonijiet bħall-bilanċ bejn is-sessi u l-mobilità tal-persunal bejn l-istituzzjonijiet;
4. Jinnota r-Rapport Speċjali tal-QEA Nru 07/2016 dwar kif is-SEAE jimmaniġġja l-binjiet; filwaqt li jirrikonoxxi l-isfidi tal-ġestjoni tal-bini f'ambjenti spiss kumplessi, jistieden lis-SEAE jindirizza lill-każijiet individwali ta' bini mhux okkupat jew kbir bla bżonn li ġew identifikati mill-QEA bħala kwistjoni ta' prijorità u jfittex użu aktar effiċjenti ta' kolokazzjoni ma' korpi oħra tal-UE jew ambaxxati tal-Istati Membri; jirrakkomanda li s-SEAE jsaħħaħ l-appoġġ favur id-delegazzjonijiet tal-UE fl-identifikazzjoni ta' soluzzjonijiet xierqa sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni | 31.1.2017 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 45 7 5 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Bas Belder, Goffredo Maria Bettini, Mario Borghezio, Victor Boştinaru, Elmar Brok, Klaus Buchner, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Arnaud Danjean, Georgios Epitideios, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Afzal Khan, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, Alex Mayer, David McAllister, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Jacek Saryusz-Wolski, Alyn Smith, Jordi Solé, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, László Tőkés, Ivo Vajgl, Elena Valenciano, Hilde Vautmans | |||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali | Angel Dzhambazki, Mike Hookem, Othmar Karas, Antonio López-Istúriz White, Norica Nicolai, Urmas Paet, Soraya Post, György Schöpflin, Igor Šoltes, Željana Zovko | |||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali | Raymond Finch, Jasenko Selimovic | |||
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni | 22.3.2017 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 20 4 0 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Inés Ayala Sender, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Luke Ming Flanagan, Ingeborg Gräßle, Jean-François Jalkh, Bogusław Liberadzki, Notis Marias, Georgi Pirinski, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Hannu Takkula, Derek Vaughan | |||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali | Benedek Jávor, Karin Kadenbach, Markus Pieper, Patricija Šulin | |||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali | Raymond Finch, Jens Geier, Arne Lietz, Piernicola Pedicini | |||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
20 | + |
ALDE | Martina Dlabajová, Hannu Takkula |
GUE/NGL | Luke Ming Flanagan, Dennis de Jong |
PPE | Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle,Markus Pieper, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Patricija Šulin |
S&D | Inés Ayala Sender, Jens Geier, Karin Kadenbach, Bogusław Liberadzki, Arne Lietz, Georgi Pirinski, Derek Vaughan |
Verts/ALE | Benedek Jávor, Bart Staes |
4 | - |
ECR | Notis Marias |
S&D | Raymond Finch, Piernicola Pedicini |
Verts/ALE | Jean-François Jalkh |
0 | 0 |
|
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni