Dokument ta' sessjoni
31.3.2017
RAPPORT
dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew
( 2016/2158(DEC) )
Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Benedek Jávor
PR_DEC_Other
WERREJ
Paġna
1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW 3
2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW 4
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI 7
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI 8
1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima VIII - L-Ombudsman Ewropew
( 2016/2158(DEC) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015[1],
– wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015 ( COM(2016)0475 – C8-0276/2016)[2],
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet[3],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[4] dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[5], u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit ( A8-0142/2017 ),
1. Jagħti l-kwittanza lill-Ombudsman Ewropew għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Ombudsman Ewropew għas-sena finanzjarja 2015;
2. Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).
2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew
( 2016/2158(DEC) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima VIII - L-Ombudsman Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit ( A8-0142/2017 ),
A. billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u r-responsabbiltà, permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' baġitjar abbażi tal-prestazzjoni (PBB) u governanza tajba tar-riżorsi umani,
1. Jinnota b'sodisfazzjon li l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") ma osservat l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tal-elementi awditjati b'relazzjoni mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Ombudsman Ewropew (l-"Ombudsman");
2. Jenfasizza l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri stmat li, fuq il-bażi tax-xogħol ta' awditu tagħha, il-pagamenti għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2015 għall-infiq amministrattiv tal-Ombudsman kienu ħielsa minn żbalji materjali;
3. Jisħaq fuq il-fatt li l-baġit tal-Ombudsman huwa wieħed purament amministrattiv u fl-2015 ammonta għal EUR 10 346 105 (EUR 9 857 002 fl-2014); jenfasizza, madankollu, li l-introduzzjoni ta' PBB ma għandiex tapplika għall-baġit tal-Ombudsman kollu kemm hu, iżda għandha tinkludi wkoll l-iffissar ta' objettivi speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u jinkisbu, realistiċi u marbuta mal-ħin (SMART) għall-pjanijiet annwali tad-dipartimenti individwali, l-unitajiet u l-persunal; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Ombudsman tintroduċi l-prinċipju ta' PBB b'mod aktar mifrux fl-operazzjonijiet ta' kuljum tagħha;
4. Jinnota li mill-approprjazzjonijiet totali, ġew impenjati 92,32 % (meta mqabbel ma' 97,87 % fl-2014) u ġew imħallsa 86,19 % (meta mqabbel ma' 93,96 % fl-2014) b'rata ta' użu ta' 92,32 % (meta mqabbel ma' 97,87 % fl-2014); jinnota li r-rata ta' użu kompliet tonqos fl-2015;
5. Jieħu nota tal-fatt li t-tnaqqis fir-rata ta' użu fl-2015 influwenza lid-deċiżjoni tal-Ombudsman biex tnaqqas bosta linji baġitarji - missjonijiet, spejjeż ta' rappreżentazzjoni, pubblikazzjonijiet u traduzzjonijiet - u konsegwentement naqqset il-baġit ta' dawn il-linji;
6. Jirrikonoxxi li l-Ombudsman tinsab minn ta' quddiem fit-trasparenza fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni; jitlob xorta li titjieb aktar it-trasparenza tal-kundizzjonijiet u l-proċessi ta' reklutaġġ; jitlob lill-Ombudsman tindika l-kompiti tal-Konsulent Prinċipali u tiċċara l-pożizzjoni tiegħu/tagħha fl-organigramma; fid-dawl tat-tibdil qabel l-adozzjoni tal-istruttura organizzazzjonali tal-istituzzjoni f'Novembru 2015, jitlob lill-Ombudsman tiżgura li l-verżjoni aġġornata tal-organigramma tkun disponibbli fuq is-sit web tagħha;
7. Jilqa' t-tkomplija tal-investigazzjonijiet tal-Ombudsman f'każijiet tat-tip "bibien iduru" fil-Kummissjoni; iqajjem tħassib dwar il-"bibien iduru interni" bejn l-Ombudsman u l-istituzzjonijiet l-oħra li setgħu kienu taħt l-iskrutinju tal-Ombudsman jew bejn l-istituzzjonijiet l-oħra li jistgħu jkunu qegħdin jiskrutinizzaw xogħol xulxin; jistieden lill-Ombudsman tanalizza s-sitwazzjoni u tfassal regoli sabiex jiġu evitati kunflitti ta' interess jekk tqis li dan ikun meħtieġ;
8. Jilqa' l-implimentazzjoni effiċjenti tal-pjan ta' ġestjoni annwali fl-2015 fi ħdan l-istrateġija lejn l-2019; jinnota li l-maġġoranza l-kbira tal-miri stabbiliti mill-Ombudsman biex tivvaluta l-prestazzjoni tagħha permezz ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni ġew milħuqa; għandu fiduċja li din ix-xejra se tinżamm fis-snin li ġejjin;
9. Jirrikonoxxi r-rwol ewlieni li l-Ombudsman kellha fil-proċess tal-introduzzjoni ta' regoli interni għall-protezzjoni tal-informaturi skont l-Artikolu 22(a) sa (c) tar-Regolamenti tal-Persunal fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni sa tmiem l-2015; jitlob lill-Ombudsman biex timmonitorja l-implimentazzjoni ta' dawk ir-regoli fuq bażi kontinwa u tevalwa jekk dawn jipprovdux protezzjoni xierqa għall-assistenti parlamentari akkreditati tal-Parlament;
10. Iħeġġeġ lill-Ombudsman fit-tħejjija tagħha ta' regoli dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-fastidju;
11. Jirrikonoxxi l-importanza tal-inizjattivi strateġiċi u proprji tal-Ombudsman u jistieden lill-Ombudsman tinforma lill-awtorità ta' kwittanza regolarment dwar l-impatt tal-inkjesti tagħha; itenni li l-ewwel prijorità tal-Ombudsman għandha tkun li tindirizza l-ilmenti taċ-ċittadini fi żmien raġonevoli; jistieden lill-Ombudsman tinterpreta l-amministrazzjoni ħażina b'mod kemm jista' jkun wiesa' meta twettaq dmirijietha u biex tiżviluppa kooperazzjoni iktar mill-qrib mal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament fil-ħidma strateġika tagħha;
12. Jirrikonoxxi d-definizzjonijiet il-ġodda ta' interess pubbliku u mhux pubbliku introdotti permezz tad-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni għall-għażla tal-ilmenti riċevuti; jitlob lill-Ombudsman tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar kif dawk id-definizzjonijiet affettwaw il-prestazzjoni tagħha;
13. Jilqa' l-fatt li l-Ombudsman tippubblika l-identità u d-dettalji l-oħra tal-partijiet interessati esterni li tiltaqa' magħhom fuq is-sit web tagħha;
14. Jinnota r-riżultati li nkisbu fl-2015 fir-rigward tal-ġestjoni tal-ilmenti u jilqa' l-fatt li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kkonformaw mal-proposti tal-Ombudsman b'rata ta' 90 %; jistieden lill-Ombudsman tipprovdi analiżi tal-konformità tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni bil-proposti tagħha fir-rapporti ta' attività annwali tagħha; jitlob lill-Ombudsman tipprovdi analiżi tar-raġunijiet possibbli tan-nuqqas ta' konformità u jitlob lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jtejbu aktar ir-rata ta' konformità tagħhom;
15. Jilqa' b'sodisfazzjon il-kisba tal-bilanċ bejn is-sessi fil-livell maniġerjali fl-2015; japprova l-appoġġ tal-Ombudsman għal miżuri biex isostnu l-parteċipazzjoni ugwali ta' rġiel u nisa fil-forza tax-xogħol tagħha;
16. Jiddispjaċih, madankollu, dwar l-iżbilanċ ġeografiku ċar fil-livell maniġerjali medju u għoli, u, b'mod partikolari r-rappreżentanza żejda ta' maniġers li ġejjin mill-Istat Membru ta' liema għandha n-nazzjonalità l-Ombudsman; jistieden lill-Ombudsman sabiex tiżgura korrezzjoni sostnuta ta' din is-sitwazzjoni;
17. Jinnota l-pjan tal-Ombudsman biex tikkonforma mal-ftehim interistituzzjonali biex il-persunal jitnaqqas b'5 % fuq perjodu ta' ħames snin u jitlob li jiġi infurmat dwar kif dan it-tnaqqis jaqbel mal-istimi tal-2016 biex jinħolqu ħames impjiegi ġodda;
18. Jinsab imħasseb dwar iż-żewġ ilmenti li saru lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data kontra l-Ombudsman fl-2015 u jitlob li d-dettalji ta' dawn l-ilmenti jingħataw lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament;
19. Jilqa' l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli tal-Iskema ta' Mmaniġġjar u Awditjar Ekoloġiċi (EMAS), id-dematerjalizzazzjoni ta' dokumenti, il-ħolqien ta' skema permanenti ta' mobbiltà ekoloġika u l-użu tal-vidjokonferenzi għal-laqgħat; jinkoraġġixxi li jiġu applikati aktar il-prinċipji tal-akkwist pubbliku ekoloġiku u jistieden lill-Ombudsman tistabbilixxi regoli u baġit għall-kumpens għal emissjonijiet ta' karbonju;
20. Jilqa' l-kjarifika tal-Ombudsman għan-nuqqas ta' politika tal-bini, peress li s-servizzi tagħha huma ospitati mill-Parlament, u jitlob li jiġi infurmat bi kwalunkwe żviluppi jew bidliet fir-rigward tas-sitwazzjoni attwali;
21. Jilqa' l-għoti ta' informazzjoni eżawrjenti dwar ir-riżorsi umani kollha għad-dispożizzjoni tal-Ombudsman, imqassma skont il-grad, is-sess u n-nazzjonalità u jitlob li dik l-informazzjoni tiġi inkluża awtomatikament fir-rapport ta' attività annwali tal-Ombudsman;
22. Jistenna li l-Ombudsman tkompli tirsisti għal kwalità konsistenti fir-rapport ta' attività annwali tagħha u jitlob lill-Ombudsman tipprovdi rapport ta' impatt annwali komprensiv, li huwa għodda importanti għall-valutazzjoni tal-ħidma tagħha.
23. Jesprimi x-xewqa li l-ombudsmen nazzjonali, l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgħinu iktar lill-Ombudsman billi jiġbdu l-attenzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni lejn il-possibbiltà li jirrikorru lejn l-Ombudsman f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina minn kwalunkwe istituzzjoni jew korp tal-Unjoni.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni | 22.3.2017 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 25 1 1 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Inés Ayala Sender, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Luke Ming Flanagan, Ingeborg Gräßle, Jean-François Jalkh, Bogusław Liberadzki, Notis Marias, Georgi Pirinski, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Hannu Takkula, Derek Vaughan, Joachim Zeller | |||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali | Richard Ashworth, Benedek Jávor, Karin Kadenbach, Markus Pieper, Patricija Šulin | |||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali | Raymond Finch, Jens Geier, Arne Lietz, Piernicola Pedicini, Lieve Wierinck | |||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
25 | + |
ALDE | Martina Dlabajová, Hannu Takkula, Lieve Wierinck |
ECR | Richard Ashworth, Notis Marias |
EFDD | Piernicola Pedicini |
GUE/NGL | Luke Ming Flanagan, Dennis de Jong |
PPE | Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Markus Pieper, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Patricija Šulin, Joachim Zeller |
S&D | Inés Ayala Sender, Jens Geier, Karin Kadenbach, Bogusław Liberadzki, Arne Lietz, Georgi Pirinski, Derek Vaughan |
Verts/ALE | Benedek Jávor, Bart Staes |
1 | - |
EFDD | Raymond Finch |
1 | 0 |
ENF | Jean-François Jalkh |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni